EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1232

Regolament (UE) Nru 1232/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Diċembru 2010 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni Ewropea lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010)

ĠU L 346, 30.12.2010, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1232/oj

30.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 346/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1232/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Diċembru 2010

dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni Ewropea lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175 flimkien mal-Artikolu 352(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u r-rekwiżit għal unanimità fil-Kunsill previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 352(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2),

Billi:

(1)

Il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (“il-Fond”) ġie stabbilit fl-1986 bil-Ftehim tat-18 ta' Settembru 1986 bejn il-Gvern tal-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (“il-Ftehim”) sabiex jitħeġġeġ il-progress ekonomiku u soċjali, u biex jitħeġġu l-kuntatti, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti fl-Irlanda sħiħa, fl-implimentazzjoni ta' wieħed mill-objettivi speċifikati mill-Ftehim Anglo-Irlandiż tal-15 ta' Novembru 1985.

(2)

L-Unjoni, filwaqt li tirrikonoxxi li l-objettivi tal-Fond huma riflessjoni ta' dawk imfittxija minnha stess, tat kontributi finanzjarji għall-Fond sa mill-1989. Għall-perjodu 2005 sa 2006 ġew impenjati EUR 15 miljun mill-baġit tal-Komunità għal kull waħda mis-snin 2005 u 2006 bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005 tal-24 ta' Jannar 2005 rigward il-kontributi finanzjarji tal-Komunità għall-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (3). Dak ir-Regolament skada fil-31 ta' Diċembru 2006.

(3)

Il-valutazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 177/2005 kkonfermaw il-ħtieġa għal appoġġ ulterjuri għal attivitajiet tal-Fond, filwaqt li jissoktaw is-sinerġiji ta' tisħiħ tal-objettivi u l-koordinazzjoni tiegħu għall-interventi tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari mal-Programm Speċjali għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u l-Pajjiżi Konfinali tal-Irlanda (minn issa ’l quddiem “il-programm PEACE”) stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (4).

(4)

Il-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq jeħtieġ kontinwazzjoni ta' appoġġ mill-Unjoni lill-Fond, lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2006. Bħala rikonoxximent tal-isforz speċjali għall-proċess ta' paċi, il-programm PEACE ġie allokat appoġġ addizzjonali mill-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007 sal-2013 skont il-paragrafu 22 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (5).

(5)

Waqt il-laqgħa tiegħu fi Brussell fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-passi meħtieġa bil-ħsieb ta' appoġġ issuktat tal-Komunità għall-Fond hekk kif dieħel fil-fażi finali kruċjali ta' xogħlu sal-2010.

(6)

L-għan ewlieni ta' dan ir-Regolament hu li jappoġġa l-paċi u r-rikonċiljazzjoni permezz ta' firxa ta' attivitajiet usa’ minn dawk koperti mill-Fondi Strutturali, u li jestendu lil hinn mill-ambitu tal-politika tal-Unjoni dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali.

(7)

Il-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni lill-Fond għandhom jieħdu s-sura ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji għas-snin 2007, 2008, 2009 u 2010, u b’hekk jintemmu fl-istess waqt li tintemm il-ħajja tal-Fond.

(8)

Fl-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni, il-Fond għandu jagħti priorità lill-proġetti li min-natura tagħhom japplikaw bejn il fruntieri, jew madwar il-Komunità, b’tali mod li jikkumplementaw l-attivitajiet iffinanzjati mill-Programm PEACE għall-perjodu bejn l-2007 sal-2010.

(9)

Skont il-Ftehim, il-kontributuri finanzjarji kollha tal-Fond għandhom jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Bord tal-Fond.

(10)

Huwa essenzjali li tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa bejn l-attivitajiet tal-Fond u dawk finanzjati taħt il-Fondi Strutturali previsti mill-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Programm PEACE.

(11)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul ta' żmien kollu tal-Fond li jikkostitwixxi r-referenza prinċipali, fit-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (6), għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura annwali baġitarja.

