Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0633

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 633/2011 tad- 29 ta’ Ġunju 2011 li jissospendi temporanjament id-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti ċereali għas-sena tas-suq 2011/2012

    ĠU L 170, 30.6.2011, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/633/oj

    30.6.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 170/19


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 633/2011

    tad-29 ta’ Ġunju 2011

    li jissospendi temporanjament id-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti ċereali għas-sena tas-suq 2011/2012

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 187 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex fl-aħħar xhur tas-sena tas-suq 2010/2011 tkun iffavorita l-provvista ta’ ċereali fis-suq Komunitarju, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 177/2011 (2) issospenda, sat-30 ta Ġunju 2011, id-dazji doganali fuq il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-qamħ komuni ta’ kwalità baxxa u medja u tax-xgħir għall-għalf li nfetħu permezz tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1067/2008 (3) u (KE) Nru 2305/2003 (4) rispettivament.

    (2)

    Il-prospettivi tal-iżvilupp fis-suq taċ-ċereali għall-bidu tas-sena tas-suq li jmiss, jiġifieri l-2011/2012, jagħtu ’l wieħed x’jifhem li l-prezzijiet se jibqgħu għoljin, meta wieħed iqis il-livelli baxxi tal-istokkijiet u l-istat attwali tal-istimi tal-Kummissjoni għall-kwantitajiet li se jkunu disponibbli effettivament mill-ħsad tal-2011. Sabiex tiġi ffaċilitata ż-żamma tal-flussi tal-importazzjoni meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ fis-suq tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ għalhekk li tkun żgurata kontinwità fil-politika tal-importazzjoni taċ-ċereali billi tinżamm, sal-31 ta’ Diċembru 2011, is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni għas-sena tas-suq 2011/2012 għall-kwoti tariffarji tal-importazzjoni li dal-ħin qed igawdu minn din il-miżura.

    (3)

    Barra minn hekk, l-operaturi m’għandhomx jiġu ppenalizzati f’każijiet fejn il-kunsinna taċ-ċereali diġà tkun intbagħtet għall-importazzjoni fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitqies il-ħin meħtieġ għat-trasport u l-operaturi għandhom jitħallew iqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa ċ-ċereali skont l-iskema ta’ sospensjoni tad-dazji doganali prevista f’dan ir-Regolament għall-prodotti kollha li t-trasport dirett tagħhom lejn id-destinazzjoni fl-Unjoni jkun inbeda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. Għandha tiġi stabbilita wkoll l-evidenza li trid tingħata biex tiġġustifika t-trasport dirett lejn l-Unjoni u d-data ta’ meta t-trasport ikun inbeda.

    (4)

    Sabiex tkun żgurata ġestjoni effiċjenti tal-proċedura għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-importazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2011 ’il quddiem, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (5)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni għall-prodotti rilevanti tal-kodiċi tan-NM bin-numru 1001 90 99, ta’ kwalunkwe kwalità minbarra l-kwalità għolja ddefinita fl-Anness II għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 (5), u tal-kodiċi tan-NM bin-numru 1003 00 hija sospiża għas-sena tas-suq 2011/2012, għall-importazzjonijiet kollha li jsiru skont il-kwoti tariffarji bid-dazju mnaqqas miftuħin permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 1067/2008 u (KE) Nru 2305/2003.

    2.   Fejn it-trasport taċ-ċereali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jsir direttament lejn destinazzjoni fl-Unjoni, u dan it-trasport ikun inbeda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011, is-sospensjoni tad-dazji doganali skont dan ir-Regolament għandha tibqa’ tgħodd għall-finijiet tar-rilaxx tal-prodotti kkonċernati għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa.

    Għandha tiġi pprovduta evidenza tat-trasport dirett lejn l-Unjoni u tad-data meta t-trasport ikun inbeda, b’mod li jissodisfa lill-awtoritajiet kompetenti, permezz tad-dokument oriġinali tat-trasport.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 51, 25.2.2011, p. 8.

    (3)  ĠU L 290, 31.10.2008, p. 3.

    (4)  ĠU L 342, 30.12.2003, p. 7.

    (5)  ĠU L 187, 21.7.2010, p. 5.


    Top