Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0278

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 278/2010 tal- 31 ta' Marzu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1276/2008 dwar il-monitoraġġ, permezz ta’ verifiki fiżiċi tal-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli li qegħdin jirċievu rifużjonijiet jew somom oħra u r-Regolament (KE) Nru 612/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli

    ĠU L 86, 1.4.2010, p. 15–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/278/oj

    1.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 86/15


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 278/2010

    tal-31 ta' Marzu 2010

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1276/2008 dwar il-monitoraġġ, permezz ta’ verifiki fiżiċi tal-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli li qegħdin jirċievu rifużjonijiet jew somom oħra u r-Regolament (KE) Nru 612/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 170(c) u 194(a), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1276/2008 (2) l-uffiċċju tad-dwana għandu jniżżel it-tagħrif dwar il-verifiki fiżiċi, dwar l-eżenzjoni mill-verifiki fiżiċi, dwar il-verifiki tas-siġilli, jew dwar verifiki ta' sostituzzjoni fuq il-kopji ta' kontroll T5 jew dokumenti ekwivalenti, kif stipulat fl-Annessi III sa VII għal dak ir-Regolament.

    (2)

    L-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1043/2005 tat-30 ta' Ġunju 2005 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni fuq xi prodotti agrikoli esportati fil-forma ta’ prodotti li ma jaqgħux taħt l-Anness I tat-Trattat, u l-kriterji biex jiġu ffissati l-ammonti ta’ dawn ir-rifużjonijiet (3) jipprovdi li għal ċerti oġġetti elenkati fl-Anness IV tiegħu, għandha ssir analiżi sabiex tiġi ddeterminata jekk dawn il-prodotti humiex eliġibbli għal rifużjoni. L-uffiċċju tad-dwana tal-esportazzjoni għandu jniżżel li saret analiżi.

    (3)

    Skont l-Artikolu 5(8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009 (4), l-uffiċċju tad-dwana għandu jagħmel verifiki viżivi tal-konformità tal-prodotti mad-dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni u jniżżel il-verifiki li saru fil-kaxxa D tal-kopja ta' kontroll T5 jew dokument ekwivalenti billi juża waħda mill-entrati elenkati fl-Anness II għal dak ir-Regolament.

    (4)

    Jidher li n-noti meħieġa jafu jkunu diffiċli biex jinqraw jew jinftiehmu mill-awtoritajiet involuti minħabba l-verżjonijiet lingwistiċi differenti u t-tipi ta' kitba. Għalhekk jixraq li l-proċeduri jiġu simplifikati billi n-noti miktubin bl-idejn fuq il-kopji ta' kontroll T5 jinbidlu b'kodiċijiet uniformi.

    (5)

    Dawk il-verifiki fiżiċi u l-verifiki ta' sostituzzjoni għandhom isiru abbażi tal-ġestjoni tar-riskju, li tfisser li r-reputazzjoni professjonali tal-esportatur hija waħda mill-elementi li jridu jitqiesu. It-tagħrif meħtieġ skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1276/2008 u (KE) Nru 612/2009 f'kopja ta' kontroll T5 iservi, fost l-oħrajn, biex javża lill-uffiċċju tad-dwana tat-tluq jew l-uffiċċju tad-dwana fejn tintbagħat il-kopja ta' kontroll T5, il-miżuri tal-verifika li ttieħdu. Jidher li f'dawk li każijiet fejn il-kopja ta' kontroll T5 ma kinetx mimlija kif suppost, il-proċess tal-għażla bbażat fuq ir-riskju, imwettaq mill-uffiċċju tad-dwana, tal-miżuri tal-verifika kien diffiċli. Dan għaliex kopja ta' kontroll T5 mimlija kif suppost hija waħda mill-indikaturi tal-professjonalità tal-esportatur u tal-konformità tiegħu mar-regoli applikabbli, u għalhekk jixraq li l-imperfezzjonijiet tal-kopja ta' kontroll T5 jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet responsabbli għall-aġġustament tal-profil tar-riskju tal-esportatur fl-Istat Membru fejn inħarġet il-kopja ta' kontroll T5.

