EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1054

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1054/2010 tat- 18 ta’ Novembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 rigward in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll applikabbli għall-Politika Komuni tas-Sajd

ĠU L 303, 19.11.2010, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1054/oj

19.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1054/2010

tat-18 ta’ Novembru 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 rigward in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll applikabbli għall-Politika Komuni tas-Sajd

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar (1), b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni ilha tiffinanzja azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kontroll u l-infurzar tas-sajd mill-1990 skont l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti b’mod partikolari fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (2).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2006 jistipula, fost azzjonijiet oħra, miżuri finanzjarji tal-Unjoni għan-nefqa li ssir fil-kontroll, l-ispezzjoni u s-sorveljanza tas-sajd għall-perjodu mill-2007 sal-2013. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 391/2007 (3) jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

(3)

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda, l-Istati Membri għandu jkollhom indikazzjonijiet ċari dwar ir-regoli li għandhom isegwu sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-infiq li jsir fil-qasam tal-kontroll u tal-infurzar tas-sajd.

(4)

Ir-regoli li japplikaw għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi ta’ kontroll nazzjonali għandhom jiġu ssimplifikati u ċċarati.

(5)

Meta jiġu għal ċerti investimenti kbar, jista’ jagħti l-każ li l-Istati Membri jkunu jirrikjedu aktar żmien milli huwa permess lilhom fil-preżent biex jidħlu f’impenn legali u baġitajru u għalhekk, sabiex jitnaqqsu l-problemi futuri relatati mar-rimborż, għandha tingħata estensjoni tad-data tal-iskadenza li tkun tapplika mit-22 ta’ Ġunju 2010, id-data li fiha ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-2010.

(6)

Fejn l-użu tal-bastimenti u tal-inġenji tal-ajru ma jkunx 100 % għall-kontroll tas-sajd, ir-rimborż għandu jingħata b’rata li tirrifletti l-użu perċentwali tal-bastiment jew l-inġenju tal-ajru.

(7)

Kuntratt bejn l-amministrazzjoni rilevanti u l-fornitur għandu jkun inkluż f’talba għal prefinanzjament fil-każ biss li n-natura tal-proġett tagħmel tali kuntratt neċessarju.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 391/2007 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 391/2007 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 4

L-impenn tan-nefqa

1.   L-Istati Membri għandhom jidħlu f’impenji legali u baġitarji għal azzjonijiet li ġew ikkunsidrati eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja skont id-deċiżjoni stipulata fl-Artikolu 21 tar-Regolament(KE) Nru 861/2006 fi żmien 12-il xahar mill-aħħar tas-sena li fiha jkunu ġew innotifikati b’tali deċiżjoni.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jidħlu f’impenji legali u baġitarji għal proġetti li jikkonċernaw ix-xiri jew l-immodernizzazzjoni ta’ bastimenti u inġenji tal-ajru fi żmien il-perjodu tal-24 xahar wara tmiem is-sena li fiha jkunu ġew innotifikati bid-deċiżjoni stipulata fl-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika mit-22 ta’ Ġunju 2010, id-data li fiha ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-2010.”

(2)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   In-nefqa li tkun saret għax-xiri u l-immodernizzar ta’ inġenji tal-ajru u bastimenti għandha tkun eliġibbli sakemm tkun saret b’mod konformi mal-Anness III u li dawn ikunu qed jintużaw għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ u kontroll tas-sajd, kif iddikjarat mill-Istati Membri konċernati, għal tal-anqas 25 % tal-ħin. F’każijiet fejn il-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru jintużaw għal anqas minn 100 % tal-ħin għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd, ir-rimborż għandu jsir b’rata li tirrifletti l-użu perċentwali.”

(3)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Fejn in-natura tal-proġett hija tali li tirrikjedi kuntratt bejn l-amministrazzjoni rilevanti u l-fornitur, it-talba mill-Istat Membru għandha tkun akkumpanjata minn kopja ċertifikata ta’ dak il-kuntratt.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1

(2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(3)  ĠU L 97, 12.4.2007, p. 30.


Top