Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0646

    Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta’ Prespa

    ĠU L 258, 4.10.2011, p. 1–1 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/646/oj

    Related international agreement

    4.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 258/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-23 ta’ Mejju 2011

    dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta’ Prespa

    (2011/646/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192 (1) flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218 (6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (1), (“id-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma”) teħtieġ, meta baċini ta’ xmajjar jestendu lil hinn mit-territorju tal-Unjoni, li l-Istati Membri jippruvaw jistabbilixxu koordinazzjoni xierqa mal-Istati mhux Membri rilevanti, bl-iskop li jintlaħqu l-miri tad-Direttiva fid-distrett kollu tal-baċin tax-xmara.

    (2)

    Fis-27 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja, f’isem il-Komunità Ewropea, il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar baċini ta’ xmajjar ħalli ttejjeb tal-kooperazzjoni f’baċini ta’ xmajjar Ewropej kondiviżi bejn ċerti Stati Membri u pajjiżi terzi.

    (3)

    Il-Lagi ta’ Prespa u l-madwar tagħhom huma żona naturali unika b’sinifikat ekoloġiku għoli, li jista’ jiġi ppreservat biss permezz ta’ approċċ olistiku f’livell ta’ baċin.

    (4)

    Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta’ Prespa ġie nnegozjat mill-Kummissjoni Ewropea, il-Greċja, l-Albanija u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u jikkostitwixxi titjib fil-kooperazzjoni eżistenti fiż-żona filwaqt li għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b’suċċess tad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma.

    (5)

    Il-Ftehim għandu jiġi konkluż;

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta’ Prespa huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna(i) bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni, għan-notifika prevista fl-Artikolu 18 tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha (2).

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Mejju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    MARTONYI J.


    (1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

    (2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top

    4.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 258/2


    TRADUZZJONI

    FTEHIM

    dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta’ Prespa

    Il-Ministeri tal-Ambjent tat-tlett Statili jikkondividu ż-Żona tal-Lagi ta’ Prespa u l-Unjoni Ewropea, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

    FILWAQT LI JŻOMMU quddiem għajnejhom id-Dikjarazzjoni tal-Prim Ministri tat-tliet Stati tat-2 ta’ Frar 2000 dwar il-Ħolqien tal-Park ta’ Prespa u l-Protezzjoni Ambjentali u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Lagi ta’ Prespa u l-Madwar tagħhom;

    FILWAQT LI JFAKKRU fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Prim Ministri tat-tliet Stati li jikkondividu l-baċin tal-Lagi ta’ Prespa tas-27 ta’ Novembru 2009 f’Pyli;

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Lagi ta’ Prespa u l-baċin li jdawwarhom huma żona naturali unika li s-sinifikat ġeomorfoloġiku, ekoloġiku, ta’ bijodiversità u kulturali tagħhom huwa ta’ importanza internazzjonali, bħala ħabitat vitali għall-konservazzjoni ta’ diversi speċijiet rari u/jew endemiċi ta’ fawna u flora, bħala post ta’ tbejjit ta’ għasafar mhedda globalment, u bħala depożitorju ta’ wirt sinfikanti arkeoloġiku u tradizzjonali;

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU r-responsabbiltà komuni tagħhom għall-konservazzjoni tal-ekosistema tal-baċin tal-Lagi ta’ Prespa u l-komponenti tagħha kif ukoll għas-sbuħija naturali tagħha, bħala bażi għall-benessri ekonomiku u soċjali tal-abitanti tagħha u għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp ekonomiku (inklużi l-agrikoltura, is-sajd u t-turiżmu);

    KONVINTI li permezz tal-adozzjoni ta’ approċċ olistiku fil-livell tal-baċin biss jistgħu jiżguraw u jżommu l-bijodiversità, il-funzjonijiet prinċipali u l-benefiċċji umani tal-baċin tal-Lagi ta’ Prespa;

    KONXJI li azzjonijiet individwali mill-pajjiżi mhumiex suffiċjenti sabiex ikunu konservati l-ekosistemi ta’ Prespa u l-wirt kulturali tiegħu u l-istess waqt jittejjeb l-istandard tal-għixien tal-abitanti tiegħu;

    FILWAQT LI JIXTIEQU jtejbu l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet interessati fit-tliet Stati sabiex jinżammu u jigu protetti l-valuri ekoloġiċi uniċi tal-baċin tal-Lagi ta’ Prespa u jiġu pprevenuti u/jew irriversati l-kawżi tad-degradazzjoni tal-ħabitat tiegħu, kif mitlub mid-Dikjarazzjoni tal-Prim Ministri tat-2 ta’ Frar 2000;

