Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010H0159

    Rakkomandazzjoni mill-kummissjoni tal- 11 ta’ Marzu 2010 dwar miżuri ta’ awtoprotezzjoni u ta’ prevenzjoni ta’ atti ta’ piraterija u ta’ attakki bl-armi kontra l-bastimenti (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 67, 17.3.2010, p. 13–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2010/159/oj

    17.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 67/13


    RAKKOMANDAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    tal-11 ta’ Marzu 2010

    dwar miżuri ta’ awtoprotezzjoni u ta’ prevenzjoni ta’ atti ta’ piraterija u ta’ attakki bl-armi kontra l-bastimenti

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2010/159/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Minħabba ż-żieda fl-atti ta’ piraterija lil hinn mill-kosta tas-Somalja, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), fis-86 sessjoni tiegħu tas-27 ta’ Mejju sal-5 ta’ Ġunju 2009, adotta serje ta’ miżuri permezz ta’ diversi ċirkolarijiet li, jew jaġġornaw ir-rakkomandazzzjonijiet ġenerali fis-seħħ dwar il-miżuri biex jikkumbattu atti ta’ piraterija u attakki bl-armi tal-bastimenti jew jiddefinixxu miżuri speċifiċi biex isolvu l-piraterija fil-Golf ta’ Aden u lil hinn mill-kosta tas-Somalja.

    (2)

    Iċ-ċirkolari MSC.1/Cir. 1334 tat-23 ta’ Ġunju 2009 toffri “Gwida lis-sidien u l-operaturi ta’ bastimenti, u lill-kaptani u l-membri tal-ekwipaġġ tagħhom, dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-atti ta’ piraterija u attakki bl-armi kontra l-vapuri”. Din iċ-ċirkolari tagħti lista komprensiva ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu fuq il-bastimenti fiċ-ċirkustanzi kollha biex jiġu evitati l-attakki, u biex meta jseħħu, jitnaqqsu bl-iktar mod possibbli r-riskji għall-ekwipaġġ u għall-bastiment.

    (3)

    Iċ-ċirkolari MSC.1/Circ. 1332 tas-16 ta’ Ġunju 2009 tagħti l-miżuri msejħa “l-aqwa prattiki ta’ ġestjoni” biex jiġu evitati, jitnaqqsu jew jiġu postposti l-atti ta piraterija fil-Golf ta’ Aden u lil hinn mill-kosta tas-Somalja (“Best Management Practices to Avoid, Deter or Delay Acts of Piracy in the Gulf of Aden and off the Coast of Somalia”) li l-imsieħba tal-industrija marittima żviluppaw fuq bażi volontarja u li l-partijiet kontraenti appoġġaw u nkoraġġew minħabba l-urġenza quddiem it-theddid lil hinn mis-Somalja. L-imsieħba tal-industrija marittima aġġornaw dawn il-miżuri fil-verżjoni 2 li ġiet ippubblikata permezz taċ-ċirkolari MSC.1/Circ. 1335 tad-29 ta’ Settembru 2009.

    (4)

    Għalkemm il-miżuri stipulati f’dawn iċ-ċirkolarijiet tal-OMI mhuma la obbligatorji u lanqas vinkolanti, il-ħtieġa ċara għal titjib fis-sigurtà marittima tfisser li l-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat Membru għandhom jipproteġu lilhom nnifishom bl-iktar mod possibbli bis-saħħa ta’ għarfien attwali meta jkunu esposti għal reġjuni ta’ navigazzjoni b’riskju għoli ta’ piraterija u attakki bl-armi.

    (5)

    L-atti ta’ piraterija u ta’ attakki bl-armi kontra bastimenti, ta’ sikwit huma ta’ natura vjolenti, u joħolqu theddida serja f’bosta reġjuni tad-dinja, lil hinn mis-sitwazzjoni attwali fis-Somalja, fil-Golf ta’ Aden u fl-Oċejan Indjan.

