EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0175

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 175/2010 tat- 2 ta’ Marzu 2010 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward ta’ miżuri għall-kontroll taż-żieda fil-mortalità fil-gajdri tal-ispeċi Crassostrea gigas b’rabta mas-sejbien tal-Ostreid herpesvirus 1 μvar (OsHV-1 μvar) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 52, 3.3.2010, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2011: This act has been changed. Current consolidated version: 12/12/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/175/oj

3.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 52/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 175/2010

tat-2 ta’ Marzu 2010

li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward ta’ miżuri għall-kontroll taż-żieda fil-mortalità fil-gajdri tal-ispeċi Crassostrea gigas b’rabta mas-sejbien tal-Ostreid herpesvirus 1 μvar (OsHV-1 μvar)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard fl-annimali akkwatiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 41(3) u 61(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/88/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ saħħet l-annimali li għandhom jiġu applikati għat-tqegħid fis-suq ta’ annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom. Barra minn hekk, id-Direttiva tistabbilixxi l-miżuri minimi ta’ prevenzjoni li għandhom jiġu applikati f'każ ta' suspett jew tifqigħa ta’ ċertu mard fl-annimali akkwatiċi.

(2)

L-Artikolu 41 ta’ dik id-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jikkontrollaw sitwazzjoni ta’ marda li tkun qed tfiġġ u jipprevjenu dik il-marda milli tkompli tinfirex. Fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ marda li tkun qed tfiġġ, fejn is-sejbiet huma ta' sinifikat epidemjoloġiku għal Stat Membru ieħor, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-Istati Membri tal-EFTA mingħajr dewmien.

(3)

Iż-żieda fil-mortalità fil-gajdri tal-ispeċi Crassostrea gigas (“il-gajdri Crassostrea gigas”) irriżultat f’bosta nħawi fi Franza u fl-Irlanda lejn tmiem ir-rebbiegħa u s-sajf tal-2008. Din kienet attribwita lil kumbinazzjoni ta’ fatturi ambjentali negattivi flimkien mal-preżenza ta’ batterja tal-ġeneru Vibrio u l-preżenza tal-Ostreid herpesvirus-1 (OsHV-1) inkluż ġenotip ta’ deskrizzjoni ġdida ta’ dak il-virus imsejjaħ OsHV-1 μvar.

(4)

L-awtoritajiet Franċiżi infurmaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Istati Membri tal-EFTA dwar is-sitwazzjoni u l-miżuri meħuda f’Awwissu 2008 u l-kwistjoni tressqet quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali f’Settembru 2008.

(5)

Fir-rebbiegħa 2009 żieda fil-mortalità attribwita lill-istess kumbinazzjoni ta’ fatturi rriżultat ukoll fi Franza, l-Irlanda u ċ-Channel Islands. Filwaqt li l-kawżi tal-mortalità għadhom inċerti, l-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi mmexxija fl-Irlanda u r-Renju Unit fl-2009 jissuġġerixxu li l-OsHV-1 μvar għandu rwol importanti fil-mortalità.

(6)

L-awtorità kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri u dik taċ-Channel Islands infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni u l-miżuri meħuda u l-kwistjoni tressqet quddiem il-il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali bosta drabi.

(7)

Il-miżuri ta’ kontroll meħuda mill-awtorità kompetenti f’dawk l-Istati Membri u dik taċ-Channel Islands biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni ta’ marda li qed tfeġġ kienu primarjament jistrieħu fuq ir-restrizzjoni taċ-ċaqliq tal-gajdri Crassostrea gigas ’il barra mill-inħawi affettwati miż-żieda fil-mortalità.

(8)

Fid-dawl tal-okkorrenza mill-ġdid ta’ sitwazzjoni ta’ marda li qed tfeġġ fl-2009 u l-possibbiltà li din tirrepeti ruħha, u tar-riskju li tkompli tinxtered fir-rebbiegħa u s-sajf 2010, u fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba, huwa f’loku u neċessarju li jiġu estiżi l-miżuri diġà meħuda mill-Istati Membri affettwati.

(9)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/88/KE rigward mard li jfeġġ, u sabex ikun żgurat li l-miżuri meħuda jipprovdu biżżejjed ħarsien kontra aktar tixrid filwaqt li ma jimponux restrizzjonijiet bla bżonn fuq iċ-ċaqliq tal-gajdri Crassostrea gigas, hemm bżonn li jiġu kkoordinati l-miżuri fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ marda li qed tfeġġ fil-livell ta' Unjoni Ewropea.

(10)

Meta l-awtoritajiet kompetenti jiġu infurmati li jkun hemm żieda fil-mortalità tal-gajdri Crassostrea gigas għandhom jittieħdu kampjuni u jsiru testijiet sabiex wieħed jara jsibx jew inkella jeskludi għal kollox il-preżenza tal-OsHV-1 μvar.

(11)

Meta tkun ikkonfermata l-preżenza tal-ġenotip tal-virus OsHV-1 μvar, l-Istati Membri jridu jimplimentaw miżuri għall-kontroll tal-mard, inkluż il-ħolqien ta’ żona għat-trażżin tal-mard. Meta wieħed jiġi biex jistabbilixxi żona għat-trażżin iridu jitqiesu ċerti fatturi stipulati f’dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għall-kontroll tal-mard għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm l-aħħar spezzjonijiet ikunu wrew li ma jkunx hemm iktar żieda fil-mortalità.

