EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0588

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 588/2010 tal- 5 ta’ Lulju 2010 li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Soprèssa Vicentina (DPO)]

ĠU L 170, 6.7.2010, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/588/oj

6.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 588/2010

tal-5 ta’ Lulju 2010

li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Soprèssa Vicentina (DPO)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, u fid-dawl tal-Artikolu 17(2) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni eżaminat it-talba tal-Italja għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Soprèssa Vicentina”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2400/96 (2), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 492/2003 (3).

(2)

L-għan tal-emenda huwa li jimmodifika l-ispeċifikazzjoni tal-prodott biex tkun aktar preċiża l-indikazzjoni tal-ħnieżer użati bħala materja prima.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Billi din hija emenda minuri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr rikors għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 5, 6 u 7 tal-istess Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Soprèssa Vicentina” hija b’dan emendata skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dokument uniku aġġornat jidher fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, il-5 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU L 327, 18.12.1996, p. 11.

(3)  ĠU L 73, 19.3.2003, p. 3.


ANNESS I

Fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Soprèssa Vicentina”, hija approvata l-emenda li ġejja:

Fl-Artikolu 2 “Deskrizzjoni tal-prodott”, il-punt 2.1.3 “Età tal-qatla”, jiddaħħal il-kliem “jew fuq il-widna”:

“L-età minima tal-qatla hija ta’ disa’ xhur u l-età tista’ tkun aċċertata fuq il-bażi tad-dati li jidhru fuq it-tatù li jkun sar fuq il-koxxa tal-ħanżir fl-ewwel tletin (30) ġurnata mit-twelid.”

jinbidel bil-kliem li ġej:

“L-età minima tal-qatla hija ta’ disa’ xhur, u tista’ tiġi vverifikata mit-tagħrif li jidher fuq it-tatù li jkun sar fuq il-koxxa jew fuq il-widna tal-ħanżir fl-ewwel tletin (30) ġurnata mit-twelid.”


ANNESS II

DOKUMENT UNIKU

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

“SOPRÈSSA VICENTINA”

Nru tal-KE: IT-PDO-0105-0145-10.8.2009

IĠP ( ) DPO (X)

1.   Isem

“Soprèssa Vicentina”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2:

Prodotti tal-laħam

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott bl-isem mogħti fil-punt 1

Deskrizzjoni: Is-“Soprèssa Vicentina” hija tip ta’ laħam taz-zalzett nej, ippakkjat f’casings (tubi taz-zalzett magħmulin mill-imsaren tal-annimali) u staġjunat (maturat), ta’ daqs medju jew kbir magħmul mill-aqwa qatgħat tal-laħam tal-majjal.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-materja prima użata għall-produzzjoni tas-“Soprèssa Vicentina” hija l-laħam tal-majjal li għandu jiġi minn annimali mwielda u mrobbija fi rziezet li jinsabu fit-territorju tal-provinċja ta’ Vicenza.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

Id-dqiq magħmul mil-laħam huwa projbit bħala għalf għall-annimali minn meta jitwieldu sakemm jikbru, filwaqt li l-prodotti tal-ikel li ġejjin minn annimali mhux tal-ħalib huma projbiti bħala għalf fil-fażi tas-simna.

Hemm preferenza li l-għalf ikun f’forma likwida jew maxx miżjuda bl-ilma u fejn ikun possibbli bix-xorrox. Sabiex ikun hemm kopertura ta’ xaħam ta’ kwalità tajba, għandu jkun hemm kontenut għoli ta’ aċidu tal-kittien ekwivalenti għal 2 % tas-sustanza niexfa tad-dieta. Ix-xorrox u x-xorrox tal-butir flimkien ma għandhomx ikunu iktar minn 15-il litru għal kull bhima kuljum.

B’xorrox tal-butir wieħed jifhem il-prodott sekondarju tal-produzzjoni tal-butir, u b’xorrox tal-ħalib wieħed jifhem il-prodott sekondarju tal-baqta.

3.5.   Fażijiet speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika definita

It-trobbija tal-ħnieżer: Il-materja prima użata għall-produzzjoni tas-“Soprèssa Vicentina” huwa l-laħam tal-majjal li għandu jiġi minn annimali mwielda u mrobbija fi rziezet li jinsabu fit-territorju tal-provinċja ta’ Vicenza.

Il-bhejjem għandhom ikunu ġenetikament puri jew imħalltin, iżda mhux ġenetikament immodifikati, minn razez tradizzjonali bħal: Large White, Landrace u Duroc irreġistrati fil-Ktieb tal-Ġenealoġija Taljana jew fil-Kotba tal-Ġenealoġiji Barranin rikonoxxuti fil-Ktieb tal-Ġenealoġija Taljana u li jippreżentaw kompletezza kompatibbli mal-Ktieb tal-Ġenealoġija Taljana għall-produzzjoni ta’ ħnieżer kbar.

