Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0325(01)

    Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta’ Marzu 2011 li temenda l-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew

    ĠU C 93, 25.3.2011, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    25.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 93/2


    DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-23 ta’ Marzu 2011

    li temenda l-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew

    2011/C 93/03

    IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 223(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 23 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Il-Membri u l-ex-Membri li jieħdu l-allowance tranżitorja jew pensjoni jingħataw rimborż għall-ispejjeż mediċi ta', inter alia, it-tfal dipendenti tagħhom sakemm jagħlqu l-21 sena jew, mhux aktar minn 25 sena jekk ikunu għadhom qed jieħdu edukazzjoni jew taħriġ professjonali b'mod full-time. Fil-każ ta' tfal dipendenti li jkollhom marda serja jew kundizzjoni li ma tippermettilhomx jieħdu ħsieb tagħhom infushom, ikun xieraq li tali rimborż jingħata mingħajr limitu ta' età.

    (2)

    Il-Membri jistgħu jirċievu rimborż għall-ispejjeż imġarrba minħabba vjaġġi addizzjonali, jiġifieri, vjaġġi li saru fil-qadi ta' dmirijiethom lil hinn mill-Istat Membru li ġew eletti fih, skont ċerti kundizzjonijiet. Ikun xieraq li l-Membri jitħallew jgħaqqdu tali vjaġġi addizzjonali ma' attivitajiet sussidjarji mhux uffiċjali, sakemm dan ma jżidx l-ammont tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza li jridu jiġu rimborżati.

    (3)

    Jekk il-Membri jieħdu sehem f'attività uffiċjali barra t-territorju tal-Unjoni Ewropea, jingħataw, f'ċirkustanzi straordinarji ssostanzjati kif xieraq, ir-rimborż ta' spejjeż raġonevoli tas-sussistenza mġarrba matul il-vjaġġ innifsu, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż imġarrba fl-Istat Membru li fih ikunu ġew eletti. Madankollu, billi l-ispejjeż tal-aħħar huma parti integrali mill-ispejjeż tal-ivvjaġġar li joriġinaw mill-vjaġġ uffiċjali, ma jkunx xieraq li jitnaqqsu mill-ammont li għandu jiġi rimborżat fir-rigward ta' spejjeż raġonevoli tas-sussistenza mġarrba matul il-vjaġġ innifsu.

    (4)

    Permezz tal-Baġit Emendatorju Nru 1 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (2), l-allowance għall-assistenza parlamentari żdiedet b'EUR 1 500, biex jitqies l-ammont ta' xogħol tal-Membri li żdied minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona. Il-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (3) (“il-Miżuri ta' Implimentazzjoni”) ġew emendati kif xieraq b'deċiżjoni tal-Bureau tal-11 u tat-23 ta' Novembru 2009, tal-14 ta' Diċembru 2009, tad-19 ta' April 2010 u tal-5 ta' Lulju 2010 (4). Għall-istess raġuni, żieda oħra ta' EUR 1 500 ġiet inkluża fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011. Madankollu, inżammet fir-riżerva bir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 – it-taqsimiet kollha (5). Fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Marzu 2011, il-Kumitat għall-Baġits iddeċieda li t-tieni żieda għandha tiġi rilaxxata mir-riżerva. Fil-laqgħa tiegħu tas-7 ta' Marzu 2011, il-Bureau ħa nota ta' dik id-deċiżjoni u approva l-proposta li l-Miżuri ta' Implimentazzjoni għandhom jiġu emendati kif xieraq,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Miżuri ta' Implimentazzjoni għandhom jiġu emendati kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 3(1), il-punt (a) jinbidel b'li ġej:

    “(a)

    Il-Membri u l-ex-Membri li jieħdu l-allowance tranżitorja provduta bl-Artikolu 13 tal-Istatut jew pensjoni skont l-Artikoli 14 u 15 tal-Istatut fir-rigward tal-ispejjeż tagħhom u l-ispejjeż magħmulin:

    (i)

    mill-konjuġi tagħhom jew mis-sieħeb jew sieħba barra ż-żwieġ kif imsemmi fl-Artikolu 58(2) u

    (ii)

    mit-tfal dipendenti tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 58(3), sakemm jagħlqu l-21 sena, jew mhux aktar minn 25 sena jekk ikunu għadhom qed jieħdu edukazzjoni jew taħriġ professjonali b'mod full-time, jew mingħajr limitu ta' età jekk dawn ikollhom mard serju jew xi kundizzjoni li ma tippermettilhomx jieħdu ħsieb tagħhom infushom,

    fil-każ li l-konjuġi tagħhom, l-imsieħba stabbli barra miż-żwieġ u t-tfal dipendenti tagħhom mhumiex eliġibbli għal benefiċċji tal-istess xorta u tal-istess livell bħall-Membri jew ex-Membri bis-saħħa ta' kwalunkwe dispożizzjonijiet jew regolamenti legali oħra;”

    (2)

    Fl-Artikolu 14, il-punt (a) jinbidel b'li ġej:

    “(a)

    fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1)(b): l-istedina jew il-programm tal-avveniment li għalih attenda l-Membru jew dokumenti oħra ta' verifika li jixhdu li l-vjaġġ sar fit-twettiq tal-mandat tal-Membru, jew, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 22(2a), dikjarazzjoni mill-Membru li l-vjaġġ sar fit-twettiq tal-mandat tiegħu;”

    (3)

    L-Artikolu 22, huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2b jinbidel b'dan li ġej:

    “2b.   It-talbiet għar-rimborż ta’ vjaġġi li jsiru biex wieħed jieħu sehem f'attivita fuq l-istedina ta' Membru jew grupp politiku tal-Parlament Ewropew għandhom ukoll ikunu akkumpanjati minn dokumenti oħra ġustifikattivi juru li l-vjaġġ sar fit-twettiq tal-mandat tal-Membru”;

    (b)

    jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “2 d.   Il-Membri jistgħu jgħaqqdu vjaġġ komplementari ma' attivitajiet mhux uffiċjali relatati, sakemm dan ma jżidx l-ispejjeż tal-vjaġġ u tas-sussistenza li jridu jiġu rimborżati.

    2 e.   L-attivitajiet li huma suġġetti għal vjaġġ komplementari ma jistgħux jagħtu lok għal forma oħra ta' rimborż pubbliku jew privat tal-ispejjeż imġarrba.”;

    (4)

    Fl-Artikolu 24(3), il-punt (c) jinbidel b'li ġej:

    “(c)

    f'ċirkustanzi straordinarji ssostanzjati kif xieraq, ir-rimborż ta' spejjeż raġonevoli tas-sussistenza mġarrba matul il-vjaġġ innifsu.”;

    (5)

    L-Artikolu 33(4) jinbidel b'li ġej:

    “4.   L-ammont massimu kull xahar ta' spejjeż li jistgħu jitħallsu għall-membri tal-istaff personali msemmija fl-Artikolu 34 huwa ffissat għal EUR 18 189. B'effett mill-1 ta' Mejju 2010, dak l-ammont għandu jkun EUR 19 689. B'effett mill-1 ta' Lulju 2010, dak l-ammont għandu jkun EUR 19 709. B'effett mill-1 ta' Jannar 2011, dak l-ammont għandu jkun EUR 21 209.”.

    Artikolu 2

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tisħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-istess jum, bl-eċċezzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 1, li għandu japplika mill-14 ta' Lulju 2009.


    (1)  Id-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1).

    (2)  ĠU L 183, 16.7.2010, p. 1.

    (3)  Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju u tad-9 ta' Lulju 2008 dwar miżuri ta' implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 159, 13.7.2009, p. 1).

    (4)  ĠU C 180, 6.7.2010, p. 1.

    (5)  Testi Adottati, P7_TA (2010)0372.


    Top