Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1013

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1013/2010 tal- 10 ta’ Novembru 2010 li jippreskrivi regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-Politika tal-Unjoni dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (Verżjoni kkodifikata)

    ĠU L 293, 11.11.2010, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32017R1756 Ara Art. 1

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1013/oj

    11.11.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 293/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1013/2010

    tal-10 ta’ Novembru 2010

    li jippreskrivi regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-Politika tal-Unjoni dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002

    (kodifikazzjoni)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(7), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1438/2003 tat-12 ta’ Awwissu 2003 li jippreskrivi regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-Politika tal-Komunità dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (2) ġie emendat kemm-il darba (3) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

    (2)

    L-aġġustament tal-kapaċità għas-sajd tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni għandu jkun monitorjat sew biex ikun imqabbel mar-riżorsi disponibbli. Għal dak il-għan, il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jippreskrivi numru ta’ miżuri speċifiċi.

    (3)

    Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 mill-Istati Membri, waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri rilevanti kollha dwar il-maniġġjar tal-kapaċità tal-flotta, f’termini ta’ tunnellaġġ (GT) u potenza (kW), previsti f’dak ir-Regolament kif ukoll fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta’ Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd (4). Dan ir-Regolament irid jieħu inkunsiderazzjoni l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja fl-1 ta’ Mejju 2004 u tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-1 ta’ Jannar 2007.

    (4)

    Livelli ta’ referenza għall-kapaċità tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti fl-1 ta’ Jannar 2003 għall-flotta ta’ kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A, bl-eċċezzjoni tal-flotot tagħhom reġistrati fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod.

    (5)

    L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 jippermetti lill-Istati Membri jibnu mill-ġdid 4 % tal-medja annwali ta’ tunnellaġġ skreppjat b’għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2006 u 4 % tat-tunnellaġġ skreppjat bl-għajnuna pubblika mill-1 ta’ Jannar 2007.

    (6)

    L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżit, kif attwalment stipulat fl-Artikolu 25(3)(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 fuq il-Fond Ewropew għas-Sajd (5), li l-potenza ta’ magna li tkun ġiet mibdula b’għajnuna pubblika titnaqqas b’mill-anqas 20 %, għajr fil-każ ta’ bdil ta’ magni li jintużaw f’sajd kostali fuq skala żgħira kif definit f’dak ir-Regolament.

    (7)

    Hu meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-aġġustament tal-livelli ta’ referenza biex jitqiesu l-Artikolu 11(4), (5) u (6), u, għal raġunijiet ta’ trasparenza, l-Artikolu 13(1)(b)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u tal-kejl mill-ġdid tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni. Wara li jiġu mkejla l-bastimenti tas-sajd kollha, l-applikazzjoni tar-regola ta’ aġġustament għandha tinżamm għall-applikazzjoni stretta tas-sistema tad-dħul u l-ħruġ f’termini ta’ tunnellaġġ.

    (8)

    Talbiet mill-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti A mibgħuta lill-Kummissjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 2002 biex iżidu l-objettivi tagħhom fir-Raba’ Programm ta’ Gwida Multiannwali (MAGP IV), kif kien previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999, u l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE (6), għandhom jitqiesu meta approprjat fid-determinazzjoni ta’ livelli ta’ referenza.

    (9)

    Hu meħtieġ li jkun stabbilit metodu ta’ kalkolu biex issir stima dwar jekk Stati Membri jamministraw l-entrati dwar dħul u ħruġ mill-flotot tas-sajd tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

    (10)

    L-eżenzjoni mis-sistema tad-dħul u l-ħruġ għal bastimenti li ngħaqdu mal-flotta mill-1 ta’ Jannar 2003 jew, għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B, mid-data ta’ adeżjoni, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni deċiżjoni amministrattiva adottata rispettivament qabel l-1 ta’ Jannar 2003 jew qabel id-data ta’ adeżjoni. Biex tiġi kkalkolata l-kapaċità kollha tal-flotta tas-sajd fl-1 ta’ Jannar 2003 għandu jingħata trattament speċjali lid-dħul fil-flotta ta’ bastimenti li għalihom ittieħdu tali deċiżjonijiet amministrattivi, basta li dawk il-bastimenti daħlu fil-flotta mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tad-deċiżjoni amministrattiva tal-Istat Membru konċernat.