    RIŻOLUTI li jesploraw metodi ta’ mmaniġġjar xierqa għall-użu sostenibbli u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-ilma u tal-ilma ħelu tal-Lagi ta’ Prespa, kif rikwest mid-Dikjarazzjoni tal-Prim Ministri tat-2 ta’ Frar 2000, u skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas 2000/60/KE tal-UE dwar l-Ilma u Direttivi relatati;

    KONXJI mill-istorja twila tal-użu taż-żona mill-bniedem u l-kompatibbiltà ta’ użijiet tradizzjonali mal-konservazzjoni tan-natura;

    FILWAQT LI JIKKONFERMAW l-impenn tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli tal-baċin tal-Lagi ta’ Prespa li jista’ jseħħ b’mod koerenti permezz ta’ kooperazzjoni transkonfinali, skont il-prinċipji tal-proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

    FILWAQT LI JQISU d-djalogu ta’ Drin li nbeda fl-2009 fost l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet interessati biex tiġi żviluppata viżjoni kondiviża għall-immanigjar sostenibbli tal-baċin Drin u promossal-kooperazzjoni transkonfinali;

    FILWAQT LI JŻOMMU f’moħħhom id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istrumenti legali internazzjonali fis-seħħ fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali li għalih huma partijiet jew firmatarji;

    FILWAQT LI JIFTAKRU dwar il-ftehimiet bilaterali fis-seħħ bejn il-Partijiet fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli;

    FILWAQT LI JŻOMMU f’moħħhom li waħda mill-Partijiet hija Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, waħda hija pajjiż kandidat għal sħubija fl-UE u waħda hija pajjiż kandidat potenzjali għal sħubija fl-UE u li l-aħħar tnejn ikkonkludew ukoll Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-UE;

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-kapaċità divrenzjata iżda kumplimentari tal-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi fit-tliet Stati Partijiet fir-rigward tal-konservazzjoni u l-immaniġġjar taż-żona ta’ Prespa;

    FILWAQT LI JQISU l-esperjenza miksuba mill-kooperazzjoni trilaterali fil-qafas tal-Park ta’ Prespa sa mill-2000 permezz tal-operat tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni interim u s-Segretarjat tiegħu;

    FILWAQT LI JQISU l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Park ta’ Prespa li ġie elaborat fil-qafas tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni interim u s-Segretarjat tiegħu;

    QABLU KIF ĠEJ:

    L-EWWEL PARTI

    ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Id-Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    Iż-“Żona tal-Park ta’ Prespa” (iż-“Żona”) hija ż-żona ġeografika fit-territorju tat-tliet Stati li tagħmel parti mill-baċin tal-Lagi ta’ Prespa, li tinkludi ilmijiet tas-superfiċje u ta’ taħt l-art attribwiti kif xieraq, u deżinjati bħala żona transkonfinali protetta skont id-Dikjarazzjoni tat-2 ta’ Frar 2000.

    “Impatt Transkonfinali” ifisser kwalunkwe effett fuq l-ambjent fi ħdan żona taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Parti, inklużi effetti ħżiena fuq is-saħħa u s-sigurtà umana, fuq il-flora, il-fawna, il-ħamrija, l-arja, l-ilma, il-klima, il-pajsaġġ u l-monumenti storiċi jew strutturi fiżiċi oħrajn jew l-interazzjoni bejn dawn il-fatturi, kif ukoll l-effetti fuq il-wirt kulturali jew kondizzjonijiet soċjo-ekonomiċi, li jirriżultaw minn alterazzjonijiet f’dawk il-fatturi, ikkawżati minn bidla li l-oriġini fiżika tagħha tkun tinsab kompletament jew parzjalment fiż-żona taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Parti oħra.

    Artikolu 2

    L-Għan tal-Ftehim

    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw protezzjoni integrata tal-ekosistema u l-iżvilupp sostenibbli taż-Żona tal-Park ta’ Prespa, inkluż l-iżvilupp ta’ pjanijiet integrati għall-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara, skont l-istandards internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea.

    IT-TIENI PARTI

    IL-PRINĊIPJI TA’ KOOPERAZZJONI

    Artikolu 3

    L-Obbligi bażiċi

    1.   Għat-twettiq tal-miri tal-Artikolu 2, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji u japplikaw l-aħjar tekniki disponibbli, individwalment u f’kooperazzjoni abbażi tal-ugwaljanza tas-sovranità, l-integrità territorjali, il-benefiċċju reċiproku, u f’bona fede, għal:

    (a)

    L-immaniġġjar bi prudenza tal-kwalità u tal-kwantità tal-ilma tal-Lagi ta’ Prespa b’attenzjoni speċjali għal-livell tal-ilma fiż-żewġ lagi;

    (b)

    Il-prevenzjoni, il-kontroll u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilmijiet fiż-Żona tal-Lagi ta’ Prespa;

    (ċ)

