Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0965

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 965/2010 tal- 25 ta’ Ottubru 2010 li jimponi dazju definittiv tal- anti-dumping u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ glukonat tas-sodju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

ĠU L 282, 28.10.2010, pp. 24–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/01/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/965/oj

28.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/24


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 965/2010

tal-25 ta’ Ottubru 2010

li jimponi dazju definittiv tal-anti-dumping u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ glukonat tas-sodju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”), wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri proviżorji

(1)

Il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 377/2010 (2) (“ir-Regolament proviżorju”) imponiet dazju proviżorju tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ glukonat tas-sodju niexef li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“iċ-Ċina” jew il-“pajjiż ikkonċernat”).

(2)

Jiġi mfakkar li l-proċediment inbeda wara lment imressaq mill-Kunsill Ewropew tal-Industrija tal-Kimika (CEFIC) (“il-kwerelant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

(3)

Kif stabbilit fil-premessa (13) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009 (il-“perijodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). Fir-rigward tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara, il-Kummissjoni analizzat id-dejta li tkopri l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sa tmiem il-PI (il-“perijodu meqjus”).

1.2.   Proċedura sussegwenti

(4)

Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li skonthom ġie deċiż li jkunu imposti miżuri proviżorji tal-antidumping (“żvelar proviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub li bihom taw il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu, ingħataw din l-opportunità. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Għal dan il-għan saru żjarat ta’ verifika lill-kumpaniji li ġejjin:

Produtturi fl-Unjoni:

Roquette GmbH, fil-Ġermanja;

Roquette UK, fir-Renju Unit.

(5)

Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi tal-antidumping fuq importazzjonijiet ta’ glukonat tas-sodju niexef li joriġina mir-Ċina u l-ġbir definittiv tal-ammonti miksuba permezz tad-dazju proviżorju (“żvelar finali”). Ingħata wkoll perijodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara li sar dan l-iżvelar.

(6)

Il-kummenti orali u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet proviżorji ġew immodifikati skont dan.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(7)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prodott ikkonċernat jew il-prodott simili, il-premessi (14) sa (17) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

3.   DUMPING

3.1.   Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (MET)

(8)

L-industrija tal-Unjoni (IU) tenniet id-dubji tagħha dwar il-MET li ngħatat lill-produttur esportatur Ċiniż, Shandong Kaison Biochemical, mingħajr ma provdiet elementi ġodda biex isostnu dawn id-dubji.

(9)

L-IU qalet ukoll, mingħajr ma pprovdiet ebda evidenza, li l-materja prima użata biex jiġi prodott il-glukonat tas-sodju niexef fiċ-Ċina kienet eżentata mill-VAT u li x-xerrej seta’ jingħata rimbors ta’ “VAT virtwali” ta’ 13 % sa 17 % fuq dak li jixtri. F’dan ir-rigward, instab li biex jiġi prodott il-glukonat tas-sodju niexef, il-materja prima (il-lamtu mill-qamħirrun) inxtara minn diversi fornituri tal-industrija li jipproċessaw il-qamħirrun (prodott agrikolu) f’lamtu tal-qamħirrun. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-lamtu tal-qamħirrun f’reġjuni prinċipali tad-dinja kienu eżaminati u ma kienx hemm indikazzjonijiet li l-utenti Ċiniżi tal-lamtu tal-qamħirrun kisbu l-prodott bi prezz favorevoli. Barra minn hekk, diversi fatturi tax-xiri tal-lamtu tal-qamħirrun ġew eżaminati u kollha kienu jinkludu l-VAT. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda evidenza li l-“VAT virtwali” kien rimborsat fuq ix-xiri. Għalhekk dawn id-dikjarazzjonijiet twarrbu.

(10)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-MET, il-premessi (18) sa (21) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

3.2.   Trattament individwali (TI)

(11)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tat-trattament individwali (TI), il-premessi (22) sa (25) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

3.3.   Valur normali

3.3.1.   Pajjiż analogu

(12)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-pajjiż analogu, il-premessi (26) sa (32) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

3.3.2.   Metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tal-valur normali

3.3.2.1.   Għall-kumpanija li ngħatat il-MET

(13)

Għandu jiġi ċċarat li, bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-metodoloġija deskritta fil-premessi (33) sa (38) tar-Regolament proviżorju, il-valur normali ma kienx ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali tat-tranżazzjonijiet kollha, kif inhu mniżżel fil-premessa (39) ta’ dak ir-Regolament, iżda biss fuq il-bejgħ bi profitt peress li l-volum tal-bejgħ bi profitt irrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum ta’ bejgħ totali.