    (11)

    Regoli ta’ implimentazzjoni huma meħtieġa għal deċiżjonijiet mill-Istati Membri dwar l-eliġibilità ta’ xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni biex itejbu s-sigurtà, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-kwalità tal-prodott u l-iġjene fuq il-bastimenti kif imsemmi fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, biex tkun żgurata stima trasparenti u trattament ugwali għat-talbiet, waqt li jiġi evitat kull sforz akbar fis-sajd b’riżultat ta’ xogħlijiet bħal dawn.

    (12)

    Żidiet fil-volum magħluq fuq il-gverta prinċipali ma jaffettwawx it-tunnellaġġ ta’ bastimenti taħt il-15-il metru fit-tul kollu, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 tat-22 ta’ Settembru 1986 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tad-dgħajjes tas-sajd (7). Għalhekk, il-modernizzazzjoni ta’ dawn il-bastimenti ‘l fuq mill-gverta prinċipali ma tiġix meqjusa fl-adattament tal-livelli ta’ referenza skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

    (13)

    L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu żieda limitata fit-tunnellaġġ għal bastimenti ġodda jew diġà eżistenti sabiex itejbu s-sikurezza, l-iġjene, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-prodott abbord, sakemm dan ma jżidx il-kapaċità li l-bastimenti jaqbdu l-ħut u sakemm jagħti l-prijorità lis-sajd kostali fuq skala żgħira fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006. Dik iż-żieda għandha tkun marbuta mal-isforzi tagħhom li jaġġustaw il-kapaċità tas-sajd bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 2003 jew l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006 u mill-1 ta’ Jannar 2007 ‘l quddiem.

    (14)

    Hu meħtieġ li jiġu preskritti regoli ta’ implimentazzjoni biex ikun żgurat li regoli u proċeduri ċari jkunu stabbiliti għall-mod kif data jiġu trasmessi mill-Istati Membri għal ġor-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni u jkunu meħtieġa regoli ġodda ta’ validazzjoni biex jiggarantixxu l-kwalità u l-kredibilità ta’ dawn id-data.

    (15)

    Ir-rapporti annwali u s-sommarju tagħhom magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 għandhom jagħtu stampa ċara tal-ekwilibriju bejn il-kapaċità tal-flotta tas-sajd u l-opportunitajiet għas-sajd.

    (16)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU 1

    KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jippreskrivi r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Għandu japplika għall-kapaċità għas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ħlief dawk il-bastimenti li huma:

    (a)

    użati esklużivament għall-akwakultura kif imfisser fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, jew

    (b)

    reġistrati fl-iktar reġjuni mbiegħda ta’ Franza, il-Portugall u Spanja kif indikat fil-punt 1 tal-Artikolu 355 tat-Trattat.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (1)

    “GTa1” jew “it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2006” tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2006. Fil-formola dwar il-livell ta’ referenza fit-tunnellaġġ fl-Artikolu 4, dan il-valur jitqies biss għall-ammont ta’ kapaċità li kien eċċeda t-tnaqqis ta’ tunnellaġġ meħtieġ għall-konformità mal-livelli ta’ referenza fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

    Għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B, “GTa1” jew “it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2006” tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn id-data tal-adeżjoni u l-31 ta’ Diċembru 2006;

    (2)

    “GTS” jew “iż-żidiet fit-tunnellaġġ totali mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002” tfisser iż-żidiet fit-tunnellaġġ totali mogħtija skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u rreġistrati qabel id-data li għaliha ġie kkalkolat il-GTt;

    (3)

    “GTa2” jew “it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru 2006” tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u d-data li l-GTt jiġi kkalkulat għaliha. Fil-formola dwar il-livell ta’ referenza fit-tunnellaġġ fl-Artikolu 4, dan il-valur jitqies biss għall-ammont ta’ kapaċità li kien eċċeda t-tnaqqis ta’ tunnellaġġ meħtieġ għall-konformità mal-livelli ta’ referenza fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

    (4)

    “GT100” jew “it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l-31 ta’ Diċembru 2002” tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li daħlu fil-flotta bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u d-data li għaliha ġie kkalkolat il-GTt, u li dwaru deċiżjoni amministrattiva mill-Istat Membru konċernat biex tingħata l-għajnuna kienet ittieħdet wara l-31 ta’ Diċembru 2002.

    Għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B “GT100” jew “it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti ta’ aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l-31 ta’ Diċembru 2002” tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti ta’ aktar minn 100 GT li daħlu fil-flotta bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data li għaliha jiġi kalkolat il-GTt, u li dwaru kienet ittieħdet deċiżjoni amministrattiva mill-Istati Membri konċernati biex tingħata għajnuna wara t-30 ta’ April 2004;

    (5)

    “kWa” jew “il-potenza totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru 2002” tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u d-data li għaliha jkun ikkalkolat il-kWt. Fil-formola dwar il-livell ta’ referenza f’potenza fl-Artikolu 4 dan il-valur jitqies biss għall-ammont ta’ kapaċità li tkun eċċediet it-tnaqqis ta’ potenza meħtieġa għall-konformità mal-livelli ta’ referenza skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

    Għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B “kWa” jew “il-potenza totali ta’ bastimenti li jħallu l-flotta b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru” tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li ħallew il-flotta b’għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data li għaliha jkun kalkolat il-kWt;

    (6)

    “kW100” jew “il-potenza totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l-31 ta’ Diċembru 2002” tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li daħlu fil-flotta bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u d-data li għaliha ġie kkalkolat il-kWt, u li għaliha deċiżjoni amministrattiva biex tingħata għajnuna kienet ittieħdet wara l-31 ta’ Diċembru 2002.

    Għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B “kW100” jew “il-potenza totali ta’ bastimenti ta’ aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru 2002” tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti ta’ aktar minn 100 GT li daħlu fil-flotta bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data li għaliha jiġi kalkolat il-kWt, u li dwaru ttieħdet deċiżjoni amministrattiva mill-Istati Membri biex tingħata l-għajnuna wara t-30 ta’ April 2004;

    (7)

    “GTt” tfisser it-tunnellaġġ totali tal-flotta, ikkalkolat f’data speċifika wara l-1 ta’ Jannar 2003;

    (8)

    “Δ(GT-GRT)” jew “ir-riżultat tal-kejl mill-ġdid tal-flotta” tfisser id-differenza bejn il-kapaċità totali f’termini ta’ tunnellaġġ tal-flotta fl-1 ta’ Jannar 2003 u l-istess valur li jkun reġa’ ġie kkalkolat darba li l-kejl mill-ġdid tal-flotta kien kompletat skont ir-Regolament (KEE) Nru 2930/86;

    (9)

    “kWt” tfisser il-potenza totali tal-flotta kkalkolata fi kwalunkwe data wara l-1 ta’ Jannar 2003;

    (10)

    “gverta prinċipali” tfisser il-“gverta ta’ fuq” kif definita fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Bastimenti, 1969;

    (11)

    “kWr” jew “il-potenza totali tal-magni mibdula b’għanjuna pubblika suġġetta għal tnaqqis fil-potenza” tfisser il-potenza totali tal-magni mibdula b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru 2006 skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(3)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

    KAPITOLU II

    LIVELLI TA’ REFERENZA GĦAL FLOTOT TAS-SAJD

    Artikolu 3

    L-Iffissar ta’ livelli ta’ referenza

    Għall kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A l-livelli ta’ referenza f’tunnellaġġ (GT) u potenza (kW) fl-1 ta’ Jannar 2003 kif imsemmijin fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, ħlief dawk għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, huma preskritti fl-Anness I, Parti A.

    Artikolu 4

    Monitoraġġ ta’ livelli ta’ referenza

    1.   Għal kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A, il-livell ta’ referenza f’tunnellaġġ fi kwalunkwe data wara l-1 ta’ Jannar 2003 (R(GT)t) għandu jkun ugwali għal-livell ta’ referenza għal dak l-Istat Membru preskritt fl-Anness I, Parti A fl-1 ta’ Jannar 2003 (R(GT)03) aġġustat:

    (a)

    billi jitnaqqsu:

    (i)

    99 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2006 (GTa1);

    (ii)

    96 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru 2006 (GTa2);

    (b)

    u billi jiżdiedu ż-żidiet ta’ tunnellaġġ totali mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (GTS).

    Dawn il-livelli ta’ referenza għandhom jiġu determinati skont il-formola li ġejja:

    R(GT)t = R(GT)03 – 0,99 GTa1 – 0,96 GTa2 + GTS

    Meta kapaċità ġdida għas-sajd tidħol fil-flotta skont il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 13(1)(b)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 il-livelli ta’ referenza msemmijin fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitnaqqsu b’35 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l-31 ta’ Diċembru 2002 (GT100) skont il-formola li ġejja:

    R(GT)t = R(GT)03 – 0,99 GTa1 – 0,96 GTa2 – 0,35 GT100 + GTS

    2.   Għal kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A, il-livell ta’ referenza ta’ potenza fi kwalunkwe data wara l-1 ta’ Jannar 2003 (R(kW)t) għandu jkun ugwali għal-livell ta’ referenza għal dak l-Istat Membru preskritt fl-Anness I, Parti A fl-1 ta’ Jannar 2003 (R(kW)03) kif aġġustat bit-tnaqqis tal-potenza totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru 2002 (kWa) u 20 % tal-potenza totali tal-magni mibdula b’għajnuna pubblika suġġetta għal tnaqqis fil-potenza (kWr).