(12)

L-ammont tal-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni lill-Fond għandu jkun ta' EUR 15-il miljun għal kull waħda mis-snin 2007, 2008, 2009 u 2010, espressi f’valuri attwali.

(13)

L-istrateġija tal-Fond imniedi għall-fażi finali tal-attivitajiet tiegħu (mill-2006 sal-2010) u intitolata “Naqsmu dan l-Ispazju” tiffoka fuq erba’ oqsma ewlenin: il-bini ta' pedamenti għal rikonċiljazzjoni fl-aktar komunitajiet marġinalizzati, il-bini ta' pontijiet għall-kuntatt bejn komunitajiet diviżi, ċaqliq lejn soċjetà aktar integrata u t-tħollija ta' patrimonju. Konsegwentement, l-għan aħħari tal-Fond u ta' dan ir-Regolament huwa li jinkoraġġixxi r-rikonċiljazzjoni inter-komunitarja.

(14)

L-appoġġ tal-Unjoni jikkontribwixxi biex isaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-popli tagħhom.

(15)

L-Għajnuna mill-Fond għandha titqies bħala waħda effettiva fuq il-bażi unika tal-grad sa fejn jirnexxielha tiġġenera titjib ekonomiku u soċjali sostenibbli u ma tintużax bħala sostitut għal infiq ieħor pubbliku jew privat.

(16)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1968/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (mill-2007 sal-2010) (7) stabbilixxa l-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-Fond għall-perjodu mill-2007 sal-2010.

(17)

Fis-sentenza tagħha tat-3 ta' Settembru 2009 fil-Kawża C–166/07 (Il-Parlament Ewropew v il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea) (8), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ir-Regolament (KE) Nru 1968/2006 billi kien imsejjes biss fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Trattat tal-KE), waqt li ddeċidiet li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 308 tat-Trattat tal-KE kienu l-bażi legali xierqa. Madankollu, il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1968/2006 kellhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ, sa perjodu raġonevoli, ta' regolament ġdid adottat fuq bażijiet legali xierqa u li l-annullament tar-Regolament (KE) Nru 1968/2006 ma kellux jaffettwa l-validità tal-ħlasijiet li saru jew il-garanziji mogħtija skont dan ir-Regolament. F’dan ir-rigward huwa meħtieġ li, għall-finijiet taċ-ċertezza legali, isir provvediment għall-applikazzjoni b’effett retroattiv tal-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament billi dan jirrigwarda l-perjodu sħiħ tal-programm 2007 sal-2010,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (“il-Fond”) għall-perjodu 2007 sal-2010 għandu jkun ta' EUR 60 miljun.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fi ħdan il-limitu tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintużaw mill-Fond skont il-Ftehim tat-18 ta' Settembru 1986 bejn il-Gvern tal-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f’dak li għandu x’jaqsam mal-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (“il-Ftehim”).

Fl-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet il-Fond għandu jagħti prijorità lill-proġetti ta' natura transkonfinali jew transkomunitarja, b’tali mod li jikkomplementa l-attivitajiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, u speċjalment dawk tal-Programm Speċjali għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u l-Pajjiżi Konfinali tal-Irlanda (“il-Programm PEACE”).

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu użati b’mod li jwasslu għal żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli fl-oqsma kkonċernati. Huma m’għandhomx jintużaw bħala sostitut għal infiq ieħor pubbliku jew privat.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni bħala osservatur fil-laqgħat tal-Bord tal-Fond.

Il-Fond għandu jkun rappreżentat bħala osservatur fil-laqgħat tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-programm PEACE, u f’interventi oħrajn tal-Fondi Strutturali skont kif ikun xieraq.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha, f’koperazzjoni mal-Bord tal-Fond, tiddetermina proċeduri xierqa sabiex trawwem il-koordinazzjoni fil-livelli kollha bejn il-Fond u l-awtoritajiet ta' ġestjoni u l-korpi implimentattivi stabbiliti taħt l-interventi kkonċernati tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari taħt il-programm PEACE.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha, f’koperazzjoni mal-Bord tal-Fond, tiddetermina proċeduri adattati ta' pubbliċità u tagħrif sabiex jirreklamaw il-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni għall-proġetti ffinanzjati mill-Fond.