(12)

Għandhom jiġu stabbiliti restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq tal-gajdri Crassostrea gigas ’il barra miż-żoni għat-trażżin tal-mard sabiex jiġi kkontrollat ir-riskju li l-mard jixtered. Madankollu, għandhom jingħataw ċerti derogi għal meta r-riskju tat-tixrid tal-marda jitnaqqas. Dawn id-derogi jaffettwaw iċ-ċaqliq ta’ ċerti gajdri Crassostrea gigas intiżi għall-kultivazzjoni jew għal żoni għall-purifikazzjoni f’żona oħra għat-trażżin tal-mard jew intiżi għall-konsum mill-bniedem. Biex tkun żgurata t-traċċabbiltà tal-kunsinni tal-gajdri Crassostrea gigas intiżi għall-kultivazzjoni jew għaż-żoni għall-purifikazzjoni, il-kunsinni għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali. Meta jkun qed jimtela ċ-ċertifikat għandhom jitiqesu n-noti ta’ spjega stipulati fl-Anness V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom u li jistabbilixxi lista ta’ speċi li jgħaddu l-mard (2).

(13)

Bil-għan li jinkiseb aktar tagħrif dwar l-istatus ta’ din is-sitwazzjoni ta’ marda li qed tfeġġ fl-Unjoni u partikolarment fl-Istati Membri u kompartimenti li għadhom ma ġewx affettwati, u biex wieħed jassigura s-sejbien ta’ okkorrenza tal-OsHV-1 μvar minn kmieni, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jistabbilixxu programmi b’teħid ta’ kampjuni u ttestjar immirat għas-sejbien minn kmieni tal-OsHV-1 μvar. Il-gajdri Crassostrea gigas li joriġinaw minn ibħra li kienu suġġetti għall-miżuri għat-trażżin tal-mard fl-2009 b’konformità ma' miżuri nazzjonali jew fl-2010 b'konformità ma' dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżiti addizzjonali marbuta ma’ saħħet l-annimali kemm-il darba dawn ikunu introdotti għal finijiet ta' kultivazzjoni jew għall-purifikazzjoni fi Stati Membri jew kompartimenti koperti minn programm tali, u dan kemm-il darba l-OsHV-1 μvar ma jkunx instab f’dak l-Istat Membru jew kompartiment.

(14)

Biex ikun assigurat li d-dejta miġbura fl-Istati Membri differenti fil-kuntest tal-programmi b’teħid ta’ kampjuni u ttestjar immirat għas-sejbien minn kmieni tal-OsHV-1 μvar hija kumparabbli, għandhom jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ tali programmi.

(15)

Id-disponibbilità ta’ informazzjoni akkurata u fil-ħin dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tas-sejba tal-OsHV-1 μvar fl-Istati Membri hija element ewlieni biex ikun assigurat kontroll xieraq tas-sitwazzjoni ta’ marda li qed tfeġġ. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-ewwel konferma ta’ preżenza tal-virus OsHV-1 μvar fit-territorji tagħhom fl-2010 mingħajr dewmien żejjed.

(16)

Barra minn hekk, tajjeb li jintużaw il-paġni ta' informazzjoni fuq l-internet imfassla skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/177/KE tal-31 ta' Ottubru 2008 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-programmi ta' sorveljanza u eradikazzjoni u tal-istatus ta' ħelsien minn marda ta’ Stati Membri, żoni u kompartimenti (3).

(17)

Biex tkun assigurata t-trasparenza u l-aċċess fil-ħin għall-informazzjoni rilevanti dwar is-sitwazzjoni ta’ marda li qed tfeġġ, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni Ewropea u lil Stati Membri oħra informazzjoni li tikkonċerna ż-żoni għat-trażżin tal-mard, żoni li preċedentement kienu suġġetti għal miżuri għat-trażżin tal-mard, imma fejn tkun ġiet ikkonfermata l-assenza tal-OsHV-1 μvar, u programmi stabbiliti għas-sejbien minn kmieni tal-OsHV-1 μvar.

(18)

Minħabba li għad hemm ħafna inċertezzi fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ marda li qed tfeġġ, il-miżuri li jipprovdi għalihom dan ir-Regolament għandhom japplikaw sal-aħħar ta’ Diċembru 2010.

(19)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjoni

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, OsHV-1 μvar tfisser ġenotip tal-virus Ostreid herpesvirus-1 (OsHV-1) li hu ddefinit abbażi ta’ dejta ta’ sekwenza parzjali li turi tħassir sistematiku ta’ 12-il par ta’ bażi fl-ORF 4 tal-ġenoma meta mqabbel mal-OsHV-1 (GenBank # AY509253).

Artikolu 2

Teħid ta’ kampjuni, ittestjar u ħolqien ta’ żoni għat-trażżin tal-mard

1.   Meta tirriżulta żieda fil-mortalità tal-gajdri tal-ispeċi Crassostrea gigas (“gajdri Crassostrea gigas”) l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

tieħu kampjuni skont il-Parti A tal-Anness I;

(b)

tagħmel testijiet għall-preżenza tal-OsHV-1 μvar skont il-metodi djanjostiċi stipulati fil-Parti B tal-Anness I.