    Dawn il-livelli ta’ referenza għandhom jiġu determinati skont il-formola li ġejja:

    R(kW)t = R(kW)03 – kWa – 0,2 kWr

    Meta kapaċità ġdida għas-sajd tidħol fil-flotta skont il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 13(1)(b)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, il-livelli ta’ referenza msemmijin fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitnaqqsu b’35 % tal-potenza totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l-31 ta’ Diċembru 2002 (kW100) skont il-formola li ġejja:

    R(kW)t = R(kW)03 – kWa – 0,2 kWr – 0,35 kW100

    KAPITOLU III

    AMMINISTRAZZJONI TA’ DĦUL U ĦRUĠ

    Artikolu 5

    Kapaċità għas-sajd tal-flotta fl-1 ta’ Jannar 2003

    Għajr għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B, għall-finijiet tal-Artikolu 7 l-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ (GT03) u potenza (kW03) fl-1 ta’ Jannar 2003 għandha tkun determinata waqt li jitqies, skont l-Anness II, id-dħul ta’ bastimenti li jkun ibbażat fuq deċiżjoni amministrattiva mill-Istat Membru kkonċernat li tkun ittieħdet bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002 f’konformità mal-leġislazzjoni applikabbli dak iż-żmien, u b’mod partikolari skont is-sistema nazzjonali ta’ dħul/ħruġ notifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 97/413/KE, u li jseħħ mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data ta’ dik id-deċiżjoni amministrattiva.

    Artikolu 6

    Kapaċità għas-sajd tal-flotta tal-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B fid-data tal-adeżjoni

    Għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B, għall-finijiet tal-Artikolu 8 il-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ (GTacc) u potenza (kWacc) fid-data tal-adeżjoni għandha tkun determinata waqt li jitqies, skont l-Anness III, id-dħul ta’ bastimenti li jkun ibbażat fuq deċiżjoni amministrattiva mill-Istat Membru kkonċernat li tkun ittieħdet sa ħames snin qabel id-data tal-adeżjoni, liema dħul ma jseħħx aktar tard minn ħames snin wara d-data ta’ dik id-deċiżjoni amministrattiva.

    Artikolu 7

    Monitoraġġ ta’ dħul u ħruġ

    1.   Biex jitħares l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A ta’ dan ir-Regolament, għandu jiżgura li f’kull ħin il-kapaċità għas-sajd f’tunnellaġġ (GTt) hi ugwali jew inqas mill-kapaċità għas-sajd fl-1 ta’ Jannar 2003 (GT03) kif aġġustata:

    (a)

    billi jitnaqqsu:

    (i)

    99 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2006 (GTa1);

    (ii)

    96 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru 2006 (GTa2);

    (iii)

    35 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l-31 ta’ Diċembru 2002 (GT100);

    (b)

    u billi jiżdiedu:

    (i)

    iż-żidiet ta’ tunnellaġġ totali mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (GTS);

    (ii)

    ir-riżultat tal-kejl mill-ġdid tal-flotta (Δ(GT-GRT)).

    Dawk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formola li ġejja tkun imħarsa:

    GTt ≤ GT03 – 0,99 GTa1 – 0,96 GTa2 – 0,35 GT100 + GTS + Δ(GT-GRT)

    2.   Biex jitħares l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti A ta’ dan ir-Regolament, għandu jiżgura li f’kull ħin il-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ potenza (kWt) hi ugwali jew inqas mill-kapaċità għas-sajd fl-1 ta’ Jannar 2003 (kW03) kif aġġustata billi jitnaqqsu:

    (a)

    il-potenza totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru 2002 (kWa);

    (b)

    20 % tal-potenza totali tal-magni mibdula b’għajnuna pubblika suġġetta għal tnaqqis fil-potenza (kWr);

    (c)

    35 % tal-potenza totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l-31 ta’ Diċembru 2002 (kW100).

