EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011A0212(01)

Opinjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta' Frar 2011 fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/37/KE fir-rigward ta' miżura ta' projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Olandiżi fuq magna elettrika li taqta’ l-ħaxix bil-marka kummerċjali Intratuin, tip 07426 MD-2009-156 Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 45, 12.2.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 45/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta' Frar 2011

fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/37/KE fir-rigward ta' miżura ta' projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Olandiżi fuq magna elettrika li taqta’ l-ħaxix bil-marka kummerċjali Intratuin, tip 07426 MD-2009-156

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 45/01

1.   In-notifika mill-awtoritajiet Olandiżi

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/37/KE (1) dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju (li kienet applikabbli sad-29 ta’ Diċembru 2009) jistipula li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw illi l-makkinarju kopert mid-Direttiva jkun jista’ jinħareġ fis-suq u jiġi mħaddem biss jekk ma jipperikolax is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni u, fejn xieraq, ta’ annimali domestiċi jew ta’ proprjetà, meta jiġi installat u miżmum kif xieraq u użat skont l-għan maħsub għalih.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jistipula li meta Stat Membru jaċċerta li makkinarju li juri l-marka CE użat skont l-għan li għalih ikun maħsub jista’ jipperikola s-sikurezza tan-nies, u, fejn xieraq, tal-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, dan għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jirtira mis-suq makkinarju ta’ dan it-tip, jipprojbixxi t-tqegħid tiegħu fis-suq, it-tħaddim jew l-użu tiegħu, jew jirrestrinġi l-moviment liberu tiegħu. L-Istat Membru għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura ta' dan it-tip, filwaqt li jindika r-raġuni tad-deċiżjoni tiegħu.

Fit-3 ta' Settembru 2009, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea miżura ta' projbizzjoni li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' magna elettrika li taqta’ l-ħaxix bil-marka kummerċjali Intratuin, tat-tip 07426. Il-makkinarju ġie manifatturat minn YAT Electrical Appliance Co., iċ-Ċina u tqiegħed fis-suq tal-UE minn Intratuin Trade & Logistics, PO Box 228, 3440 AE Woerden, il-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-fajl mgħoddi lill-Kummissjoni Ewropea kellu fih id-dokumenti li ġejjin:

“GS” ċertifikat Nru S 50121261 maħruġ minn TÜV Rheinland lil YAT Electrical Appliance Co., Ltd, North Shiwei Road, Yuxin Town, South Lake Zone, 314009, Jiaxing, Zheijang, iċ-Ċina fir-rigward ta’ magna elettrika li taqta’ l-ħaxix, tat-tip YT5124AB;

Ċertifikat ta’ Konformità mad-Direttiva dwar il-Makkinarju Nru AM 50121263 0001 maħruġ minn TÜV Rheinland għall-istess tip ta’ magna li taqta’ l-ħaxix;

Il-kuntratt tal-bejgħ SC0903028 maħruġ minn YAT Electrical Appliance Co., Ltd. 23-25 Maosheng Road, Lianghui Industrypark, Yuyao, Ningbo, iċ-Ċina, li jindika li r-referenzi tal-prodott YT5124AB u 07426 jirreferu għall-istess tip ta’ magna li taqta’ l-ħaxix.

Skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati, hija mistennija tiddikjara jekk issibx din il-miżura ġġustifikata jew le. Jekk il-miżura tinstab li hija ġġustifikata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha xierqa fir-rigward tal-makkinarju kkonċernat, skont l-obbligi tagħhom fl-Artikolu 2(1).

2.   Ir-raġunijiet mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi

Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta' konformità tal-magna elettrika li taqta’ l-ħaxix mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza li ġejjin tal-Anness I tad-Direttiva 98/37/KE b'referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tal-istandard armonizzat Ewropew EN 60335-2-77:2000 – Apparat elettriku li jintuża fid-dar u apparati elettriċi simili – Sigurtà – Parti 2-77: Rekwiżiti partikolari għal magni elettriċi għall-qtugħ tal-ħaxix f'lôn ikkontrollati minn min iħaddimhomi, li hija msemmija fiċ-ċertifikat “GS” tat-TÜV Rheinland:

“1.3.3. – Riskji minħabba oġġetti li jaqgħu jew joħorġu u 1.3.7. Il-prevenzjoni tar-riskji marbuta mal-partijiet li jiċċaqilqu

Il-magna li taqta’ l-ħaxix ħolqot riskju ta’ feriti għaliex il-kisi tond għall-protezzjoni tax-xafra li ddur ħareġ b’0,6 mm minflok dak mitlub ta’ 3 mm. Dan jista’ jwassal għal feriti serji b’riżultat ta’ oġġetti li joħorġu’ l barra.

1.7.4. –   Istruzzjonijiet

Informazzjoni dwar użu sikur tal-magna li taqta’ l-ħaxix dwar ħsad fuq niżla u sewqan / ġbid lura kienet nieqsa mill-istruzzjonijiet għall-użu.”

3.   L-opinjoni tal-Kummissjoni

Fit-30 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni kitbet lil Intratuin li qiegħdu il-magna elettrika li taqta’ l-ħaxix Intratuin tat-tip 07426 fis-suq tal-UE, fejn stednithom biex jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-miżura li ttieħdet mill-awtoritajiet Olandiżi.

Fit-30 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni kitbet ukoll lil TÜV Rheinland li ħarġet ċertifikati ta’ konformità għall-magna elettrika li taqta’ l-ħaxix tat-tip YT5124AB li kienu affermati li huma ekwivalenti għall-magna elettrika li taqta’ l-ħaxix tat-tip 07426 soġġetta għall-miżura Olandiża.

Fit-tweġiba tagħhom tat-12 ta’ Awwissu 2010, TÜV Rheinland ikkonfermaw li huma kienu ħarġu ċ-ċertifikati Nru S 50121261 u AM 50121263 0001 għall-magna elettrika li taqta’ l-ħaxix tat-tip YT5124AB. Huma stqarrew li l-kampjun li ġie ttestjat minnhom ma ppreżentax in-nuqqas ta’ konformitajiet identifikati mill-awtoritajiet Olandiżi. Huma stqarrew ukoll li huma ma kinux mgħarrfa dwar il-magna elettrika li taqta’ l-ħaxix tat-tip Intratuin 07426 u ma setgħux jikkonfermaw jekk iż-żewġ referenzi YT5124AB u 07426 rreferewx għall-istess prodott.

Sal-lum ma waslet ebda tweġiba minn Intratuin.

Il-Kummissjoni tosserva li la Intratuin u lanqas TÜV Rheinland ma kkontestaw il-miżura li ttieħdet mill-awtoritajiet Olandiżi. Il-kuntratt ta’ bejgħ bejn YAT u Intratuin jindika li l-magni elettriċi li jaqtgħu l-ħaxix mibjugħa lil Intratuin kienu identifikati skont ir-referenza YT5124AB li hija r-referenza koperta biċ-ċertifikati Nru S 50121261 u AM 50121263 0001 maħruġa minn TÜV Rheinland.

Fid-dawl tad-dokumentazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Olandiżi wrew li l-makkinarju soġġett għall-miżura restrittiva ma jikkonformax mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza msemmija fuq. Dawn in-nuqqasijiet ta’ konformità huma ta’ riskju serju għall-persuni li jużaw il-makkinarju inkwistjoni.

Għaldaqstant, wara li segwiet il-proċedura mitluba, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi hija ġġustifikata.

Magħmula fi Brussell, il-11 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi-President


(1)  ĠU L 207, 23.7.1998, p. 1.


Top