EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0581

Regolament (UE) Nru 581/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 8 ta’ Ġunju 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 55/2008 li jintroduċi l-preferenzi awtonomi għall-kummerċ għar-Repubblika tal-Moldova

ĠU L 165, 24.6.2011, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/581/oj

24.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/5


REGOLAMENT (UE) Nru 581/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Ġunju 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 55/2008 li jintroduċi l-preferenzi awtonomi għall-kummerċ għar-Repubblika tal-Moldova

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 55/2008 (2) daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2008 u ġie applikat mill-1 ta’ Marzu 2008. Dak ir-Regolament jintroduċi skema speċifika ta’ preferenzi awtonomi għall-kummerċ (ATPs) għar-Repubblika tal-Moldova (minn hawn il quddiem “il-Moldova”). Huwa jipprovdi aċċess liberu għas-swieq tal-Unjoni għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-Moldova, ħlief għal ċerti prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tiegħu, li għalihom ingħataw konċessjonijiet limitati jew f’forma ta’ eżenzjoni mid-dazji doganali fil-limitu tal-kwoti tariffarji jew fil-forma ta’ tnaqqis ta’ dazji doganali.

(2)

Fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV UE-Moldova, u s-Sħubija tal-Lvant, il-Moldova adottat aġenda ambizzjuża ta’ assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika ulterjuri mal-Unjoni. In-negozjati dwar Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġdid bdew f’Jannar 2010. Il-Moldova qed tagħmel ukoll progress qawwi fuq l-approssimazzjoni regolatorja li twassal għal konverġenza mal-liġijiet u l-istandards tal-Unjoni fil-preparazzjoni għal negozjati futuri dwar żona ta’ kummerċ ħieles profonda u komprensiva (DCFTA) bejn l-Unjoni u l-Moldova, fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur.

(3)

Kull sena mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 55/2008, il-kwota tariffarja għall-inbid ġiet użata kollha xhur qabel it-tmiem tas-sena.

(4)

L-ekonomija tal-Moldova hija affettwata sew mill-effetti negattivi tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika. Is-settur tal-inbid jimpjega madwar 300 000 ħaddiem, u l-esportazzjonijiet ta’ inbid huma sors importanti ta’ dħul mill-esportazzjoni.

(5)

Sabiex jiġu appoġġjati l-isforzi tal-Moldova, f’konformità mal-PEV u s-Sħubija tal-Lvant, u sabiex jiġi pprovdut suq attraenti u affidabbli għall-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Moldova, huwa propost li tiżdied il-kwota tariffarja eżistenti għall-inbid għas-sena 2011 minn 100 000 ettolitru għal 150 000 ettolitru, għas-sena 2012 minn 120 000 ettolitru għal 180 000 ettolitru, u mis-sena 2013 ’il quddiem għal 240 000 ettolitru fis-sena.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 55/2008 japplika sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(7)

In-negozjati dwar id-DCFTA futur bejn l-Unjoni u l-Moldova huma għan komuni għaż-żewġ partijiet, bil-kondizzjoni li l-Moldova turi li lesta sabiex tinnegozja u ssostni l-effetti ta’ impriża daqshekk ambizzjuża. Sabiex jingħata żmien biżżejjed għall-preparazzjonijiet xierqa u n-negozjar ta’ DCFTA, huwa meħtieġ li l-validità tar-Regolament (KE) Nru 55/2008 tiġi estiża lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2012.

(8)

L-estensjoni tal-validità tar-Regolament (KE) Nru 55/2008 għandha tiġi deċiża ħafna qabel id-data tat-tmiem tiegħu, sabiex jipprovdi lill-operaturi ekonomiċi tal-Moldova fi żmien xieraq b’reġim kummerċjali trasparenti u prevedibbli għall-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2012. Il-validità ta’ dak ir-Regolament għalhekk għandha tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2015.

(9)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba taħt l-iskema ATP preżenti, u sabiex jiġi appoġġjat aktar l-iżvilupp tal-ekonomija tal-Moldova u l-proċess ta’ approssimazzjoni regolatorja li jwasslu għal konverġenza mal-liġijiet u l-istandards tal-Unjoni fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant, huwa xieraq li jiġi revedut il-livell tal-kwoti tariffarji ta’ xi prodotti koperti mill-ATPs preżenti.

(10)

Biex tkun żgurata l-konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, il-preferenzi li jinsabu f’dan ir-Regolament għandhom isiru kondizzjonali fuq il-kontinwità jew tiġdid tar-rinunzja eżistenti mill-obbligi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ miksuba mill-Unjoni.

(11)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 55/2008 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 55/2008 huwa b’dan emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 16, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Il-preferenzi previsti f’dan ir-Regolament ma għandhomx jibqgħu japplikaw, fl-intier tagħhom jew parti minnhom, kemm-il darba ma jkunux permessi, fl-intier tagħhom jew parti minnhom, minħabba rinunzja mogħtija mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Dawk il-preferenzi għandhom ma jibqgħux japplikaw mill-jum li fih ir-rinunzja ma tibqax effettiva.