    Dawk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formola li ġejja tkun imħarsa:

    kWt ≤ kW03 – kWa – 0,2 kWr – 0,35 kW100

    Artikolu 8

    Monitoraġġ tad-dħul u ħruġ fl-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B

    1.   Biex jitħares l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti B ta’ dan ir-Regolament għandu jiżgura li f’kull ħin il-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ (GTt) hi ugwali jew inqas mill-kapaċità għas-sajd fid-data tal-adeżjoni, (GTacc) kif aġġustata:

    (a)

    billi jitnaqqsu:

    (i)

    għall-Istati Membri elenkati fl-Anness I, Parti B li l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni seħħet fl-1 ta’ Mejju 2004, 98,5 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li ħarġu mill-flotta b’għajnuna pubblika bejn dik id-data u l-31 ta’ Diċembru 2006 (GTa1);

    (ii)

    għal kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti B, 96 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru 2006 (GTa2);

    (iii)

    għal kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti B, 35 % tat-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija fid-data tal-adeżjoni jew wara (GT100);

    (b)

    u billi jiżdiedu:

    (i)

    iż-żidiet ta’ tunnellaġġ totali mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (GTS);

    (ii)

    ir-riżultat tal-kejl mill-ġdid tal-flotta (Δ(GT-GRT)).

    Dawk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formola li ġejja tkun imħarsa:

    GTt ≤ GTacc – 0,985 GTa1 – 0,96 GTa2 – 0,35 GT100 + GTS + Δ(GT-GRT)

    2.   Biex jitħares l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, kull Stat Membru elenkat fl-Anness I, Parti B ta’ dan ir-Regolament għandu jiżgura li f’kull ħin il-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ potenza (kWt) hi ugwali jew inqas mill-kapaċità għas-sajd fid-data tal-adeżjoni, (kWacc) kif aġġustata billi jitnaqqsu:

    (a)

    il-potenza totali ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika fid-data tal-adeżjoni jew wara (kWa);

    (b)

    20 % tal-potenza totali tal-magni mibdula b’għajnuna pubblika suġġetta għal tnaqqis fil-potenza (kWr);

    (c)

    35 % tal-potenza totali ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija fid-data tal-adeżjoni jew wara (kW100).

    Dawk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formola li ġejja tkun imħarsa:

    kWt ≤ kWacc – kWa – 0,2 kWr – 0,35 kW100

    KAPITOLU IV

    ŻIEDA FIT-TUNNELLAĠĠ BIEX TIŻDIED IS-SIGURTÀ ABBORD, IL-KONDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL, L-IĠJENE U L-KWALITÀ TAL-PRODOTT

    Artikolu 9

    Eliġibilità ta’ talbiet għal żieda fit-tunnellaġġ

    Talba għal żieda fit-tunnellaġġ ta’ bastiment skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 għandha tiġi kunsidrata eliġibbli bla ħsara għall-konformità mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-bastiment ma jkunx diġà ġie mogħti żieda fit-tunnellaġġ skont dawk id-dispożizzjonijiet;

    (b)

    il-bastiment għandu tul totali ta’ 15 m jew aktar;

    (c)

    l-età tal-bastiment, ikkalkolata bħala d-differenza bejn id-data li tkun waslet l-applikazzjoni u d-data li jkun daħal fis-servizz kif imfisser fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 2930/86, hi għall-inqas ħames snin;

    (d)

    iż-żieda fit-tunnellaġġ tkun ir-riżultat ta’ xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni li jridu jsiru bl-għan li jittejbu s-sigurtà abbord, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene jew il-kwalità tal-prodott;

    (e)

    ix-xogħlijiet imsemmija fil-punt (d) ma jżidux il-volum taħt il-gverta prinċipali;

    (f)

    ix-xogħlijiet imsemmija fil-punt (d) ma jirriżultawx f’volum miżjud fl-istivi tal-ħut jew fit-tagħmir tas-sajd.

    Artikolu 10

    Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu stima tat-talbiet għal żieda fit-tunnellaġġ u jiddeċiedu jekk humiex eliġibbli skont il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9.

    2.   L-Istati Membri għandhom iżommu inkartament għal kull bastiment li dwaru deċiżjoni dwar żieda fit-tunnellaġġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 tkun ittieħdet. Dak l-inkartament għandu jinkludi l-informazzjoni teknika kollha użata fl-istima tat-talba mill-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu dawn l-inkartamenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fuq talba tagħha bla telf ta’ żmien.