(14)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-valur normali għall-kumpanija li ngħatat il-MET, il-premessi (33) sa (38) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

3.3.2.2.   Għall-kumpanija li ngħatat it-TI

(15)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali għall-kumpanija li ngħatat it-TI, il-premessi (40) sa (41) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

3.4.   Prezz tal-esportazzjoni

(16)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-premessa (42) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata b’dan.

3.5.   Tqabbil

(17)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tat-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, il-premessi (43) sa (44) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

3.6.   Marġnijiet tad-dumping

(18)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-marġni tad-dumping, il-premessi (45) sa (50) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

(19)

Il-marġni medji definittivi bil-piż differenzjat tad-dumping espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF tal-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma:

Tabella 1

Kumpanija

Il-marġni definittiv tad-dumping

Shandong Kaison Biochemical Co., Ltd

5,6  %

Qingdao Kehai Biochemistry Co. Ltd

51,1  %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

79,2  %

4.   ĦSARA

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni

(20)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni, il-premessi (51) sa (53) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(21)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-premessi (54) sa (55) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

4.3.   Importazzjonijiet lejn l-Unjoni miċ-Ċina

(22)

Huwa nnutata li, kif huwa msemmi hawn taħt fil-premessa (34) ta’ dan ir-Regolament, wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, kien hemm xi korrezzjonijiet żgħar fil-valur tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, dawn ma kellhom l-ebda impatt fuq il-marġni ta’ tnaqqis kif stabbilit fil-premessa (59) tar-Regolament proviżorju. Konsegwentement, il-premessi (56) sa (59) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati b’dan.

4.4.   Qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(23)

Wara l-iżvelar proviżorju produttur esportatur Ċiniż wieħed ikkuntesta s-sejbiet proviżorji billi sostna li xi wħud mill-indikaturi prinċipali tal-ħsara wrew żvilupp pożittiv bejn l-2008 u l-PI.

(24)

L-ewwel u qabel kollox, għandu jiġi nnutat li filwaqt li xi wħud mill-indikaturi tal-ħsara wrew żvilupp pjuttost pożittiv bejn l-2008 u l-PI (eż: volum tal-produzzjoni, sehem mis-suq u investimenti), indikaturi oħra wrew żviluppi negattivi (eż: volumi tal-bejgħ u prezzijiet, kif ukoll il-profittabbiltà). F’dan ir-rigward, huwa nnutat li l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku jistipula li l-ebda wieħed jew iktar minn wieħed mill-indikaturi tal-ħsara ma huwa deċiżiv fil-valutazzjoni ta’ jekk l-industrija tal-Unjoni sofrietx ħsara materjali jew le.

(25)

Barra minn hekk, il-perijodu inkunsiderazzjoni jkopri l-perijodu bejn l-2005 u l-aħħar tal-PI. Tul dan il-perijodu ħafna mill-indikaturi tal-ħsara wrew biċ-ċar żvilupp negattiv li jirriżulta fi ħsara materjali waqt il-PI. L-iżvilupp pjuttost pożittiv ta’ ċerti indikaturi tal-ħsara fl-aħħar sena ta’ dan il-perijodu ma dgħajfux is-sejba ta’ ħsara materjali.

(26)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, it-tweġibiet għall–kwestjonarju ta’ żewġ fergħat oħra ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kienu vverifikati fejn joperaw stess, kif imsemmi fuq fil-premessa (4).

(27)

Bħala riżultat ta’ dawn il-verifiki, saru xi aġġustamenti żgħar fil-valur totali tal-bejgħ fis-suq domestiku u fl-ispiża tal-produzzjoni. Iċ-ċifra tal-profittabbilità kienet emendata kemxejn fid-dawl ta’ dan. Madankollu, dawn it-tibdiliet ma kellhomx impatt fuq ix-xejriet u l-indiċi fil-prezzijiet u l-profittabbiltà kif ġie stabbilit b’mod proviżorju fil-premessi (66) u (68) kif ukoll fit-Tabelli 5 u 7 tar-Regolament proviżorju.