Il-Kummissjoni għandha, fi żmien suffiċjenti qabel dik id-data, tippubblika notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biex tgħarraf lill-operaturi u lill-awtoritajiet kompetenti b’ dan. In-notifika għandha tispeċifika liema preferenzi previsti f’dan ir-Regolament ma jibqgħux japplikaw u d-data li fiha ma jibqgħux japplikaw.”.

2.

It-Tabella 1 tal-Anness I hija sostitwita bit-tabella li jidher fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

GYŐRI E.


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2011.

(2)  ĠU L 20, 24.1.2008, p. 1.


ANNESS

“Nru tal-Ordni

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

2008 (1)

2009 (1)

2010 (1)

2011 (1)

2012 (1)

2013 (1)

2014 (1)

2015 (1)

09.0504

0201 sa 0204

Laħam frisk, imkessaħ u friżat ta’ annimali bovini, majjal domestiċ u nagħaġ u mogħoż

3 000  (2)

3 000  (2)

4 000  (2)

4 000  (2)

4 000  (2)

4 000  (2)

4 000  (2)

4 000  (2)

09.0505

ex 0207

Laħam u ġewwieni li jittiekel tat-tjur taħt it-titolu 0105 , frisk, imkessaħ jew friżat, minbarra fwied xaħmi taħt it-titolu 0207 34

400  (2)

400  (2)

500  (2)

500  (2)

500  (2)

500  (2)

500  (2)

500  (2)

09.0506

ex 0210

Laħam u ġewwieni li jittiekel tal-majjali u annimali bovini, immellaħ, fis-salmura, imnixxef jew iffumigat; dqiq u smida li jittieklu mil-laħam jew mill-fdalijiet tal-laħam jew ġewwieni tal-laħam tal-majjal domestiku jew annimali bovini

400  (2)

400  (2)

500  (2)

500  (2)

500  (2)

500  (2)

500  (2)

500  (2)

09.4210

0401 sa 0406

Prodotti tal-ħalib

1 000  (2)

1 000  (2)

1 500  (2)

1 500  (2)

1 500  (2)

1 500  (2)

1 500  (2)

1 500  (2)

09.0507

0407 00

Bajd tal-għasafar, fil-qoxra

90  (3)

95  (3)

100  (3)

110  (3)

120  (3)

120  (3)

120  (3)

120  (3)

09.0508

ex 0408

Bajd tal-għasafar, mhux fil-qoxra u isfar tal-bajd, minbarra dak mhux tajjeb għall-konsum uman

200  (2)

200  (2)

300  (2)

300  (2)

300  (2)

300  (2)

300  (2)

300  (2)

09.0509

1001 90 91

1001 90 99

Spelt ieħor (minbarra dak għaż-żrigħ), qamħ komuni u meslin

25 000  (2)

30 000  (2)

35 000  (2)

40 000  (2)

50 000  (2)

55 000  (2)

60 000  (2)

65 000  (2)

09.0510

1003 00 90

Xgħir

20 000  (2)

25 000  (2)

30 000  (2)

35 000  (2)

45 000  (2)

50 000  (2)

55 000  (2)

60 000  (2)

09.0511

1005 90

Qamħirrum

15 000  (2)

20 000  (2)

25 000  (2)

30 000  (2)

40 000  (2)

45 000  (2)

50 000  (2)

55 000  (2)

09.0512

1601 00 91 u wkoll

1601 00 99

Zalzett u prodotti simili, ta’ laħam, fdal tal-laħam jew demm; preparazzjonijiet tal-ikel ibbażati fuq dawn il-prodotti

500  (2)

500  (2)

600  (2)

600  (2)

600  (2)

600  (2)

600  (2)

600  (2)

ex 1602

Laħam ieħor ippreparat jew ippreservat, ġewwieni tal-laħam jew demm:

ta’ tjur tal-ispeċi Gallus domesticus, mhux imsajjar,

tal-ħnieżer domestiċi,

ta’ bhejjem tal-ifrat, mhux imsajjar

09.0513

1701 99 10

Zokkor Abjad

15 000  (2)

18 000  (2)

22 000  (2)

26 000  (2)

34 000  (2)

34 000  (2)

34 000  (2)

34 000  (2)

09.0514

2204 21 u

2204 29

Inbid mill-għeneb frisk, ħlief inbid effervexxenti

60 000  (4)

70 000  (4)

80 000  (4)

150 000  (4)

180 000  (4)

240 000  (4)

240 000  (4)

240 000  (4)


(1)  Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru, ħlief għall-2008, li għaliha japplikaw il-kwoti tariffarji, mill-ewwel jum tal-applikazzjoni tar-Regolament sal-31 ta’ Diċembru.

(2)  Tunnellati (piż nett).

(3)  Miljun unità.

(4)  Ettolitri.”


Top