Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011H0701(01)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 28 ta’ Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Ġunju 2011

dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 191/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

It-terminu tluq bikri mill-iskejjel jintuża b'konnessjoni ma' dawk li jitilqu l-edukazzjoni u t-taħriġ biss b'livell baxx ta' edukazzjoni sekondarja jew inqas, u li m'għadhomx jirċievu edukazzjoni u taħriġ

(2)

It-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel huwa essenzjali għall-kisba ta' għadd ta' objettivi ewlenin fl-istrateġija Ewropa 2020. It-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel jindirizza kemm l-għan ta' “tkabbir intelliġenti” billi jtejjeb il-livelli tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u ta' “tkabbir inklussiv” billi jindirizza wieħed mill-fatturi li jikkawżaw ir-riskju ta' qgħad, faqar u esklużjoni soċjali. L-istrateġija Ewropa 2020 għalhekk tinkludi l-għan ewlieni li tnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel sa inqas minn 10 % sal-2020, minn 14,4 % fl-2009. L-Istati Membri impenjaw ruħhom biex jistabbilixxu miri nazzjonali, filwaqt li jieħdu kont tal-pożizzjonijiet relattivi tagħhom fil-bidu u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.

(3)

Il-Linji Gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (2010/707/UE) (1), għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 jitolbu li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jipprevjenu t-tluq bikri mill-iskejjel.

(4)

L-inizjattiva ewlenija Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali tistabbilixxi qafas ta' ħidma biex tiżgura l-koeżjoni soċjali u territorjali, bil-mira speċifika li tikser iċ-ċiklu ta' żvantaġġ u tintensifika l-azzjoni preventiva. Din tindirizza l-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 biex toħroġ mill-inqas 20 miljun persuna mill-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-għaxar snin li ġejjin.

(5)

Żgħażagħ Mobbli, inizjattiva ewlenija fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020, għandha l-għan li “tittejjeb il-prestazzjoni u l-effett ta' ġibda tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa u tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE, li jibdew ilaqqgħu l-eċċellenza u l-ekwità, billi ssir promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u ta' min jitħarreġ, u tittejjeb is-sitwazzjoni tal-impjiegi għaż-żgħażagħ”.

(6)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5-6 ta' Mejju 2003 dwar il-livelli ta' riferiment ta' prestazzjoni medja Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (punti ta' riferiment) stqarrew li l-proporzjon ta' studenti li jitilqu mill-iskola kmieni għandu jkun inqas minn 10 % sal-2010, li jiddefinixxu l-istudenti li jitilqu mill-iskola kmieni bħala persuni bejn it-18 u l-24 sena li jkollhom biss livell baxx tal-edukazzjoni sekondarja jew inqas u li mhumiex involuti aktar fl-edukazzjoni jew it-taħriġ. Il-punt ta' riferiment ma ntlaħaqx. Attwalment, wieħed minn kull seba' studenti jitilqu mill-iskola u t-taħriġ qabel ma jkunu spiċċaw l-edukazzjoni sekondarja għolja.

(7)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2007 dwar ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda (2) enfasizzat il-ħtieġa li jittejbu l-livelli ta' ħiliet ġenerali u li tingħata prijorità lill-edukazzjoni u t-taħriġ ta' dawk li qegħdin f'riskju ta' esklużjoni ekonomika u soċjali, speċjalment dawk li jitilqu mill-iskola kmieni. Huma enfasizzaw il-ħtieġa għall-provvediment ta' gwida vokazzjonali u ta' pjanijiet ta' taħriġ personali lil min ikun qed ifittex l-impjieg u l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim li jkun inkiseb b'mod formali, informali u mhux formali.

(8)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar it-tagħlim għall-adulti jirrikonoxxu r-rwol tat-tagħlim tal-adulti biex jindirizza t-tluq bikri mill-iskejjel billi joffri opportunità oħra lil min jasal fl-istat ta' adult mingħajr ma jkun kiseb kwalifiki, waqt li jiffokaw b'mod partikolari fuq il-ħiliet bażiċi, il-ħiliet tal-IT u t-tagħlim tal-lingwi.