2.   Meta r-riżultati tat-testijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) juru l-preżenza tal-OsHV-1 μvar, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi żona għat-trażżin tal-mard. Dik iż-żona tkun trid tiġi ddefinita abbażi ta’ analiżi każ b’każ hekk li jitqiesu l-fatturi li jinfluwenzaw ir-riskju għat-tixrid tal-marda stabbilita fil-Parti C tal-Anness I.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mill-aktar fis possibbli bl-ewwel żona għat-trażżin tal-mard stabbilita fuq it-territorju tagħhom fl-2010.

Artikolu 3

Rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq tal-gajdri Crassostrea gigas li joriġinaw minn żona għat-trażżin tal-mard imsemmija fl-Artikolu 2

1.   Il-gajdri Crassostrea gigas li joriġinaw minn żoni għat-trażżin tal-mard stabbiliti skont l-Artikolu 2(2) ma għandhomx jinħarġu minn dik iż-żona.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-kunsinni tal-gajdri Crassostrea gigas jistgħu jinħarġu miż-żona għat-trażżin tal-mard meta:

(a)

huma intiżi għal żona għat-trażżin tal-mard oħra stabbilita skont l-Artikolu 2(2);

(b)

ikunu joriġinaw minn parti miż-żona għat-trażżin, inklużi mfaqas, li mhix affettwata miż-żieda fil-mortalità u meta l-kunsinna kienet suġġetta għal:

(i)

jitteħdilhom kampjun skont il-Parti A tal-Anness I; u wkoll

(ii)

jiġu eżaminati għall-preżenza tal-OsHV-1 μvar skont il-metodi djanjostiċi stipulati fil-Parti B tal-Anness I u fejn ir-riżultati kollha kienu negattivi;

(c)

huma intiżi għal aktar ipproċessar, għal ċentri għall-purifikazzjoni, ċentri ta’ dispaċċ jew stabbilimenti ta’ pproċessar qabel il-konsum mill-bniedem u li huma attrezzati b’sistema ta’ trattament effluwenti vvalidata mill-awtorità kompetenti li:

(i)

tinattiva l-virusijiet enveloppati, jew

(ii)

tnaqqas ir-riskju li l-mard jiġi trażmess fl-ilma naturali għal livell aċċettabbli;

(d)

huma intiżi għall-konsum mill-bniedem u ppakkjati u ttikkettjati għal dak il-għan skont ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u:

(i)

mhumiex se jissopravvivu bħala annimali ħajjin kemm-il darba jiġu rritornati fl-ambjent mnejn oriġinaw, jew

(ii)

huma intiżi għal aktar ipproċessar mingħajr ħżin temporanju fil-post tal-ipproċessar;

(e)

il-kunsinni u l-prodotti tagħhom huma intiżi għall-konsum mill-bniedem mingħajr aktar ipproċessar, kemm-il darba jkunu ppakkjati f’pakketti għal bejgħ bl-imnut li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar tali pakketti tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

3.   Il-kunsinni msemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) u li huma intiżi għall-kultivazzjoni jew għal żoni għall-purifikazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali mimli skont il-mudell stipulat fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u n-noti ta’ spjega stipulati fl-Anness V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008.

Artikolu 4

Sospensjoni tal-miżuri previsti fl-Artikoli 2 u 3

L-awtorità kompetenti tista’ tissospendi l-miżuri ta’ kontroll fir-rigward ta' żoni għat-trażżin tal-mard stabbiliti skont l-Artikolu 2(2) u r-restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq li jipprovdi għalihom l-Artikolu 3 wara li din twettaq żewġ spezzjonijiet konsekuttivi — li jkunu għaddew 15-il ġurnata bejniethom — u li juru li ma għadx hemm żieda fil-mortalità.

Artikolu 5

Rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq tal-gajdri Crassostrea gigas li joriġinaw minn kompartiment li preċedentement kien suġġett għal miżuri ta’ kontroll minħabba żieda fil-mortalità fil-gajdri Crassostrea gigas b’rabta mal-OsHV-1 μvar

1.   Il-gajdri Crassostrea gigas li jitqiegħdu fis-suq u li joriġinaw minn kompartiment li kien suġġett għal miżuri ta’ kontroll fl-2009 jew fl-2010 minħabba żieda fil-mortalità fil-gajdri Crassostrea gigas b’rabta mal-OsHV-1 μvar għandhom:

(a)

ikunu akkumpanjati minn ċertifikat dwar is-saħħa tal-annimali mimli skont il-mudell stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u fin-noti ta’ spjega stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008, jekk l-annimali:

(i)

huma intiżi għal Stati Membri jew kompartimenti li jkunu stabbilixxew programm għas-sejbien minn kmieni tal-OsHV-1 μvar, u fejn l-OsHV-1 ma jinstabx, u

(ii)

huma intiżi għall-kultivazzjoni u ż-żoni għall-purifikazzjoni;

(b)

joriġinaw minn kompartiment fejn tkun ġiet ikkonfermata l-assenza tal-OsHV-1 μvar permezz ta’ teħid ta’ kampjuni u ta’ ttestjar mwettqa skont il-Parti A tal-Anness I; u

(c)

jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ saħħet l-annimali stabbiliti fil-mudell taċ-ċertifikat, imsemmija fil-punt (a).