    Il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità taż-Żona permezz tal-protezzjoni b’mod speċjali tal-ispeċijiet endemiċi, rari, mhedda jew ipperikolati tal-flora u tal-fawna u permezz tar-restawr u l-immaniġġjar ta’ ħabitats sensittivi kif ukoll tal-ekosistemi u s-servizzi mill-ekosistemi, abbażi tal-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-UE fosthom id-Direttiva 92/43/KEE u d-Direttiva 2009/147/KE, u l-Politika tal-Bijodiversità tal-UE;

    (d)

    Il-protezzjoni tal-ħamrija mit-tgħawwir, it-tfaqqir, l-infezzjonijiet u t-tniġġis;

    (e)

    L-iżgurar, il-promozzjoni u l-kontroll tal-użu prudenti tar-riżorsi naturali u l-iżvilupp sostenibbli taż-Żona tal-Park ta’ Prespa;

    (f)

    Il-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tkabbir ta’ speċijiet ta’ annimali u pjanti aljeni;

    (g)

    Il-kontroll effettiv tal-attivitajiet li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw impatt negattiv fiż-Żona tal-Lagi ta’ Prespa sabiex jiġu pprevenuti jew imminimizzati dawn l-effetti.

    2.   Għal dan l-iskop, il-Partijiet għandhom:

    (a)

    Ifasslu u jimplimentaw pjanijiet u programmi ta’ mmaniġġjar integrat għall-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli taż-Żona, skont il-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Park ta’ Prespa;

    (b)

    Jiżviluppaw strateġiji koerenti għal pjanijiet tal-użu tal-art urbana, l-ispazju u użu ieħor kif ukoll pjanijiet ta’ mmaniġġjar taż-żoni protetti, sabiex jiġi żgurata l-immaniġġjar taż-żona idrografika skont il-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli u sabiex titjieb il-protezzjoni meħtieġa għaż-Żona, abbażi tal-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-UE li tinkludi d-Direttiva 92/43/KEE u d-Direttiva 2009/147/KE;

    (ċ)

    Japprovaw u japplikaw lealment l-istandards u l-kriterji ambjentali għaż-żona idrografika kif deskritti fl-Artikolu 4;

    (d)

    Jadottaw u jimplimentaw miżuri legali, amministrattivi, ekonomiċi, finanzjarji u tekniċi sabiex jiġu żgurati:

    (i)

    L-applikazzjoni tal-punt massimu possibbli ta’ agrikoltura sostenibbli u tkabbir tal-annimali b’impatt baxx abbażi ta’ kemm tiflaħ iż-Żona u ta’ regoli tas-sajd kompatibbli mal-kunċett tal-użu prudenti;

    (ii)

    L-immaniġġjar tal-iskart domestiku u agrikolu skont l-aħjar tekniki disponibbli;

    (iii)

    It-titjib u l-modernizzazzjoni tan-netwerks tat-toroq u tal-komunikazzjoni u tal-infrastruttura soċjali u servizzi oħrajn b’mod konsistenti mal-protezzjoni tal-bijodiversità, mal-konservazzjoni taż-żoni protetti u mal-iżvilupp sostenibbli taż-Żona tal-Park ta’ Prespa.

    (e)

    Jiffaċilitaw l-iskambju regolari ta’ ideat fost il-Partijiet, jikkonservaw l-arkitettura u l-monumenti tradizzjonali, jiżviluppaw u jimplimentaw strateġija konġunta għall-iżvilupp turistiku taż-Żona, u jippromwovu s-sensibilizzazzjoni pubblika u l-edukazzjoni ambjentali bħala mezz biex jintlaħħqu soluzzjonijiet lokali;

    (f)

    Iħaffu r-realizzazzjoni kompleta u effettiva tad-drittijiet ta’ aċċess tal-individwi tal-komunità taż-żona idrografika għall-informazzjoni ambjentali, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ambjentali u aċċess għall-ġustizzja f’dawn il-kwistjonijiet;

    (g)

    Jistabbilixxu u jżommu sistema ta’ monitoraġġ effettiva u ta’ standard komuni sabiex jiġi osservat, immaniġġjat u kkontrollat l-istat ambjentali tal-Lagi u ż-żona idrografika tagħhom;

    (h)

    F’każ ta’ kontinġenzi, jadottaw miżuri komuni sabiex jiġu vvalutati u mmitigati malajr.

    Artikolu 4

    L-istandards u l-kriterji ambjentali

    1.   Il-Partijiet għal dan il-Ftehim, bl-assistenza tal-Kumitat deskritt fl-Artikolu 10, għandhom jistabbilixxu l-kriterji, l-istandards, il-limiti u l-miri eżatti għall-protezzjoni, il-konservazzjoni u l-iżvilupp taż-Żona skont il-miri tal-Artikolu 2.