    (6)

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 1276/2008 u (KE) Nru 612/2009 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

    (7)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1276/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “(m)

    ‘Kodiċi tal-kontroll’ tfisser tagħrif espress bl-ittra ‘A’ u erba' numri warajha ġġenerati b'mezzi elettroniċi, stampati, jew miktubin f'mod li jinqara sew.”

    (2)

    L-Artikolu 15 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 15

    Kopja tal-kontroll T5

    1.   Għall-iskopijiet tal-Artikolu 912c(3) u (4) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, meta applikabbli, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom iniżżlu fuq il-kopja tal-kontroll T5, jew id-dokument ekwivalenti li jakkumpanja l-prodotti, il-kodiċijiet tal-verifika rilevanti stipulati fl-Anness IIa għal dan ir-Regolament, skont ir-regoli li ġejjin:

    (a)

    l-uffiċċju tad-dwana tal-esportazzjoni għandu jniżżel fil-kaxxa D il-kodiċi tal-verifika rilevanti elenkata fil-Parti 1 tal-Anness IIa, li tikkorrispondi ma' jekk:

    (i)

    saritx verifika fiżika fuq ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni pprovduti fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament;

    (ii)

    saritx analiżi skont l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1043/2005 (*);

    (iii)

    hijiex esportazzjoni ta' għajnuna għall-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 2298/2001 eżentata minn verifika fiżika.

    (b)

    l-uffiċċju tad-dwana tat-tluq jew l-uffiċċju tad-dwana fejn tintbagħat il-kopja tal-kontroll T5, wara li jagħmel il-verifiki għall-integrità tas-siġilli msemmija fl-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, għandu jniżżel fil-kaxxa J il-verifika tal-kodiċi rilevanti elenkata fil-Parti 2 tal-Anness IIa, li tikkorrispondi ma' jekk:

    (i)

    is-siġill hux konformi jew in-nuqqas ta' siġill hux ġustifikat kif jissemma fl-Artikolu 5(8) tar-Regolament (KE) Nru 612/2009 (**);

    (ii)

    is-siġill nieqes jew kien miksur.

    (c)

    l-uffiċċju tad-dwana tat-tluq jew l-uffiċċju tad-dwana fejn tintbagħat il-kopja tal-kontroll T5 għandu jniżżel fil-kaxxa J il-kodiċi tal-verifika rilevanti elenkata fil-Parti 3 tal-Anness IIa, li tikkorrispondi ma' jekk:

    (i)

    is-sejbiet tal-verifika sostituttiva msemmija fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament humiex konformi;

    (ii)

    ittiħidx kampjun skont il-verifika sostituttiva msemmija fl-Artikolu 8 jew il-verifika sostituttiva speċifika msemmija fl-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament, imma s-sejbiet għadhom mhumiex disponibbli għaliex għadha għaddejja l-verifika tal-analiżi tal-laboratorju;

    (iii)

    humiex konformi is-sejbiet tal-verifika sostituttiva speċifika li tissemma fl-Artikolu 9;

    (iv)

    mhumiex konformi s-sejbiet tal-verifika sostituttiva li tissemma fl-Artikolu 8 jew il-verifika sostituttiva speċifika li tissemma fl-Artikolu 9.

    2.   L-uffiċċju tad-dwana tat-tluq jew l-uffiċċju tad-dwana fejn tintbagħat il-kopja tal-kontroll T5 għandu jniżżel ukoll fil-kaxxa J tal-kopja tal-kontroll T5, in-numru ta' Referenza tal-Uffiċċju tad-Dwana tiegħu kif jissemma fil-punt 8 tal-Anness 37c għar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    Fil-każ li jissemma fil-paragrafu 1(c)(ii), l-uffiċċju tad-dwana kkonċernat għandu, hekk kif tiġi finalizzata l-verifika, iniżżel is-sejbiet ta' din il-verifika fil-kaxxa J ta' kopja tal-kopja tal-kontroll T5 mibgħuta qabel, billi juża l-kodiċi tal-verifika rilevanti li tissemma fil-paragrafu 1(c).

