This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011R0304
Regulation (EU) No 304/2011 of the European Parliament and of the Council of 9 March 2011 amending Council Regulation (EC) No 708/2007 concerning use of alien and locally absent species in aquaculture
Regolament (UE) Nru 304/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta' Marzu 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura
Regolament (UE) Nru 304/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta' Marzu 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura
ĠU L 88, 4.4.2011, p. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
4.4.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 88/1 |
REGOLAMENT (UE) Nru 304/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-9 ta' Marzu 2011
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 (3) jistabbilixxi qafas li jirregola l-prassi fl-akkwakultura fir-rigward ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment sabiex jiġi evalwat u mminimizzat l-impatt possibbli ta’ dawn u kwalunkwe speċi assoċjata mhux fil-mira fuq il-ħabitats akkwatiċi. Dan jipprevedi li introduzzjonijiet u trażlokazzjonijiet għall-użu f’faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura jistgħu f’data futura jiġu eżentati mill-ħtieġa ta’ permess fil-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament, skont informazzjoni u pariri xjentifiċi ġodda. |
(2) |
L-azzjoni koordinata u ffinanzjata mill-Komunità, intitolata “Impatti ambjentali ta’ speċi aljeni fl-akkwakultura” (IMPASSE), tat definizzjoni operattiva ġdida ta’ “faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura”. Għal faċilitajiet skont dik id-definizzjoni, il-livell tar-riskju assoċjat ma’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli jekk il-potenzjal għall-ħrib tal-organiżmi kkoltivati u ta’ organiżmi mhux fil-mira jiġi indirizzat matul it-trasport u jekk protokolli ddefiniti sewwa jiġu applikati fil-faċilità li tirċevihom. L-introduzzjonijiet u t-traslokazzjonijiet għall-użu f’faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura għandhom jiġu eżentati biss mir-rekwiżit tal-permess jekk jiġu sodisfatti dawk ir-rekwiżiti. |
(3) |
Għalhekk huwa meħtieġ li d-definizzjoni ta’ “faċilità magħluqa tal-akkwakultura” tiġi emendata fir-Regolament (KE) Nru 708/2007 billi jiżdiedu fatturi speċifiċi maħsuba sabiex jiżguraw il-bijosigurtà ta’ dawk il-faċilitajiet. |
(4) |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista ta’ faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura li jinsabu fit-territorju tagħhom. Għal raġunijiet ta’ trasparenza din il-lista għandha tiġi ppubblikata u tkun aġġornata b’mod regolari fuq sit tal-Internet stabbilit skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 535/2008 tat-13 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljat għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (4). |
(5) |
Wara dawn l-emendi, jeħtieġ li jsiru ċerti adattamenti oħra għar-Regolament (KE) Nru 708/2007, b’mod partikolari, biex jitneħħew ir-referenzi għall-“faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura” mid-definizzjoni ta’ “ċaqliq ta’ rutina” u mill-Anness I. |
(6) |
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex tadatta l-Annessi I, II u III għall-progress tekniku u xjentifiku, biex temenda l-Anness IV sabiex iżżid speċi għal dak l-Anness u biex tadotta l-ispeċifikazzjonijiet għall-kondizzjonijiet meħtieġa biex jiżdiedu l-ispeċi għall-Anness IV. Hu ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. |
(7) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti implimentattivi f’konformità mal-Artikolu 291 TFUE. |
(8) |
It-terminu “Komunità” użat fit-termini preskrittivi tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 għandu jinbidel, b’segwitu għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009. |
(9) |
Ir-Regolament (KE) Nru 708/2007 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 708/2007 huwa b’dan emendat kif ġej:
(1) |
Fl-Artikoli 2(1), fit-titolu tal-Artikolu 13, fl-Artikolu 15(2) u fit-titolu tal-Artikolu 19, in-nom “Komunità”, jew l-aġġettiv korrispondenti, huwa sostitwit bin-nom “Unjoni”, jew l-aġġettiv korrispondenti, u għandu jsir kwalunkwe aġġustament grammatiku meħtieġ bħala konsegwenza ta’ din is-sostituzzjoni. |
(2) |
L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
|
(3) |
L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
|
(4) |
Fl-Artikolu 4, il-paragrafu eżistenti huwa nnumerat “1” u jiżdied il-paragrafu li ġej: “2. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jagħmlu monitoraġġ u superviżjoni tal-attivitajiet tal-akkwakultura biex jiżguraw li:
|
(5) |
L-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 14 Rilaxx ġewwa faċilitajiet tal-akkwakultura fil-każ ta’ introduzzjonijiet ta’ rutina Fil-każ ta’ introduzzjonijiet ta’ rutina, ir-rilaxx ta’ organiżmi akkwatiċi f’faċilitajiet tal-akkwakultura għandu jkun permess mingħajr kwarantina jew rilaxx pilota, ħlief jekk, f’każijiet eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti tiddeċiedi mod ieħor abbażi ta’ parir speċifiku mogħti mill-kumitat konsultattiv. Ċaqliq minn faċilità magħluqa tal-akkwakultura għal faċilità miftuħa tal-akkwakultura għandu jkun ikkunsidrat bħala ċaqliq ta’ rutina jew mhux ta’ rutina f’konformità mal-Artikoli 6 u 7.”. |
(6) |
L-Artikolu 24 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 24 Emendi tal-annessi u regoli dettaljati 1. Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 24a u suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 24b u 24c:
2. Meta tadotta atti delegati kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità ma’ dan ir-Regolament. 3. Sabiex l-ispeċi tiegħu tiġi miżjuda mal-Anness IV, l-organiżmu akkwatiku għandu jkun intuża fl-akkwakultura f’ċerti partijiet tal-Unjoni għal żmien twil (b’referenza għaċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu) mingħajr effetti negattivi, u introduzzjoni u translokazzjoni tiegħu għandhom ikunu possibbli mingħajr iċ-ċaqliq koinċidenti ta’ speċi li mhux fil-mira li potenzjalment huma ta’ ħsara. 4. l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex iżżid speċijiet mal-Anness IV. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu data speċifika biex jagħtu prova ta’ koerenza mal-kriterji rilevanti għaż-żieda ta’ speċi fl-Anness IV. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar jekk talba tkunx xierqa fi żmien ħames xhur minn meta tkun ġiet irċevuta, bl-esklużjoni taż-żmien li l-Istat Membru jkollu biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali jekk il-Kummissjoni hekk titlob. 5. L-Istati Membri kkonċernati jistgħu fir-rigward tar-reġjuni l-aktar ’il bogħod tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipproponu ż-żieda ta’ speċi li għandhom jiġu inklużi f’parti separata tal-Anness IV. 6. Il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 4 u 5, u b’mod partikolari l-formati, il-kontenut u l-partikolaritajiet tat-talbiet tal-Istati Membri għaż-żieda tal-ispeċi u l-informazzjoni li għandha tingħata bħala appoġġ għal talbiet bħal dawn, f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.”. |
(7) |
Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin: “Artikolu 24a Eżerċizzju tad-delega 1. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 24 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-24 ta’ April 2011. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħa delegata mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tkun estiża awtomatikament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokawha f’konformità mal-Artikolu 24b. 2. Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 3. Is-setgħa li tadotta atti delegati għandha tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 24b u 24c. Artikolu 24b Revoka tad-delega 1. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 24 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. 2. L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega tas-setgħa għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni f’perijodu ta’ żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, billi tindika s-setgħa delegata li tista’ tkun soġġetta għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka. 3. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 24c Oġġezzjonijiet għal atti delegati 1. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f’perijodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn. 2. Jekk, meta jiskadi l-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data mniżżla fih. L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet. 3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att delegat fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att delegat.”. |
(8) |
L-Anness I huwa emendat kif ġej:
|
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, id-9 ta’ Marzu 2011.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
GYŐRI E.
(1) ĠU C 354, 28.12.2010, p. 88, u ĠU C 51, 17.2.2011, p. 80.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2011.
(3) ĠU L 168, 28.6.2007, p. 1.
(4) ĠU L 156, 14.6.2008, p. 6.