This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011D0514
Council Decision 2011/514/CFSP of 22 November 2010 concerning the signing and conclusion of the Agreement between the European Union and the Republic of Serbia on security procedures for exchanging and protecting classified information
Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/514/PESK tat-22 ta’ Novembru 2010 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata
Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/514/PESK tat-22 ta’ Novembru 2010 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata
ĠU L 216, 23.8.2011, p. 1–1
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/514/oj
|
23.8.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 216/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/514/PESK
tat-22 ta’ Novembru 2010
dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”), b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), b'mod partikolari l-Artikolu 218(5) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”),
Billi:
|
(1) |
Fil-laqgħa tiegħu tat-22 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lir-RGħ biex jiftaħ negozjati, skont l-Artikolu 37 tat-TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(3) tat-TFUE sabiex jikkonkludi Ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja. |
|
(2) |
Wara dik l-awtorizzazzjoni, ir-RGħ innegozja Ftehim mar-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata. |
|
(3) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
S. VANACKERE
TRADUZZJONI
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-UE”,
u
R-REPUBBLIKA TAS-SERBJA,
minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”;
WARA LI KKUNSIDRAW li l-Partijiet jikkondividu l-objettivi li jsaħħu s-sigurtà tagħhom stess b’kull mod;
WARA LI KKUNSIDRAW li l-Partijiet jaqblu li għandhom jiġu żviluppati bejniethom konsultazzjonijiet u kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mas-sigurtà;
WARA LI KKUNSIDRAW li, f’dan il-kuntest, teżisti għalhekk ħtieġa permanenti għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet;
WAQT LI JIRRIKONOXXU li konsultazzjoni u kooperazzjoni sħiħa u effettiva tista’ teħtieġ l-aċċess għal informazzjoni klassifikata u l-iskambju tagħha u ta’ materjal relatat tal-Partijiet;
KONXJI li tali aċċess għal, u skambju ta’, informazzjoni klassifikata u materjal relatat jeħtieġu li jittieħdu miżuri adegwati ta’ sigurtà,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
1. Sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-tisħiħ tas-sigurtà ta’ kull wieħed mill-Partijiet b’kull mod, il-Ftehim bejn l-UE u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) għandu japplika għal informazzjoni jew materjal ikklassifikat fi kwalunkwe forma u fi kwalunkwe qasam jew ipprovduti inkella skambjati bejn il-Partijiet.
2. Kull Parti għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata li tirċievi mill-Parti l-oħra minn żvelar mhux awtorizzat f’konformità mat-termini mniżżlin hawnhekk u f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet.
Artikolu 2
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “informazzjoni klassifikata” għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal, fi kwalunkwe forma, li:
|
(a) |
jiġu ddeterminati minn waħda mill-Partijiet bħala li jeħtieġu protezzjoni, billi l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista’ joħloq livelli varji ta’ dannu jew ħsara għall-interessi tar-Repubblika tas-Serbja, jew tal-UE jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tagħha; u |
|
(b) |
ikollhom marka ta’ klassifikazzjoni. |
Artikolu 3
L-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE li għalihom japplika dan il-Ftehim għandhom ikunu: il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kunsill”), is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (minn hawn ’il quddiem “is-SEAE”) u l-Kummissjoni Ewropea. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, dawn l-istituzzjonijiet u l-entitajiet għandhom jissejħu “l-UE”.
Artikolu 4
Kull waħda mill-Partijiet, u l-entitajiet tagħhom kif imsemmija fl-Artikolu 3, għandha tiżgura li jkollha fis-seħħ sistema ta’ sigurtà u miżuri ta’ sigurtà, ibbażati fuq il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fil-liġijiet jew fir-regolamenti rispettivi tagħhom, u riflessi fl-arranġamenti ta’ sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 12, sabiex ikun żgurat li qed jiġi applikat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim.