2.   Programm maħsub għas-sejbien minn kmieni tal-OsHV-1 μvar kif imsemmi fil-paragrafu 1(a)(i) għandu jkun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-programm għandu jiġi ddikjarat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali;

(b)

dikjarazzjoni tali għandha tkun konformi mal-punt 1, il-punti 5.1, 5.2, 5.3, 5.5, u 5.9, u l-punti 6 u 7 tal-mudell tal-formola stabbilita fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2009/177/KE;

(c)

il-programm għandu jinkludi:

(i)

teħid ta’ kampjuni skont il-Parti A tal-Anness I,

(ii)

testijiet għall-preżenza tal-OsHV-1 μvar skont il-metodi djanjostiċi stipulati fil-Parti B tal-Anness I.

3.   Il-Paragrafu 1 għandu jibda japplika fi żmien ġimgħa minn dakinhar tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fejn ikun ġie ddikjarat il-programm imsemmi fil-paragrafu 1(a)(i).

Artikolu 6

Paġna ta’ informazzjoni fuq l-Internet

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra:

(a)

lista ta’ żoni għat-trażżin u l-fatturi li jkunu tqiesu biex jiddefinixxu tali żoni, inkluża deskrizzjoni tal-fruntieri ġeografiċi taż-żona rilevanti, stabbilita skont l-Artikolu 2(2);

(b)

lista ta’ kompartimenti li tinkludi deskrizzjoni tal-fruntieri ġeografiċi taż-żona rilevanti:

(i)

li jkunu ġew suġġetti għall-miżuri għat-trażżin tal-mard fl-2009 minħabba żieda fil-mortalità fil-gajdri Crassostrea gigas b’rabta mal-OsHV-1 μvar,

(ii)

fejn l-assenza tal-OsHV-1 μvar tiġi kkonfermata permezz ta’ ttestjar imwettaq skont il-Partijiet A u B tal-Anness I f’kampjuni meħuda miż-żona għat-trażżin tal-mard;

(c)

dikjarazzjonijiet ta' programmi msemmija fl-Artikolu 5(2), inkluża deskrizzjoni tal-fruntieri ġeografiċi ta’ dik iż-żona rilevanti.

2.   L-informazzjoni pprovduta fil-paragrafu 1 għandha tinżamm aġġornata u tkun disponibbli fuq il-paġni ta' informazzjoni fuq l-internet stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2009/177/KE.

Artikolu 7

Rappurtaġġ

L-Istati Membri għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni dwar il-programmi ddikjarati skont l-Artikolu 5(2) sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2010.

Ir-rapport għandu jkun konformi mal-mudell tal-formula li jinsab fl-Anness VI tad-Deċiżjoni 2009/177/KE.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-15 ta' Marzu 2010 sal-31 ta' Diċembru 2010.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)  ĠU L 337, 16.12.2008, p. 41.

(3)  ĠU L 63, 7.3.2009, p. 15.

(4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.


ANNESS I

PARTI A

Teħid tal-kampjuni

1.   Teħid tal-kampjuni għall-finijiet tal-Artikolu 2

Il-kampjuni kif jipprovdi għalihom l-Artikolu 2 għandhom jikkonsistu f’tal-inqas 12-il individwu ta’ gajdri Crassotrea gigas. Fit-teħid tal-kampjuni għandu jittieħed kampjun tal-annimali dgħajfa, dawk miftuħa u li jkunu għadhom kif mietu (mhux li jkunu ddekomponew) u dawn għandhom jinġabru mill-kompartiment fejn tkun osservata l-mortalità.

2.   Teħid tal-kampjuni għall-finijiet tal-Artikolu 3(2)(b), 5(1)(b) u 5(2)

(a)

It-teħid tal-kampjuni għall-finijiet tal-Artikolu 3(2)(b) għandu jikkonsisti f’li ġej:

(i)

fil-każ tal-larvi, ħames qatgħat ta’ mill-inqas 50 mg ta’ annimali sħaħ miġbura bejn erba’ u tmint ijiem wara l-fekondazzjoni, inkluża l-qoxra, minn kull kunsinna;

(ii)

fil-każ ta’ larvi iżgħar minn 6 mm, 30 qatgħa ta’ 300 mg ta’ annimali sħaħ, inkluża l-qoxra, minn kull kunsinna;

(iii)

fil-każ ta’ gajdri ikbar minn 6 mm, 150 individwu minn kull kunsinna.

Waqt l-għażla ta’ dawn l-annimali, irid ikun hemm rappreżentazzjoni proporzjonata tal-partijiet kollha tal-kunsinna. Jekk huma preżenti annimali dgħajfa, miftuħa jew li jkunu għadhom kif mietu (mhux li jkunu ddekomponew), għandhom jingħażlu primarjament dawn il-ħut.