Il-ħnieżer imrobbija għandu jkollhom il-kapaċità li jilħqu piż għoli sa meta jiġu biex jinqatlu (130 kg ta’ piż mejjet).

L-età minima tal-qatla hija ta’ disa’ xhur u l-età tista’ tkun aċċertata fuq il-bażi tad-dati li jidhru fuq it-tatù li jkun sar fuq il-koxxa [jew fuq il-widna] tal-ħanżir fl-ewwel tletin (30) ġurnata mit-twelid. L-istrutturi u l-faċilitajiet tat-trobbija tal-ħnieżer għandhom ikunu insulati tajjeb u għandu jkollhom ċirkolazzjoni ta’ arja tajba b’mod li jkunu żgurati temperatura tajba, l-aħjar tibdil tal-arja u l-eliminazzjoni ta’ gassijiet li jagħmlu ħsara. L-art għandha tkun magħmula minn materjal reżistenti għall-ilma, li jżomm is-sħana u li ma jiżloqx.

B’relazzjoni mat-tipoloġija tal-ikel, l-istrutturi u l-faċilitajiet kollha għandhom ikunu reżistenti għall-erożjoni.

Jistgħu jintużaw ukoll ħnieżer imrobbija fil-miftuħ jew kważi fil-miftuħ.

Il-qatla tal-ħżiener: Il-qatla tal-ħnieżer għandha ssir fi stabbilimenti li għandhom awtorizzazzjoni ta’ servizzi iġeniċi u sanitarji skont l-istandards nazzjonali u tal-UE u li jinsabu f’territorju identifikat tad-DPO.

Il-piż tal-ħnieżer li jinqatlu m’għandux ikun inqas minn 130 kg ta’ piż mejjet.

Għall-iskopijiet ta’ pproċessar suċċessiv, huwa projbit laħam tal-majjal minn ħnieżer li jkollhom distrofija muskolari rikonoxxuta (PSE, DFD, konsegwenzi ta’ proċessi inflammatorji u trawmatiċi manifesti) aċċertata mit-tabib veterinarju tal-biċċerija.

L-ipproċessar tal-laħam: Il-laħam għandu jkun ipproċessat u l-prodott għandu jimmatura fi stabbilimenti li jinsabu fiż-żona definita msemmija. L-istabbilimenti tal-ipproċessar għandu jkollhom awtorizzazzjoni ta’ servizzi iġeniċi u sanitarji stipulati fl-istandards nazzjonali u tal-UE.

Riċetti u ingredjenti: Il-produzzjoni tas-“Soprèssa Vicentina” tuża l-aħjar partijiet ta’ nofs karkassa, jiġifieri: laħam mill-koxxa, mill-għonq, mill-ispalla, miż-żaqq, mix-xaħam tal-griżmejn u mill-ġenbejn.

L-ingredjenti addizzjonali permissibbli huma kwantitajiet massimi ta’:

melħ: 2 700 g għal kull 100 kg ta’ taħlita,

bżar ¼ ta’ bżara: 300 g għal kull 100 kg ta’ taħlita,

ħwawar imħalltin mitħunin fini (kannella, imsiemer tal-qronfol u rosmarin): 50 g għal kull 100 kg ta’ taħlita,

tewm: 100 g għal kull 100 kg ta’ taħlita,

zokkor: 150 g għal kull 100 kg ta’ taħlita,

nitrat tal-potassju: fil-limiti permissibbli.

Metodu ta’ tħejjija: Il-metodu ta’ tħejjija huwa kif ġej:

 

In-nofs karkassi tal-ħnieżer jitqattgħu u l-biċċiet ta’ daqsijiet differenti jitkessħu f’temperatura ta’ bejn 0 °C u + 3 °C għal mill-inqas 24 siegħa. Wara, il-qatgħat tal-karkassi jiġu spulpjati, imnaddfa u jitneħħewlhom in-nervituri.

 

Il-biċċiet tal-laħam magħżula jiġu mgħoddija minn magna tal-ikkapuljat li jkun fiha folja tal-metall imtaqqba b’toqob li jkollhom dijametru ta’ bejn 6 u 7 mm. Fil-magna tal-ikkapuljat, li jkollha temperatura ta’ bejn + 3 °C u + 6 °C, għandhom jiżdiedu l-ingredjenti mħalltin minn qabel. Barra minn hekk, jistgħu jiżdiedu sustanzi preparati minn mikrobi kkultivati indiġeni li jqabbdu l-proċess tal-fermentazzjoni. Wara, kollox jitħallat tajjeb b’mod li x-xaħam jitħallat mal-laħam dgħif sakemm it-taħlita ssir ħaġa waħda. It-taħlita mbagħad titqassam f’casings żgħar li jkollhom dijametru ta’ 8 ċm magħmulin mill-imsaren naturali tal-annimali.