Artikolu 5
Kull waħda mill-Partijiet, u l-entitajiet tagħhom kif imsemmija fl-Artikolu 3, għandha:
|
(a) |
tipproteġi l-informazzjoni klassifikata pprovduta minn jew skambjata mal-Parti l-oħra taħt dan il-Ftehim b’mod li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dik mogħtija lilha mill-Parti provvedenti; |
|
(b) |
tiżgura li l-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim iżżomm il-marka tal-klassifikazzjoni ta’ sigurtà mogħtija lilha mill-Parti provvedenti, u li ma tbaxxix il-livell tal-klassifikazzjoni tagħha jew tiddeklassifikaha mingħajr kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti. Il-Parti riċeventi għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti ta’ sigurtà tagħha stess għal informazzjoni jew materjal li jkollu klassifikazzjoni ta’ sigurtà ekwivalenti kif speċifikat fl-Artikolu 7; |
|
(c) |
ma tużax tali informazzjoni klassifikata għal għanijiet li mhumiex dawk stabbiliti mill-oriġinatur jew dawk li għalihom tiġi pprovduta jew skambjata l-informazzjoni; |
|
(d) |
ma tiżvelax tali informazzjoni klassifikata lil partijiet terzi, jew lil kwalunkwe istituzzjoni jew entità tal-UE mhux imsemmija fl-Artikolu 3, mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti; |
|
(e) |
ma tippermettix l-aċċess għal informazzjoni klassifikata lil individwi ħlief jekk ikollhom il-ħtieġa ta’ tagħrif u jkunu ngħataw l-approvazzjoni adatta tas-sigurtà u awtorizzati mill-Parti rilevanti; |
|
(f) |
tiżgura s-sigurtà tal-faċilitajiet fejn tinżamm l-informazzjoni klassifikata pprovduta mill-Parti l-oħra; u |
|
(g) |
tiżgura li l-individwi kollha li għandhom aċċess għal informazzjoni klassifikata huma infurmati bir-responsabbiltajiet tagħhom li jipproteġu l-informazzjoni skont ir-regoli u r-regolamenti applikabbli. |
Artikolu 6
1. L-informazzjoni klassifikata għandha tiġi żvelata jew rilaxxata f’konformità mal-prinċipju tal-kunsens tal-oriġinatur.
2. Sabiex isir rilaxx lil riċevituri oħra diversi mill-Partijiet, ser tittieħed deċiżjoni dwar l-iżvelar jew ir-rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata mill-Parti riċeventi fuq bażi ta’ każ b’każ suġġett għall-kunsens tal-Parti provvedenti u skont il-prinċipju tal-kunsens tal-oriġinatur.
3. Ma għandu jkun possibbli l-ebda rilaxx ġeneriku sakemm ma jkunux ġew maqbula proċeduri bejn il-Partijiet rigward ċerti kategoriji ta’ informazzjoni, rilevanti għall-ħtiġiet speċifiċi tagħhom.
4. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jitqies bħala bażi għal rilaxx mandatorju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet.
5. L-informazzjoni klassifikata riċevuta mill-Parti provvedenti tista’ tiġi pprovduta lil kuntrattur jew lil kuntrattur prospettiv biss bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti. Qabel tali rilaxx, il-Parti riċeventi għandha tiżgura li l-kuntrattur jew il-kuntrattur prospettiv u l-faċilità tal-kuntrattur huma kapaċi jipproteġu l-informazzjoni u jkollhom approvazzjoni ta’ sigurtà adegwata.
Artikolu 7
Sabiex jiġi stabbilit livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata bejn il-Partijiet, il-klassifikazzjonijiet tas-sigurtà għandhom jikkorrispondu kif ġej:
|
UE |
Repubblika tas-Serbja |
|
RESTREINT UE |
ИНТΕРНО РС jew INTERNO RS |
|
CONFIDENTIEL UE |
ПОΒΕРЉИВО РС jew POVERLJIVO RS |
|
SECRET UE |
СТРОГО ПОΒΕРЉИВО РС jew STROGO POVERLJIVO RS |
|
TRES SECRET UE/EU TOP SECRET |
ДРЖАВНА ТАЈНА РС jew DRŽAVNA TAJNA RS |
Artikolu 8
1. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li, fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew il-funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtu aċċess, għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE, ПОΒΕРЉИВО РС jew POVJERLJIVO RS, jew ogħla, ipprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim ikunu ngħataw l-approvazzjoni ta’ sigurtà adegwata qabel ma dawn jingħataw aċċess għal tali informazzjoni.
2. Il-proċeduri għall-approvazzjoni tas-sigurtà għandhom jitfasslu biex jiġi determinat jekk individwu jistax, b’kont meħud tal-lealtà u l-affidabbiltà tiegħu, ikollu aċċess għal informazzjoni klassifikata.
Artikolu 9
Il-Partijiet għandhom jipprovdu assistenza reċiproka fir-rigward tas-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim u materji ta’ interess komuni ta’ sigurtà. L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12 għandhom imexxu konsultazzjonijiet u żjajjar ta’ evalwazzjoni reċiproċi ta’ sigurtà biex tiġi stmata l-effettività tal-arranġamenti tas-sigurtà fil-qasam tar-responsabbiltà rispettiva tagħhom stabbiliti skont dak l-Artikolu.