(9)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) il-Kunsill qabel li, sal-2020, is-sehem ta' dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni għandu jkun inqas minn 10 %.

(10)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-edukazzjoni ta' tfal bi sfond ta' migrazzjoni innotaw li filwaqt li bosta tfal li jkunu ġejjin minn sfond ta' migrazzjoni jirnexxu fl-edukazzjoni, l-istudenti bi sfond ta' migrazzjoni ġeneralment għandhom iżjed ċans li jitilqu mill-iskola kmieni. Għall-migranti, ir-rata medja tat-tluq bikri mill-iskejjel fl-Unjoni hija d-doppju ta' dik tal-istudenti tal-pajjiż. L-evidenza disponibbli tindika li t-tluq bikri mill-iskejjel huwa saħansitra ogħla fost il-popolazzjoni tar-Rom.

(11)

F'Mejju 2010, il-Kunsill qabel fil-Konkluzjonijiet tiegħu dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ li biex il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskejjel tkun ta' suċċess, din tirrikjedi l-iżvilupp tat-tagħrif dwar il-gruppi li jkunu fir-riskju li jitilqu mill-iskola kmieni fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali u sistemi ta' identifikazzjoni bikrija tal-individwi li jkunu f'dan ir-riskju, u kkonkluda li għandhom jiġu implimentati strateġiji komprensivi u transettorjali, li jipprovdu medda ta' linji politiċi sistemiċi u mxerrda mal-iskejjel kollha li jimmiraw lejn il-fatturi differenti li jwasslu għat-tluq bikri mill-iskejjel.

(12)

Ir-raġunijiet tat-tluq bikri mill-iskejjel ivarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor u anki fir-reġjuni. Il-linji politiċi biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel jeħtieġ li jkunu addattati għas-sitwazzjoni speċifika f'żona lokali, reġjun jew pajjiż; m'hemm l-ebda soluzzjoni unika għall-Istati Membri kollha.

(13)

Minkejja d-differenzi fost il-pajjiżi u r-reġjuni, hemm xhieda qawwija fl-Istati Membri kollha li l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli huma l-aktar affettwati. Barra minn hekk, hemm rappreżentazzjoni sovrarappreżentanza ta' żgħażagħ bi bżonnijiet edukattivi speċjali fost dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ. It-tluq bikri mill-iskejjel huwa kemm riżultat tal-iżvantaġġi soċjali, kif ukoll jipperpetwa r-riskju tal-esklużjoni soċjali.

(14)

Filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà, qafas Ewropew għal linji politiċi komprensivi dwar it-tluq bikri mill-iskejjel jista' jgħin lill-Istati Membri biex jirrevedu l-linji politiċi eżistenti, biex jiżviluppaw il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom skont l-istrateġija Ewropa 2020, u biex jimplimentaw strateġiji b'impatt kbir u relazzjoni tajba bejn l-ispejjeż u l-benefiċċju. Jista' jipprovdi wkoll bażi għall-kollaborazzjoni permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u fokus għall-użu tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE,

(15)

Ir-riformi fl-edukazzjoni jridu ż-żmien biex iħallu effett. Biex jinkiseb tnaqqis tar-rati tat-tluq bikri mill-iskejjel fl-għaxar snin li ġejjin u tinkiseb il-mira ta' Ewropa 2020, għandhom jiġu implimentati mill-aktar fis strateġiji komprensivi u transettorjali dwar it-tluq bikri mill-iskejjel,

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

Jużaw il-qafas stabbilit fl-Anness għal din ir-Rakkomandazzjoni, skont ċirkostanzi nazzjonali biex:

(1)

Jidentifikaw il-fatturi ewlenin li jwasslu għat-tluq bikri mill-iskejjel u jissorveljaw il-karatteristiċi tal-fenomenu f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali bħala bażi għal linji politiċi b'mira u effettivi msejsa fuq l-evidenza.