    2.   Għal dan l-iskop, il-Partijiet għandhom jieħdu passi xierqa biex:

    (a)

    Jimplimentaw l-impenji legali li jirriżultaw min-normi u l-istandards internazzjonali u tal-UE għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-Lagi u ż-żona idrografika tagħhom;

    (b)

    Jaġġustaw l-istandards u l-kriterji ambjentali nazzjonali rilevanti għall-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet lokali taż-żona idrografika;

    (ċ)

    Jeħtieġu l-użu tal-aħjar teknoloġija u prassi ambjentali kontemporanji disponibbli.

    Artikolu 5

    L-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma

    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-immaniġġjar sostenibbli tal-ilmijiet taż-Żona tal-Park ta’ Prespa. Dan jinkludi l-immaniġġjar integrat tar-riżorsi tas-supperfiċje u tal-ilma ta’ taħt l-art fil-livell tal-baċin abbażi tad-Direttiva 2000/60/KE u d-Direttivi relatati, li għandhom jipprovdu għal:

    (a)

    Ilma fi kwantità suffiċjenti u ta’ kwalità xierqa għax-xorb;

    (b)

    Ilma fi kwantità suffiċjenti u ta’ kwalità xierqa għall-ippreservar, il-protezzjoni, u jekk neċessarju, ir-restawr tal-ekosistemi akkwatiċi naturali, inklużi artijiet mistagħdra, u l-funzjonijiet tagħhom;

    (ċ)

    Ilma fi kwantità suffiċjenti u ta’ kwalità xierqa għal użijiet leġittimi oħrajn li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli ekonomiku u soċjali tas-soċjetajiet lokali, filwaqt li titqies il-ħtieġa tal-adattament għall-impatti possibbli tat-tibdil fil-klima;

    (d)

    Riabilitazzjoni jew it-taffija tal-impatti negattivi mill-interventi idroloġiċi li saru fl-imgħoddi, b’enfasi speċjali fuq ix-Xmara Devolli — is-sistema tal-Lag Micro Prespa;

    (e)

    Protezzjoni kontra l-effetti ħżiena tal-ilma (għargħar, erożjoni, eċċ.) bl-użu tal-aħjar tekniki disponibbli;

    (f)

    Riżoluzzjoni ta’ kunflitti ta’ interess ikkawżati minn użi differenti; u

    (g)

    Kontroll effettiv tar-reġim tal-immaniġġjar tal-ilma u li għandu jiġi stabbilit.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet ser jistabbilixxu Grupp ta’ Ħidma għall-Ilma kif stabbilit fl-Artikolu 14.

    Artikolu 6

    L-iskambju tad-dejta u l-informazzjoni

    Il-Partijiet għandhom jorganizzaw sistema formali għall-iskambju regolari tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jgħinu biex tintlaħaq il-protezzjoni effettiva taż-Żona tal-Park ta’ Prespa, inkluż l-iskambju ta’:

    (a)

    dejta kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-ilma, l-ekosistemi akkwatiċi, u l-ħabitats u l-ispeċijiet importanti;

    (b)

    l-esperjenza miksuba permezz tal-applikazzjoni tal-aħjar tekniki u r-riżultati disponibbli tar-riċerka u l-żvilupp fl-oqsma tal-protezzjoni tal-mistagħdra, tal-immaniġġjar tal-ilma, u l-miżuri għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis.

    Artikolu 7

    L-impatt transkonfinali

    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bl-iskop li jaqblu dwar miżuri li jimmiraw biex tiġi żgurta l-integrità tal-ambjent, u speċjalment tal-ilma, fiż-Żona u l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-impatti transkonfinali fuq l-ambjent ikkawżati minn attivitajiet tal-bniedem. B’mod partikolari, għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw u japplikaw proċeduri xierqa għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali fiż-Żona, skont il-Konvenzjoni Espoo dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali, li għalih huma partijiet.

    Artikolu 8

    Il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u donaturi internazzjonali

    Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom ifittxu sħab lokali, nazzjonali u internazzjonali, u se jikkooperaw b’mod speċjali ma’:

    Il-Konvenzjoni Ramsar u l-Inizjattiva MedWet,

    UNDP,

    GEF,

    Donaturi bilaterali attivi fir-reġjun, bħal KfW, GTZ u SDC,

    Unesco,

    IUCN,

    L-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea,

    u oħrajn.