(28)

Għalhekk, il-konklużjonijiet li ntlaħqu fl-istadju proviżorju jiġifieri li l-industrija tal-Unjoni sofriet minn ħsara materjali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, huma kkonfermati u l-premessi (60) sa (79) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

5.   KAWŻALITÀ

(29)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-kawżalità, il-premessi (80) sa (96) tar-Regolament proviżorju huma b’dan kkonfermati.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

(30)

Utent li kkoopera stqarr li kwalunkwe żieda fl-ispiża tista’ faċilment tirrifletti fuq il-klijenti finali; għalhekk id-dazji jkollhom impatt sinifikanti fuq il-profittabbiltà tagħha.

(31)

Madankollu, l-investigazzjoni żvelat li dan l-utent għamel marġni ta’ profitt għoli kemm b’mod ġenerali u kemm fuq firxa wiesgħa tal-prodotti tiegħu. Għal ħafna mill-prodotti mmanifatturati minn dan l-utent, iż-żieda mistennija fl-ispiża nstab li ma kinitx sinifikanti minħabba l-parti żgħira ta’ glukonat tas-sodju niexef fl-ispiża tal-produzzjoni totali u kien ikkunsidrat li, b’mod ġenerali, iż-żieda mistennija fil-kost tista’ tiġi assorbita mingħajr ma tiġi affettwata b’mod sinifikanti l-profittabbiltà totali. L-utent inkwistjoni ma ressaq l-ebda evidenza jew informazzjoni oħra li tappoġġja d-dikjarazzjoni tiegħu. Għalhekk din id-dikjarazzjoni kellha tiġi rrifjutata.

(32)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-interess tal-Unjoni, il-premessi (97) sa (107) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

7.   MIŻURI DEFINITTIVI TAL-ANTI-DUMPING

7.1.   Il-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

(33)

Għad-determinazzjoni tal-prezz li ma jagħmilx ħsara fi stadju definittiv, intużat l-istess metodoloġija bħal dik deskritta fil-premessi (111) sa (113) tar-Regolament proviżorju.

(34)

Madankollu, kif ġie msemmi fuq fil-premessa (27), il-verifika tad-dejta addizzjonali tal-industrija tal-Unjoni wasslet għal korrezzjonijiet żgħar fil-valur tal-bejgħ domestiku totali, l-ispiża totali tal-produzzjoni u l-profittabbiltà.

(35)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra li jistgħu jibdlu l-konklużjoni dwar il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara, il-premessi (108) sa (113) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati b’dan.

7.2.   Miżuri definittivi

(36)

Fid-dawl ta’ dak li ssemma aktar ‘il fuq, huwa meqjus li skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazju tal-anti-dumping definittiv għandu jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-glukonat tas-sodju niexef li joriġina miċ-Ċina fuq il-livell tal-marġni tad-dumping u ta’ ħsara iktar baxx, skont ir-regola ta’ dazju inqas.

(37)

Ir-rati ta’ dazju tal-anti-dumping definittiv proposti huma dawn li ġejjin:

Tabella 2

Isem

Marġni ta’ ħsara

Marġni tad-Dumping

Dazju definittiv

Shandong Kaison Biochemical Co Ltd, Wulian County, Rizhao City

29,7  %

5,6  %

5,6  %

Qingdao Kehai Biochemistry Co. Ltd

27,1  %

51,1  %

27,1  %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

53,2  %

79,2  %

53,2  %

(38)

Ir-rati ta’ dazju tal-antidumping ta’ kumpaniji individwali li ġew speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba waqt dik l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (għall-kuntrarju tad-dazju applikabbli fil-pajjiż kollu għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) għaldaqstant huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturati mill-kumpaniji msemmija. Prodotti importati mmanifatturati minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(39)

Kwalunkwe dikjarazzjoni li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju tal-anti-dumping gћal kumpaniji individwali (eż. wara bdil fl-isem tal-entità jew wara li jiġu stabbiliti entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgћ) gћandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (3) bl-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe tibdil fl-attivitajiet tal-kumpanija marbut mal-produzzjoni, mal-bejgћ domestiku u ma’ dak tal-esportazzjoni li jkun assoċjat, pereżempju, ma’ dik il-bidla fl-isem jew ma’ dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgћ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi mbagħad emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jgawdu minn rati ta’ dazju individwali.

