This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011D0632
2011/632/EU: Commission Implementing Decision of 21 September 2011 establishing a questionnaire to be used for reporting on the implementation of Directive 2000/76/EC of the European Parliament and of the Council on the incineration of waste (notified under document C(2011) 6504) Text with EEA relevance
2011/632/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Settembru 2011 li tistabbilixxi kwestjonarju li għandu jintuża għar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart (notifikata bid-dokument numru C(2011) 6504) Test b’relevanza għaż-ŻEE
2011/632/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Settembru 2011 li tistabbilixxi kwestjonarju li għandu jintuża għar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart (notifikata bid-dokument numru C(2011) 6504) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 247, 24.9.2011, p. 54–58
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 15/12/2016
24.9.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 247/54 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-21 ta’ Settembru 2011
li tistabbilixxi kwestjonarju li għandu jintuża għar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart
(notifikata bid-dokument numru C(2011) 6504)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2011/632/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha,
Billi:
(1) |
Skont id-Direttiva 2000/76/KE, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva kull tliet snin fuq il-bażi ta’ kwestjonarju elaborat mill-Kummissjoni. |
(2) |
Il-Kummissjoni stabbiliet żewġ kwestjonarji. It-tieni wieħed, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/731/UE (2), kopra s-snin 2009, 2010 u 2011. |
(3) |
Minħabba li l-kwestjonarju stabbilit bid-Deċiżjoni 2010/731/UE għandu jintuża għar-rappurtar sal-31 ta’ Diċembru 2011, għandu jiġi stabbilit kwestjonarju ġdid għall-perjodu ta’ rappurtar tat-tliet snin li jmiss, billi tiġi kkunsidrata l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE u mill-użu tal-kwestjonarji preċedenti. Madankollu, minħabba l-fatt li mis-7 ta’ Jannar 2014 id-Direttiva 2000/76/KE għandha titħassar u tiġi sostiwita bid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (3), il-kwestjonarju l-ġdid għandu jkopri biss sentejn, jiġifieri l-2012 u l-2013. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, id-Deċiżjoni 2010/731/UE għandha tiġi sostitwita. |
(4) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE (4). |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Istati Membri għandhom jużaw il-kwestjonarju ppreżentat fl-Anness għar-rappurtar dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE.
2. Ir-rapporti li għandhom jitressqu għandhom ikopru l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2013.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni 2010/731/UE hija mħassra b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2013.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2011.
Għall-Kummissjoni
Janez POTOČNIK
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 332, 28.12.2000, p. 91
(2) ĠU L 315, 1.12.2010, p. 38.
(3) ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17
(4) ĠU L 377, 31.12.1991 p. 48.
ANNESS
Kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart
Noti ġenerali:
Dan it-tielet kwestjonarju skont id-Direttiva 2000/76/KE jkopri l-perjodu mill-2012 sal-2013. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-informazzjoni diġà miksuba permezz tal-kwestjonarji preċedenti, dan il-kwestjonarju jiffoka fuq il-bidliet u l-progress li sar mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni proprja tad-Direttiva. Peress li d-Direttiva 2000/76/KE għandha titħassar mis-7 ta’ Jannar 2014 u għandha tiġi sostitwita bid-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (IED), il-perjodu ta’ rappurtar huwa limitat għal sentejn minflok tliet snin.
Sabiex tkun żgurata l-kontinwità u sabiex ikun jista’ jsir tqabbil dirett mar-reazzjonijiet preċedenti, il-kwestjonarju ma jbiddilx l-approċċ ġenerali li jinsab fid-Deċiżjoni 2010/731/UE. F’dawk il-każijiet fejn il-mistoqsijiet huma simili għal dawk tal-kwestjonarju preċedenti, tista’ sempliċiment issir referenza għat-tweġibiet preċedenti fejn is-sitwazzjoni ma nbidlitx. Jekk kien hemm żviluppi ġodda, dawn għandhom jiġu deskritti fi tweġiba ġdida.