(b)

It-teħid tal-kampjuni għall-finijiet tal-Artikolu 5(2) għandu jikkonsisti f’tal-inqas 150 individwu ta’ Crassotrea gigas minn kull punt mnejn jittieħdu l-kampjuni. Għandu jittieħed kampjun mill-farms u ż-żoni ta’ kultivazzjoni tal-molluski kollha fl-Istat Membru jew il-kompartiment koperti mill-programm.

It-teħid tal-kampjuni għall-finijiet tal-Artikolu 5(1)(b) għandu jikkonsisti f’tal-inqas 150 individwu ta’ gajdri Crassotrea gigas minn kull punt mnejn jittieħdu l-kampjuni.

Waqt l-għażla ta’ dawk l-annimali, għandhom jitqiesu l-kriterji li ġejjin:

Jekk huma preżenti annimali dgħajfa, miftuħa jew li jkunu għadhom kif mietu (ma jkunux iddekomponew), għandhom jingħażlu primarjament dawn il-ħut. Jekk ma jkunx hemm minn dawn, l-annimali magħżula għandhom jinkludu molluski f'saħħithom li għandhom inqas minn 12-il xahar;

Meta t-teħid tal-kampjuni minn farms fejn għall-produzzjoni jintuża aktar minn sors wieħed tal-ilma, għandhom ikunu inklużi fit-teħid tal-kampjuni l-annimali li jirrappreżentaw is-sorsi kollha tal-ilma b’mod li l-partijiet kollha tal-farm ikunu rappreżentati proporzjonalment fil-kampjun;

Meta jittieħdu kampjuni minn żoni ta' kultivazzjoni tal-molluski, fil-kampjun għandhom ikunu inklużi annimali minn numru suffiċjenti ta’ punti ta’ teħid ta’ kampjuni b’mod li fil-kampjun ikunu rappreżentati proporzjonalment il-partijiet kollha taż-żona ta’ kultivazzjoni tal-molluski, inklużi l-qigħan naturali preżenti fiż-żona tal-kultivazzjoni tal-molluski. Il-fatturi ewlenin li jridu jitqiesu għall-għażla ta’ dawn il-punti ta’ teħid ta’ kampjuni huma: is-sejbien preċedenti tal-OsHV-1 μvar fiż-żona, id-densità tal-ħżin, il-flussi tal-ilma, il-batimetrija u l-prassijiet ta’ ġestjoni.

(c)

It-teħid ta’ kampjuni li jipprovdi għalih l-Artikolu 5(2) għandu jsir fil-perjodu tas-sena meta l-prevalenza tal-OsHV-1 μvar fl-Istat Membru jew fil-kompartiment titqies li hi massima. Meta t-tali dejta ma tkunx disponibbli, it-teħid tal-kampjuni għandu jsir eżatt wara l-perjodu meta t-temperatura tal-ilma taqbeż is-16 °C fiż-żmien tas-sena meta t-temperatura normalment tilħaq il-massimu tagħha.

(d)

It-teħid ta’ kampjuni li jipprovdi għalih l-Artikolu 5(1)(b) preferebbilment għandu jsir fil-perjodu tas-sena deskritt fil-punt c. Jekk jittieħdu kampjuni barra dak iż-żmien tas-sena, qabel jiġu ttestjati, il-kampjuni tal-gajdri għandhom jinżammu f'kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk deskritti fil-punt c għal perjodu tajjeb għas-sejbien tal-OsHV-1 μvar.

PARTI B

Metodi djanjostiċi għas-sejbien tal-OsHV-1 μvar

1.   Ambitu

Din il-proċedura tispjega metodu djanjostiku standard biex jintuża għas-sejbien u l-identifikazzjoni tal-OsHV-1 μvar permezz tar-Reazzjoni Katina tal-Polimerażi (Polymerase Chain Reaction, minn hawn ’il quddiem “RKP”). Dan jippermetti d-distinzjoni bejn l-OsHV-1 u l-OsHV-1 μvar.

Meta hu l-każ, sabiex jiġu ottimizzati l-kundizzjonijiet ta’ reazzjoni u biex jiffaċilitaw l-użu tat-tagħmir u l-kundizzjonijiet fil-laboratorju tagħhom stess, il-laboratorji jistgħu japplikaw modifiki lill-metodi deskritti fl-Anness, u dan kemm-il darba tkun tista’ tintwera l-istess sensittività u speċfiċità.

2.   Definizzjoni

L-OsHV-1 μvar huwa ddefinit fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Tagħmir u kundizzjonijiet ambjentali

It-test djanjostiku użat għas-sejbien u l-identifikazzjoni tal-OsHV-1 μvar bir-RKP jeħtieġ it-tagħmir u l-kundizzjonijiet ambjentali użati tradizzjonalment għal testijiet bir-RKP kif ġej:

Kappa magħluqa mgħammra b’sistema li tipproduċi l-UV biex telimina kontaminazzjonijiet potenzjali fit-tħejjija tat-taħlita tar-RKP.

Żewġ settijiet kompluti ta' pipetti (2 μl; 20 μl; 200 μl u 1 000 μl), l-ewwel waħda għall-estrazzjoni tad-DNA, u t-tieni għat-tħejjija tat-taħlita tar-RKP.