    (6)

    Iċ-ċifri għas-sena 2008 rigward il-piraterija huma l-ogħla fiċ-ċensimenti li ilhom isiru mill-Uffiċċju Marittimu Internazzjonali mill-1991, b’293 bastiment attakat, 49 maqbuda, 889 baħri meħuda b’ostaġġi, 11 maqtula, 21 megħjuba u preżunti mejta. Mill-2008, l-attakki u l-ħtif ta’ bastimenti mmoltiplikaw b’mod partikolari lil hinn mis-Somalja, fil-Golf ta’ Aden u fl-Oċejan Indjan. Bosta bastimenti ġew attakkati u maqbuda minn pirati li jżommu l-ekwipaġġ bħala ostaġġi sakemm titħallas somma flus biex jinħelsu. Il-perjodi tal-ħtif itawlu bosta ġimgħat, u anke xhur, u huma inaċċettabbli daqs kemm huma trawmatiċi għal baħħara maqbuda.

    (7)

    Kien hemm żieda fil-għadd ta’ attakki fl-Oċejan Indjan u fil-Golf ta’ Aden mill-bidu tas-sena 2009, minkejja waqfa matul is-sajf – minħabba l-monsun u l-kundizzjonijiet diffiċli ta’ navigazzjoni għall-pirati. Kien hemm talanqas 164 attakk matul l-2009, li 48 minnhom wasslu għall-ħtif ta’ bastiment.

    (8)

    L-“aqwa prattiki ta’ ġestjoni” jirrikmandaw li l-kumpaniji marittimi u l-bastimenti jirreġistraw fuq is-sit tal-Internet taċ-Ċentru tas-Sikurezza Marittima tal-Qarn tal-Afrika (MSCHOA – http://www.mschoa.org) qabel ma jgħaddu mill-Golf ta’ Aden. Il-bastimenti rreġistrati b’dan il-mod jirċievu l-informazzjoni kollha disponibbli dwar is-sitwazzjoni ta’ din iż-żona ta’ navigazzjoni u jiġu segwiti mill-forzi tal-operazzjoni EU NAVFOR-ATALANTA, u jitnaqqsilhom ir-riskju ta’ attakk. Minkejja dan, iktar minn terz tal-bastimenti għaddejjin minn hemm mhux dejjem jirreġistraw fuq il-MSCHOA, bir-riżultat li ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri li jeżistu biex jiżguraw it-tranżitu tagħhom f’dan ir-reġjun.

    (9)

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fil-15 ta’ Ġunju 2009, iddeċieda li jtawwal b’perjodu ta’ sena mit-13 ta’ Diċembru 2009, l-operazzjoni militari EU NAVFOR-ATALANTA tal-Unjoni Ewropea bl-iskop li jwaqqaf, jipprevjeni u jnaqqas l-atti ta’ piraterija u ta’ attakki bl-armi lil hinn mill-kosta tas-Somalja. Din l-operazzjoni militari hija l-ewwel operazzjoni navali meħuda fi ħdan il-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (PESD). Fil-fatt, il-Kunsill osserva li l-piraterija lil hinn mill-kosta tas-Somalja kien għadha toħloq theddida importanti għan-navigazzjoni marittima f’dan ir-reġjun.

    (10)

    Billi jikkumplimentaw l-azzjoni meħuda fi ħdan l-operazzjoni EU NAVFOR-ATALANTA, id-dħul effettiv fis-seħħ u l-armonizzazzjoni tal-miżuri preventivi rrakkomandati miċ-ċirkolarijiet MSC.1/Circ. 1334 u MSC.1/Circ. 1335 ma jistgħux ħlief jiffavorixxu l-effikaċja tal-azzjoni ta’ protezzjoni navali deċiża mill-Kunsill fil-ġlieda kontra l-piraterija lil hinn mis-Somalja.

