Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0853

    2011/853/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 29 ta’ Novembru 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażata fuq, jew tikkonsisti minn Aċċess Kondizzjonali

    ĠU L 336, 20.12.2011, p. 1–1 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/853/oj

    Related international agreement

    20.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 336/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-29 ta’ Novembru 2011

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażata fuq, jew tikkonsisti minn Aċċess Kondizzjonali

    (2011/853/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fis-16 ta’ Lulju 1999, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, f’isem il-Komunità Ewropea, konvenzjoni dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi ibbażata fuq, jew tikkonsisti minn, aċċess kondizzjonali.

    (2)

    Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażata fuq, jew tikkonsisti minn, Aċċess Kondizzjonali (“il-Konvenzjoni”) ġiet adottata mill-Kunsill għall-Ewropa fl-24 ta’ Jannar 2001.

    (3)

    Il-Konvenzjoni tistabbilixxi qafas regolatorju li huwa kważi identiku għal dak mqiegħed fid-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi ibbażata fuq jew tikkonsisti minn aċċess kondizzjonali (1).

    (4)

    Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2003 u hija miftuħa għall-iffirmar mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

    (5)

    L-iffirmar tal-Konvenzjoni se tgħin biex tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet simili għal dawk fid-Direttiva 98/84/KE lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni u biex tiġi stabbilita liġi dwar is-servizzi b’aċċess kondizzjonali li tkun applikabbli fil-kontinent Ewropew kollu.

    (6)

    Permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva 98/84/KE, l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza interna tagħha fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni ħlief fir-rigward tal-Artikoli 6 u 8 tagħha, dment li l-Artikolu 8 huwa relatat mal-miżuri fl-Artikolu 6. Għalhekk, il-Konvenzjoni għandha tiġi ffirmata kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri tagħha.

    (7)

    Il-Konvenzjoni għandha tiġi ffirmata f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażata fuq, jew tikkonsisti minn Aċċess Kondizzjonali huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni.

    It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna/i awtorizzata/i sabiex tiffirma/jiffirmaw, f’isem l-Unjoni, il-Konvenzjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. SZUMILAS


    (1)  ĠU L 320, 28.11.1998, p. 54.


    Top

    20.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 336/2


    TRADUZZJONI

    KONVENZJONI EWROPEA DWAR IL-PROTEZZJONI LEGALI TAS-SERVIZZI IBBAŻATI FUQ, JEW TIKKONSISTI MINN, AĊĊESS KONDIZZJONALI

    PREAMBOLU

    L-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Istati l-oħrajn u l-Komunità Ewropea firmatarji ta’ din,

    Billi l-għan tal-Kunsill tal-Ewropa huwa li jikseb għaqda akbar bejn il-Membri tiegħu;

    Filwaqt li jżommu f’moħħhom ir-Rakkomandazzjoni Nru. R (91) 14 tal-Kumitat tal-Ministri dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi televiżivi kkodifikati;

    Billi l-piraterija tad-dekodifikaturi ta’ apparat għal servizzi kkodifikati għadha problema madwar l-Ewropa;

    Wara li nnotaw li tfaċċaw tipi ġodda ta’ servizzi u apparat ta’ aċċess kondizzjonali, kif ukoll forom ġodda ta’ aċċess illegali għal dawn, minn meta kienet ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni msemmija qabel;

    Wara li nnotaw li hemm differenzi kbar li jeżistu fl-Istati Ewropej fil-liġi li tirregola l-protezzjoni tas-servizzi ibbażata fuq, jew tikkonsisti minn, aċċess kondizzjonali;

    Wara li nnotaw li l-aċċess illegali jhedded il-vijabbiltà ekonomika tal-organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ xandir u servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u, konsegwentement, jista’ jaffettwa d-diversità tal-programmi u tas-servizzi offruti lill-pubbliku;

    Konvinti mill-ħtieġa li jsegwu politika komuni bl-għan ta’ protezzjoni tas-servizzi ibbażata fuq, jew tikkonsisti minn, aċċess kondizzjonali;

    Konvinti li pieni kriminali, amministrattivi jew pieni oħra jista’ jkollhom rwol effikaċi fil-prevenzjoni tal-attivitajiet illegali kontra s-servizzi ta’ aċċess kondizzjonali;

    Waqt li jemmnu li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-attivitajiet illeċiti li jsiru għal skopijiet kummerċjali;

    Filwaqt li jikkunsidraw l-istrumenti internazzjonali eżistenti li fihom dispożizzjonijiet bil-għan ta’ protezzjoni tas-servizzi, ibbażata fuq jew tikkonsisti minn aċċess kondizzjonali.