1. L-għadd ta’ impjanti u permessi
1.1 |
Jekk jogħġbok, agħti l-informazzjoni li ġejja dwar l-għadd ta’ impjanti (impjanti mqassma bejn impjanti ta’ inċinerazzjoni u ta’ koinċinerazzjoni) li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva 2000/76/KE, kif ukoll dwar il-permessi u l-kapaċitajiet permessi tagħhom:
|
1.2 |
Jekk jogħġbok ipprovdi lista tal-impjanti kollha li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva 2000/76/KE, u indika l-informazzjoni li ġejja għal kull wieħed minn dawk l-impjanti b’kapaċità ta’ iktar minn 2 tunnellati fis-siegħa:
|
2. Jekk jogħġbok iddeskrivi kwalunkwe problema li ġiet identifikata fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE bid-definizzjonijiet li ngħataw fl-Artikolu 3. Agħti informazzjoni speċifika għal kull definizzjoni li għaliha huma identifikati l-problemi.
3. Kien hemm xi impjanti mobbli li rċevew permessi skont id-Direttiva 2000/76/KE?
4. Jekk jogħġbok indika l-kategoriji tal-iskart li kienu koinċinerati, maqsuma skont it-tip ta’ impjant ta’ koinċinerazzjoni (fran tas-siment, impjanti ta’ kombustjoni, faċilitajiet industrijali oħrajn li mhumiex koperti bl-Anness II.1 jew II.2).
Jekk jogħġbok indika l-kodiċijiet tal-Katalogu Ewropew tal-Iskart (fakultattiv)
Jekk jogħġbok, identifika l-kapaċità permessa mogħtija għall-koinċinerazzjoni f’dawn l-impjanti (fakultattiv)
5. Kemm hemm impjanti ta’ koinċinerazzjoni li huma soġġetti għal-limitu tal-emissjonijiet stipulati fl-Anness V għad-Direttiva 2000/76/KE (jiġifieri meta ssir l-koinċinerazzjoni ta’ skart muniċipali li ma jkunx trattat, jew meta iktar minn 40 % tas-sħana rilaxxata jirriżulta mill-kombustjoni ta’ skart perikoluż)?
6. X’dispożizzjonijiet saru fil-proċess ta’ permess għal:
(a) |
L-identifikazzjoni ta’ kwantitajiet u kategoriji ta’ skart perikoluż li jista’ jiġi trattat? |
(b) |
Il-flussi minimi u massimi ta’ skart perikoluż li jrid jiġi trattat? |
(ċ) |
Il-medda ta’ valuri kalorifiċi ta’ skart perikoluż permess? |
(d) |
Ir-restrizzjonijiet tal-kontenut ta’ sustanzi li jniġġsu, eżempju PCB, PCP, kloru, fluworu, kubrit, metalli tqal? |
7. Liema skart ġie kkunsidrat bħala “mhux xieraq” biex jittieħed kampjun rappreżentattiv?
8. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ħinijiet u t-temperaturi tar-residenza [ta’ permanenza] tal-gass tal-forn kif stipulati fl-Artikolu 6(1) u 6(2) tad-Direttiva 2000/76/KE, ingħataw xi awtorizzazzjonijiet għal kundizzjonijiet differenti ta’ operat skont l-Artikolu 6(4)? Jekk it-tweġiba hija “iva”, jekk jogħġbok indika:
(a) |
Kemm ingħataw awtorizzazzjonijiet? |
(b) |
Fejn din id-dejta hija disponibbli, jekk jogħġbok iddeskrivi r-raġunijiet għall-għoti tad-deroga/i għal għadd ta’ każijiet rappreżentattivi kif ukoll għall-informazzjoni li ġejja:
|
9. Fir-rigward tal-ifran tas-siment użati għall-koinċinerazzjoni tal-iskart, ingħataw xi eżenzjonijiet mil-limiti ta’ emissjoni għall-NOx, trab, SO2 jew TOC skont l-Anness II.1? Jekk it-tweġiba hija “iva”, jekk jogħġbok indika dan li ġej:
(a) |
kemm ingħataw eżenzjonijiet; |
(b) |
fejn din id-dejta hija disponibbli, jekk jogħġbok iddeskrivi r-raġunijiet għall-għoti tad-deroga/i għal għadd ta’ każijiet rappreżentattivi kif ukoll għall-informazzjoni li ġejja:
|
10. Għar-rilaxxi mill-impjanti ta’ inċinerazzjoni u ta’ koinċinerazzjoni fl-arja, ġew stabbiliti valuri tal-limiti ta’ emissjoni differenti minn dawk mogħtija fl-Anness II jew fl-Anness V, kif xieraq? Jekk it-tweġiba hija “iva” u fejn dik id-dejta hija disponibbli, jekk jogħġbok identifika:
(a) |
l-impjanti li japplikaw għalihom, jiġifieri l-impjanti ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni, u għal dan tal-aħħar indika t-tip ta’ impjant; |
(b) |