    Fil-każ li jissemma fil-paragrafu 1(c)(iv), l-uffiċċju tad-dwana li għamel is-sejbiet għandu:

    (a)

    jehmeż kopja tal-kopja tal-kontroll T5 li wara tiġi rritornata lill-aġenzija tal-ħlas skont il-proċedura tal-Artikolu 912c(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, kopja tar-rapport tal-kontroll kif stabbilit fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, li jindika l-verifiki li saru u r-raġunijiet għaliex setgħa kien hemm nuqqas ta' konformità mar-regoli rilevanti fuq ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni; u

    (b)

    jitlob li l-aġenzija tal-ħlas tavżahom dwar l-azzjoni li ttieħdet b'riżultat tas-sejbiet.

    3.   Jekk il-proċeduri tal-għażla għall-verifiki tal-integrità tas-siġilli msemmija fl-Artikolu 7, jew għall-verifiki sostituttivi msemmija fl-Artikolu 8, jew verifiki sostituttivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 9, u għalhekk l-applikazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju, ikunu diffiċli, minħabba indikazzjoni ta' tagħrif mhux komplut fil-kopja tal-kontroll T5, l-uffiċċju tad-dwana tat-tluq jew l-uffiċċju tad-dwana fejn tintbagħat il-kopja tal-kontroll T5 għandu jniżżel fil-kaxxa J, waħda mill-kodiċijiet tal-verifika elenkati fil-Parti 4 tal-Anness IIa bħala tagħrif supplimentari.

    4.   L-uffiċċju tad-dwana tat-tluq jew l-uffiċċju tad-dwana fejn tintbagħat il-kopja tal-kontroll T5 għandu jieħu passi biex f'kull ħin ikunu disponibbli għall-Kummissjoni, id-dettalji tal-għadd ta':

    (a)

    kopji tal-verifika T5 u dokumenti ekwivalenti li ġew ikkunsidrati għall-iskopijiet tal-verifiki tal-integrità tas-siġilli msemmija fl-Artikolu 7, għall-iskopijiet tal-verifiki sostituttivi msemmija fl-Artikolu 8, u l-verifiki sostituttivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 9;

    (b)

    il-verifiki mwettqa fuq l-integrità tas-siġilli msemmija fl-Artikolu 7;

    (c)

    il-verifiki sostituttivi mwettqa msemmija fl-Artikolu 8;

    (d)

    il-verifiki sostituttivi speċifiċi mwettqa msemmija fl-Artikolu 9;

    Għandha tibqa' fl-uffiċċju tad-dwana tat-tluq jew l-uffiċċju tad-dwana fejn tintbagħat il-kopja tal-kontroll T5 jew dokument ekwivalenti, duplikazzjoni jew kopja tad-dokument, skont il-każ, u din għandha tkun aċċessibbli għal konsultazzjoni.

    5.   Kull verifika sostituttiva u verifika sostituttiva speċifika msemmija fl-Artikoli 8 u 9 għandhom ikunu suġġetti għal rapport imfassal mill-uffiċjal tad-dwana li jwettaqhom.

    Ir-rapport għandu jippermetti l-monitoraġġ tal-verifiki mwettqa u għandu jkollu d-data u l-isem tal-uffiċjal tad-dwana. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 885/2006, dan għandu jkun aċċessibbli għal konsultazzjoni għal tliet snin mis-sena ta' esportazzjoni fl-uffiċċji tad-dwana li jkun wettaq il-verifika, jew f'post wieħed fl-Istat Membru.

    (*)  ĠU L 172, 5.7.2005, p. 24."

    (**)  ĠU L 186, 17.7.2009, p. 1.”"

    (3)

    L-Annessi III u VII għandhom jitħassru.