(40)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazju tal-anti-dumping, il-livell ta’ dazju li japplika għall-pajjiż kollu ma għandux japplika biss għall-produtturi esportaturi li ma jikkooperawx, iżda wkoll għal dawk il-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-PI.

7.3.   Ġbir definittiv ta’ dazji proviżorji

(41)

Minħabba l-kobor tal-marġni tad-dumping li nstabu u fid-dawl tal-livell ta’ ħsara kkaġunata lill-industrija tal-Unjoni, jitqies neċessarju li l-ammonti li nġabru permezz tad-dazju proviżorju tal-anti-dumping, impost mir-Regolament proviżorju, għandhom jinġabru b’mod definittiv sal-ammont tad-dazji definittivi imposti. Fejn id-dazji definittivi jkunu aktar baxxi mid-dazji proviżorji, l-ammonti miġbura b’mod proviżorju li jkunu ogħla mir-rata definittiva ta’ dazji tal-anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

7.4.   Monitoraġġ speċjali

(42)

Sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza għolja fir-rati tad-dazju, huwa meqjus li jinħtieġu miżuri speċjali f’dan il-każ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji tal-anti-dumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej.

(43)

Il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b’tali fattura gћandhom ikunu suġġetti gћad-dazju tal-antidumping residwu li japplika gћall-produtturi l-oћra kollha.

(44)

Jekk l-esportazzjonijiet mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati individwali aktar baxxi ta’ dazju jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, din iż-żieda fil-volum tista’ titqies bћala waħda li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fil-mudell ta’ kummerċ dovuta għall-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet, jista’ jingħata bidu għal investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ћtieġa għat-tneћћija tar-rati tad-dazju individwali u għall-impożizzjoni konsegwenti tad-dazju għall-pajjiż kollu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv tal-antidumping huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ glukonat tas-sodju niexef b’numru tal-Unjoni Doganali u l-Istatistika (CUS) 0023277-9 u numru tar-reġistru tal-Chemical Abstracts Service (CAS) 527-07-01, li attwalment huma klassifikati bil-kodiċi NM ex 2918 16 00 (kodiċi TARIC 2918 16 00 10), u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju tal-antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju tal-anti-dumping (%)

Kodiċijiet addizzjonali TARIC

Shandong Kaison Biochemical Co Ltd, Wulian County, Rizhao City

5,6

A972

Qingdao Kehai Biochemistry Co. Ltd

27,1

A973

Il-kumpaniji l-oħra kollha

53,2

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha sseћћ bil-kondizzjoni li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness. Jekk ma tiġix ippreżentata fattura ta’ dan it-tip, gћandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli gћall-kumpaniji l-oћra kollha.

4.   Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li huma fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti miġbura permezz ta’ dazji tal-antidumping proviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 377/2010 fuq importazzjonijiet ta’ glukonat tas-sodju niexef b’numru tal-Unjoni Doganali u l-Istatistika (CUS) 0023277-9 u numru tar-reġistru tal-Chemical Abstracts Service (CAS) 527-07-01, li attwalment huwa kklassifikat bil-kodiċi NM ex 2918 16 00 (kodiċi TARIC 2918 16 00 10), u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata tad-dazju definittiv impost skont l-Artikolu 1. L-ammonti miġbura li huma ogħla mir-rati tad-dazju definittiv tal-anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

S. VANACKERE


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 111, 4.5.2010, p. 5.

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat H, Uffiċċju N105 04/092, 1049 Brussell, Belġju.


ANNESS

Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej għandha tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3):

1.

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li qed joħroġ il-fattura kummerċjali.

2.

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) ta’ glukonat tas-sodju niexef mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, kien immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi TARIC addizzjonali) fi (pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.”

3.

Data u firma.


Top