liema minn dawn l-impjanti huma “ġodda” jew “eżistenti”; |
(ċ) |
is-sustanzi li jniġġsu li għalihom japplikaw il-valuri tal-limiti u l-valuri tal-limiti stabbiliti; |
(d) |
għaliex jiġu applikati dawn il-valuri tal-limiti; |
(e) |
is-sistema ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet għal dawn is-sustanzi li jniġġsu (kontinwament jew mhux kontinwament, u għal dan tal-aħħar indika l-frekwenza). |
11. Għas-sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness IV għad-Direttiva 2000/76/KE, kif huma ddeterminati l-valuri tal-limiti ta’ emissjoni għall-iskarigi [ir-rimi] tal-ilma tal-iskart mit-tagħmir tat-tindif tal-gass taċ-ċumnija [tal-gass tal-egsost] fl-ambjent akkwatiku? Jekk jogħġbok indika dawk il-każijiet fejn il-valuri tal-limiti tal-emissjoni għal dawk is-sustanzi li jniġġsu huma differenti minn dawk fl-Anness IV.
12. Fil-każ li ġew stabbiliti valuri tal-limiti ta’ emissjoni għal sustanzi li jniġġsu addizzjonali skargati [mormija] fl-ilma, imqabbla mas-sustanzi li jniġġsu speċifikati fl-Anness IV:
(a) |
għal liema impjanti japplikaw (jiġifieri l-impjanti ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni, “ġodda” jew “eżistenti”)? |
(b) |
għal liema sustanzi li jniġġsu japplikaw u x’inhuma l-valuri tal-limiti stabbiliti? |
(ċ) |
għaliex jiġu applikati dawn il-valuri tal-limiti? |
13. Liema parametri operattivi ta’ kontroll (pH, temperatura, rata tal-fluss, eċċ.) ġew stabbiliti fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni għar-rimi tal-ilma tal-iskart?
14. X’dispożizzjonijiet saru sabiex jiżguraw li l-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ jew l-ilma ta’ taħt l-art ikunu protetti skont l-Artikolu 8(7)?
15. Liema kriterji huma użati biex jiżguraw li l-kapaċità tal-ħażna tkun adegwata biex fejn meħtieġ l-ilma jiġi ttestjat u ttrattat qabel ma jintrema?
16. B’mod ġenerali, x’dispożizzjonijiet saru biex jiġu minimizzati l-kwantitajiet tar-residwi u l-ħsara kkaġunata minnhom li jirriżultaw mill-impjanti ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni?
17. Ir-rekwiżiti tal-permess għall-kejl tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja u l-parametri tal-proċess tal-ħidma [ta’ operat] huma identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 11(2)? Jekk le, jekk jogħġbok agħti l-informazzjoni dettaljata dwar li ġej:
(a) |
ir-raġuni għall-iddevjar mill-Artikolu 11(2), b’referenza għall-possibbiltajiet ta’ deroga msemmija fl-Artikolu 11(4) sa (7); |
(b) |
is-sustanza li tniġġes jew il-parametru konċernat u r-rekwiżit tal-kejl imponut. |
18. Ir-rekwiżiti tal-permess għall-kejl tas-sustanzi li jniġġsu fl-ilma huma identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 11(14) sa (15)? Jekk le, jekk jogħġbok agħti l-informazzjoni dettaljata dwar li ġej:
(a) |
ir-raġuni għall-iddevjar mill-Artikolu 11(14) sa (15); |
(b) |
is-sustanza li tniġġes jew il-parametru konċernat u r-rekwiżit tal-kejl imponut. |
19. Liema dispożizzjonijiet isiru fil-proċess tal-permess biex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-emissjonijiet fl-arja:
(a) |
l-Artikolu 11(8); |
(b) |
l-Artikolu 11(9); |
(ċ) |
l-Artikolu 11(11); |
(d) |
l-Artikolu 11(12); |
(e) |
is-sistema ta’ konformità stabbilita fl-Artikolu 11(10). |
20. Liema dispożizzjonijiet isiru fil-proċess tal-permess biex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-emissjonijiet fl-ilma:
(a) |
l-Artikolu 11(9); |
(b) |
Is-sistema ta’ konformità stabbilita fl-Artikolu 11(16). |
21. Jekk jogħġbok iddeskrivi kwalunkwe gwida uffiċjali li ġiet żviluppata dwar il-produzzjoni ta’ dejta medja tal-emissjonijiet li tiġi vvalidata kuljum (l-Artikolu 11(11)? Jekk jogħġbok agħti l-indirizz elettroniku fil-każ li dan huwa disponibbli.
