EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0477

2011/477/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Lulju 2011 dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej dwar ċerti riskji għat-tfal minħabba f’tendini interni, ilqugħ tat-twieqi bil-ħbula u tagħmir tas-sikurezza skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 196, 28.7.2011, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/477/oj

28.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Lulju 2011

dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej dwar ċerti riskji għat-tfal minħabba f’tendini interni, ilqugħ tat-twieqi bil-ħbula u tagħmir tas-sikurezza skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/477/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u partikolarment l-Artikolu 4(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, prodott jitqies li jkun sikur meta jikkonforma mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Dawk l-istandards Ewropej għandhom ikunu stabbiliti mill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni abbażi tar-rekwiżiti tas-sikurezza speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni.

(3)

Ħafna djar għandhom tendini u lqugħ tat-twieqi ieħor bil-ħbula li jintużaw biex jgħollu jew ibaxxu l-prodott (ħabel tat-tħaddim) jew biex iwaħħlu l-partijiet differenti tiegħu (ħabel intern). Dawn il-ħbula jistgħu jkunu ta’ periklu ta’ tgħalliq għat-tfal, peress li jistgħu jiffurmaw ħoloq li t-tfal jistgħu jitgħaqqdu fihom waqt li jkunu qed jilagħbu ħdejn it-tieqa. It-tfal jistgħu wkoll jixxabbtu mal-ħoġor tat-tieqa jew mal-għamara biex jaqbdu mal-ħbula. Jistgħu wkoll jiġru aċċidenti meta jitpoġġew sodod jew kottijiet ħdejn twieqi fejn hemm ħbula li jistgħu jiġu milħuqa mit-tfal.

(4)

Fl-1998, f’kampjun ta’ sptarijiet fi 15-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, 129 tifel u tifla ddaħħlu l-isptar minħabba li weġġgħu f’aċċident li jinvolvi xi ħolqa tat-tendini tat-twieqi jew xi ħbula tal-purtieri (2). Fir-Renju Unit, huwa stmat li minn tifel/tifla sa tnejn imutu kull sena wara li jitgħaqqdu fil-ħbula tat-tendini. Riċentament, il-Kummissjoni saret konxja ta’ għaxar aċċidenti fatali fejn kienu involuti tfal ta’ bejn il-15 u s-36 xahar li seħħew fl-Irlanda, il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit u t-Turkija fil-perjodu bejn l-2008 u l-2010. Fl-Istati Uniti, mill-1999 lil hawn, ġew irrapportati 119-il fatalità u 111-il każ gravi ieħor li kienu jinvolvu xi ħbula tal-ilqugħ tat-twieqi. Fil-Kanada, 28 fatalità u 23 każ ieħor gravi kienu assoċjati mal-istess tip ta’ prodotti mill-1986 lil hawn. Fl-Awstralja, mill-anqas għaxart itfal tgħallqu bi żball bi ħbula ta’ tendini mis-sena 2000 lil hawn (3). Madankollu, dawn iċ-ċifri juru biss parti mill-problema, peress li ħafna aċċidenti ta’ dan it-tip ma jiġux irrapportati (4).

(5)

Riċerka turi li ħafna imwiet aċċidentali li jinvolvu l-ħbula tat-tendini jiġru fil-kmamar tas-sodda u li t-tfal milquta jvarjaw fl-età bejn is-16 u s-36 xahar. Iktar minn nofs dawn l-inċidenti jiġru lil tfal ta’ madwar 23 xahar. Għalkemm ta’ dik l-età t-tfal ikunu jafu jimxu sew, huma jsibuha diffiċli biex jeħilsu lilhom infushom meta jitgħaqqdu fil-ħbula, peress li proporzjalment rashom tkun għadha tiżen aktar minn ġisimhom meta mqabbla mal-adulti, u l-kontroll muskolari tagħhom ikun għadu ma żviluppax għal kollox. Barra minn hekk, il-pajp tan-nifs tagħhom ikun għadu ma żviluppax kompletament u għalhekk ikun iżgħar u anqas riġidu minn dak tal-adulti jew ta’ tfal akbar fl-età, u għalhekk jifgaw aktar malajr jekk għonqhom jintgħafas (5).

(6)

L-istandard Ewropew EN 13120:2009 jinkludi rekwiżiti ta’ prestazzjoni għal tendini interni, inkluż is-sikurezza. Madankollu, xi mudelli ta’ tendini li kienu assoċjati ma’ aċċidenti, mhumiex inkluża fl-ambitu ta’ dan l-istandard.