Tliet pipetti differenti: pipetta waħda (2 μl) biex tqassam il-kampjuni fit-taħlita tar-RKP, oħra (20 μl) għat-teħid tal-kampjuni tal-EB u pipetta oħra (20 μl) biex tiġbor il-prodotti tar-RKP f’ġellijiet tal-agarożju.

Ponot tal-pipetti bil-filtru (2 μl; 20 μl; 200 μl u 1 000 μl) għall-estrazzjoni tad-DNA, tħejjija tat-taħlita tar-RKP u d-distribuzzjoni tal-kampjuni.

Ponot tal-pipetti (20 μl) biex jinġabar il-EB u biex jittellgħu prodotti ta’ amplifikazzjoni f’ġell tal-agarożju.

Ċiklatur termali biex iwettaq l-amplifikazzjonijiet.

Sistema ta’ elettroforeżi orizzontali għall-elettroforeżi ta’ prodotti tar-RKP.

Tabella tal-UV biex jiġu osservati l-prodotti tar-RKP wara l-elettroforeżi f’ġell tal-agarożju.

Sistema biex jinkisbu ritratti tal-ġellijiet.

Il-manipulatur għandu jilbes ġagaga tal-laboratorju u ngwanti tul l-istadji differenti kollha deskritti hawn taħt. Preferebbilment, il-ġagaga tal-laboratorju u l-ingwanti għandhom jinbidlu wara kull stadju prinċipali: l-estrazzjoni tad-DNA, it-tħejjija tat-taħlita tar-RKP, it-tqassim tal-kampjuni, l-amplifikazzjoni u l-ġbir għal ġol-ġell.

Huwa rrakkomandat li dawn l-istadji differenti jitwettqu fi kmamar differenti. Aktar importanti minn hekk, l-amplifkazzjoni u l-ġbir għal ġol-ġell/l-elettroforeżi għandhom isiru f’kamra separata minn dik tal-estrazzjoni tad-DNA, tat-tħejjija tat-taħlita tar-RKP u t-tqassim tad-DNA.

4.   Proċedura

4.1.   Tħejjija tal-kampjuni

Gajdri ħajjin jew li jkunu għadhom kif mietu (ma jkunux iddekomponew), li jistgħu jkunu ġew iffriżati, għall-estrazzjoni tad-DNA.

Il-kampjuni jkunu pproċessati b’mod differenti, skont id-daqs tagħhom:

(a)

Għal-larvi għandhom jitgħaffġu u jiġu ċentrifugati f’1 000 g għal minuta qatgħat ta’ 50 mg mill-annimali sħaħ (inkluża l-qoxra) kompluti b’200 μl ta’ ilma distillat.

(b)

Għal-larvi daqs jew iżgħar minn 6 mm għandhom jitgħaffġu u jiġu ċentrifugati f’1 000 g għal minuta qatgħat ta’ 300 mg mill-annimali sħaħ (inkluża l-qoxra) kompluti b’1 200 μl ta’ ilma distillat.

(c)

Għal-larvi bejn is-6 u l-15 mm fid-daqs, it-tessuti r-rotob kollha ta’ kull annimal jitgħaffġu individwalment.

(d)

Għal annimali akbar minn 15 mm, jiġu iżolati biċċiet mill-garġi u l-ġilda ta’ mal-ġewwieni.

L-estrazzjoni tad-DNA issir permezz tal-użu tal-QIAamp® DNA Mini Kit (QIAGEN) u billi jiġu segwiti l-istruzzjonijiet tal-Protokoll tal-Ittestjar tat-Tessuti.

It-tħejjija ulterjuri tal-kampjun issir fl-ordni li ġejja:

1.

Poġġi 100 μl ta’ supernatant għal kampjuni li jissemmew f’a) u b) jew 10 sa 50 mg ta' tessuti għal kampjuni msemmija fil-punt c) u d) f’tubu mikroċentrifugu ta’ 1,5 ml u żid 180 μl ta’ Buffer ATL.

2.

Żid 20 μl Proteinase K, ħallat b’movimenti qosra rotatorji u poġġi f’inkubatur f’temperatura ta’ 56 °C sakemm it-tessut ikun iddiżintegra kompletament (matul il-lejl). Waqt l-inkubazzjoni ħawwad b’movimenti rotatorji okkażjonalment biex tifrex il-kampjun. Iċċentrifuga għal ħin qasir it-tubu mikroċentifugu ta’ 1,5 ml biex tneħħi t-taqtir minn mal-għatu.

3.

Żid 200 μl Buffer AL mal-kampjun, ħallat b’movimenti qosra rotatorji għal 15-il sekonda u poġġi f’inkubatur f’temperatura ta’ 70 °C għal 10 minuti. Iċċentrifuga għal ħin qasir it-tubu mikroċentifugu ta’ 1,5 ml biex tneħħi t-taqtir minn mal-għatu.

4.

Żid 200 μl ethanol (96-100 %) mal-kampjun u ħallat permezz ta’ movimenti qosra rotatorji għal 15-il sekonda. Iċċentrifuga għal ħin qasir it-tubu mikroċentifugu ta’ 1,5 ml biex tneħħi t-taqtir minn mal-għatu.

5.