(2)

Jiżguraw li jkun hemm strateġiji komprensivi dwar it-tluq kmieni mill-iskejjel sa tmiem l-2012, u li dawn ikunu implimentati f'konformità ma' prijoritajiet nazzjonali u l-objettivi tal-Ewropa 2020. L-istrateġiji komprensivi jitqiesu li jinkludu miżuri ta' prevenzjoni, miżuri ta' intervent u miżuri ta' kumpens, b'dawn tal-aħħar immirati lejn id-dħul mill-ġdid ta' persuni li telqu mill-iskejjel.

(3)

Jiżguraw li dawk l-istrateġiji jinkludu l-miżuri xierqa għall-gruppi li għandhom l-iżjed riskju ta' tluq bikri mill-iskejjel fl-Istat Membru, pereżempju tfal minn sfond soċjoekonomikament żvantaġġat, ta' migrazzjoni jew tar-Rom, jew dawk bi ħtiġijiet edukattivi speċjali.

(4)

Jiżguraw li dawk l-istrateġiji jindirizzaw kemm l-edukazzjoni ġenerali kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali b'mod koerenti u l-isfidi speċifiċi tagħhom.

(5)

Jintegraw miżuri li jappoġġaw it-tnaqqis ta' rati ta' studenti li jitilqu mill-iskola kmieni f’linji politiċi rilevanti mmirati lejn tfal u żgħażagħ, u jikkoordinaw attivitajiet fost setturi differenti ta' politika.

(6)

Filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol ewlieni li għandhom l-għalliema, il-mexxejja tal-iskejjel u persunal edukattiv ieħor, jiżguraw l-involviment f'dawk il-miżuri u l-attivitajiet tal-partijiet interessati kollha rilevanti biex jgħinu lill-persuni li qegħdin f'riskju ta' tluq bikri mill-iskejjel, inkluż dawk li diġà telqu.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

(1)

Fi ħdan l-ET 2020, biex tikkontribwixxi għall-isforzi li saru mill-Istati Membri billi jiġu ssorveljati l-iżviluppi f'livelli ta' edukazzjoni differenti fost l-Istati Membri biex jiġu identifikati t-tendenzi.

(2)

Tappoġġa l-istrateġiji tal-Istati Membri permezz tal-iskambju ta' esperjenza u prattika tajba, u tiffaċilita t-tagħlim effettiv mill-pari, in-netwerking u l-esperimentazzjoni b'approċċi innovattivi fost l-Istati Membri dwar miżuri biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel u biex jittejbu r-riżultati edukattivi ta' tfal minn gruppi f'riskju ta' tluq bikri mill-iskejjel.

(3)

Tintegra l-miżuri li jappoġġaw it-tnaqqis tar-rati tat-tluq bikri mill-iskejjel fl-azzjonijiet rilevanti kollha tal-Unjoni mmirati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ.

(4)

Tappoġġa l-iżvilupp ta' linji politiċi effettivi kontra t-tluq bikri mill-iskejjel billi tniedi studji u riċerka komparattivi, u tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam.

(5)

Tiżgura li, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, u mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju futur, il-programmi fl-oqsma tat-tagħlim tul il-ħajja tal-Unjoni, iż-żgħażagħ u r-riċerka, kif ukoll il-Fondi Stutturali Ewropej, tappoġġa u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-Istati Membri dwar it-tluq bikri mill-iskejjel.

(6)

Tirrapporta b'mod perjodiku dwar il-progress lejn il-mira tal-Ewropa 2020 u dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-Istati Membri dwar tluq bikri mill-iskejjel permezz tal-Istħarriġ tat-Tkabbir Annnwali u fi ħdan l-arranġamenti tar-rappurtar taħt l-ET 2020.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

FAZEKAS S.


(1)  ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.

(2)  ĠU C 290, 4.12.2007, p. 1.