    IT-TIELET PARTI

    IL-MEKKANIŻMI TA’ KOOPERAZZJONI

    Artikolu 9

    Is-Segment ta’ livell għoli

    Il-Ministri tal-Ambjent tat-tliet Stati Partijiet u r-rappreżentant tal-UE għandhom jiltaqgħu regolarment biex jirrevedu l-progress fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u fl-ilħiq tal-miri tal-Artikolu 2, biex jirrevedu x-xogħol tal-Kumitat tal-Immaniġġjar tal-Park ta’ Prespa u organi sussidjarji, biex jistabbilixxu l-aġenda tal-attivitajiet konġunti fiż-Żona tal-Park ta’ Prespa għall-perjodu li ġej, u biex jipprovdu gwida politika. Dawn il-laqgħat iseħħu mill-inqas darba kull sentejn, sakemm ma jiġix deċiż xort’oħra mill-Partijiet, jew fuq it-talba bil-miktub ta’ kwalunkwe Parti, f’post li jalterna bejn it-tliet Stati Partijiet.

    Artikolu 10

    Il-Kumitat tal-Immaniġġjar tal-Park ta’ Prespa

    1.   Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja fl-ilħiq tal-miri u l-impenji speċifikati f’dan il-Ftehim, il-Partijiet b’dan qegħdin jistabbilixxu l-Kumitat tal-Immaniġġjar tal-Park ta’ Prespa.

    2.   Il-Kumitat tal-Immaniġġjar tal-Park ta’ Prespa għandu jkollu l-kapaċità legali internazzjonali ta’ istituzzjoni plurilaterali neċessarja għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, inkluża ż-żamma tar-relazzjonijiet mad-donaturi sabiex jiġu żgurati proġetti u donazzjonijiet, li jintużaw għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    3.   Il-Kumitat tal-Immaniġġjar tal-Park ta’ Prespa għandu jkollu l-kompożizzjoni li ġejja:

    (a)

    Rappreżentant wieħed tal-Ministeru tal-Ambjent minn kull Stat Parti u rappreżentant wieħed tal-Unjoni Ewropea;

    (b)

    Rappreżentant wieħed mill-komunitajiet lokali fir-reġjun ta’ Prespa minn kull Stat Parti;

    (ċ)

    Rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi (NGOs) minn kull Stat Parti, b’attivitajiet lokali sinifikanti fiż-żona ta’ Prespa;

    (d)

    Rappreżentant wieħed tal-awtoritajiet tal-immaniġġjar taż-żoni protetti lokali minn kull Stat Parti;

    (e)

    Osservatur permanenti wieħed mill-Inizjattiva MedWet tal-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra (Ramsar);

    (f)

    Osservatur permanenti wieħed mill-Kumitat tal-Immaniġġjar Ohrid.

    Ir-rappreżentanti tal-Partijiet fil-Kumitat għandhom jiġu nnominati formalment fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

    4.   Il-Kumitat għandu jiltaqa’ fuq bażi regolari (darbtejn fis-sena). Laqgħa straordinarja tal-Kumitat għandha tissejjaħ fuq it-talba ta’ kwalunkwe Parti.

    5.   Kull sena kalendarja għandha ssir rotazzjoni fil-post tal-laqgħat regolari bejn it-tliet Stati Partijiet. Għaldaqstant ser isiru żewġ laqgħat ordinarji konsekuttivi f’kull Stat kull tliet snin. Preferibbilment, il-laqgħat regolari għandhom isiru fir-reġjun ta’ Prespa.

    6.   Il-laqgħat għandhom jiġu ppreseduti mir-rappreżentant tal-Istat Parti li fih ikunu qed isiru. It-terminu tal-presidenza jsegwi r-rotazzjoni annwali tal-paragrafu 5.

    7.   Ix-xogħol tal-Kumitat isir bl-Ingliż.

    8.   Fl-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kumitat għandu japprova r-regoli interni tiegħu tal-organizzazzjoni u l-proċedura.

    9.   Il-Kumitat jista’ jistieden esperti biex jipparteċipaw fil-laqgħat tiegħu, skont it-tema tal-laqgħa, u jista’ jifforma gruppi ta’ ħidma dwar kwistjonijiet speċifiċi komposti minn esperti u uffiċjali. L-ewwel grupp ta’ ħidma huwa stabbilit taħt dan il-Ftehim (l-Artikolu 14) dwar kwistjonijiet tal-immaniġġjar tal-ilma.

    10.   Erba’ snin wara l-bidu tal-operat tiegħu, il-funzjonament u l-effikaċja tal-Kumitat tal-Immaniġġjar tal-Park ta’ Prespa ser jiġu eżaminati mis-Segment ta’ livell għoli tal-Artikolu 9 u, jekk neċessarju, il-kompożizzjoni u t-termini ta’ referenza tiegħu jiġu aġġustati skont l-Artikolu 17 ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 11

    Il-Funzjonijiet tal-Kumitat tal-Immaniġġjar

    Il-Kumitat tal-Immaniġġjar tal-Park ta’ Prespa għandu:

    1.

    Jimmonitorja u jikkoordina l-attivitajiet imwettqa għall-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli taż-Żona tal-Park ta’ Prespa fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u tal-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Park ta’ Prespa.