Ħu ħsieb tapplika b’attenzjoni t-taħlita mill-istadju 4 sal-QIAamp Spin Column (f’tubu tal-ġbir ta’ 2 ml) mingħajr ma xxarrab ix-xifer. Agħlaq it-tapp u ċċentrifuga bl-10 000 rpm kull minuta. Poġġi l-QIAamp Spin Column f’tubu tal-ġbir ta’ 2 ml nadif (ipprovdut fil-pakkett) u armi t-tubu li fih il-filtrat.

6.

Iftaħ il-QIAamp Spin Column b’attenzjoni u żid 500 μl Buffer AW1 mingħajr ma xxarrab ix-xifer. Agħlaq it-tapp u ċċentrifuga bl-10 000 rpm kull minuta. Poġġi l-QIAamp Spin Column f’tubu tal-ġbir ta’2 ml nadif (ipprovdut fil-pakkett) u armi t-tubu tal-ġbir li fih il-filtrat.

7.

Iftaħ il-QIAamp Spin Column b’attenzjoni u żid 500 μl Buffer AW2 mingħajr ma xxarrab ix-xifer. Agħlaq it-tapp u ċċentrifuga bil-veloċità massima (14 000 rpm) għal 3 minuti.

8.

(Mhux mandatorju) Poġġi l-QIAamp Spin Column f’tubu tal-ġbir ta’ 2 ml ġdid (mhux ipprovdut fil-pakkett) u armi t-tubu tal-ġbir li fih il-filtrat. Iċċentrifuga bil-veloċità massima (14 000 rpm) għal minuta.

9.

Poġġi l-QIAamp Spin Column f’tubu mikroċentrifugu ta’ 1,5 ml nadif (mhux ipprovdut fil-pakkett) u armi t-tubu tal-ġbir li fih il-filtrat. Iftaħ il-QIAamp Spin Column b’attenzjoni u żid 100 μl ta’ ilma ddistillat. Poġġi f’inkubatur għal 5 minuti f’tempertaura tal-kamra u ċċentrifuga bl-10 000 rpm għal minuta.

10.

Ikkontrolla l-kwalità u l-effikaċja tal-estrazzjoni (pereżempju billi tkejjel id-OD (260 nm) taħt spettrofotometru jew wara l-elettroforeżi f’ġell tal-agarożju).

11.

Ħejji s-sustanza dilwita tal-kampjuni tiegħek sabiex ikollok konċentrazzjoni ta’ DNA finali ta’ 50-100 ng/μl.

12.

Is-soluzzjonijiet tad-DNA jinżammu f’temperatura ta’ 4 °C sakemm jitwettqu l-analiżijiet tar-RKP.

Għall-estrazzjoni tad-DNA jistgħu jintużaw pakketti (kits) kummerċjali oħra kemm-il darba jkun intwera li dawn jagħtu l-istess riżultati.

4.2.   Reazzjoni Katina tal-Polimerażi (RKP)

4.2.1.   Sustanzi reattivi

10 X Buffer (fornut b'Taq DNA polymerase)

MgCl2 (fornut b’DNA polymerase) (25 mm)

Taq DNA Polymerase (Goldstar, Eurogentec) 5 U/μl

dNTP (dATP, dCTP, dGTP, dTTT) Master Mix (20 mm) irid ikun dilwit 10 darbiet (b’2 mm) qabel l-użu

d H20 (H20 distillat ħieles mid-DNA u r-RNA)

4.2.2.   Primers

Għandhom jintużaw il-primers (1) li ġejjin:

 

CF (10 μM)

 

CR (10 μM)

4.2.3.   It-taħlita tar-RKP

It-taħlita tar-RKP għal kull tubu hija:

 

Volum għal kull tubu

Konċentrazzjoni Finali

Buffer (10 X)

5  μl

1 X

MgCl2 (25 mM)

5  μl

2,5  mM

dNTP (2 mM)

5  μl

0,2  mM

CF (10 μM)

1  μl

0,2 μM

CR (10 μM)

1  μl

0,2  μM

Taq polymérase (5 U/μl)

0,5  μl

2,5  U

dH2O

31,5  μl

49 μl ta’ din it-taħlita tar-RKP tintefa’ f’kull tubu tar-RKP

F’kull tubu jiżdied 1 μl tad-DNA estratta (50-100 ng/μl)

4.2.4.   Kontrolli

Jintużaw żewġ tipi ta’ kontrolli:

Il-kontrolli negattivi jikkonsistu f’dH2O (1 μl għal 49 μl ta’ taħlita tar-RKP). Dawn huma intiżi biex isibu kontaminazzjoni potenzjali reattiva jew tal-ambjent tax-xogħol. Għal kull 10 kampjuni għandu jkun hemm kontroll negattiv jew inkella wara kull serje ta’ kampjuni.

Il-kontrolli pożittivi jikkonsistu f’DNA plasmidika li fiha r-reġjun ta’ ġenoma fil-mira tal-OsHV-1 CF-CR. Dawn huma intiżi biex jiċċekkjaw l-effikaċja tar-reazzjoni tar-RKP. Għal kull analiżi tar-RKP għandu jiġi inkluż kontroll pożittiv wieħed. Il-kontrolli pożittivi huma disponibbli mil-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza.