ANNESS

QAFAS GĦAL LINJI POLITIĊI KOMPRENSIVI BIEX JITNAQQAS IT-TLUQ BIKRI MILL-ISKEJJEL

L-istrateġiji dwar it-tluq bikri mill-iskejjel għandhom ikunu bbażati fuq l-analiżi f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali tal-kondizzjonijiet li jwasslu għall-fenomenu, minħabba li r-rati medji ħafna drabi jaħbu differenzi kbar bejn reġjuni jew pajjiżi differenti. Il-grupp ta' nies li jitilqu mill-iskola kmieni huwa wieħed eteroġenu u l-motivazzjonijiet għal dan it-tluq kmieni ivarjaw ħafna. L-isfond familjari u l-kondizzjonijiet soċjoekonomiċi usa', bħall-ġibda tas-suq tax-xogħol huma fatturi importanti. L-impatt tagħhom jiddependi fuq l-istruttura tas-sistema edukattiva u ta' taħriġ, fuq l-opportunitajiet ta' tagħlim disponibbli, u fuq l-ambjent tat-tagħlim. Il-koordinazzjoni ta' linji politiċi li jindirizzaw il-benesseri tat-tfal u taż-żgħażagħ, is-sigurtà soċjali, l-impjieg taż-żgħażagħ u l-perspettivi tal-karrieri tal-futur għandha rwol importanti fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel.

1.   L-identifikazzjoni tal-fatturi ewlenin u s-sorveljanza

Il-proċessi tat-tluq bikri mill-iskejjel huma kkawżati minn fatturi kumplessivi u diversi, iżda ħafna drabi huma marbutin ma' żvantaġġi soċjoekonomiċi, ma' sfondi ta' livell edukattiv baxx, mat-tbegħid mill-edukazzjoni u t-taħriġ jew nuqqas ta' riżultati tajbin, mal-ġibda tas-suq tax-xogħol, u/jew ma' taħlita ta' problemi soċjali, emozzjonali u edukattivi li jpoġġu lill-individwi fir-riskju li jitilqu kmieni.

Għandu jittieħed kont tat-tip ta' edukazzjoni li jkunu qegħdin isegwu l-istudenti. F'xi Stati Membri, l-istudenti li jsibu d-diffikultajiet fl-edukazzjoni ġenerali, ħafna drabi jidħlu għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (“ETV”). F'tali każijiet, l-iskejjel vokazzjonali jerfgħu responsabbiltà u jiffaċċjaw sfida partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel. Il-linji politiċi bbażati fuq l-esperjenza jitolbu li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-prestazzjoni skont is-settur tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ.

L-iżvilupp ta' linji politiċi kost-effettivi u dawk bbażati fuq l-evidenza biex jikkumbattu t-tluq bikri mill-iskejjel jitlob il-ġbir u ż-żamma tad-dejta dwar dan il-fenomenu. Din għandha tippermetti l-analiżi f'livelli lokali, reġjonali u nazzjonali. Jista' jkun fiha tagħrif dwar ir-rati tat-tluq bikri mill-iskejjel, dwar it-transizzjonijiet bejn il-livelli edukattivi, ir-rati ta' studenti li jirreġistraw u r-rati ta' studenti li jispiċċaw l-edukazzjoni sekondarja għolja, kif ukoll dwar l-assenza mill-iskejjel u dwar imġibiet ta' skartar mill-iskola.

Il-ġbir tal-informazzjoni għandu jħalli lok għall-analiżi tar-raġunijiet ewlenin għat-tluq bikri mill-iskejjel għal gruppi differenti ta' studenti, skejjel, tipi ta' istituzzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ, muniċipalitajiet jew reġjuni.

It-tqegħid tad-data dwar it-tluq bikri mill-iskejjel u d-data kuntestwali bħall-informazzjoni soċjoekonomika tista' tgħin biex il-miżuri u l-linji politiċi jitfasslu b'miri ċari. Il-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni dwar il-motivazzjoni għat-tluq bikri mill-iskejjel, il-perspettivi tagħhom ta' impjiegi u karrieri jistgħu wkoll jgħinu biex il-miri tal-miżuri u tal-linji politiċi jkunu ċari.

Il-valutazzjoni tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri politiċi attwali li l-għan tagħhom hu t-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel hija bażi importanti għat-titjib tal-istrateġiji u l-programmi li jżidu l-probabbiltà li l-istudenti jirnexxu fl-iskola.