(7)

L-istandard Ewropew EN 13120:2009 jirreferi għal tendini interni kemm dawk li jitħaddmu manwalment kif ukoll dawk bl-elettriku, b’dawn tal-aħħar koperti fil-kuntest tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju (6). Madankollu, din id-Direttiva ma tkoprix is-sikurezza tat-tfal fil-kuntest tar-riskju speċifiku tat-tgħalliq u ma tapplikax għal tendini bi ħbula li jitħaddmu manwalment.

(8)

Il-motorizzazzjoni tista’ telimina r-riskji assoċjati mal-ħbula tal-operat, imma mhux ir-riskji relatati mal-ħbula interni.

(9)

Ilqugħ tat-twieqi ieħor bi ħbula perikolużi mikxufa joħloq riskju simili għat-tfal.

(10)

Rapporti ta’ aċċidenti relatati mal-ħbula jiddeskrivu l-kawża tal-mewt bħala asfissija interna. L-istandards Ewropej eżistenti relatati mal-ilqugħ tat-twieqi u mat-tendini ma jinkludux rekwiżiti li jindirizzaw dan ir-riskju.

(11)

Biex ikopru r-riskju ta’ installazzjoni ħażina jew ta’ nuqqas ta’ installazzjoni, il-manifatturi għandhom itejbu d-disinn tat-tagħmir tas-sikurezza jew tal-ilqugħ tat-twieqi biex ma jippermettux li l-prodott jintuża jekk it-tagħmir tas-sikurezza ma jkunx installat kif suppost.

(12)

Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti biex ikun żgurat li tendini interni u lqugħ tat-twieqi ieħor ikunu minnhom infushom sikuri għat-tfal, hekk li jeliminaw ir-riskji tat-tgħalliq u ta’ asfissija interna minħabba l-aċċessibilità għall-ħbula u partijiet żgħar.

(13)

Barra mir-rekwiżiti dwar it-tħaddim sikur tal-ilqugħ tat-twieqi u t-tendini, għandhom ikunu żviluppati rekwiżiti u informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodott għat-tagħmir tas-sikurezza.

(14)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tendini interni” għandha tfisser prodott tal-ilqugħ tat-tieqa mwaħħal internament fi kwalunkwe post fil-bini.

(b)

ilqugħ tat-twieqi bil-ħbula” għandha tfisser prodott li jintuża biex titgħatta t-tieqa, għajr tendina interna, li fih ħbula mikxufa. L-ilqugħ tat-twieqi jista’ jitpoġġa barra t-tieqa, jew ġewwa żewġ panewiet tat-tieqa, jew quddiem it-tieqa;

(ċ)

ħolqa perikoluża” għandha tfisser ħolqa tal-ħabel mikxufa, katina jew xi ħaġa simili, li tista’ tkun ikkombinata mad-drapp inkella le, u li ras ta’ tifel tista’ tidħol fiha jew iddurlu ma’ għonqu u għalhekk toħloq periklu ta’ tgħalliq.

(d)

tagħmir tas-sikurezza” għandha tfisser tagħmir jew disinn li jipproteġi tifel żgħir mir-riskju tat-tgħalliq billi, pereżempju, ma jippermettix li tifforma xi ħolqa perikoluża fil-ħabel jew fil-katina, ikisser il-ħolqa perikoluża, jerħi l-ħabel jew il-katina meta tifforma xi ħolqa perikoluża jew meta l-ħabel jew il-katina jkunu soġġetti għall-piż, ma jippermettix li l-ħabel jew il-katina jkunu aċċessibbli għat-tfal, ma jippermettix t-tagħqid tal-ħbula;

(e)

ħabel/ħbula, katina/ktajjen, katina/ktajjen bill-boċċi jew xi ħaġa simili aċċessibbli” għandha tfisser ħabel/ħbula, katina/ktajjen, katina/ktajjen bill-boċċi jew xi ħaġa simili li huma mikxufa minn quddiem, minn wara jew mill-ġenb tat-tendina jew tal-ilqugħ tat-twieqi, u li tista’ tintlaħaq u tinġibed minn tifel żgħir b’mod li toħloq periklu tat-tgħalliq. L-għoli mhux meqjus bħala restrizzjoni għall-aċċessibilità.

Artikolu 2

Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza għal tendini interni, ilqugħ tat-twieqi bil-ħbula u tagħmir tas-sikurezza li għandhom jissodisfaw l-istandards Ewropej skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE huma stabbiliti fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(2)  http://ec.europa.eu/consumers/reports/rights_child_safety_prod.pdf

(3)  http://www.ocba.sa.gov.au/productsafety/warning/blindcords.html

(4)  http://www.cpsc.gov/CPSCPUB/PREREL/PRHTML97/97136.html

(5)  http://www.rospa.com/about/currentcampaigns/blindcords/

(6)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.