Artikolu 6

Sat-30 ta' Ġunju 2008, il-Fond għandu jressaq quddiem il-Kummissjoni l-istrateġija tiegħu għall-għeluq (strateġija tal-għeluq) tal-attivitajiet tiegħu, inklużi

(a)

pjan ta' azzjoni bi ħlasijiet ipproġettati u data mbassra ta' konklużjoni;

(b)

proċedura ta' tħollija mill-impenji;

(c)

it-trattament ta' kwalunkwe ammont residwu u imgħax imħallas waqt l-għeluq tal-Fond.

Ħlasijiet sussegwenti lill-Fond jiddependu fuq l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tal-istrateġija tal-għeluq. Jekk l-istrateġija tal-għeluq ma tiġix ippreżentata lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju 2008, il-ħlasijiet lill-Fond għandhom jiġu interrotti sa meta tiġi riċevuta l-istrateġija.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tamministra l-kontribuzzjonijiet.

Suġġetta għall-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni annwali għandha titħallas ratealment kif ġej:

(a)

l-ewwel ħlas bil-quddiem ta' 40 % għandu jsir wara li l-Kummissjoni tkun irċiviet il-garanzija, iffirmata mill-President tal-Bord tal-Fond, li tiddikjara li l-Fond ser jikkonforma mal-kondizzjonijiet tal-għotja tal-kontribuzzjoni stipulati f’dan ir-Regolament;

(b)

it-tieni ħlas bil-quddiem ta' 40 % għandu jsir sitt xhur wara;

(c)

ħlas finali ta' 20 % għandu jsir wara li l-Kummissjoni tkun irċiviet u aċċettat ir-rapport annwali tal-attivitajiet tal-Fond u l-kontijiet verifikati tas-sena inkwistjoni.

2.   Qabel ma tħallas pagament il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet finanzjarji tal-Fond fuq il-bażi tal-bilanċ tal-kontanti tal-Fond fiż-żmien skedat għal kull ħlas. Jekk wara l-valutazzjoni, il-ħtiġijiet finanzjarji tal-Fond ma jiġġustifikawx ħlas ta' wieħed minn dawn il-pagamenti, il-ħlas ikkonċernat għandu jiġi sospiż. Il-Kummissjoni għandha tirrivedi dik is-sospensjoni abbażi ta' tagħrif ġdid mogħti mill-Fond u għandha tkompli bil-ħlasijiet hekk kif dawn ikunu kkunsidrati ġustifikati.

Artikolu 8

Kontribuzzjoni mill-Fond tista’ tiġi allokata għal operazzjoni li tirċievi jew li għandha tieħu għajnuna finanzjarja taħt l-intervent tal-Fondi Strutturali fil-każ biss li jekk wieħed jgħodd din l-għajnuna finanzjarja u jżid magħha 40 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond, it-total ma jaqbiżx 75 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-operazzjoni.

Artikolu 9

Għandu jitressaq rapport finali lill-Kummissjoni sitt xhur qabel id-data tal-konklużjoni prevista fl-istrateġija għall-għeluq jew sitt xhur wara l-ħlas finali msemmi fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1), skont liema minnhom iseħħ l-ewwel, u għandu jinkludi t-tagħrif kollu meħtieġ li għandu jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tal-għajnuna u l-milja tal-għanijiet tal-Fond.

Artikolu 10

Il-kontribuzzjoni tas-sena finali għandha titħallas wara l-analiżi tal-ħtiġijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7(2) u sakemm il-prestazzjoni tal-Fond tirrispetta l-istrateġija għall-għeluq.

Artikolu 11

Id-data finali ta' eliġibbiltà tan-nefqa hija l-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 6 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Dan ir-Regolament jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2010.

Ghall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Ghall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  Opinjoni tad-29 ta' April 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2010.

(3)  ĠU L 30, 3.2.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1.

(5)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(6)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 409, 30.12.2006, p. 86.

(8)  Każ C-166/07 Parlament v Kunsill [2009] ECR I-7135.


Top