2.   Qafas ta' linji politiċi

L-istrateġiji komprensivi dwar it-tluq bikri mill-iskejjel huma magħmula minn taħlita ta' linji politiċi, koordinazzjoni fost setturi politiċi differenti u l-integrazzjoni ta' miżuri li jappoġġaw it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel fil-linji politiċi rilevanti kollha li huma mmirati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ. Barra mil-linji politiċi dwar l-edukazzjoni li jippromwovu sistemi ta' skejjel ta' kwalità għolja, prinċipalment dawn huma l-politika soċjali u s-servizzi ta' appoġġ, il-linji politiċi dwar l-impjiegi, iż-żgħażagħ, il-familja u l-integrazzjoni. Il-koordinazzjoni orizzontali bejn atturi differenti u l-koordinazzjoni vertikali mal-livelli differenti tal-gvern huma ta' importanza ndaqs. L-istrateġiji dwar it-tluq bikri mill-iskejjel għandhom ikunu magħmula minn elementi ta' prevenzjoni, ta' intervent u ta' kumpens. L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-elementi dettaljati tal-istrateġiji tagħhom skont iċ-ċirkostanzi u l-kuntesti individwali tagħhom.

2.1.

IL-LINJI POLITIĊI DWAR IL-PREVENZJONI jimmiraw li jnaqqsu r-riskju ta' tluq bikri qabel ma jibdew il-problemi. Tali miżuri jtejbu l-għoti tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jappoġġaw l-aħjar riżultati tat-tagħlim u biex iwarrbu t-tfixkil għas-suċċess edukattiv.

Jimmiraw li jibnu bażi soda li tgħin lit-tfal jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u biex jintegraw rwieħhom fl-iskejjel. Il-linji politiċi dwar il-prevenzjoni jistgħu jinkludu:

(1)

Il-provvediment ta' edukazzjoni u indukrar ta' kwalità fit-tfulija bikrija huwa ta' benefiċċju għat-tfal kollha, u partikolarment rilevanti għal dawk li ġejjin minn sfond żvantaġġat, inklużi l-migranti u r-Rom. Dan itejjeb il-benesseri fiżiku, l-iżvilupp soċjali u emozzjonali, il-ħiliet lingwistiċi u dawk konjittivi bażiċi. Il-provvediment għandu jkun ta' kwalità għolja, li jista' jintlaħaq finanzjarjament, b'persunal adatt u aċċessibbli għall-familji bi sfond żvantaġġat.

Dawn jindirizzaw l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ, ir-riżorsi disponibbli għall-iskejjel, id-disponibbiltà, il-permeabbiltà u l-flessibbiltà ta' mogħdijiet edukattivi. Jindirizzaw ukoll id-differenzi bejn is-sessi, is-sostenn għat-tfal minn sfond żvantaġġat jew li għandhom lingwa materna differenti. Il-linji politiċi dwar il-prevenzjoni jistgħu jinkludu wkoll:

(2)

Iż-żieda fl-offerta tal-edukazzjoni billi jiġu provduti l-opportunitajiet edukattivi u ta' taħriġ wara l-età tal-edukazzjoni obbligatorja tista' tinfluwenza l-imġiba taż-żgħażagħ u l-familji tagħhom u twassal għal rati ogħla ta' dawk li ġabu l-kwalifiki tas-sekondarja ogħla.

(3)

Il-promozzjoni ta' linji politiċi attivi kontra s-segregazzjoni u l-provvediment ta' appoġġ addizzjonali għall-iskejjel li huma f'żoni żvantaġġati, jew li numru kbir ta' studenti minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġati jgħinuhom biex jiddiversifikaw il-kompożizzjoni soċjali u jtejbu l-offerta edukattiva tagħhom. Dan itejjeb il-kwalifiki tal-istudenti minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġat u tnaqqas ir-riskju tagħhom ta' tluq bikri mill-iskejjel.