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    SEZZJONI I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Objettiv u skop

    Din il-Konvenzjoni tirrigwarda s-servizzi tax-xandir u tas-soċjetà tal-informazzjoni offruti bi ħlas u ibbażati fuq, jew jikkonsistu minnu, ‘aċċess kondizzjonali. L-iskop ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tagħmel illegali fit-territorju tal-Partijiet għadd ta’ attivitajiet li jippermettu aċċess mhux awtorizzat għal servizzi protetti, u li tqarreb kemm jista’ jkun il-liġijiet tal-Partijiet f’dan il-qasam.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

    (a)

    “servizz protett” ifisser kwalunkwe wieħed mis-servizzi li ġejjin, meta provdut bi ħlas u fuq il-bażi ta’ aċċess kondizzjonali:

    is-servizzi ta’ programmi tat-televiżjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea emendata dwar it-Televiżjoni Transkonfinali;

    is-servizzi tax-xandir bir-radju, jiġifieri il-programmi tar-radju maħsuba għall-pubbliku, li jixxandru b’sistema bil-wajers jew mingħajr, inkluż permezz tas-satellita;

    is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, mifhuma bħala servizzi pprovduti b’mezzi elettroniċi, mill-bogħod u fuq talba individwali tar-riċevitur tas-servizzi;

    jew il-forniment ta’ aċċess kondizzjonali għas-servizzi msemmija hawn fuq, meqjus bħala servizz fid-dritt tiegħu;

    (b)

    “aċċess kondizzjonali” tfisser kwalunkwe miżura teknika u/jew arranġament li jippermetti aċċess f’formali tinftiehem, u soġġett għal awtorizzazzjoni individwali minn qabel, għal xi wieħed mis-servizzi msemmija fil-paragrafu a. ta’ dan l-artikolu;

    (c)

    “apparat ta’ aċċess kondizzjonali” jindika kwalunkwe tagħmir, softwer u/jew apparat maħsub jew adattat sabiex jagħti aċċess f’forma li tinftiehem għal xi wieħed mis-servizzi msemmija fil-paragrafu a. ta’ dan l-Artikolu;

    (d)

    “apparat illegali” ifisser kwalunkwe tagħmir, softwer u/jew arranġament maħsub jew adattat sabiex jagħti aċċess f’forma li tinftiehem lil wieħed mis-servizzi msemmija fil-paragrafu a. ta’ dan l-Artikolu, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-fornitur tas-servizz.

    Artikolu 3

    Benefiċjarji

    Din il-Konvenzjoni tapplika għal kull persuni jew entitajiet li joffru servizz protett, kif definit fl-Artikolu 2.a) hawn fuq, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u jekk dawn jaqgħux jew le taħt il-ġurisdizzjoni ta’ xi Parti.

    SEZZJONI II

    ATTIVITAJIET ILLEGALI

    Artikolu 4

    Ksur

    Dawn l-attivitajiet li ġejjin huma meqjusa illegali fit-territorju ta’ Parti:

    (a)

    il-manifattura u l-produzzjoni ta’ apparat illeċiti għal finijiet kummerċjali;

    (b)

    l-importazzjoni ta’ apparat illeċitu għal finijiet kummerċjali;

    (c)

    it-tqassim ta’ apparat illeċitu għal finijiet kummerċjali;

    (d)

    il-bejgħ u l-kiri ta’ apparat illeċitu għal finijiet kummerċjali;

    (e)

    il-pussess ta’ apparat illeċitu għal finijiet kummerċjali;

    (f)

    l-installazzjoni, il-manutenzjoni jew is-sostituzzjoni ta’ apparat illeċitu għal finiijiet kummerċjali;

    (g)

    il-promozzjoni kummerċjali, marketing u r-reklamar ta’ apparat illeċitu.