 

Il-prodott fil-casing jinbiegħ bil-piżijiet li ġejjin 1-1.5 kg, 1.5-2.5 kg, 2.5-3.5 kg, 3.5 kg-8 kg.

It-tnixxif: It-tnixxif għandu jsir kif ġej: a) il-prodott għandu jitħalla joqtor għal 12-il siegħa f’temperatura bejn l-20 u l-24 °C; b) il-prodott imbagħad għandu jitħalla jinxef għal bejn erbgħa (4) u ħamest (5) ijiem f’temperatura bejn 12-14 °C u 22-24 °C.

Il-maturità tal-prodott: Iż-żmien ta’ maturità tas-“Soprèssa Vicentina” jinkludi ż-żmien meta l-prodott ikun qed joqtor u jinxef u li jvarja minħabba l-piż:

 

mhux inqas minn 60 ġurnata meta l-piż ikun bejn 1-1,5 kg,

 

mhux inqas minn 80 ġurnata meta l-piż ikun bejn 1,5-2,5 kg,

 

mhux inqas minn 90 ġurnata meta l-piż ikun bejn 2,5-3,5 kg,

 

mhux inqas minn 120 ġurnata meta l-piż ikun bejn 3,5-8 kg.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

3.7.   Regoli speċifiki għat-tikkettar

Id-denominazzjoni “Soprèssa Vicentina DOP” ma tistax tiġi tradotta u għandha tidher fuq it-tikketta b’ittri ċari u li ma jitħassrux.

Il-marka “Soprèssa Vicentina DOP” għandha tidher fuq it-tikketta skont l-istruzzjonijiet deskritti fil-manwal grafiku. Anness A tal-speċifikazzjonijiet.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tas-“Sopressa Vicentina” tinkludi t-territorju kollu tal-provinċja ta’ Viċenza.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-fażijiet ta’ maturità huma kkaratterizzati minn kundizzjonijiet ta’ umdità fl-arja li jsegwu t-tibdil fit-temperatura. Dawn il-kundizzjonijiet huma attribwiti għall-ewwel u t-tieni proċess ta’ fermentazzjoni li jkun għadda minnu l-prodott fil-casing.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Is-“Sorprèssa Vicentina” mill-bidu tal-produzzjoni sal-mument tal-konsum għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

Karatteristiċi fiżiċi

Dehra esterna: Forma ċilindrika, legatura kkaratterizzta minn spaga mhux kulurita li tista’ tkun elastiċizzata, f’pożizzjoni vertikali u minn għadd ta’ anelli tal-istess materjal, f’pożizzjoni orizzontali fuq il-casing kollu tas-Soprèssa. Għal-legatura, l-użu ta’ xbieki mhux permess. Għall-prodott bit-tewm, huwa permess l-użu ta’ spag kulurit, għall-parti tat-tarf biss. L-anelli għandu jkollhom bejniethom distanza ta’ bejn 2 u 4 cm u għandu jkun hemm minimu ta’ tlieta. Il-parti ta’ barra hija miksija b’saff ċar li jiżviluppa b’mod naturali fil-fażi tal-maturità.

Dehra meta l-prodott jinqata’: It-taħlita tidher magħquda u fl-istess ħin ratba. Il-qatgħa tippreżenta t-taħlita bil-kontenut tax-xaħam imqassam b’mod li jinkorpora l-biċċiet tal-laħam biex b’hekk tinżamm il-morbidezza tal-prodott anke wara żmien twil ta’ maturità. Il-qatgħa għandha kulur ftit opak u ma tistax issir distinzjoni bejn ix-xaħam u l-laħam filwaqt li t-tessut ikun pjuttost aħrax jew aħrax ħafna.

Karatteristiċi kimiċi

Proteini totali iktar minn 15 %, xaħam totali bejn 30 % u 43 %, melħ minerali (irmied) bejn 3,5 % u 5 %, indewwa inqas minn 55 %, pH bejn 5,4 u 6,2.

Karatteristiċi mikrobijoloġiċi

Ammont totali ta’ mikrobi: kontenut qawwi ta’ batterji tal-ħalib u micrococcacee.

Karatteristiċi organolettiċi

Aroma

:

imħawra, aktarx b’riħa ta’ ħxejjex aromatiċi bit-tewm jew mingħajr tewm;

Togħma

:

delikata, ftit ħelwa u li tixbah il-bżar jew it-tewm;

Kulur

:

fir-roża, b’tendenza ħamra;

Konsistenza

:

tessut bejn medju u aħrax, b’resistenza baxxa għall-mastikazzjoni.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Il-prodott “Soprèssa Vicentina” għandu rabta qawwija mal-ambjent fil-fażijiet kollha tal-produzzjoni tiegħu.