(4)

L-enfasi fuq il-valur tad-diversità lingwistika u l-appoġġ tat-tfal b'lingwa materna differenti biex itejbu l-profiċjenza tagħhom tal-lingwa tat-tagħlim u, fejn adatt, fil-lingwa materna, kif ukoll l-appoġġ tal-għalliema biex ikunu jistgħu jgħallmu tfal b'ħiliet lingwistiċi ta' livelli differenti, jista' jtejjeb il-kwalifiki ta' tfal bi sfond ta' migrazzjoni u jnaqqas ir-riskju tagħhom ta' tluq bikri mill-iskejjel.

(5)

Iż-żieda fl-involviment tal-ġenituri li jirrinforza l-kooperazzjoni tagħhom mal-iskola u l-ħolqien ta' sħubiji bejn l-iskejjel u l-ġenituri jistgħu jħeġġu l-motivazzjoni għat-tagħlim fost l-istudenti.

(6)

Iż-żieda fil-flessibbiltà u l-permeabbiltà tal-mogħdijiet edukattivi (pereżempju billi l-korsijiet jinqasmu f'moduli jew billi ssir alternazzjoni bejn l-iskola u x-xogħol), tappoġġa partikolarment lill-istudenti bi prestazzjoni akkademika baxxa, u tista' timmotivahom li jkomplu f'edukazzjoni u f'taħriġ li jkun iktar adattat għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tagħhom. Din tgħin ukoll biex jiġu indirizzati raġunijiet speċifiċi skont is-sess għat-tluq kmieni mill-iskejjel, biex pereżempju persuna tibda taħdem jew meta tfajla tkun ħarġet tqila. Barra minn hekk, il-limitazzjoni tar-repetizzjoni fis-snin skolastiċi u s-sostituzzjoni ta' din ma' appoġġ individwali flessibbli ġie assoċjat ma' tluq bikri mill-iskejjel baxx.

(7)

It-tisħiħ tal-mogħdijiet vokazzjonali ta' kwalità għolja u ż-żieda fl-attrazzjoni u l-flessibbiltà tagħhom jagħtu alternattivi kredibbli għat-tluq bikri lill-istudenti f'riskju. L-għoti ta' ETV li huma integrati sew fis-sistemi ġenerali ta' edukazzjoni u taħriġ, jagħti lok għal mogħdijiet alternattivi lejn l-edukazzjoni sekondarja għolja u terzjarja.

(8)

It-tisħiħ tar-rabta bejn is-sistemi edukattivi u ta' taħriġ u s-settur tal-impjiegi, biex jiġu enfasizzati l-benefiċċji li wieħed itemm l-edukazzjoni għall-impjegabbiltà futura. Dan jista' jkun fil-forma ta' esperjenza f'postijiet tax-xogħol jew involviment akbar minn min iħaddem fi skejjel u kulleġġi.

2.2.

IL-LINJI POLITIĊI TA' INTERVENT għandhom l-għan li jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskejjel billi titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell tal-istituzzjonijiet edukattivi, li jkun hemm reazzjoni għas-sinjali bikrija ta' twissija u li jiġi pprovdut appoġġ immirat lejn l-istudenti jew il-gruppi ta' studenti li qegħdin fir-riskju ta' tluq bikri mill-iskejjel. Dawn jindirizzaw il-livelli kollha edukattivi, li jibdew bl-edukazzjoni tal-bidu tat-tfulija u jkomplu sal-edukazzjoni sekondarja għolja.

