EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0120

2011/120/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Frar 2011 dwar in-noninklużjoni tal-bromur tal-metil fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (notifikata bid-dokument numru C(2011) 950) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 47, 22.2.2011, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/120(1)/oj

22.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 47/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Frar 2011

dwar in-noninklużjoni tal-bromur tal-metil fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 950)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/120/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan tal-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista kienet tinkludi l-bromur tal-metil.

(2)

Skont l-Artikolu 11f tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002 u l-Artikolu 12(1)(a) u l-Artikolu 12(2)(b) ta’ dak ir-Regolament, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/753/KE tat-18 ta’ Settembru 2008 dwar in-non inklużjoni tal-bromur tal-metil fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (4) ġiet adottata.

(3)

Bi qbil man-notifikant oriġinali, persuna oħra (minn hawn ‘il quddiem “l-applikant”) ressqet applikazzjoni ġdida skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE li titlob l-applikazzjoni tal-proċedura aċċellerata, kif prevista fl-Artikoli 14 sa 19 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (5).

(4)

L-applikazzjoni tressqet lir-Renju Unit, li kien maħtur bħala l-Istat Membru relatur permezz tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Il-perjodu ta’ żmien għall-proċedura aċċellerata ġie rrispettat. L-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva u l-użi sostnuti huma l-istess kif kien is-suġġett tad-Deċiżjoni 2008/753/KE. Dik l-applikazzjoni tikkonforma wkoll mall-bqija tar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(5)

Ir-Renju Unit ivvaluta d-dejta addizzjonali sottomessa mill-applikant u pprepara rapport addizzjonali. Huwa bagħat dan ir-rapport lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Novembru 2009. L-Awtorità kkomunikat ir-rapport addizzjonali għall-kummenti lill-Istati Membri l-oħra u lill-applikant u bagħtet il-kummenti li kienu waslulha lill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 u fuq talba tal-Kummissjoni, l-Awtorità ppreżentat il-konklużjoni tagħha dwar il-bromur tal-metil lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Novembru 2010 (6). L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, ir-rapport addizzjonali u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew riveduti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ffinalizzati fit-28 ta’ Jannar 2011 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-bromur tal-metil.

(6)

Ir-rapport addizzjonali mill-Istat Membru relatur u l-konklużjoni mill-Awtorità jikkonċentraw fuq it-tħassib li jwassal għan-noninklużjoni. Dak it-tħassib kien dwar l-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem partikolarment fuq persuni li jkunu fil-qrib, minħabba li l-espożizzjoni kienet ikbar minn 100 % tal-AOEL, u fuq il-konsumaturi, minħabba li l-espożizzjoni kienet ikbar minn 100 % tal-ADI u tal-ARfd. Kien identifikat iktar tħassib fir-rapport ta’ valutazzjoni għall-bromur tal-metil.

(7)

Ġiet ippreżentata informazzjoni addizzjonali mill-applikant, partikolarment dwar it-tnaqqis fl-espożizzjoni permezz tal-applikazzjoni ta’ teknoloġija ta’ rkuprar. Biex jitnaqqas ir-riskju għall-konsumaturi u speċi li mhumiex fil-mira, l-applikant illimita l-appoġġ tiegħu għall-użi fuq materjal tal-ippakkjar tal-injam fil-kontejners.

(8)

Madankollu, l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata mill-applikant ma ppermettietx l-eliminazzjoni tat-tħassib speċifiku kollu dwar il-bromju tal-metil.

(9)

Partikolarment, l-informazzjoni disponibbli ma kinitx biżżejjed biex issir valutazzjoni tal-espożizzjoni kwantitattiva għall-persuni li jkunu fil-qrib. Barra minn hekk, l-informazzjoni disponibbli ma kinitx biżżejjed biex tagħti stima tal-konċentrazzjoni possibbli tal-bromur tal-metil fl-arja madwar il-kontejners b’materjal ta’ ppakkjar tal-injam li fuqu ntuża l-bromur tal-metil u biex tkun iffinalizzata l-valutazzjoni tar-riskju għal orġaniżmi li mhumiex fil-mira. Barra minn dan, ma kienx hemm dejta disponibbli biex tindirizza r-riskju ta’ espożizzjoni indiretta fil-ħamrija, fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma ta’ taħt l-art.

(10)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008, il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex iressaq kummenti dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni. L-applikant ippreżenta l-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(11)

Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa mill-applikant, it-tħassib identifikat ma setax jitneħħa, u l-evalwazzjonijiet li saru fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata u vvalutata matul il-laqgħat tal-esperti tal-Awtorità ma wrewx li wieħed jista’ jistenna li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bromur tal-metil jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(12)

Il-bromur tal-metil għalhekk ma għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(13)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2008/753/KE għandha tiġi revokata.

(14)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għat-tressiq ta’ applikazzjoni ulterjuri għall-bromur tal-metil skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u l-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(15)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-bromur tal-metil ma għandux ikun inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2008/753/KE hija rrevokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(3)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(4)  ĠU L 258, 26.9.2008, p. 68.

(5)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.

(6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Konklużjoni dwar ir-reviżjoni tal-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi għas-sustanza attiva bromur tal-metil. EFSA Journal 2011;9(1):1893. [32 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2011.1893. Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.


Top