    2.

    Jidentifika u jirrakkomanda lill-Partijiet u lil partijiet interessati oħra l-istadji li jmiss u l-azzjonijiet, il-miżuri u l-attivitajiet neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u jistedinhom jikkooperaw, jikkoordinaw u jwettqu proġetti konġunti. B’mod iżjed speċifiku, il-Kumitat għandu jassisti lill-Partiti fl-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-effikaċja ta’ dan il-Ftehim billi jipprovdi rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet dwar:

    (a)

    L-abbozzar u l-applikazzjoni ta’ standards, kriterji u rekwiżiti ambjentali, li jservu bħala l-bażi biex jintlaħqu l-protezzjoni integrata u l-iżvilupp sostenibbli tal-Lagi u ż-żoni idrografiċi tagħhom;

    (b)

    Il-kompletazzjoni tal-qafas regolatorju taż-żona idrografika, inklużi pjanijiet għall-ispazju u regolamenti għaż-żoni protetti u pjanijiet ta’ mmaniġġjar;

    (ċ)

    L-abbozzar u l-applikazzjoni ta’ strateġiji, pjanijiet ta’ immaniġġjar integrat u programmi li jkunu ser jiġu implimentati fiż-Żona tal-Park ta’ Prespa, li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw il-ksib tal-miri ta’ dan il-Ftehim;

    (d)

    L-applikazzjoni ta’ programm ta’ monitoraġġ effettiv sabiex jiġi osservat, immaniġġjat u kkontrollat l-istat tal-ambjent u l-istatus tal-ilmijiet tas-superfiċje u dawk ta’ taħt l-art;

    (e)

    Id-definizzjoni ta’ direzzjonijiet ta’ prijorità u programmi ta’ studju u riċerka xjentifika għall-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli taż-Żona tal-Park ta’ Prespa u l-promozzjoni tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni esperta;

    (f)

    Il-ġbir, l-elaborazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ambjentali dwar iż-Żona tal-Lagi ta’ Prespa;

    (g)

    Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku, tal-NGOs u ta’ partijiet interessati oħra fil-protezzjoni tal-Lagi u ż-żona idrografika tagħhom.

    3.

    Jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-ippjanar u tal-attivitajiet b’rilevanza transkonfinali minn korpi lokali tal-immaniġġjar taż-żoni protetti fit-tliet Stati involuti.

    4.

    Jivvaluta r-riżultati tal-azzjonijiet fis-seħħ skont il-miri tal-Artikolu 2, u jqassam ir-riżultati tiegħu b’mod wiesa’.

    5.

    Iservi bħala l-korp ta’ tmexxija għall-GEF u programmi u proġetti simili oħrajn li jikkonċernaw iż-Żona.

    6.

    Jidentifika u jipproponi sorsi ta’ finanzjament possibbli f’livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali għall-azzjonijiet, il-miżuri u l-proġetti neċessarji.

    7.

    Jiġbor kwalunkwe informazzjoni disponibbli relatata għal-Lagi u ż-żona idrografika tagħhom, jitlob għal u jirċievi proposti minn istituzzjonijiet governattivi, korpi u NGOs sabiex itejjeb ix-xogħol tiegħu u jżid l-impenn tal-Partijiet għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    8.

    Jipprepara u jippubblika rapport annwali dwar l-istat tal-ambjent għaż-Żona tal-Park ta’ Prespa, li jkun jinkludi taqsima waħda fejn jiġi deskritt ix-xogħol tal-Kumitat.

    9.

    Jikkoordina mal-Kumitat tal-Immaniġġjar Ohrid, jikseb status ta’ osservatur fil-laqgħat tiegħu u jikkoordina l-azzjonijiet sabiex jilħaq l-aħjar riżultati fil-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun iktar wiesa’.

    10.

    Jikkontribwixxi kif xieraq fil-proċess għall-immaniġġjar sostenibbli tad-djalogu estiż dwar il-baċin Drin.

    11.

    Jikkontribwixxi għall-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi tal-Partijiet u l-komunità internazzjonali, kif xieraq, ħalli jimmaniġġja r-riskji u jimmitiga l-impatti negattivi, fil-każ ta’ avvenimenti mhux mistennija, bħal għargħar, nirien forestali u katastrofi naturali jew antropoġeniċi oħrajn kif ukoll għall-protezzjoni tal-ekosistemi vulnerabbli taż-Żona u l-funzjonijiet u s-servizzi tagħhom mill-effetti tat-tibdil fil-klima.

    Artikolu 12

    Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Immaniġġjar

    1.   Il-Kumitat għandu jiddeċiedi b’konsensus. F’każ li l-konsensus ma jintlaħaqx, il-kwistjoni għandha tiġi rriferita lis-Segment ta’ Livell Għoli biex tiġi riżolta.