    (11)

    Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jdaħħlu fis-seħħ il-miżuri mmirati biex isaħħu s-sigurtà marittima u li jiżguraw l-allokazzjoni u l-forniment tal-mezzi kollha meħtieġa għal dan il-għan,

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    1.   L-Istati Membri huma mitluba jiżguraw applikazzjoni effettiva u armonizzata tal-miżuri peventivi biex isolvu t-theddid li jistgħu jiltaqgħu miegħu l-bastimenti f’atti ta’ piraterija u ta’ attakki armati. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u l-imsieħba tal-industrija marittima appoġġaw b’qawwa dawn il-miżuri, li diġà ġew mdaħħla f’inventarju u ġew ikkonsolidati.

    2.   Miżuri ġenerali

    2.1.

    L-Istati Membri huma mitluba jinfurmaw lill-operaturi rreġistrati magħhom, biċ-ċirkolari MSC.1/Circ. 1334 adottata fis-86 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) li tistipula u taġġorna l-miżuri preventivi ta’ awtoprotezzjoni li l-bastimenti u l-kumpaniji marittimi huma mitluba jdaħħlu fis-seħħ biex jiġġieldu kontra l-atti ta’ piraterija u ta’ attakki bl-armi kull meta jkun hemm dan ir-riskju, b’konfomità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sigurtà tal-Bastimenti u tal-Faċilitajiet tal-Port (Kodiċi ISPS).

    2.2.

    L-Istati Membri huma mitluba jivverifikaw partikolarment li l-bastimenti għandhom l-ekwipaġġ suffiċjenti u effettiv b’konformità mar-regola 4.28 tal-Parti B tal-Kodiċi ISPS li saret obbligatorja permezz tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    3.   Miżuri speċifiċi għas-sitwazzjoni lil hinn mill-kosta tas-Somalja.

    3.1.

    L-Istati Membri huma mitluba li jgħarrfu l-operaturi rreġistrati magħhom, biċ-ċirkolari MSC.1/Circ. 1332 adottata fis-86 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), ikkumplimentata miċ-ċirkolari MSC.1/Circ. 1335, li jawtorizzaw fuq livell internazzjonali, il-miżuri msejħa “l-aqwa prattiki ta’ ġestjoni biex jiġu evitati, jitnaqqsu jew jiġu postposti l-atti ta piraterija fil-Golf ta’ Aden u lil hinn mill-kosta tas-Somalja”, li l-imsieħba tal-industrija marittima jippubblikaw u jaġġornaw regolarment.

    3.2.

    L-Istati Membri huma mitluba li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw it-tixrid tal-għarfien u tal-aġġornamenti perjodiċi, u jivverifkaw l-implimentazzjoni tal-aqwa prattiki ta’ ġestjoni biex jiskoraġġixxu l-atti ta’ piraterija lil hinn mill-kosta tas-Somalja, li huma stipulati fl-Anness għal din ir-Rakkomandazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Siim KALLAS

    Viċi President


    (1)  ĠU L 129, 29.4.2004, p. 6.


    ANNESS

    L-Aħjar Prattiki ta’ Ġestjoni għad-Deterrenza tal-Piraterija fil-Golf ta’ Aden u lil hinn mill-Kosta tas-Somalja

    (Verżjoni 2 – Awwissu 2009)

    Fi sforz li tiġi kumbattuta l-piraterija fil-Golf ta’ Aden u lil hinn mill-Kosta tas-Somalja, dawn l-aħjar prattiki ta’ ġestjoni huma appoġġati mir-rappreżentanti tal-industrija internazzjonali li ġejjin:

    1.

    Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ Proprjetarji Indipendenti tat-Tankers (INTERTANKO — International Association of Independent Tanker Owners)

    2.

    Kamra Internazzjonali tat-Tbaħħir (ICS — International Chamber of Shipping)

    3.

    Forum Marin Internazzjonali tal-Kumpaniji taż-Żejt (OCIMF — Oil Companies International Marine Forum)

    4.

    Kunsill Marittimu Baltiku u Internazzjonali (BIMCO — Baltic and International Maritime Council)

    5.