22. X’inhuma l-proċeduri sabiex tiġi infurmata l-awtorità kompetenti f’każ ta’ ksur tal-valur tal-limiti ta’ emissjoni?
23. X’arranġamenti saru sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess tal-permess (permessi ġodda u/jew aġġornati)? Jekk jogħġbok agħti d-dettalji, tal-inqas, dwar l-aspetti li ġejjin:
(a) |
bis-saħħa ta’ liema awtorità saret disponibbli għall-pubbliku l-applikazzjoni tal-permess; |
(b) |
il-perjodu li matulu l-pubbliku jista’ jikkummenta; |
(ċ) |
bis-saħħa ta’ liema awtorità d-deċiżjoni finali saret disponibbli. |
24. Fir-rigward tad-disponibbiltà tal-informazzjoni matul il-proċess ta’ permess:
(a) |
Hemm xi informazzjoni relatata ma’ aspetti ambjentali li mhijiex disponibbli pubblikament/parzjalment fl-applikazzjoni, fil-proċess ta’ deċiżjoni u fil-permess sussegwenti? Jekk iva, jekk jogħġbok speċifika liema informazzjoni. |
(b) |
Fejn din id-dejta hija disponibbli/parzjalment disponibbli, jekk jogħġbok speċifika jekk din l-informazzjoni hijiex disponibbli b’xejn u, jekk le, indika l-livelli ta’ ħlasijiet, u f’liema ċirkustanzi dawn il-ħlasijiet japplikaw. |
25. Għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni u ta’ koinċinerazzjoni b’kapaċità nominali ta’ żewġ tunnellati jew iktar fis-siegħa, x’dispożizzjonijiet qed isiru sabiex l-operatur jintalab iressaq rapport annwali dwar il-funzjonament u l-monitoraġġ tal-impjant lill-awtortità kompetenti?
26. Jekk ikun provdut rapport annwali:
(a) |
X’informazzjoni jkun fih? |
(b) |
Il-pubbliku kif jista’ jkollu aċċess għal dan ir-rapport? |
27. Kif inhuma identifikati pubblikament l-impjanti ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni li jkollhom kapaċità nominali ta’ inqas minn żewġ tunnellati fis-siegħa?
28. Liema dispożizzjonijiet isiru fil-permess biex jiġi kkontrollat il-perjodu ta’ operat ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni meta l-operat tiegħu jkun anormali (jiġifieri waqfien, tfixkil jew nuqqas fis-sistema ta’ tnaqqis jew ta’ monitoraġġ)?
29. Għall-proċessi ta’ inċinerazzjoni u ta’ koinċinerazzjoni, x’inhuma l-perjodi massimi ta’ operat permessi meta jkun hemm operat anormali qabel ma l-impjant ikollu jagħlaq:
(a) |
il-perjodu massimu permessibbli li matulu jinqabżu l-valuri tal-limiti ta’ emissjoni |
(b) |
it-tul ta’ żmien kumulattiv u massimu tal-perjodi f’sena waħda li matulu jinqabżu l-valuri tal-limiti ta’ emissjoni |
30. Xi rimarki oħrajn.