F’termini umani, ir-rabta tal-prodott ikkonċernat mal-ambjent hija ġġustifikata mill-preżenza tradizzjonali fiż-żona ta’ produzzjoni, fit-territorju ta’ Vicenza, ta’ bdiewa u/jew artiġjani li b’modi partikolari ta’ trobbija tal-ħnieżer u l-ipproċessar tagħhom u tal-laħam derivat minnhom, kif ukoll il-maturità suċċessiva, taw bidu għas-Soprèssa Vicentina, prodott uniku li l-mod ta’ elaborazzjoni tiegħu baqa’ kważi mhux mittiefes sal-lum.

B’mod partikolari, ir-rabta mal-ambjent hija ġġustifikata mill-materja prima li tibda mill-formulazzjoni ta’ dieta tradizzjonali għat-trobbija tal-ħnieżer, li tikkonsisti fl-aħjar ċereali mkabbrin fl-istess żona.

Barra minn hekk, ir-rabta tal-materja prima mat-territorju hija determinata mill-użu fid-dieta, preferibbilment ta’ tip ta’ maxx magħmul mix-xorrox, prodott sekondarju derivat mill-prodotti tal-ħalib. Din l-industrija ta’ prodotti tal-ħalib tikkonsisti fi prattika antika li tiġġustifika li t-territorju tal-provinċja ta’ Vicenza hija zona ta’ produzzjoni ta’ żewġ tipi ta’ ġobon importanti DOP (Asiago u Grana Padano).

L-ipproċessar tal-ħalib li jispiċċa bil-produzzjoni taż-żewġ tipi ta’ prodotti DOP imsemmija, jipproduċi x-xorrox bħala prodott residwu.

Dan ir-residwu tal-ipproċessar tal-ħalib huwa magħmul minn ħafna karatteristiċi tal-ħalib u fuq kollox mill-karatteristiki tal-proċess ta’ separazzjoni tal-materjal li jmur għall-produzzjoni tal-ġobon, separazzjoni li ovvjament twassal għall-elementi li jibqgħu jintużawx li għalhekk jikkaratterizzaw ix-xorrox.

L-irziezet tat-trobbija tal-ħnieżer fit-territorju ta’ Vicenza jużaw dan it-tip ta’ xorrox minħabba l-karatteristiċi partikolari li jiġu trażmessi fil-laħam tal-ħnieżer u għalhekk fil-prodotti pproċessati li jirriżultaw minn dan il-laħam.

Il-fatturi ekonomiċi marbuta mal-użu tax-xorrox, prodott tal-ikel li fih konċentrazzjoni baxxa ta’ elementi nutrittivi minħabba li għandu kontenut qawwi ta’ ilma, dejjem ikkundizzjonaw l-użu purament lokali tax-xorrox ta’ dawn il-ġobnijiet, u dejjem ikkontribwew biex tkun determinata tradizzjoni fl-użu ta’ dan il-prodott bħala għalf għall-ħnieżer maħsuba għall-produzzjoni tas-“Soprèssa Vicentina”.

Barra minn hekk, ir-rabta mal-ambjent tas-“Soprèssa Vicentina” tidher mill-preżenza fil-provinċja ta’ Vicenza ta’ produtturi li għandhom stabbilimenti żgħar għall-qatla u l-ipproċessar li jużaw laħam tal-majjal tal-azjendi agrikoli lokali, produtturi li b’hekk żammew għal diversi snin il-metodu tradizzjonali ta’ produzzjoni tas-“Soprèssa Vicentina”, metodu tipiku tat-tradizzjoni tal-biedja ta’ Vicenza.

Il-fażijiet ta’ maturità huma kkaratterizzati minn kundizzjonijiet ta’ umdità fl-arja li jsegwu t-tibdil fit-temperatura. Dawn il-kundizzjonijiet huma attribwiti għall-ewwel u t-tieni proċess ta’ fermentazzjoni li jkun għadda minnu l-prodott fil-casing.

Ir-rabta mal-ambjent imsemmija, kemm dik naturali kif ukoll dik mal-bniedem, hija determinata minn prodott partikolari, li l-karatteristiki partikolari tiegħu kienu u għadhom jiddistingwu sal-lum is-“Soprèssa” prodotta f’Vicenza minn prodotti simili ta’ żona oħra. Dan kollu huwa attestat fil-biblijografija storika.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

L-Amministrazzjoni kurrenti nediet il-proċedura ta’ oġġezzjoni nazzjonali bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta tas-“Soprèssa Vicentina” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana nru 73 tat-28.3.2009.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq dan is-sit tal-Internet: www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

jista’ jinstab ukoll billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tas-sit tal-Ministeru (www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq “Prodotti di Qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin), u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE (Reg CE 510/2006)”.


Top