    KAPITOLU V

    ĠBIR TA’ INFORMAZZJONI

    Artikolu 11

    Ġbir ta’ informazzjoni mill-Istat Membru u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-Kummissjoni

    1.   Kull Stat Membru għandu jiġbor informazzjoni dwar:

    (a)

    kull dħul jew ħruġ mill-flotta;

    (b)

    kull modernizzazzjoni ta’ xi bastiment li taffettwa l-kapaċità għas-sajd.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw għall-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

    (a)

    in-numru intern u l-isem tal-bastiment;

    (b)

    il-kapaċità għas-sajd tal-bastiment f’GT u kW;

    (c)

    il-port ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment;

    (d)

    in-natura u d-dati tal-ġrajjiet li ġejjin:

    (i)

    il-ħruġ (eż. skreppjar, esportazzjoni, trasferiment lil Stat Membru ieħor, intrapriża konġunta, trasferiment għal xi attività oħra);

    (ii)

    id-dħul (eż. kostruzzjoni, importazzjoni, trasferiment minn Stat Membru ieħor, trasferiment minn xi attività oħra), jew

    (iii)

    modernizzazzjoni, li tgħid jekk hijiex għal raġunijiet ta’ sigurtà skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

    (e)

    jekk il-ġrajja hijiex sostnuta b’għajnuna pubblika;

    (f)

    jekk approprjat, id-data tad-deċiżjoni amministrattiva mill-Istat Membru biex jagħti dik l-għajnuna;

    (g)

    fil-każ ta’ modernizzazzjoni, il-modifika tal-potenza (f’kW), il-modifika fit-tunnellaġġ (f’GT) ‘il fuq u ‘l isfel mill-gverta prinċipali.

    KAPITOLU VI

    SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI U RAPPORT ANNWALI

    Artikolu 12

    Skambju ta’ informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni li għandha x’taqsam mal-politika dwar il-flotta u li tinkludi li ġej:

    (a)

    regoli u istrumenti nazzjonali ta’ implimentazzjoni li jiżguraw konformità mal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

    (b)

    proċeduri amministrattivi dwar monitoraġġ u sorveljanza tal-flotta u informazzjoni li tinvolvi lill-awtoritajiet;

    (c)

    informazzjoni dwar żvilupp fil-kapaċità tal-flotta, partikolarment dwar irtirar u tiġdid b’għajnuna pubblika;

    (d)

    pjanijiet għal tnaqqis tal-flotta biex ikun hemm konformità mal-livelli ta’ referenza meta approprjat;

    (e)

    informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-kapaċità tal-flotta fl-iżjed reġjuni imbiegħda fejn għandhom x’jaqsmu trasferimenti ta’ bastimenti bejn il-medda l-kbira tal-pajjiż u r-reġjuni l-aktar imbiegħda;

    (f)

    informazzjoni dwar l-impatt fuq il-kapaċità tal-flotta ta’ skemi ta’ limitazzjoni ta’ sforzi, partikolarment meta jkunu jiffurmaw parti minn pjan ta’ rkupru jew pjan ta’ tmexxija għal numru ta’ snin;

    (g)

    kull informazzjoni oħra meqjusa rilevanti u siewja għall-iskop ta’ skambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiċi bejn l-Istati Membri.

    Artikolu 13

    Rapport annwali

    1.   Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April ta’ kull sena, f’forma elettronika, rapport dwar l-isforzi tiegħu fis-sena ta’ qabel biex jikseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità għas-sajd u l-opportunitajiet għas-sajd.

    2.   Fuq il-bażi tad-data fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni u informazzjoni fir-rapporti riċevuti skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tħejji sommarju u tippreżentah lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u lill-Kumitat għas-Sajd u l-Akwakultura stabbilit skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, qabel il-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.

    Dawk iż-żewġ kumitati għandhom jgħaddu l-opinjoni tagħhom lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena.

    3.   Sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat is-sommarju flimkien mar-rapporti mehmużin miegħu tal-Istati Membri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien mal-opinjonijiet tal-kumitati msemmijin fil-paragrafu 2.

    Artikolu 14

    Informazzjoni li għandu jkun hemm fir-Rapporti Annwali

    1.   Ir-rapporti mill-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 13 għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    deskrizzjoni tal-flotot tas-sajd f’relazzjoni mas-sajd: żvilupp(i) matul is-sena ta’ qabel, inkluż sajd kopert minn pjanijiet ta’ tmexxija jew irkupru għal numru ta’ snin;

    (b)

    l-impatt fuq il-kapaċità għas-sajd ta’ skemi għal tnaqqis ta’ sforzi fis-sajd adottati skont pjanijiet ta’ tmexxija jew ta’ rkupru għal numru ta’ snin jew, jekk approprjat, skont skemi nazzjonali;

    (c)

    informazzjoni dwar il-konformità mal-iskema dwar dħul/ħruġ u mal-livell ta’ referenza;

    (d)

    rapport fil-qosor dwar il-punti ta’ dgħufija u saħħa fis-sistema tal-immaniġġjar tal-flotta flimkien ma’ pjan dwar titjib u informazzjoni dwar il-livell ġenerali ta’ konformità ma’ strumenti ta’ politika dwar il-flotta;

    (e)

    kull informazzjoni dwar tibdil fil-proċeduri amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-immaniġġjar tal-flotta.