ANNESS

Rekwiżiti tas-sikurezza għal tendini interni, ilqugħ tat-twieqi bil-ħbula u tagħmir tas-sikurezza

1.   L-AMBITU

Ir-rekwiżiti tas-sikurezza spjegati f’dan id-dokument għandhom japplikaw għat-tendini interni kollha u għall-ilqugħ tat-twieqi ta’ kwalunkwe disinn u natura ta’ materjal użat, bħal:

Venetian blinds;

tendini li jitremblu (roller blinds);

tendini vertikali (vertical blinds)

tendini bil-piegi (pleated blinds) u f’forma ta’ xehda tal-għasel (honeycomb blind);

Roman Shades;

Austrian/Festoon blinds;

tendini tal-panew (panel blinds);

plantation shutters;

tendini li jitremblu ’l fuq (roll-up blinds).

Purtieri, ilqugħ kontra l-insetti u tendini f’unitajiet issiġillati, jekk jitħaddmu bil-ħbula, ktajjen u ktajjen bil-boċċi jew xi ħaġa simili, li huma aċċessibbli u jiffurmaw ħolqa perikoluża, huma wkoll soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti.

Dawn ir-rekwiżiti tas-sikurezza għandu jkollhom referenza għat-tfal (“tfal żgħar”) tal-età minima bejn 0 u 42 xahar

2.   REKWIŻITI

Meta ssir definizzjoni tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni għal tendini interni u lqugħ tat-twieqi bil-ħbula, huwa meħtieġ li jkunu kkunsidrati l-kondizzjonijiet tal-użu u l-perikli potenzjali li jistgħu jirriżultaw meta ħabel/ħbula, katina/ktajjen, katina/ktajjen tal-boċċi jew xi ħaġa simili jkunu aċċessibbli għat-tfal.

Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ tgħalliq u ta’ asfissija interna, it-tendini tat-twieqi interni (u l-ilqugħ tat-twieqi bil-ħbula) għandhom ikunu sikuri minnhom infushom. Meta l-prodott jintuża f’ambjent fejn għandhom aċċess għalih it-tfal jew fejn hemm probabbiltà li dan ikun il-każ, bħal pereżempju fid-djar, il-lukandi, l-isptarijiet, il-knejjes, il-ħwienet, l-iskejjel, in-nurseries, u l-postijiet pubbliċi inġenerali, għad-disinn sikur tal-prodott, għandu jkun ikkunsidrat kull mezz possibbli, ibbażat fuq l-aħħar żviluppi tas-sengħa u tat-teknoloġija. It-tendini u l-ilqugħ tat-twieqi li jitwaħħlu f’uffiċini u f’postijiet oħra, u li mbagħad jiċċaqilqu mid-destinazzjoni inizjali għal fejn hemm probabbiltà li jkunu preżenti t-tfal, ukoll għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti preżenti.

It-tendini interni u l-ilqugħ tat-twieqi bil-ħbula li għandhom ħabel/ħbula, katina/ktajjen, katina/ktajjen tal-boċċi jew xi ħaġa simili li jkunu aċċessibbli għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi li ġejjin:

1.

il-ħabel/ħbula, katina/ktajjen, katina/ktajjen tal-boċċi jew xi ħaġa simili m’għandhomx jiffurmaw ħolqa ta’ periklu;

2.

jekk id-disinn tal-prodott ma jeliminax ir-riskju li tifforma ħolqa perikoluża, il-prodott għandu jkollu miegħu tagħmir tas-sikurezza addattat, biex inaqqas ir-riskju tat-tgħalliq;

3.

it-tagħmir tas-sikurezza għandu jiġi bħala parti integrali mill-prodott;

4.

tagħmir tas-sikurezza li mhuwiex parti integrali (bħal cleats) għandu jkun installat minn qabel fuq il-ħabel/ħbula katina/ktajjen jew katina/ktajjen bil-boċċi tat-tħaddim tat-tendina jew tal-ilqugħ tat-tieqa. Barra minn hekk, għandu jkun hemm twissija li tidher sew fuq it-tagħmir tas-sikurezza. It-twissija għandha mill-anqas twassal dawn il-messaġġi: “It-tfal jistgħu jitgħallqu jekk it-tagħmir ma jkunx installat. Aqra sew l-istruzzjonijiet u installa skont li hemm miktub. Dejjem uża dan it-tagħmir biex iżżomm il-ħbula jew il-ktajjen fejn ma jistgħux jiġu milħuqa mit-tfal”.

