Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0036

2011/36/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Jannar 2011 dwar li s-sustanza 1,3-dikloropropen ma tkunx inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (notifikata bid-dokument numru C(2011) 119) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 18, 21.1.2011, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/36(1)/oj

21.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 18/42


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Jannar 2011

dwar li s-sustanza 1,3-dikloropropen ma tkunx inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 119)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/36/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/619/KE (2) ġie deċiż li s-sustanza attiva 1,3-dikloropropen ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik id-Deċiżjoni ttieħdet fil-qafas tat-tieni stadju tal-programm ta’ ħidma previst fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (3) u (KE) Nru 703/2001 (4) li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u li jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan tal-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(2)

In-notifikant oriġinali ressaq applikazzjoni ġdida skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (5). Huwa talab l-applikazzjoni tal-proċedura aċċellerata skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 u ressaq dossier aġġornat. L-applikazzjoni tressqet lil Spanja, li kienet inħatret bħala l-Istat Membru relatur permezz tar-Regolament (KE) Nru 451/2000.

(3)

Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 u tressqet fl-istess perjodu ta’ żmien stipulat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Spanja evalwat l-informazzjoni l-ġdida u d-dejta mressqa min-notifikant u ħejjiet rapport addizzjonali fil-15 ta’ April 2009.

(5)

Ir-rapport addizzjonali saritlu analiżi inter pares mill-Istati Membri u mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel, minn hawn ’il quddiem “l-EFSA”, u tressaq quddiem il-Kummissjoni fit-30 ta’ Settembru 2009 fil-format tar-Rapport Xjentifiku tal-EFSA għas-sustanza 1,3-dikloropropen (6). Dan ir-rapport kien rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u kien iffinalizzat fid-9 ta’ Lulju 2010 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għas-sustanza 1,3-dikloropropen.

(6)

L-analiżi l-ġdida mill-Istat Membru relatur u l-konklużjoni l-ġdida mill-EFSA kienu jikkonċentraw fuq it-tħassib li wassal biex is-sustanza ma tkunx inkluża, kawża tal-ħruġ fl-ambjent ta’ ammonti kbar ta’ impuritajiet poliklorinati, magħrufa u mhumiex, li dwarhom ma kienet disponibbli ebda informazzjoni fir-rigward ta’ persistenza, imġiba tossikoloġika, kemm jiġu assorbiti mill-għelejjel, akkumulazzjoni, destin metaboliku u livell ta’ residwi, u anki minħabba n-natura mhux konklużiva tal-analiżi tar-riskju għall-konsumaturi u tar-riskju ta’ potenzjal ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, tar-riskju għall-għasafar, għall-mammiferi, l-organiżmi akkwatiċi u organiżmi oħrajn mhux fil-mira.

(7)

Fid-dossier aġġornat, in-notifikatur ressaq dejta u informazzjoni ġdida biex jindirizza t-tħassib li wassal biex is-sustanza ma tkunx inkluża, b’mod partikolari fir-rigward tal-identità ta’ għadd ta’ impuritajiet, il-livell tar-residwi mistennija li jkun hemm fl-għelejjel, ir-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art u r-riskju lill-għasafar, lill-mammiferi, l-organiżmi akkwatiċi u l-organiżmi li mhumiex fil-mira. Kif jidher fir-rapport addizzjonali u fil-Konklużjoni tal-EFSA dwar is-sustanza 1,3-dikloropropen, saret analiżi ġdida.

(8)

Minkejja dan, id-dejta u l-informazzjoni addizzjonali mogħtija min-notifikant ma wasslux biex jeliminaw il-punti speċifiċi ta’ tħassib li wasslu biex is-sustanza ma tiġix inkluża.

(9)

B’mod partikolari, hemm il-biża’ li l-konsumatur ikun espost għal ħdax-il impurità tal-manifattura li mhumiex identifikati. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kawża tas-sustanza 1,3-dikloropropen, tal-prodott derivat tossiku tagħha (EZ)-3-aċtu kloroakriliku u tal-ħdax-il impurità tal-manifattura li mhumiex identifikati ma kinux inidirizzati b’mod adegwat, u hemm il-potenzjal li fl-atmosfera, u fit-tul, jinġarru għaxar impuritajiet tal-manifattura. Barra minn hekk ma ntweriex li r-riskju għal organiżmi li mhumiex fil-mira kien wieħed aċċettabbli.

(10)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk kienx biħsiebu jkompli jappoġġa s-sustanza jew le. Barra minn dan, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008, il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq kummenti dwar l-abbozz tar-rapport tal-analiżi. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(11)

Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, il-punti ta’ tħassib identifikati ma setgħux jitneħħew, u l-valutazzjonijiet li saru fuq il-bażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat tal-esperti tal-EFSA ma wrewx li wieħed jista’ jistenna li, fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti, il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza 1,3-dikloropropen b’mod ġenerali jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(12)

Għalhekk, is-sustanza 1,3-dikloropropen ma għandhiex tkun inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(13)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2007/619/KE għandha tiġi revokata.

(14)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għat-tressiq ta’ applikazzjoni ulterjuri għas-sustanza 1,3-dikloropropen skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(15)

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu u l-Kummissjoni b’hekk ressqet proposta lill-Kunsill relatata ma’ dawn il-miżuri. Fi tmiem il-perjodu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, il-Kunsill la kien adotta l-att ta’ implimentazzjoni propost u lanqas ma wera l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, u għaldaqstant huwa f’idejn il-Kummissjoni li tadotta dawn il-miżuri,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanza 1,3-dikloropropen ma għandux jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2007/619/KE hija revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 249, 25.9.2007, p. 11.

(3)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(4)  ĠU L 98, 7.4.2001, p. 6.

(5)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.

(6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju għas-sustanza attiva (EZ)-1,3-dikloropropen fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Ġurnal tal-EFSA 2009; 7(10):1341. [102 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2009.1341. Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu


Top