4.2.5.   Amplifikazzjoni

Iċ-ċikli ta’ amplifikazzjoni jitwettqu f’apparat ta’ ċiklu termali.

Denaturazzjoni inizjali: 2 minuti f’temperatura ta’ 94 °C

Amplifikazzjoni: 35 ċiklu (minuta b’temp. ta’ 94 °C, minuta b’temp. ta’ 50 °C u minuta b’temp. ta’ 72 °C)

Elongazzjoni finali: 5 minuti f’temperatura ta’ 72 °C

4.3   Elettroforeżi

4.3.1   Sustanzi reattivi

50 X TAE (jista’ jinxtara mill-ewwel lest għall-użu):

Tris base (40 mM) 242 g

Aċidu aċetiku glaċjali (40 mM) 57,1 ml

Na2EDTA.2H2O (1 mM) 18,61 g

dH2O għal litru

Aġġusta f’pH 8

Ġell tal-agarożju 2,5 % f’1X TAE

Ethidium bromide (0,5 μg/ml) li jiżdied wara li jitberred il-ġell.

Żebgħa kaħla għall-ġbir:

Bromofenol kaħlani 0,25 %

Cyanol xylene FF 0,25 %

Sukrożju 40 %

Żomm f’temperatura ta’ 4 °C.

Użah dilwit għal 6 darbiet (2 μl ta’ buffer kaħlani għat-tlugħ għal 10 μl ta’ prodotti tar-RKP).

Indikatur tal-piż molekulari:

SmartLadder SF (Eurogentec): indikatur tal-piż molekulari lest għall-użu inkluż 9 faxex spazjati b’mod regolari bejn 100 u 1 000 bp.

4.3.2   Tħejjija ta’ ġell tal-agarożju

1.

Piż 2.5 g ta’ agarożju, żid 100 ml ta’ 1X TAE u saħħan sakemm it-taħlita ddub.

2.

Wara li tberred is-soluzzjoni, żid l-ethidium bromide (5 μl għal 100 ml ta’ ġell tal-agarożju) u s-soluzzjoni tingħadda ġo forma speċifika mgħammra b'pettnijiet (biex jiġu ffurmati ħofor).

3.

Meta l-ġell hu polimerizzat, il-pettnijiet jitneħħew u l-ġell jitqiegħed f’sistema ta’ elettroforeżi orizzontali li fiha biżżejjed 1X TAE sal-kopertura ta’ ġell tal-agarożju.

4.

10 μl ta’ prodotti tar-RKP jitħalltu ma’ 2 μl ta' żebgħa kaħla (6X) u jitpoġġew fil-ħofor

5.

Toqba waħda hija ddedikata lill-indikatur ta’ piż molekulari (5 μl)

6.

Jiġi applikat vultaġġ ta’ bejn 50 u 150 volt għal bejn 30 minuta u siegħa, jiddpendi mid-daqs u l-ħxuna tal-ġell

7.

Il-ġell jiġi osservat taħt l-UV.

4.4.   Interpretazzjoni

Il-preżenza tal-OsHV-1 μVar f’kampjun hija indikata bil-preżenza ta’ faxxa ta’ daqs xieraq (157 bp minflok ta’ 173 bp għall-OsHV-1) fuq 2,5 % ta’ ġell tal-agarożju bil-kontrolli kollha negattivi jkunu negattivi u l-kontrolli pożittivi kollha jkunu pożittivi.

PARTI Ċ

Definizzjoni taż-żona għat-trażżin tal-mard

Meta tiġi ddefinita ż-żona għat-trażżin tal-mard skont l-Artikolu 2(2) għandhom jitqiesu l-fatturi li ġejjin li jinfluwenzaw ir-riskji ta’ tixrid tal-marda:

(a)

in-numru, ir-rata u d-distribuzzjoni tal-molluski fil-farm jew iż-żona ta’ kultivazzjoni tal-molluski hija infettata;

(b)

id-distanza u d-densità tal-farms fil-viċin jew iż-żoni ta' kultivazzjoni tal-molluski;

(c)

il-prossimità għal stabbilimenti ta’ pproċessar, farms ta’ kuntatt jew żoni ta' kultivazzjoni tal-molluski ta’ kuntatt;

(d)

l-ispeċi preżenti fil-farms jew fiż-żoni ta' kultivazzjoni tal-molluski;

(e)

prassijiet ta’ kultivazzjoni applikati fil-farms milquta jew fil-farms tal-viċin jew fiż-żoni ta’ kultivazzjoni tal-molluski; u wkoll

(f)

il-kundizzjonijiet idrodinamiċi u fatturi oħra ta’ sinifikanza epiżootijoloġika identifikati.


(1)  Dawn il-primers jew id-deksrizzjonijiet tagħhom jistgħu jinkisbu mil-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza għall-mard tal-Molluski (LGP-Ifremer, av de Mus de Loup, 17390 La Tremblade, Franza).


ANNESS II

Mudell ta’ ċertifikat ta’ saħħa tal-annimali għat-tqegħid fis-suq tal-gajdri Crassostrea gigas intiżi għaż-żoni ta’ kultivazzjoni u dawk għall-purifikazzjoni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Top