Fil-livell tal-iskola jew tal-istituzzjoni ta' taħriġ l-istrateġiji kontra t-tluq bikri jagħmlu parti minn politika ġenerali tal-iżvilupp tal-iskola. L-għan tagħhom hu li joħolqu ambjent pożittiv għat-tagħlim filwaqt li jirrinfurzaw il-kwalità u l-innovazzjoni tal-pedagoġija, itejbu l-ħiliet tal-għalliema biex jiffaċċjaw id-diversità soċjali u kulturali, u jiżviluppaw approċċi li jaħdmu kontra l-vjolenza u kontra l-bullying. Il-linji politiċi ta' intervent fil-livell tal-iskola jew tal-istituzzjoni ta' taħriġ jistgħu jinkludu:

(1)

L-iżvilupp tal-iskejjel f'komunitajiet ta' tagħlim, ibbażat fuq viżjoni komuni għall-iżvilupp tal-iskejjel kondiviż mill-partijiet kollha interessati, bl-użu tal-esperjenza u l-għarfien ta' kulħadd u l-provvediment ta' ambjent miftuħ għall-ideat, ta' ispirazzjoni u fejn l-istudenti jħossuhom komdi jitgħallmu, biex iż-żgħażagħ jitħeġġu li jkomplu bl-edukazzjoni u t-taħriġ.

(2)

L-iżvilupp ta' sistemi ta' twissija bikrija għall-istudenti li jkunu fir-riskju, li jista' jgħin biex jittieħdu miżuri effettivi qabel ma jitilqu l-problemi fil-beraħ, qabel ma l-istudenti jibdew jitbiegħdu mill-iskola, jiskartaw jew jitilqu mill-iskola.

(3)

In-netwerking ma' ġenituri u atturi oħra minn barra l-iskola, bħas-servizzi komunitarji lokali, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw migranti jew minoritajiet, assoċjazzjonijiet sportivi u kulturali, jew organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tas-soċjetà ċivili, li jippermetti soluzzjonijiet olistiċi għall-għajnuna lill-istudenti fir-riskju u jiffaċilita l-aċċess għall-appoġġ estern mingħand nies bħal psikoloġisti, ħaddiema soċjali u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, servizzi kulturali u komunitarji. Dan jista' jiġi ffaċilitat minn medjaturi mill-komunità lokali li jkunu jistgħu jappoġġaw il-komunikazzjoni u jżidu l-fiduċja.

(4)

L-appoġġ lejn l-għalliema u l-għotja tas-setgħa lilhom f'xogħolhom mal-istudenti fir-riskju, li huwa prerekwiżiti għas-suċċess tal-miżuri fil-livell skolastiku. L-edukazzjoni tal-bidu tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema u l-kapijiet tal-iskola jgħinuhom jindirizzaw id-diversità fil-klassi, biex jappoġġaw lill-istudenti minn sfond soċjoekonomikament żvantaġġat u jsolvu sitwazzjonijiet ta' diffikultà fit-tagħlim.

(5)

L-attivitajiet ekstrakurrikulari wara u barra mill-iskola u attivitajiet artistiċi, kulturali u sportivi, li jistgħu jgħollu l-awtostima tal-istudenti fir-riskju u jżidu r-reżiljenza tagħhom kontra d-diffikultajiet fit-tagħlim.

Il-linji politiċi ta' intervent fil-livell individwali jimmiraw li jipprovdu ġabra ta' mekkaniżmi ta' appoġġ għall-istudenti individwali fir-riskju li jitilqu mill-iskola kmieni li jistgħu jiġu mfassla għall-bżonnijiet tagħhom. Dawn jiffukaw kemm fuq l-iżvilupp personali sabiex tinbena r-reżiljenza għall-istudenti fir-riskju, kif ukoll fuq l-indirizzar tad-diffikultajiet konkreti li jistgħu jkunu ta' natura soċjali, konjittiva jew emozzjonali. Il-linji politiċi ta' intervent fil-livell individwali jistgħu jinkludu:

(1)

Il-gwida mill-qrib (mentoring) tgħin lill-istudenti individwali biex jegħlbu d-diffikultajiet akkademiċi, soċjali jew personali speċifiċi. Sew jekk f'approċċ individwali (mentoring) jew fi gruppi żgħar (tutoring), l-istudenti jingħataw għajnuna mmirata, ħafna drabi pprovduta mill-persunal tal-edukazzjoni minn membri tal-komunità jew mill-pari tagħhom.