    Kull Parti tista’, f’kull mument, f’dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, tiddikjara li hija sejra wkoll tagħmel illegali attivitajiet oħrajn minbarra dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

    SEZZJONI III

    PIENI U RIMEDJI

    Artikolu 5

    Pieni kontra l-attivitajiet illegali

    Il-Partijiet għandhom jadottaw miżuri sabiex attivitajiet illegali msemmija fl-Artikolu 4 hawn fuq jkunu imposti fuqhom pieni ta’ natura kriminali, amministrattiva jew pieni oħra.. Dawn il-miżuri għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-impatt potenzjali tal-attività illegali.

    Artikolu 6

    Miżuri ta’ Konfiska

    Il-Partijiet għandhom jadottaw il-miżuri xierqa li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jippermettu s-sekwestru u l-konfiska tal-apparat illeċitu jew tal-materjal ta’ promozzjoni, marketing jew reklamar użat biex jitwettaq reat, kif ukoll il-konfiska tal-profitti u l-qligħ finanzjarju kollu li jirriżulta minn din l-attività illegali.

    Artikolu 7

    Proċeduri ċivili

    Il-Partijiet għandhom jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu li l-fornituri ta’ servizzi protetti li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn xi attività illegali stabbilita fl-Artikolu 4 hawn fuq ikollhom aċċess għar-rimedji xierqa, inkluż is-setgħa li jieħdu azzjoni għad-danni u jiksbu mandat jew xi miżura oħra preventiva, kif ukoll jekk ikun il-każ, japplikaw għat-tneħħija ta’ apparat illeċiti mill-kummerċ.

    SEZZJONI IV

    IMPLIMENTAZZJONI U EMENDI

    Artikolu 8

    Kooperazzjoni internazzjonali

    Il-Partijiet jaqblu li jagħtu għajnuna lil xulxin sabiex jimplimentaw din il-Konvenzjoni. Il-Partijiet se se jipprovdu lil xulxin, skont id-dispożizzjonijiet tal-istrumenti internazzjonali rilevanti dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam kriminali jew amministrattiv u skont id-dritt domestiku tagħhom, l-aktar miżuri wiesgħa ta’ kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet u l-proċeduri legali relatati ma’ reati kriminali jew amministrattivi stabbiliti skont din il-Konvenzjoni.

    Artikolu 9

    Konsultazzjonijiet multilaterali

    1.   Il-Partijiet għandhom, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni u kull sentejn minn hemm ‘il quddiem, u, fi kwalunkwe każ, kull darba li Parti titlob dan, għandhom jagħmlu konsultazzjonijiet multilaterali fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropabiex janalizzaw l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni u jaraw jekk humiex tal-opinjoni li jesetndu jew jirrevedu xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha, b’mod partikolari dak li jirrigwarda d-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu waqt laqgħat imsejħa mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

    2.   Kull Parti tista’ tkun irrappreżentata f’laqghat ta’ konsultazzjonijiet multilaterali minn delegat wieħed jew aktar. Kull Parti għandu jkollha dritt għal vot. Kull Stat li huwa Parti għal din il-Konvenzjoni għandu jkollu vot wieħed. Rigward kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, il-Komunità Ewropea għandha teżerċita d-dritt li tivvota u titfa’ numru ta’ voti ugwali għan-numru ta’ Stati Membri tagħha li huma Partijiet għal din il-Konvenzjoni. Il-Komunità Ewropea mhux se tagħmel użu tad-dritt li tivvota meta l-vot ikun jirrigwarda kwistjoni li ma taqax taħt il-kompetenza tagħha.

    3.   Kull Stat imsemmi fl-Artikolu 12, paragrafu 1, jew il-Komunità Ewropea, li ma jkunux Parti għal din il-Konvenzjoni, jistgħu jkunu rrappreżentati minn osservatur fil-laqgħat ta’ konsultazzjoni.

    4.   Wara kull konsultazzjoni, il-Partijiet għandhom jissottomettu lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa rapport dwar il-konsultazzjoni u dwar il-funzjonament ta’ din il-Konvenzjoni inkluż, jekk jitqies li huwa meħtieġ, proposti għal emenda tal-Konvenzjoni.

    5.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu regoli ta’ proċedura għall-laqgħat ta’ konsultazzjoni.

    Artikolu 10

    Emendi

    1.   Kull Parti tista’ tipproponi emendi għal din il-Konvenzjoni.

    2.   Kull proposta ta’ emenda għandha tkun innotifikata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa li għandu jikkomunikaha lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Istati l-oħrajn Parti għalll-Konvenzjoni kulturali Ewropea, għall-Komunità Ewropea u lil kull Stat mhux Membru li ssieħeb jew ġie mistieden jissieħeb f’din il-Konvenzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13.