    2.   Il-Kumitat għandu jindirizza r-rakkmandazzjonjiet tiegħu lill-Partijiet.

    3.   Kull Parti għandha timplimenta r-rakkmandazzjonijiet tal-Kumitat skont il-liġi domestika u għandha tirrapporta regolarment lill-Kumitat dwar miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tagħhom.

    4.   Fil-każ li Parti ma tkunx tista’ jew tkun biss parzjalment fil-pożizzjoni li timplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat, għandha tinforma lill-Kumitat b’dan, tispjega r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni u tipproponi l-modalitajiet u l-iskedar għall-implimentazzjoni.

    5.   Il-Kumitat għandu jżomm reġistru tad-deċiżjonijiet meħuda.

    Artikolu 13

    Is-Segretarjat

    1.   Il-Kumitat huwa assistit minn organu tekniku sussidjarju, is-Segretarjat, fit-twettiq ta’ dmirijietu.

    2.   Is-Segretarjat ikun jikkonsisti fi tliet persuni, waħda minn kull Stat Parti, maħtura mill-Ministeru tal-Ambjent u mmexxija minn espert fil-kooperazzjoni transkonfinali fir-rigward ta’ żoni protetti u l-immaniġġjar ta’ baċini tax-xmajjar u għandu jintgħażel mill-Kumitat permezz ta’ sejħa internazzjonali għall-applikazzjonijiet.

    3.   Ix-xogħol tas-Segretarjat għandu jiġi ggwidat mid-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Immaniġġjar u għandu jiġi superviżjonjat mill-President ta’ dan il-Kumitat.

    4.   Is-Segretarjat għandu jkollu l-kompiti speċifiċi li ġejjin li għandhom jitwettqu fil-limiti tal-baġit disponibbli:

    (a)

    Il-Preparazzjoni tal-pjan annwali ta’ ħidma tal-Kumitat tal-Immaniġġjar tal-Park ta’ Prespa b’baġit dettaljat, u ta’ pjanijiet tax-xogħol relatati (eż. pjan ta’ komunikazzjoni) b’baġits dettaljati u segwitu tal-implimentazzjoni tagħhom;

    (b)

    Il-preparazzjoni jew l-assistenza fil-preparazzjoni ta’ laqgħat organizzati fil-qafas ta’ dan il-Ftehim;

    (ċ)

    Il-faċilitazzjoni ta’ konsultazzjonijiet dwar il-politika u kwistjonijiet rilevanti oħrajn relatati għal dan il-Ftehim bejn partijiet interessati, u konsultazzjonijiet fil-livell ta’ tfassil ta’ politika u fil-livell tekniku minn gruppi ta’ ħidma u/jew gruppi esperti;

    (d)

    Il-ġbir, il-valutazzjoni u d-diffużjoni ta’ dejta u informazzjoni dwar leġiżlazzjoni, miżuri u attivitajiet li għandhom jew li jista’ jkollhom effetti sinifikanti fuq il-ksib tal-miri tal-Artikolu 2;

    (e)

    Is-segwitu ta’ proġetti konġunti;

    (f)

    Il-kompilazzjoni, l-evalwazzjoni, il-pubblikazzjoni u l-promozzjoni ta’ riċerka xjentifika u l-kooperazzjoni fiż-Żona tal-Park ta’ Prespa;

    (g)

    Kuntatti u laqgħat ma’ donaturi; preparazzjoni jew assistenza fil-preparazzjoni ta’ dokumenti ta’ proġetti;

    (h)

    It-traduzzjoni ta’ dokumenti ewlenin; sostenn tekniku u segretarjali għar-rappreżentanti lokali tal-komunità;

    (i)

    Rappreżentanza tal-Kumitat f’fora internazzjonali;

    (j)

    Kwalunkwe dmir li jingħatalu mill-Kumitat.

    5.   Is-sede tas-Segretarjat għandha tkun f’Aghios Germanos, fil-Greċja, għal perjodu ta’ erba’ snin, fuq bażi ta’ rotazzjoni, jew sakemm jiġi deċiż xort’oħra mill-Kumitat.

    6.   Il-Kumitat huwa awtorizzat jikkonkludi Ftehim dwar is-Sede mal-pajjiż ospitanti fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

    Artikolu 14

    Il-Grupp ta’ Ħidma għall-Immaniġġjar tal-Ilma

    1.   Il-Kumitat għall-Immaniġġjar tal-Park ta’ Prespa jistabbilixxi Grupp ta’ Ħidma għall-Immaniġġjar tal-Ilma, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10.

