Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0270

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/270/PESK tal- 5 ta' Mejju 2011 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo

ĠU L 119, 7.5.2011, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/01/2012: This act has been changed. Current consolidated version: 28/07/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/270/oj

7.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/270/PESK

tal-5 ta' Mejju 2011

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (1)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Ġunju 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1244.

(2)

Fil-15 ta’ Settembru 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/623/PESK (2) dwar l-istabbiliment ta’ skwadra biex tikkontribwixxi għall-preparazzjonijiet tal-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ċivili Internazzjonali possibbli fil-Kosovo, inkluż komponent tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (Grupp ta’ Preparazzjoni UĊI/RSUE).

(3)

Fit-13/14 ta’ Diċembru 2007, il-Kunsill Ewropew issottolinja li l-Unjoni tinsab lesta li jkollha rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo. Huwa ddikjara li l-Unjoni tinsab lesta sabiex tassisti lill-Kosovo fil-mixja lejn l-istabbiltà sostenibbli, anke permezz ta’ missjoni tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD) u ta’ kontribut għall-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali bħala parti mill-preżenzi internazzjonali.

(4)

Fl-4 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/123/PESK (3) li taħtar lis-Sur Pieter FEITH bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo, li l-mandat tiegħu jiskadi fit-30 ta' April 2011.

(5)

Is-Sur Fernando GENTILINI għandu jinħatar bħala RSUE fil-Kosovo mill-1 ta' Mejju 2011 sal-31 ta' Lulju 2011.

(6)

Il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa l-qafas strateġiku għall-politika tal-Unjoni lejn ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, u l-istrumenti tiegħu japplikaw għall-Kosovo, inklużi sħubija Ewropea, djalogu politiku u tekniku bħala parti mid-djalogu tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u programmi relatati ta' assistenza mill-Unjoni.

(7)

Il-mandat tar-RSUE ser jiġi implimentat f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata konsistenza ma' attivitajiet rilevanti oħra li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni.

(8)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Fernando GENTILINI huwa b'dan maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo mill-1 ta' Mejju 2011 sal-31 ta' Lulju 2011. Il-mandat tar-RSUE jista' jintemm qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni fil-Kosovo. Dawn jinkludu r-rwol ċentrali tiegħu fit-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo, bil-għan ta’ Kosovo li jkun stabbli, vijabbli, paċifiku, demokratiku u multi-etniku, li jikkontribwixxi għal kooperazzjoni u stabbiltà reġjonali, abbażi ta’ relazzjonijiet tajba mal-ġirien; ta’ Kosovo li jkun impenjat għall-istat tad-dritt u għall-protezzjoni tal-minoritajiet u tal-wirt kulturali u reliġjuż.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

joffri l-konsulenza u l-appoġġ tal-Unjoni fil-proċess politiku;

(b)

jippromovi koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni fil-Kosovo;

(c)

jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO), anke dwar l-aspetti politiċi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ responsabbilitajiet eżekuttivi;

(d)

jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni lejn il-pubbliku. Il-kelliem tar-RSUE għandu jkun il-punt ta’ kuntatt prinċipali tal-Unjoni għall-media fil-Kosovo dwar kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni/Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PESK/PSDK). Kull attività tal-istampa u ta’ informazzjoni pubblika għandha titwettaq f’koordinazzjoni mill-qrib u kontinwa mal-kelliem tar-RGħ/mal-Uffiċċju tal-Istampa tas-Segretarjat tal-Kunsill;

(e)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kosovo, anke fir-rigward tan-nisa u t-tfal, konformement mal-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni u mal-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Mejju 2011 sal-31 ta' Lulju 2011 għandu jkun ta' EUR 690 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu permessi jitfgħu offerti għal kuntratti.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun suġġetta għal kuntrattat bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.

Artikolu 6

Struttura u kompożizzjoni tal-iskwadra

1.   Għandu jiġi assenjat persunal ddedikat lir-RSUE biex jimplimenta l-mandat tiegħu u biex jikkontribwixxi għall-koerenza, il-viżibbiltà u l-effettività tal-azzjoni globali tal-Unjoni fil-Kosovo. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tal-iskwadra tiegħu. L-iskwadra għandha tinkludi konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tal-iskwadra tiegħu.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal kollu ssekondat għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru, tal-istituzzjoni tal-Unjoni jew tas-SEAE li jibagħtuh u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/partijiet ospitanti skont il-każ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata

1.   Ir-RSUE u l-membri tal-iskwadra tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (4), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.

2.   Ir-RGħ għandu l-awtorità sabiex jirrilaxxa lin-NATO/KFOR informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, skont ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill.

3.   Ir-RGħ huwa awtorizzat biex jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti (NU) u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), skont il-ħtiġijiet operattivi tar-RSUE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, skont ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jiġu mfassla arranġamenti lokali għal dan il-għan.

4.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lil partijiet terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni dokumenti mhux klassifikati tal-UE li jkunu relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-azzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (5).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Skont il-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri prattikabbli raġonevoli kollha, f'konformità mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, partikolarment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà li jkun speċifiku għall-missjoni, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-iskwadra tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni Ewropea, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni.

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapportar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport, kif meħtieġ, lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fuq il-post ikunu użati b'mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk ta' RSUE oħrajn li jkunu attivi fir-reġjun skont il-każ. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-EULEX KOSOVO, anke dwar l-aspetti politiċi ta' kwistjonijiet relatati ma' responsabbiltajiet eżekuttivi. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ser jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

3.   Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' aġenziji lokali rilevanti u ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

4.   Ir-RSUE, flimkien ma' atturi tal-Unjoni oħra preżenti fuq il-post, għandu jiżgura t-tixrid u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-atturi tal-Unjoni fuq il-post bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta' għarfien komuni dwar is-sitwazzjoni u ta' valutazzjoni komuni.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din għandha tapplika mill-1 ta' Mejju 2011.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)  ĠU L 253, 16.9.2006, p. 29.

(3)  ĠU L 42, 16.2.2008, p. 88.

(4)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.

(5)  Id-Deċiżjoni 2009/937/KE li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


Top