    2.   Ir-rapporti mill-Istati Membri m’għandhomx ikunu itwal minn 10 paġni.

    Artikolu 15

    Ir-Regolament (KE) Nru 1438/2003 hu mħassar.

    Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness V.

    Artikolu 16

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    (2)  ĠU L 204, 13.8.2003, p. 21.

    (3)  Ara l-Anness IV.

    (4)  ĠU L 337, 30.12.1999, p. 10.

    (5)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

    (6)  ĠU L 175, 3.7.1997, p. 27.

    (7)  ĠU L 274, 25.9.1986, p. 1.


    ANNESS I

    PARTI A

    Livelli ta’ referenza minn Stat Membru  (1)

    Stat Membru

    Livelli ta’ Referenza l-1 ta’ Jannar 2003

    R(TG)03

    R(kW)03

    Il-Belġju

    23 372

    67 857

    Id-Danimarka

    132 706

    459 526

    Il-Ġermanja

    84 262

    175 927

    L-Irlanda

    88 700

    244 834

    Il-Greċja

    119 910

    653 497

    Spanja (eskluża l-kapaċità rreġistrata fil-Gżejjer Kanarji fil-31 ta’ Diċembru 2002)

    728 344

    1 671 739

    Franza (esklużi l-għanijiet tal-MAGP IV għas-segmenti tad-Dipartimenti Barranin Franċiżi)

    230 257

    920 969

    L-Italja

    229 862

    1 338 971

    L-Olanda

    197 599

    487 809

    Il-Portugall (esklużi l-għanijiet tal-MAGP IV għas-segmenti tal-Azores u Madeira)

    171 502

    412 025

    Il-Finlandja

    23 203

    216 195

    L-Iżvezja

    51 993

    261 028

    Ir-Renju Unit

    286 120

    1 129 194

    Total

    2 367 830

    8 039 571

    PARTI B

    Lista tal-Istati Membri li ssieħbu wara l-1 ta’ jannar 2003

     

    Il-Bulgarija

     

    Ir-Repubblika Ċeka

     

    L-Estonja

     

    Ċipru

     

    Il-Latvja

     

    Il-Litwanja

     

    L-Ungerija

     

    Malta

     

    Il-Polonja

     

    Ir-Rumanija

     

    Is-Slovenja

     

    Is-Slovakkja


    (1)  Il-livelli ta’ referenza jistgħu jiġu riveduti biex jitqiesu bastimenti li kienu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 2002 iżda li ma kinux koperti mill-MAGP IV jew li ma kinux irreġistrati fid-data meta tlestiet din it-tabella.


    ANNESS II

    Regoli għall-kalkolu tal-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ (GT03) u potenza (kW03) fl-1 ta’ Jannar 2003

    Għall-finijiet ta’ dan l-Anness:

    1.

    “GTFR” tfisser il-kapaċità għas-sajd tal-flotta fl-1 ta’ Jannar 2003 f’termini ta’ tunnellaġġ kif ikkalkolata fuq il-bażi tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni;

    2.

    “GT1” tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l-31 ta’ Diċembru 2002 b’għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002, li għalihom ġiet irtirata kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002;

    3.

    “GT2” tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l-31 ta’ Diċembru 2002 b’għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u t-30 ta’ Ġunju 2002 f’segment tal-MAGP IV li ma kienx jikkonforma mal-objettivi tiegħu, li għalihom seħħ irtira kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika l-31 ta’ Diċembru 2002;

    4.

    “GT3” tfisser, it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l-31 ta’ Diċembru 2002 mingħajr għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002, li għalihom ġiet irtirata kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002;

    5.

    “GT4” tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l-31 ta’ Diċembru 2002 mingħajr għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrttiva li ttieħdet bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2001 f’segment tal-MAGP IV li ma kienx jikkonforma mal-objettivi tiegħu, li għalihom seħħ irtira kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika l-31 ta’ Diċembru 2002;

    6.

    “kWFR” tfisser il-kapaċità għas-sajd tal-flotta fl-1 ta’ Jannar 2003 f’termini ta’ potenza kif kalkolata fuq il-bażi tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni;

    7.

    “kW1” tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l-31 ta’ Diċembru 2002 b’għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002, li għalihom ġiet irtirata kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002;

    8.

