EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011H0720(04)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2011 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Greċja

ĠU C 213, 20.7.2011, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

20.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/12


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Greċja

2011/C 213/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

B'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li ser tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (1), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u dwar l-impjiegi nazzjonali.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibbiltà fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir.

(5)

Fit-3 ta' Mejju 2010, il-Greċja ppreżentat programm ta' aġġustament inklużiv appoġġat mill-assistenza finanzjarja pprovduta mill-Istati Membri taż-żona tal-euro u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) li jammonta għal EUR 110 biljuni. Il-Memorandum ta' Qbil li jakkumpanjah u s-supplimenti suċċessivi tiegħu, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li abbażi tagħha tiġi żburżata l-assistenza finanzjarja.

(6)

L-elementi ewlenin tal-kundizzjonalità tal-politika kienu inklużi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE tal-10 ta’ Mejju 2010 (2), u l-emendi sussegwenti tagħha (3), indirizzati lill-Greċja bil-għan li tissaħħaħ u titfannad is-sorveljanza fiskali u biex il-Greċja tkun avżata tieħu miżuri li jnaqqsu d-defiċit meqjusa neċessarji biex isolvu s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 136 u 126(9) tat-Trattat.

(7)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin sabiex jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbilita jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. Il-Greċja hija mistennija tippreżenta Programm ta' Stabbiltà aġġornat u impenji u azzjonijiet speċifiċi tal-Patt Euro Plus għall-2011 ibbażati fuq programm ta’ aġġustament ekonomiku aġġornat.

(8)

Matul l-aħħar deċennju, il-prestazzjoni ta' tkabbir tal-Greċja kienet ibbażata fuq xpruni mhux sostenibbli: żidiet qawwija fil-konsum u fl-investiment residenzjali kienu akkumpanjati minn żidiet reali fil-pagi u tkabbir rapidu tal-kreditu; rati tal-imgħax reali baxxi assoċjati mal-adozzjoni tal-euro u l-liberalizzazzjoni tas-suq finanzjarju saħħew din iż-żieda qawwija. Il-kriżi globali tal-2008-2009 esponiet id-dgħufijiet, inkluż: politiki fiskali mhux sostenibbli, parzjalment moħbija minn statistiċi mhux affidabbli u minn dħul temporanjament għoli; swieq tax-xogħol u tal-prodotti riġidi; u telf ta' kompetittività u dejn estern jogħla. Għalkemm mhux fil-bidu, is-settur bankarju kien affettwat mill-kriżi ekonomika u tal-kunfidenza. Sa fejn kienet waslet id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali kien żvelat tard minħabba nuqqasijiet serji fis-sistemi tal-kontabbiltà u tal-istatistika tal-Greċja. Dan dewwem l-implimentazzjoni ta' miżuri korrettivi. Minħabba li żdied it-tħassib dwar is-sostenibbiltà fiskali tal-Greċja u żdiedet l-istmerrija tar-riskju globali, is-sentiment tas-suq fir-rigward tal-Greċja ħżien ħafna fil-bidu tal-2010. F'April 2010, il-Greċja talbet assistenza finanzjarja internazzjonali minħabba li kienet affaċċjata minn bżonnijiet finanzjarji konsiderevoli u ma kellhiex aċċess għas-swieq kapitali internazzjonali.

(9)

Il-Greċja impenjat ruħha li timplimenta l-programm ta' aġġustament ekonomiku u finanzjarju bl-għan li tikkoreġi l-iżbilanċi fiskali u esterni u biex jerġa' jkun hemm kunfidenza f'terminu ta' żmien qasir. F'terminu ta' żmien medju, hija għandha tħejji s-sisien għal mudell ta' tkabbir li jiddependi iktar fuq l-investiment u l-esportazzjonijiet filwaqt li jappoġġja t-tkabbir u l-impjiegi. Il-programm ta’ aġġustament jipprevedi azzjoni komprensiva fuq tliet aspetti: (i) strateġija ta' konsolidazzjoni fiskali bikrija, appoġġjata minn miżuri fiskali strutturali u minn kontroll fiskali aħjar; (ii) riformi strutturali fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti biex ikunu indirizzati l-kompetittività u t-tkabbir; u (iii) sforzi li jissalvagwardjaw l-istabbiltà tas-sistema bankarja.

(10)

Il-Kummissjoni ivvalutat l-abbozz ta' Programm Nazzjonali ta' Riforma. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tiegħu għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fil-Greċja iżda wkoll il-konformità tiegħu mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza l-urġenza tal-implimentazzjoni tal-miżuri pjanati għall-konformità mad-Deċiżjoni 2010/320/UE,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Greċja:

Timplimenta bis-sħiħ il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2010/320/UE, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/257/UE u kif speċifikat aktar fil-Memorandum ta’ Qbil tat-3 ta’ Mejju 2010 u s-supplimenti sussegwenti tiegħu, b'mod partikolari l-aħħar suppliment tat-2 ta’ Lulju 2011.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(2)  ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2010 (2010/486/UE), (ĠU L 241, 14.9.2010, p. 12); id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2010 (2011/57/UE), (ĠU L 26, 29.1.2011, p. 15); id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011 (2011/257/UE), (ĠU L 110, 29.4.2011, p. 26).


Top