This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011D0466
2011/466/EU: Council Decision of 19 July 2011 on the conclusion of an Agreement on civil aviation safety between the European Community and Canada
2011/466/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Lulju 2011 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada
2011/466/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Lulju 2011 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada
ĠU L 195, 27.7.2011, p. 5–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
27.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 195/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tad-19 ta’ Lulju 2011
dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada
(2011/466/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u (7) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada (2) (“il-Ftehim”) skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati. |
(2) |
Il-Ftehim ġie ffirmat fis-6 ta’ Mejju 2009 f’isem l-Unjoni soġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar tard, b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/469/KE (3). |
(3) |
Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel notifika lill-Kanada fir-rigward tas-suċċessjoni tal-Komunità Ewropea mill-Unjoni Ewropea. |
(4) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat. |
(5) |
Jeħtieġ li jiġu stipulati l-arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi konġunti stabbiliti bil-Ftehim, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet li jirrigwardaw b’mod partikolari l-emendar tal-Ftehim u tal-Annessi tiegħu, iż-żieda ta’ annessi ġodda, it-tmiem ta’ annessi individwali, il-konsultazzjonijiet u s-soluzzjoni tat-tilwim u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja. |
(6) |
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ftehimiet bilaterali tagħhom mal-Kanada dwar l-istess suġġett jintemmu mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim (4) huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li tagħmel in-notifika li dwarha hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 16(1) tal-Ftehim u li tagħmel/jagħmlu n-notifika li ġejja:
“B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea issostitwiet u ssuċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, ir-referenzi għall-‘Komunità Ewropea’ fit-test tal-Ftehim għandhom, fejn xieraq, jinqraw bħala l-‘Unjoni Ewropea.’.”
Artikolu 3
1. L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata fil-Kumitat Konġunt tal-Partijiet stabbilit bl-Artikolu 9 tal-Ftehim mill-Kummissjoni Ewropea megħjuna mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u akkumpanjata mill-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni bħala rappreżentanti tal-Istati Membri.
2. L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata fil-Kumitat Settorjali Konġunt dwar iċ-Ċertifikazzjoni previst fil-paragrafu 2 tal-Anness A tal-Ftehim u fil-Kumitat Settorjali Konġunt dwar il-Manutenzjoni previst fil-paragrafu 4 tal-Anness B tal-Ftehim mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni megħjuna mill-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni kkonċernati direttament mill-aġenda ta’ kull laqgħa.
Artikolu 4
1. Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill, għandha tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tal-Partijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:
— |
L-adozzjoni jew l-emendar tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt tal-Partijiet previst fl-Artikolu 9(3) tal-Ftehim. |
2. Wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali msemmi fil-paragrafu 1 u b’konsiderazzjoni sħiħa tal-opinjoni tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-azzjonijiet li ġejjin:
— |
Tadotta miżuri ta’ salvagwardja skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim; |
— |
Titlob li jsiru konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim; |
— |
Tieħu miżuri għas-sospensjoni skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim; |
— |
Bil-kondizzjoni li l-Kummissjoni tkun ippreżentat analiżi dettaljata u fattwali tal-effetti u l-fattibbiltà tal-modifiki maħsuba, temenda l-Annessi tal-Ftehim skont l-Artikolu 16(5) tal-Ftehim safejn dawn l-emendi jkunu konsistenti ma’, u ma jinvolvux xi modifika ta’, l-atti legali rilevanti tal-Unjoni; |
— |
Tneħħi Annessi individwali f’konformità mal-Artikolu 16(3) u (5) tal-Ftehim; |
— |
Kwalunkwe azzjoni oħra li trid tittieħed minn Parti kif previst fil-Ftehim, soġġett għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-liġi tal-UE. |
3. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni u skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, fir-rigward ta’ kwalunkwe emenda oħra għall-Ftehim li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
M. SAWICKI
(1) Kunsens tat-23 ta’ Ġunju 2011.
(2) ĠU L 153, 17.6.2009, p. 11.
(3) ĠU L 153, 17.6.2009, p. 10.
(4) It-test tal-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 153, 17.6.2009, p. 11 flimkien mad-deċiżjoni dwar il-firma.