    2.   L-Istati Partijiet, wara konsultazzjoni, għandhom jinnominaw awtoritajiet u korpi kompetenti għall-immaniġġjar tal-ilma fil-parti tal-Park ta’ Prespa fi ħdan it-territorji tagħhom bħala membri ta’ dan il-Grupp ta’ Ħidma u jinfurmaw b’din in-nomina lill-president tal-Kumitat tal-Immaniġġjar tal-Park Prespa.

    3.   Il-Grupp ta’ Ħidma għall-Immaniġġjar tal-Ilma se jipproponi rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipji tal-immaniġġjar integrat tal-baċin ta’ xmara, kif rifless fid-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma (2000/60/KE), għall-adozzjoni tal-Kumitat tal-Immaniġġjar.

    4.   Il-kompiti speċifiċi u l-mandat tal-Grupp ta’ Ħidma se jiġu ddefiniti permezz ta’ konsultazzjonijiet bejn l-Istati Partijiet.

    5.   L-ispejjeż għall-operat tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Immaniġġjar tal-Ilma (parteċipazzjoni fi u l-organizzazzjoni tal-laqgħat) għandhom jiġu koperti għal perjodu ta’ erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, mill-Ministru Elleniku għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima.

    Artikolu 15

    L-Ispejjeż tal-Korpi Konġunti

    1.   L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma tal-Kumitat tal-Immaniġġjar tal-Park ta’ Prespa għandha tiġi ffinanzjata b’kontribuzzjonijiet annwali regolari mill-Partijiet u minn sorsi oħrajn.

    2.   Kull Parti għandha fil-prinċipju tieħu ħsieb l-ispejjeż assoċjati mal-parteċipazzjoni tal-membri nazzjonali tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat, tas-Segretarjat u tal-gruppi ta’ ħidma, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 14 (5).

    3.   Il-Parti li fit-territorju tagħha tiġi organizzata laqgħa tal-Kumitat għandha tħallas għall-ispiża tal-organizzazzjoni tal-laqgħa.

    4.   Is-Segretrarjat se jipprepara baġit annwali li jkopri l-ispejjeż tiegħu u li jiġi sottomess għall-approvazzjoni lill-Kumitat, u għandu jiġi ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet annwali regolari mill-Istati Partijiet u minn sorsi oħrajn. Faċilitajiet tal-uffiċċju se jiġu pprovduti mill-Parti fejn ikun jinsab is-Segretarjat, normalment lil hinn mill-baġit.

    IR-RABA’ PARTI

    IR-RIŻOLUZZJONI TAT-TILWIM

    Artikolu 16

    F’każ ta’ tilwim bejn il-Partijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom ifittxu soluzzjoni permezz ta’ negozjati — jew bi kwalunkwe mezz ieħor internazzjonali għar-riżoluzzjoni tat-tilwim aċċettabbli għalihom.

    IL-ĦAMES PARTI

    ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 17

    L-Emendi għall-Ftehim

    1.   Kwalunkwe Parti tista’ tipproponi emendi għall-Ftehim preżenti.

    2.   Kull emenda għall-Ftehim preżenti għandha tiġi maqbula b’konsensus. L-Emendi għandhom jidħlu fis-seħħ skont il-proċedura ppreżentata fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 18.

    Artikolu 18

    Id-dħul fis-seħħ

    1.   Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal ratifika skont il-proċeduri domestiċi ta’ kull Parti.

    2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li fih jasal l-aħħar avviż bil-miktub li permezz tiegħu il-Partijiet javżaw lil xulxin bir-ratifika tal-Ftehim.

    Artikolu 19

    Ir-relazzjoni ma’ Ftehimiet oħra

    1.   Xejn fil-Ftehim preżenti ma għandu jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi ta’ Parti li jirriżultaw minn kwalunkwe ftehim li jkun fis-seħħ fid-data li fih dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi ta’ Parti li jirriżultaw mil-liġi tal-UE.

    2.   Għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim il-Partijiet jistgħu jidħlu fi ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew trilaterali, li ma għandhomx ikunu f’kunflitt ma’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 20

    Id-Durata u l-Irtirar

    Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ b’mod indefinit sakemm waħda mill-Partijiet, permezz ta’ kanali diplomatiċi, ma tinnotifikax ix-xewqa tagħha li tirtira minnu, f’liema każ il-Ftehim għandu jiġi terminat sitt xhur wara d-data ta’ dan l-avviż bil-miktub. Sakemm ma jiġix miftiehem xort’oħra, din it-terminazzjoni ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi arranġamenti jew proġetti fis-seħħ magħmula skont dan il-Ftehim.

    Magħmul f’Pyli, fit-2 ta’ Frar 2010, f’erba’ kopji oriġinali bl-Ingliż, kollha awtentiċi bl-istess mod.

    B’XHIEDA TA’ DAN is-sottoskritti, debitament awtorizzati biex jagħmlu dan, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Top