EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0094

2011/94/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 25 ta’ Mejju 2010 dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti Messikani

ĠU L 38, 12.2.2011, p. 33–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/94(1)/oj

Related international agreement

12.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 38/33


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Mejju 2010

dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti Messikani

(2011/94/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tiegħu tal-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ in-negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim fil-livell tal-Unjoni.

(2)

F’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”) mal-Istati Uniti Messikani f’konformità mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2003.

(3)

Il-Ftehim innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar ‘il quddiem,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti Messikani huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

It-test tal-Ftehim huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SEBASTIÁN


Top

12.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 38/33


FTEHIM

dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti Messikani

L-UNJONI EWROPEA,

minn naħa waħda, u

L-ISTATI UNITI MESSIKANI,

min-naħa l-oħra,

(minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-Partijiet”), f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom;

WARA LI KKUNSIDRAW id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi bl-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti Messikani,

FILWAQT LI JINNUTAW li fil-5 ta’ Ġunju 2003, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea awtorizzaw lill-Kummissjoni Ewropea temenda ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi bl-ajru tagħhom fi ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi,

FILWAQT LI JINNUTAW li l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta’ diversi aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi bl-ajru li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jidħlu jew ikunu daħlu fihom ma’ pajjiżi terzi,

FILWAQT LI JAGĦRFU l-importanza li r-relazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti Messikani tiġi aġġornata fir-rigward tas-servizzi bl-ajru, sabiex ikun hemm bażi legali soda għas-servizzi bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti Messikani u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità ta’ dawn is-servizzi bl-ajru,

FILWAQT LI JSOSTNU l-interess tagħhom li jippromwovu l-kompetizzjoni ħielsa fil-qasam tas-servizzi bl-ajru, u li jevitaw li kumpaniji tal-ajru jidħlu fi ftehimiet li jkollhom bħala l-għan tagħhom li jtellfu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni,

FILWAQT LI JINNUTAW li mhuwiex għan tal-Unjoni Ewropea li taffettwa l-bilanċ bejn it-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni Ewropea u t-trasportaturi bl-ajru tal-Istati Uniti Messikani, jew li temenda d-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi bl-ajru li jikkonċernaw id-drittijiet tat-traffiku,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Ir-referenzi għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li huwa Parti fi kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet bilaterali elenkati fl-Anness 1 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

2.   Ir-referenzi għat-trasportaturi bl-ajru tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea li huwa Parti fi kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet bilaterali elenkati fl-Anness I għandhom jinftiehmu bħala referenzi għat-trasportaturi bl-ajru ddeżinjati minn dak l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea.

3.   Dan il-Ftehim jimmodifika ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi bl-ajru elenkati fl-Anness I, mingħajr ma jaffettwa d-drittijiet tat-traffiku eżistenti.

Artikolu 2

Deżinjazzjoni minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-Artikoli elenkati fil-punti (a) u (b) rispettivament tal-Anness II, f’dak li għandu x’jaqsam mad-deżinjazzjoni ta’ trasportatur bl-ajru minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi mogħtija mill-Istati Uniti Messikani, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi tat-trasportatur bl-ajru, rispettivament.

2.   Mal-wasla ta’ deżinjazzjoni minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti Messikani għandhom joħorġu l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi rilevanti mingħajr dewmien, bil-kondizzjoni li:

(a)

it-trasportatur bl-ajru jkun stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkun qed jiddeżinjah skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jkollu liċenzja operattiva valida f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, u

(b)

kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur bl-ajru huwa mħaddem u miżmum mill-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru tiegħu u l-awtorità ajrunawtika rilevanti tkun identifikata b’mod ċar fid-deżinjazzjoni, u

(c)

it-trasportatur bl-ajru jkun il-proprjetà, direttament jew permezz tal-akbar sehem azzjonarju, u kkontrollat effettivament mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew miċ-ċittadini ta’ tali pajjiżi jew mill-pajjiżi elenkati fl-Anness III jew miċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi l-oħra.

3.   L-Istati Uniti Messikani jistgħu jirrifjutaw, jirrevokaw, jissospendu jew jillimitaw l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi mogħtija lil trasportatur bl-ajru ddeżinjat minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fejn ma tiġix sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

Fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom taħt dan il-paragrafu, l-Istati Uniti Messikani m’għandhomx jiddiskriminaw bejn trasportaturi bl-ajru mill-Unjoni Ewropea abbażi tan-nazzjonalità.

Artikolu 3

Sikurezza

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw l-Artikoli elenkati fl-Anness II, punt (c).

2.   Fejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jkun iddeżinja trasportatur bl-ajru li l-kontroll regolatorju fuqu huwa eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, id-drittijiet tal-Istati Uniti Messikani skont id-dispożizzjonijiet tas-sikurezza tal-ftehim bejn l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea li ddeżinja t-trasportatur bl-ajru u l-Istati Uniti Messikani għandhom japplikaw b’mod ugwali fir-rigward tal-adozzjoni, l-eżerċizzju u ż-żamma tal-istandards tas-sikurezza mill-Istat Membru l-ieħor tal-Unjoni Ewropea u fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ dak it-trasportatur bl-ajru.