(2)

It-tfassil tat-tagħlim għall-ħtiġijiet tal-istudenti, it-tisħiħ ta' approċċi ta' tagħlim individwalizzati u l-provvediment ta' appoġġ għall-istudenti fir-riskju jgħinhom jadattaw għat-talbiet ta' edukazzjoni formali u jegħlbu l-ostakli maħluqa mis-sistema edukattiva u ta' taħriġ, u b'hekk jistgħu jikkontribwixxu għal-limitazzjoni fir-repetizzjoni tas-snin skolastiċi.

(3)

It-tisħiħ tal-iggwidar u l-għoti ta' pariri (counselling) jappoġġa l-għażliet tal-karriera tal-istudenti, it-tranżizzjonijiet fl-edukazzjoni jew mill-edukazzjoni għall-impjiegi. Dan inaqqas it-teħid ta' deċiżjonijiet ħżiena bbażati fuq stennijiet foloz jew nuqqas ta' informazzjoni. Dan jgħin liż-żgħażagħ jagħmlu deċiżjonijiet li jaqblu mal-ambizzjonijiet, l-interessi personali u t-talenti tagħhom.

(4)

L-iżgurar tal-fatt li ż-żgħażagħ li ċ-ċirkostanzi ekonomiċi tagħhom jistgħu jirriżultaw fit-tluq tagħhom mill-edukazzjoni jingħataw aċċess għall-appoġġ finanzjarju adatt. Fejn jitqies adatt, dan l-appoġġ jista' jkun soġġett għal kondizzjonijiet jew jista' jintrabat ma' benefiċċji soċjali.

2.3.

IL-LINJI POLITIĊI TA' KUMPENS għandhom l-għan li jgħinu lil dawk li telqu mill-iskola qabel iż-żmien biex jerġgħu jidħlu fis-sistema edukattiva, joffri rotot għad-dħul mill-ġdid fl-edukazzjoni u t-taħriġ u biex jiksbu l-kwalifiki li tilfu. Il-linji politiċi ta' kumpens jistgħu jinkludu:

(1)

Programmi edukattivi ta' suċċess li joffru opportunità oħra, li joffru ambjenti ta' tagħlim li jaqdu l-bżonnijiet speċifiċi ta' studenti li telqu mill-iskola kmieni, jirrikonoxxu t-tagħlim preċedenti tagħhom u jappoġġaw il-benesseri tagħhom. Dawn huma differenti mill-iskejjel kemm fl-aspetti organizzattivi kif ukoll dawk pedagoċiċi u ħafna drabi jkunu karatterizzati minn gruppi ta' tagħlim żgħar, minn tagħlim personalizzat, adatt għall-età u innovattiv u minn mogħdijiet edukattivi flessibbli. Kemm jista' jkun, dawn għandhom ikunu faċilment aċċessibbli u mingħajr ħlas.

(2)

Rotot diversi għal min jixtieq jirritorna fl-edukazzjoni u t-taħriġ regolari, li fir-rigward tagħhom huwa importanti li jiġu pprovduti. Il-klassijiet tat-transizzjoni b'enfasi qawwija fuq il-gwida jistgħu jgħinu biex jingħalaq id-distakk bejn fallimenti preċedenti fl-iskola u d-dħul mill-ġdid fl-edukazzjoni regolari.

(3)

L-għarfien u l-ivvalidar tat-tagħlim preċedenti, inklużi l-ħiliet miksuba fit-tagħlim formali u informali, li jżidu l-kunfidenza u l-awtostima taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid tagħhom fis-sistema edukattiva. Dan jista' jimmotivahom biex ikomplu l-edukazzjoni u t-taħriġ, jgħinhom jidentifikaw it-talenti tagħhom u jagħmlu għażliet aħjar għall-karriera.

(4)

L-appoġġ individwali mmirat, li jintegra l-appoġġ soċjali, finanzjarjau, edukattiv u psikoloġiku għaż-żgħażagħ fid-diffikultà. Huwa partikolarment importanti għaż-żgħażagħ f'sitwazzjonijiet ta' inkwiet soċjali jew emozzjonali serju li jfixkilhom milli jkomplu l-edukazzjoni jew it-taħriġ.


Top