    3.   Kull emenda proposta skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti għandha tkun eżaminata, fi żmien sitt xhur wara d-data tal-komunikazzjoni tagħha mis-Segretarju Ġenerali, waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni multilaterali, fejn dik l-emenda tkun tista’ tiġi adottata b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Istati li jkunu rratifikaw il-Konvenzjoni.

    4.   It-test adottat mil-laqgħa ta’ konsultazzjoni multilaterali għandu jkun sottomess għall-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri. La darba jiġi approvat, it-test tal-emenda għandu jintbagħat lill-Partijiet għall-aċċettazzjoni.

    5.   Kull emenda għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara li l-Partijiet kollha jkunu infurmaw lis-Segretarju Ġenerali li jkunu aċċettawha.

    6.   Il-Kumitat tal-Ministri jista’ jiddeċiedi, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni mill- laqgħa ta’ konsultazzjoni multilaterali, u bil-maġġoranza provduta fl-Artikolu 20.d tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u bl-unanimità tal-voti tar-rappreżentanti tal-Partijiet intitolati sabiex ipoġġu fi ħdan il-Kumitat, li xi emenda partikolari għandha tidħol fis-seħħ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ sentejn mid-data li fiha tkun intbagħtet għall-aċċettazzjoni, għajr jekk Parti tkun innotifikat lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar xi oġġezzjoni għad-dħul tagħha fis-seħħ. Jekk oġġezzjoni bħal din tiġi nnotifikata, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data li fiha l-Parti għall-Konvenzjoni li tkun innotifikat l-oġġezzjoni tkun iddepożitat l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħha mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

    7.   Jekk emenda tkun ġiet approvata mill-Kumitat tal-Ministri, iżda ma tkunx għadha daħlet fis-seħħ skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5 u 6 hawn fuq, Stat jew il-Komunità Ewropea ma jistgħux jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu mal-Konvenzjoni mingħajr ma jaċċettaw din l-emenda fl-istess ħin.

    Artikolu 11

    Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet u l-ftehimiet l-oħrajn

    1.   Din il-Konvenzjoni m’għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali li jirrigwardaw kwistjonijiet speċjali.

    2.   Il-Partijiet għall-Konvenzjoni jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejniethom rigward il-kwistjonijiet irregolati minn din il-Konvenzjoni, bl-għan li jissupplimentaw jew isaħħu d-dispożizzjonijiet tagħha jew li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipji li tħaddan.

    3.   Meta żewġ Partijiet jew aktar ikunu diġà kkonkludew ftehim jew trattat dwar suġġett kopert minn din il-Konvenzjoni jew meta jkunu stabbilixxew b’mod ieħor ir-relazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett, huma għandu jkollhom il-fakultà li japplikaw il-ftehim jew trattat jew jirregolaw dawk ir-relazzjonijiet kif meħtieġ, minflok din il-Konvenzjoni, jekk dan jiffaċilita l-kooperazzjoni internazzjonali.

    4.   Fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet li huma Membri tal-Komunità Ewropea għandhom japplikaw ir-regoli tal-Komunità u ma għandhomx għalhekk japplikaw ir-regoli li jirriżultaw minn din il-Konvenzjoni għajr jekk ma teżistix l-ebda regola Komunitarja li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat.

    SEZZJONI V

    KLAWSOLI FINALI

    Artikolu 12

    Iffirmar u dħul fis-seħħ

    1.   Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-iffirmar mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Istati l-oħrajn Parti għall-Konvenzjoni Kulturali Ewropea, kif ukoll għal dik tal-Komunità Ewropea. Dawn l-Istati u l-Komunità Ewropea jistgħu jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu permezz ta’:

    (a)

    firma mingħajr riżerva ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni; jew

    (b)

    firma soġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, segwita minn ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

    2.   L-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom ikunu ddepożitati għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

    3.   Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data li fiha tliet Stati jkunu esprimew il-kunsens tagħhom li jintrabtu mill-Konvenzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti.