Artikolu 4

Kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni

1.   L-ebda wieħed mill-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Uniti Messikani u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea m’għandu:

(a)

jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ akkordji bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattiki miftiehma li jipprevjenu, joħolqu distorsjoni jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni;

(b)

isaħħaħ l-effetti ta’ kwalunkwe akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma bħal dawn; jew

(ċ)

jiddelega lil operaturi ekonomiċi privati r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, joħolqu distorsjoni jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

2.   Kwalunkwe dispożizzjoni fil-ftehimiet bilaterali elenkati fl-Anness I li tkun inkompatibbli mal-paragrafu 1 m’għandhiex tapplika.

Artikolu 5

Annessi għall-Ftehim

L-Annessi għal dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

Artikolu 6

Reviżjoni u emendar

Il-Partijiet jistgħu, f’kull ħin, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim bi qbil reċiproku, bil-miktub. Dawk il-modifiki għandhom jidħlu fis-seħħ skont il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 7(1) ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin (30) jum wara d-data tal-aħħar nota li permezz tagħha l-Partijiet ikunu nfurmaw lil xulxin bil-miktub, permezz tal-mezzi diplomatiċi, li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew.

2.   Dan il-Ftehim għandu japplika għall-ftehimiet bilaterali elenkati fl-Anness I, punt (b) malli dawn tal-aħħar ikunu daħlu fis-seħħ.

3.   Dan il-Ftehim għandu jipprevali f’każ li jkun hemm differenza bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u l-ftehimiet bilaterali elenkati fl-Anness I.

Artikolu 8

Terminazzjoni

1.   F’każ li kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet bilaterali elenkati fl-Anness I jiġi tterminat, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim li jkollhom x’jaqsmu ma’ dak il-ftehim għandhom jiġu tterminati fl-istess ħin.

2.   F’każ li l-ftehimiet kollha bilaterali elenkati fl-Anness I jiġu tterminati, dan il-Ftehim għandu jiġi tterminat fl-istess ħin meta jiġi tterminat l-aħħar wieħed minn dawk il-ftehimiet.

B’XHIEDA TA’ DAN il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL f’żewġ kopji fi Brussell, fil-ħmistax-il jum ta’ Diċembru tas-sena elfejn u għaxra bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, b’kull wieħed minn dawk it-testi jkun awtentiku. Fil-każ ta' diverġenza, il-verżjoni Spanjola għandu jkollha l-preċedenza.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

За Съединените мексикански щати

Por los Estados Unidos Mexicanos

Za Spojené státy mexické

For De Forenede Mexicanske Stater

Für die Vereinigten Mexikanischen Staaten

Mehhiko Ühendriikide nimel

Για τις Ηνωμένες Πολιτείες του Μεξικού

For the United Mexican States

Pour les Etats-Unis mexicains

Per gli Stati Uniti messicani

Meksikas Savienoto Valstu vārdā –

Meksikos Jungtinių Valstijų vardu

A Mexikói Egyesült Államok részéről

Għall-Istati Uniti Messikani

Voor de Verenigde Mexicaanse Staten

W imieniu Meksykańskich Stanów Zjednoczonych

Pelos Estados Unidos Mexicanos

Pentru Statele Unite Mexicane

Za Spojené štáty mexické

Za Združene države mehike

Meksikon yhdysvaltojen puolesta

För Mexikos förenta stater

Image


ANNESS I

LISTA TA’ FTEHIMIET BILATERALI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1 TA’ DAN IL-FTEHIM

(a)

Ftehimiet dwar is-servizzi bl-ajru bejn l-Istati Uniti Messikani u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li, fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, ġew konklużi u/jew iffirmati:

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tal-Istati Uniti Messikani u l-Gvern Federali tal-Awstrija, iffirmat fi Vjenna, l-Awstrija, fis-27 ta’ Marzu 1995, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Awstrija”,

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tal-Istati Uniti Messikani u l-Gvern tar-Renju tal-Belġju, iffirmat fil-Belt tal-Messiku, fis-26 ta’ April 1999, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Belġju”,

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tal-Istati Uniti Messikani u l-Gvern tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka, iffirmat fil-Belt tal-Messiku nhar l-14 ta' Awwissu 1990, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Repubblika Ċeka”,

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tal-Istati Uniti Messikani u l-Gvern tar-Repubblika Franċiża, iffirmat f’Pariġi, Franza, fit-18 ta' Mejju 1993, emendat bil-Ftehim li Jemenda u Jissupplimenta l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tal-Istati Uniti Messikani u l-Gvern tar-Repubblika Franċiża, konkluż permezz ta’ skambju ta’ noti datat f’Pariġi u fil-Belt tal-Messiku fit-13 ta’ Jannar u l-4 ta’ Frar 2004, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Franza”,

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti Messikani u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iffirmat fil-Belt tal-Messiku, fit-8 ta' Marzu 1967, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Ġermanja”,