5.

jekk preżenti, it-tagħmir tas-sikurezza għandu jkun tali li ma jkunux jistgħu jużawh it-tfal. Barra minn hekk, it-tagħmir tas-sikurezza ma għandux ikun ta’ riskju għat-tfal, minħabba, pereżempju, truf li jaqtgħu, postijiet fejn jistgħu jagħlqu subgħajhom jew partijiet ħerġin ‘il barra. It-tagħmir tas-sikurezza għandu wkoll ikun jiflaħ għar-reżistenza u għal testijiet tad-difetti (għall-użu ta’ kuljum) u għandu jkun reżistenti għaż-żmien minħabba fil-kondizzjonijiet tat-temp. It-tagħmir tas-sikurezza ma għandux ikun tali li minnu jistgħu joħorġu partijiet żgħar li jistgħu jirriżultaw f’asfissija interna fit-tfal.

6.

il-ħabel/ħbula, katina/ktajjen, katina/ktajjen tal-boċċi jew xi ħaġa simili ma għandhomx iwaqqgħu partijiet żgħar li jistgħu jirriżultaw f’asfissija interna fit-tfal.

3.   INFORMAZZJONI DWAR IS-SIKUREZZA TAL-PRODOTT

Fuq il-pakkett, fuq il-prodott u fuq l-informazzjoni dwar l-użu għandu jkun hemm twissijiet, li jidhru ċar waqt il-ħin tal-bejgħ. It-twissijiet għandhom mill-anqas iwasslu dan li ġej:

“Tfal żgħar ġieli tgħallqu minn ħoloq fil-ħbula, il-ktajjen u t-tejp, u fil-ħbula li jħaddmu l-prodott”;

“Biex tevita t-tgħalliq u t-tagħqid, tħallix ħbula fejn jistgħu jiġu milħuqa mit-tfal. Il-ħbula jistgħu jduru ma’ għonq it-tifel/tifla”;

“Ressaq is-sodod, is-sodod għal trabi u l-għamara ’l bogħod mill-ħbula tal-ilqugħ tat-twieqi”;

“Torbotx il-ħbula flimkien. Kun żgur li l-ħbula ma jdurux u joħolqu ħolqa”.

It-twissijiet għandhom jinkludu l-istampi relevanti.

Fuq il-prodott għandhom jidhru ukoll l-isem u t-trejdmark tal-manifattur jew l-importatur u tal-professjonist li installa l-prodott (jekk inhu l-każ).

Istruzzjonijiet dwar kif tarma, tinstalla u tuża t-tendina jew l-ilqugħ tat-tieqa b’mod sikur (inkluż it-tagħmir tas-sikurezza) għandhom ikunu inklużi fil-pakkett.

4.   REKWIŻITI GĦAT-TAGĦMIR TAS-SIKUREZZA BIL-ĦSIEB TA’ TWAĦĦIL MILL-ĠDID (RETROFITTING)

Tendini interni jew l-ilqugħ tat-twieqi bil-ħbula li jiġu b’tagħmir tas-sikurezza magħhom, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fit-Taqsima 2).

It-tagħmir tas-sikurezza għandu jkun akkumpanjat mit-twissijiet, l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet li ġejjin:

l-isem u t-trejdmark tal-manifattur jew l-importatur u tal-professjonist li installa l-prodott (jekk inhu l-każ);

l-istruzzjonijiet: “Aqra dawn l-istruzzjonijiet sewwa qabel ma tinstalla u tuża dan il-prodott. It-tfal jistgħu jitgħallqu jekk dan it-tagħmir ma jkunx installat sewwa. Żomm l-istruzzjonijiet għal referenza fil-futur”“L-użu ta’ tagħmir tas-sikurezza addizzjonali jgħin biex jitnaqqas ir-riskju tat-tgħalliq imma ma jistax jitqies totalment perfett”;

l-istruzzjonijiet: “Ittestja t-tagħmir tas-sikurezza jekk dan mhux qed jintuża regolarment” u “Biddel dan it-tagħmir jekk huwa difettuż”;

twissija li jekk jaqgħu xi partijiet żgħar jistgħu jirriżultaw f’asfissija interna fit-tfal;

informazzjoni dwar it-tip ta’ tendina interna jew ilqugħ tat-twieqi bil-ħbula li għalihom huwa ddisinjat u ttestjat il-prodott;

informazzjoni dwar l-użu (l-iskop, u l-limitazzjonijiet possibbli tat-tagħmir tas-sikurezza);

istruzzjonijiet preċiżi dwar installazzjoni korretta u l-lok tat-tagħmir. Jekk hemm bżonn ta’ xi għodda speċjali għall-immuntar, din għandha tingħata mill-fornitur tat-tagħmir;

l-istruzzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn stampi biex jinftiehmu faċilment;

kwalunkwe informazzjoni oħra dwar l-użu sikur.


Top