    4.   Għal kull Stat firmatarju jew il-Komunità Ewropea li sussegwentement jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu biha, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data li fiha jkunu esprimew il-kunsens tagħhom li jintrabtu mill-Konvenzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

    Artikolu 13

    Sħubija fil-Konvenzjoni ta’ Stati li mhumiex Membri

    1.   Wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jista’, wara konsultazzjoni mal-Partijiet għall-Konvenzjoni, jistgħu jistiednu lil kull Stat li ma jissemmiex fl-Artikolu 12, paragrafu 1, sabiex jisseħeb f’din il-Konvenzjoni, permezz ta’ Deċiżjoni meħuda mill-maġġoranza provduta fl-Artikolu 20.d tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u b’vot unanimu tar-rappreżentanti tal-Istati Kontraenti li għandhom id-dritt li jpoġġu fuq il-Kumitat.

    2.   Għal kull Stat imsieħeb, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara t-tmiem ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data ta’ depożitu tal-istrument ta’ sħubija mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

    Artikolu 14

    Applikazzjoni territorjali

    1.   Kull Stat jew il-Komunità Ewropea jistgħu, meta jiffirmaw jew jiddepożitaw l-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew sħubija, jispeċifikaw it-territorju jew territorji li għalihom sejra tapplika din il-Konvenzjoni.

    2.   Kull Stat jew il-Komunità Ewropea jistgħu, f’kull mument wara dan, permezz ta’ dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, jestendu l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għal kwalunkwe territorju ieħor imsemmi fid-dikjarazzjoni. Fir-rigward ta’ dan it-territorju l-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data li fiha s-Segretarju Ġenerali jirċievi d-dikjarazzjoni.

    3.   Kull dikjarazzjoni li ssir skont iż-żewġ paragrafi preċedenti tista’ tiġi rtirata, f irrigward ta’ kwalunkwe territorju msemmi f’din id-dikjarazzjoni, permezz ta’ notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. L-irtirar għandu jsir effettiv fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data li fiha s-Segretarju Ġenerali jirċievi n-notifika.

    Artikolu 15

    Riżervi

    Ma tista’ ssir ebda riżerva għal din il-Konvenzjoni.

    Artikolu 16

    Riżoluzzjoni ta’ Tilwim

    F’każ ta’ tilwima bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, il-Partijiet konċernati għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jaslu għal soluzzjoni amikevoli tat-tilwima permezz ta’ negozjati jew kwalunkwe mezz paċifiku ieħor li jagħżlu, inkluża s-sottomissjoni tat-tilwima quddiem tribunal tal-arbitraġġ lid-deċiżjonijiet tiegħu għandhom jorbtu lill-Partijiet.

    Artikolu 17

    Denunzja

    1.   Kull Parti tista’, f’kull ħin, tiddenunzja din il-Konvenzjoni billi tindirizza notifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

    2.   Denunzja bħal din għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jsegwi l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tlett xhur wara d-data tal-wasla tan-notifika mis-Segretarju Ġenerali.

    Artikolu 18

    Notifiki

    Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jinnotifika lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Istati l-oħrajn Parti għall-Konvenzjoni Kulturali Ewropea, għall-Komunità Ewropea u lil kull Stat ieħor imsieħeb f’din il-Konvenzjoni rigward:

    (a)

    kwalunkwe firma skont l-Artikolu 12;

    (b)

    id-depożitu ta’ kwalunkwe strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew sħubija skont l-Artikoli 12 u 13;

    (c)

    kull data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni skont l-Artikoli 12 u 13;

    (d)

    kull dikjarazzjoni li ssir taħt l-Artikolu 4;

    (e)

    kwalunkwe proposta ta’ emenda magħmula taħt l-Artikolu 10;

    (f)

    kwalunkwe att, notifika jew komunikazzjoni relatata ma’ din il-Konvenzjoni.

    B’xiehda ta’ dan, is-sottoskritti, debitament awtorizzati, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

    Magħmul fi Strasburgu, fl-erbgħa u għoxrin jum ta’ Jannar 2001, bl-Ingliż u bil-Franċiż, biż-żewġ testi jkunu ugwalment awtentiċi, f’kopja waħda li għandha tkun iddepożitata fl-arkivji tal-Kunsill tal-Ewropa. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jibgħat kopji attestati lil kull Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Istati l-oħrajn Parti għall-Konvenzjoni Kulturali Ewropea, għall-Komunità Ewropea u lil kull Stat mistieden sabiex jissieħeb f’din il-Konvenzjoni.

     

    Top