    Soċjetà ta’ Operaturi Internazzjonali tat-Tankers u tat-Terminali tal-Gass (SIGTTO — Society of International Gas Tanker and Terminal Operators)

    6.

    Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ Proprjetarji tal-Bastimenti tal-Merkanzija Niexfa (INTERCARGO — International Association of Dry Cargo Ship Owners)

    7.

    Grupp Internazzjonali tal-Klabbijiet tal-Protezzjoni u Indennizz (IGP&I — International Group of Protection and Indemnity Clubs)

    8.

    Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Bastimenti tal-Kruċieri (CLIA — Cruise Lines International Association)

    9.

    Unjoni Internazzjonali tal-Assikuraturi Marini (IUMI — International Union of Marine Insurers)

    10.

    Kumitat Konġunt tal-Gwerra (JWC — Joint War Committee) u Kumitat Konġunt tal-Buq (JHC — Joint Hull Committee)

    11.

    Burò Marittimu Internazzjonali (IMB — International Maritime Bureau)

    12.

    Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema fit-Trasport (ITF — International Transport Workers Federation)

    Dawn l-aħjar prattiki ta’ ġestjoni huma wkoll appoġġjati minn dawn:

    13.

    Ċentru tas-Sigurtà Marittima tal-Qarn tal-Afrika (MSCHOA — Maritime Security Centre Horn of Africa)

    14.

    Organizzazzjoni tal-Kummerċ Marittimu tar-Renju Unit (UKMTO Dubai — UK Maritime Trade Organisation)

    15.

    Uffiċċju ta’ Kollegament Marittimu (MARLO Maritime Liaison Office)

    Prattiki ssuġġeriti ta’ ippjanar u operazzjonijiet għall-proprjetarji, l-operaturi, il-maniġers u l-kaptani ta’ bastimenti li jagħmlu tranżitu mill-golf ta’ Aden u lil hinn mill-kosta tas-Somalja

    Għan

    1.

    L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jipprovdi l-Aħjar Prattiki ta’ Ġestjoni (BMP - Best Management Practices) biex jassisti lill-kumpaniji u lill-bastimenti jevitaw l-attakki mill-pirati, jagħmlu deterrent għall-attakki u jipposponu l-attakki li jirnexxu fil-Golf ta’ Aden (GoA) u lil hinn mill-Kosta tas-Somalja. L-organizzazzjonijiet li ġew ikkonsultati f’dan id-dokument jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira ta’ proprjetarji u operaturi ta’ bastimenti li jagħmlu tranżitu mir-reġjun.

    2.

    Dawn l-organizzazzjonijiet se jħeġġu lill-membri tagħhom jutilizzaw dawn il-BMP u se jipprovaw jippromulgawhom lil interessi marittimi oħrajn bħala BMP għall-ġlieda kontra l-piraterija fir-reġjun. Dan id-dokument jikkomplementa l-gwida mogħtija miċ-Ċirkolari tal-IMO MSC (IMO Maritime Security Council) MSC.1/Circ.1334.

    Profili tipiċi tal-attakk u l-lezzjonijiet mitgħallma

    1.

    Matul l-2008, u l-ewwel nofs tal-2009, kien hemm żieda fin-numru tal-attakki mill-pirati fuq bastimenti merkantili tul il-GoA kollu, u lil hinn mill-Kosta tas-Somalja u fl-Oċean Indjan tal-Majjistral. Il-maġġoranza tal-attakki għall-ewwel kienu kkonċentrati madwar in-naħa tat-Tramuntana tal-GoA iżda seħħu attakki aktar lil hinn mill-kosta tal-Lvant tas-Somalja.

    2.

    L-analiżi tal-attakki li rnexxew tindika li l-pirati jisfruttaw dawn il-punti vulnerabbli li ġejjin:

    (a)

    Veloċità baxxa

    (b)

    Freeboard baxx

    (c)

    Ippjanar u proċeduri inadegwati

    (d)

    Stat ta’ allert viżibbilment baxx u/jew nuqqas ta’ miżuri awtoprotettivi evidenti

    (e)

    Fejn hija evidenti reazzjoni bil-mod mill-bastiment

    3.