    “kW2” tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l-31 ta’ Diċembru 2002 b’għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u t-30 ta’ Ġunju 2002 f’segment tal-MAGP IV li ma kienx jikkonforma mal-objettivi tiegħu, li għalihom seħħ irtirar ta’ kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika l-31 ta’ Diċembru 2002;

    9.

    “kW3” tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l-31 ta’ Diċembru 2002 mingħajr għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002, li għalihom ġiet irtirata kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002;

    10.

    “kW4” tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara l-31 ta’ Diċembru 2002 b’għajnuna pubblika abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2001 f’segment tal-MAGP IV li ma kienx jikkonforma mal-objettivi tiegħu, li għalihom seħħ irtirar ta’ kapaċità assoċjata mingħajr għajnuna pubblika l-31 ta’ Diċembru 2002.

    Il-kapaċità għas-sajd tal-flotta espressa f’termini ta’ tunnellaġġ GT03 u potenza kW03, kif definita fl-Artikolu 6, għandha tiġi kkalkolata skont il-formoli li ġejjin:

    GT03 = GTFR + GT1 – 0,35 GT2 + GT3 – 0,30 GT4

    kW03 = kWFR + kW1 – 0,35 kW2 + kW3 – 0,30 kW4


    ANNESS III

    Regoli għall-kalkolu tal-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ (GTacc) u potenza (kWacc) għall-Istati Membri ġodda elenkati fl-anness I, parti B fid-data tal-adeżjoni

    Għall-finijiet ta’ dan l-Anness:

    1.

    “GTFR” tfisser il-kapaċità għas-sajd tal-flotta fid-data tal-adeżjoni f’termini ta’ tunnellaġġ kif ikkalkulata abbażi tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni;

    2.

    “GT1” tfisser it-tunnellaġġ totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara d-data tal-adeżjoni abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet sa minn ħames snin qabel id-data tal-adeżjoni;

    3.

    “kWFR” tfisser il-kapaċità għas-sajd tal-flotta fid-data tal-adeżjoni f’termini ta’ potenza kif ikkalkulata abbażi tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni;

    4.

    “kW1” tfisser il-potenza totali ta’ bastimenti li daħlu fil-flotta wara d-data tal-adeżjoni abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet sa minn ħames snin qabel id-data tal-adeżjoni;

    Il-kapaċità għas-sajd tal-flotta espressa f’termini ta’ tunnellaġġ GTacc u potenza kWacc, kif definita fl-Artikolu 6, għandha tiġi kkalkolata skont il-formoli li ġejjin:

    GTacc = GTFR + GT1

    kWacc = kWFR + kW1


    ANNESS IV

    Ir-Regolament imħassar flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1438/2003

    (ĠU L 204, 13.8.2003, p. 21)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 916/2004

    (ĠU L 163, 30.4.2004, p. 81)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2007

    (ĠU L 284, 30.10.2007, p. 14)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1086/2008

    (ĠU L 297, 6.11.2008, p. 9)


    ANNESS V

    Tabella ta’ Korrelazzjoni

    Ir-Regolament (KE) Nru 1438/2003

    Dan ir-Regolament

    L-Artikolu 1

    L-Artikolu 1

    L-Artikolu 2, punti 1 sa 10

    L-Artikolu 2, punti 1 sa 10

    L-Artikolu 2, punt 11

    L-Artikolu 2, punt 12

    L-Artikolu 2, punt 11

    L-Artikoli 3 u 4

    L-Artikoli 3 u 4

    L-Artikolu 6

    L-Artikolu 5

    L-Artikolu 6a

    L-Artikolu 6

    L-Artikolu 7

    L-Artikolu 7

    L-Artikolu 7a

    L-Artikolu 8

    L-Artikolu 8

    L-Artikolu 9

    L-Artikolu 9

    L-Artikolu 10

    L-Artikolu 10(1) u (2)

    L-Artikolu 11(1) u (2)

    L-Artikolu 10(3)

    L-Artikolu 11

    L-Artikolu 12

    L-Artikolu 12

    L-Artikolu 13

    L-Artikolu 13

    L-Artikolu 14

    L-Artikolu 15

    L-Artikolu 14, l-ewwel paragrafu

    L-Artikolu 16

    L-Artikolu 14, it-tieni paragrafu

    L-Anness I

    L-Anness I, Parti A

    L-Anness I, Parti B

    L-Annessi II u III

    L-Annessi II u III

    L-Anness IV

    L-Anness V


    Top