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti Messikani u r-Repubblika Taljana, iffirmat fil-Belt tal-Messiku fit-23 ta' Diċembru 1965, emendat bil-Ftehim li Jemenda u Jissupplimenta l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti Messikani u l-Gvern tar-Repubblika Taljana tat-23 ta’ Diċembru 1965, konkluż permezz ta’ skambju ta’ noti datat f’Ruma, l-Italja fit-2 t’Awwissu u s-7 ta’ Diċembru 2004, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Italja”,

Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti Messikani u l-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat fil-Belt tal-Messiku, fid-19 ta' Marzu 1996, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Lussemburgu”,

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tal-Istati Uniti Messikani u l-Gvern tar-Renju tal-Olanda, iffirmat fil-Belt tal-Messiku, fis-6 ta' Diċembru 1971, emendat bil-Ftehim li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru tas-6 ta’ Diċembru 1971 bejn il-Gvern tal-Istati Uniti Messikani u l-Gvern tar-Renju tal-Olanda, konkluż permezz ta’ skambju ta’ noti datat l-24 ta’ Awwissu 1992 fil-Belt tal-Messiku, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Olanda”,

Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tal-Istati Uniti Messikani u l-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja, iffirmat fil-Belt tal-Messiku, fil-11 ta' Ottubru 1990, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Polonja”,

Ftehim dwar it-Trasport Ċivili bl-Ajru bejn il-Gvernijiet tal-Messiku u tal-Portugall, iffirmat f’Lisbona, il-Portugall fit-22 ta' Ottubru 1948, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Portugall”,

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tal-Istati Uniti Messikani u l-Gvern tar-Renju ta' Spanja, iffirmat fil-Belt tal-Messiku, fil-21 ta’ Novembru 1978, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Spanja”,

Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti Messikani u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar is-servizzi bl-ajru, iffirmat fil-Belt tal-Messiku, fit-18 ta’ Novembru 1988, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Messiku – Renju Unit”.

(b)

Ftehimiet dwar is-servizzi bl-ajru bejn l-Istati Uniti Messikani u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li, fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim, għadhom ma daħlux fis-seħħ:

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti Messikani u r-Renju ta’ Spanja, iffirmat f’Madrid, Spanja, fit-8 ta' April 2003.


ANNESS II

LISTA TAL-ARTIKOLI FIL-FTEHIMIET ELENKATI FL-ANNESS I U MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2 U 3 TA’ DAN IL-FTEHIM

(a)

Deżinjazzjoni minn Stat Membru:

Artikolu 3 tal-Ftehim Messiku – Awstrija,

Artikolu 3 tal-Ftehim Messiku – Belġju,

Artikolu 3 tal-Ftehim Messiku – Repubblika Ċeka,

Artikolu 3 tal-Ftehim Messiku – Franza,

Artikolu 3 tal-Ftehim Messiku – Ġermanja,

Artikolu 3 tal-Ftehim Messiku – Italja,

Artikolu 3 tal-Ftehim Messiku – Lussemburgu,

Artikolu 3 tal-Ftehim Messiku – Olanda,

Artikolu 3 tal-Ftehim Messiku – Polonja,

Artikolu II tal-Ftehim Messiku – Portugall,

Artikolu 3 tal-Ftehim Messiku – Spanja,

Artikolu 4 tal-Ftehim Messiku – Renju Unit.

(b)

Rifjut, revoka, sospensjoni jew limitazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi:

Artikolu 4 tal-Ftehim Messiku – Awstrija,

Artikolu 5 tal-Ftehim Messiku – Belġju,

Artikolu 4 tal-Ftehim Messiku – Repubblika Ċeka,

Artikolu 4 tal-Ftehim Messiku – Franza,

Artikolu 4, l-ewwel sentenza, tal-Ftehim Messiku – Ġermanja,

Artikolu 4 tal-Ftehim Messiku – Italja,

Artikolu 4 tal-Ftehim Messiku – Lussemburgu,

Artikolu 4 tal-Ftehim Messiku – Olanda,

Artikolu 4 tal-Ftehim Messiku – Polonja,

Artikolu VII tal-Ftehim Messiku – Portugall,

Artikolu 4 tal-Ftehim Messiku – Spanja,

Artikolu 5 tal-Ftehim Messiku – Renju Unit.

(c)

Sikurezza:

Artikolu 6 tal-Ftehim Messiku – Awstrija,

Artikolu 7 tal-Ftehim Messiku – Belġju,

Artikolu 6 tal-Ftehim Messiku – Repubblika Ċeka,

Artikolu 6a tal-Ftehim Messiku – Franza,

Artikolu 6a tal-Ftehim Messiku – Italja,

Artikolu 6 tal-Ftehim Messiku – Lussemburgu,

Artikolu 6 tal-Ftehim Messiku – Olanda,

Artikolu V tal-Ftehim Messiku – Portugall,

Artikolu 8 tal-Ftehim Messiku – Renju Unit.


ANNESS III

LISTA TA’ PAJJIŻI OĦRA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2 TA’ DAN IL-FTEHIM

(a)

Ir-Repubblika tal-Islanda (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea).

(b)

Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea).

(c)

Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea).

(d)

Il-Konfederazzjoni Svizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru).

Top