Artikolu 10
1. Għall-fini ta’ dan il-Ftehim:
|
(a) |
fir-rigward tal-UE, il-korrispondenza kollha għandha tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill u għandha tintbagħat minnu/minnha lill-Istati Membri u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 3, soġġett għall-paragrafu 2; |
|
(b) |
fir-rigward tar-Repubblika tas-Serbja, il-korrispondenza kollha għandha tintbagħat permezz tal-Uffiċċju tal-Kunsill għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata. |
2. Madankollu, il-korrispondenza minn Parti waħda li tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi ta’ dik il-Parti tista’, għal raġunijiet operattivi, tiġi indirizzata u tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi tal-Parti l-oħra magħżula b’mod speċifiku bħala riċevituri, b’kont meħud tal-kompetenzi tagħhom u skont il-prinċipju ta’ ħtieġa ta’ tagħrif. Sa fejn tkun ikkonċernata l-UE, tali korrispondenza għandha tiġi trasmessa permezz tal-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill, l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kummissjoni Ewropea, jew l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tas-SEAE, kif adatt. Sa fejn tkun ikkonċernata r-Repubblika tas-Serbja, tali korrispondenza għandha tiġi trasmessa permezz tal-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Missjoni tar-Repubblika tas-Serbia għall-UE.
Artikolu 11
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tas-Serbja, is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill u l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal kwistjonijiet ta’ siġurtà għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 12
1. Sabiex dan il-Ftehim jiġi implimentat, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ sigurtà bejn it-tliet awtoritajiet indikati hawn taħt, fejn kull waħda taġixxi taħt id-direzzjoni u f’isem is-superjuri organizzattivi tagħha, sabiex jiġu stabbiliti l-istandards għall-protezzjoni reċiproka ta’ informazzjoni klassifikata soġġett għal dan il-Ftehim:
|
— |
l-Uffiċċju tal-Kunsill għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata, għal informazzjoni kklassifikata pprovduta lir-Repubblika tas-Serbja taħt dan il-Ftehim; |
|
— |
l-uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, għal informazzjoni klassifikata pprovduta lill-UE taħt dan il-Ftehim; |
|
— |
id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, għal informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fil-bini tagħha. |
2. Qabel ma tiġi pprovduta jew skambjata informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet taħt dan il-Ftehim, l-awtoritajiet tas-sigurtà kompetenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jaqblu li l-Parti riċeventi tkun tista’ tipproteġi l-informazzjoni b’mod konsistenti mal-arranġamenti ta’ sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont dak il-paragrafu.
Artikolu 13
1. L-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Parti msemmija fl-Artikolu 12 għandha tinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra bi kwalunkwe każ ta’ żvelar mhux awtorizzat ippruvat jew suspettat jew telf ta’ informazzjoni klassifikata pprovduta minn dik il-Parti, u għandha twettaq investigazzjoni u għandha tirrapporta r-riżultati lill-Parti l-oħra.
2. L-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 12 għandhom jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każijiet bħal dawn.
Artikolu 14
Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż tagħha stess fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 15
Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jbiddel il-ftehimiet jew l-arranġamenti eżistenti bejn il-Partijiet, lanqas ftehimiet bejn ir-Repubblika tas-Serbja u l-Istati Membri tal-UE. Dan il-Ftehim m’għandux jipprekludi lill-Partijiet milli jikkonkludu ftehimiet oħra relatati mal-provvediment jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim sakemm dan ma jkunx inkompatibbli mal-obbligi taħt dan il-Ftehim.
Artikolu 16
Kwalunkwe differenza bejn il-Partijiet li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi indirizzata permezz ta’ negozjar bejniethom. Matul in-negozjar iż-żewġ Partijiet għandhom ikomplu jwettqu l-obbligi kollha tagħhom taħt dan il-Ftehim.
Artikolu 17
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-għan.
2. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe tibdil fil-liġijiet u r-regolamenti tagħha li jista’ jaffettwa l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata msemmija f’dan il-Ftehim.
3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi rivedut sabiex jiġu kkunsidrati emendi possibbli fuq talba ta’ kwalunkwe Parti.
4. Kwalunkwe emenda magħmula lil dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet. Għandha tidħol fis-seħħ ma’ notifika reċiproca kif previst taħt il-paragrafu 1.
Artikolu 18
Dan il-Ftehim jista’ jiġi terminat minn Parti waħda b’notifika bil-miktub tat-terminazzjoni mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika, iżda ma għandhiex taffettwa l-obbligi li l-Partijiet ikunu daħlu għalihom taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, kull informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata skont dan il-Ftehim għandha tibqa’ tiġi protetta skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti hawnhekk.
B’xiehda ta’ dan is-sottoskritti, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul duplikatament f’Belgrad, dan is-sitta u għoxrin jum ta’ Mejju fis-sena 2011, kull eżemplari bl-Ingliż.
Għall-Unjoni Ewropea
Għar-Repubblika tas-Serbja