    (4)

    Għandu jiddaħħal Anness IIa ġdid li t-test tiegħu huwa stipulat fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KE) Nru 612/2009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 5(8), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Qabel ma jitwaħħlu s-siġilli, l-uffiċċju tad-dwana tal-esportazzjoni għandu jagħmel verifika viżiva għall-konformità mad-dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni, tal-prodotti. L-għadd ta’ verifiki viżivi ma għandux ikun anqas minn 10% tal-għadd tad-dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni, minbarra dawk id-dikjarazzjonijiet li jkopru prodotti li ġew ivverifikati fiżikament jew li ntagħżlu għall-verifika fiżika skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1276/2008. L-uffiċċju tad-dwana għandu jniżżel din il-verifika fil-kaxxa D tal-kopja tal-kontroll T5 jew dokument ekwivalenti billi juża l-kodiċi tal-verifika fit-tifsira tal-Artikolu 2(m) tar-Regolament (KE) Nru 1276/2008 u kif inhu stipulat fl-Anness II għal dan ir-Regolament.”

    (2)

    L-Anness II jinbidel bit-test stipulat fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2010.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, fil-31 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 339, 18.12.2008, p. 53.

    (3)  ĠU L 172, 5.7.2005, p. 24.

    (4)  ĠU L 186, 17.7.2009, p. 1.


    ANNESS I

    “ANNESS IIa

    Kodiċijiet tal-kontroll dwar verifiki li saru mill-uffiċċju tad-dwana tal-esportazzjoni, l-uffiċċju tad-dwana tat-tluq jew l-uffiċċju tad-dwana fejn tintbagħat il-kopja tal-kontroll T5

    PARTI 1

    Sejbiet tal-verifika kif jissemma fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1276/2008

    Kodiċi tal-kontroll

    Saret verifika fiżika fuq ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni pprovduti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1276/2008

    A1000

    Saret analiżi skont l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1043/2005

    A1100

    Hija esportazzjoni ta' għajnuna għall-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 2298/2001, eżentata mill-verifika fiżika.

    A1200


    PARTI 2

    Sejbiet tal-verifika kif jissemma fl-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1276/2008

    Kodiċi tal-kontroll

    Is-siġill huwa konformi jew in-nuqqas ta' siġill huwa ġustifikat kif jissemma fl-Artikolu 5(8) tar-Regolament (KE) Nru 612/2009

    A2000

    Is-siġill huwa nieqes jew kien miksur

    A2100


    PARTI 3

    Sejbiet tal-verifika kif jissemma fl-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1276/2008

    Kodiċi tal-kontroll

    Is-sejbiet tal-verifika sostituttiva msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1276/2008 huma konformi

    A3000

    Ittieħed kampjun skont il-verifika sostituttiva msemmija fl-Artikolu 8 jew il-verifika sostituttiva speċifika msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1276/2008, imma s-sejbiet għadhom mhumiex disponibbli għaliex għadha għaddejja l-verifika tal-analiżi tal-laboratorju

    A3100

    Is-sejbiet tal-verifika sostituttiva speċifika msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1276/2008 huma konformi

    A3200

    Is-sejbiet tal-verifika sostituttiva msemmija fl-Artikolu 8 jew tal-verifika sostituttiva speċifika msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1276/2008 mhumiex konformi

    A3300


    PARTI 4

    Sejbiet tal-verifika kif jissemma fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1276/2008

    Kodiċi tal-kontroll

    L-applikazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju hija diffiċli għaliex ir-rata tar-rifużjoni ma kinetx imsemmija fuq il-kopja tal-kontroll T5 jew dokument ekwivalenti mingħajr ma kien eżentat l-esportatur skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 612/2009

    A4000

    L-applikazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju hija diffiċli għaliex il-kopja tal-kontroll T5 jew dokument ekwivalenti ma semmewx l-entratura msemmija fl-Artikolu 8 u l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 612/2009

    A4100

    L-applikazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju hija diffiċli għaliex il-kopja tal-kontroll T5 jew dokument ekwivalenti ma kinux mimlijin sew jew kompletament f'aspetti oħrajn

    A4200”


    ANNESS II

    “ANNESS II

    Tipi ta' verifiki u riżultati

    Kodiċi tal-verifika

    L-Artikolu 5(8) tar-Regolament (KE) Nru 612/2009

    Il-konformità tal-prodotti ġiet verifikata b'verifika viżiva qabel ma twaħħal is-siġill skont l-Artikolu 5(8) tar-Regolament (KE) Nru 612/2009

    A1300”


    Top