    Huwa komuni li jintużaw żewġ dgħajjes jew aktar miftuħin żgħar/“skiffs” ta’ veloċità kbira (sa 25 knots) fl-attakki, li spiss joqorbu mill-kwart tal-port u/jew mill-poppa.

    4.

    L-użu tal-“bastiment ewlieni” tal-pirati, li huwa bastiment akbar li jġorr persunal, tagħmir, provvisti u dgħajsa iżgħar għall-attakk, ippermetta li l-attakki jirnexxu f’distanza akbar mill-kosta.

    5.

    Il-viġilanza għandha tkun l-ogħla fl-ewwel dawl u fl-aħħar dawl, għaliex il-parti l-kbira tal-attakki saru f’dawn il-perjodi.

    6.

    Il-bastimenti ta’ veloċità għolja (15-il knot u ogħla) m’għandhomx jippreżumu li huma sikuri mill-attakki iżda l-veloċità hija forma effettiva tad-difiża. F’din iż-żona seħħ l-użu ta’ armi tan-nar żgħar, Rocket Propelled Grenades (RPG), bi sforz biex jintimidaw il-Kaptani tal-bastimenti biex inaqqsu l-veloċità. Intwera li huwa effettiv li tinżamm il-veloċità massima fuq il-baħar f’dawn iċ-ċirkostanzi.

    7.

    Il-maġġoranza tal-attentati ta’ ħtif ta’ bastimenti ġew imrażżna minn ekwipaġġ tal-bastiment li jkun ippjana u li jkun ġie mħarreġ minn qabel il-vjaġġ u li uża kontro-miżuri passivi li kienu effettivi.

    8.

    Il-kondizzjonijiet prevalenti ta’ temp u tal-istat tal-baħar ukoll jinfluwenzaw ħafna l-abbiltà tal-attakkanti li joperaw. Irjieħ ta’ qawwa akbar minn 18-il knot u għoli ta’ mewġ akbar minn 2 metri jitqiesu biżżejjed biex jipprovdu protezzjoni għall-bastimenti kollha ħlief dawk l-aktar vulnerabbli, l-aktar fejn il-Kaptani qed iqisu l-Aħjar Prattiki ta’ Ġestjoni sal-massimu possibbli.

    L-aħjar prattiki ta’ ġestjoni rrakkomandati

    1.   Daħla

    (a)   Filwaqt li jirrikonoxxi d-diskrezzjoni assoluta tal-Kaptan f’kull ħin biex jadotta miżuri xierqa biex jevita, irażżan jew idewwem l-attakki mill-pirati f’dan ir-reġjun, dan id-dokument tal-aħjar prattiki huwa provdut għall-proprjetarji u għall-operaturi tal-bastimenti, għall-Kaptani u għall-ekwipaġġi tagħhom.

    (b)   Mhux il-miżuri kollha diskussi f’dan id-dokument jistgħu jkunu applikabbli għal kull bastiment. Għalhekk, bħala parti mill-analiżi ta’ riskju, hija rrakkomandata evalwazzjoni biex jiġi ddeterminat liema mill-BMP tkun l-aktar xierqa għall-bastiment. Madankollu, dawn li ġejjin ġeneralment kienu effettivi:

    2.   Qabel it-Tranżitu – L-Ippjanar Ġenerali

    (a)   Ġenerali

    (i)

    UKMTO Dubai hija l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-bastimenti fir-reġjun. Il-kuntatt ta’ kuljum bejn il-Kaptani u l-forzi militari jiġi provdut minn UKMTO Dubai, li jkellmu lill-bastimenti u jagħmlu kuntatt dirett ma’ MSCHOA u mal-kmandanti navali fuq il-baħar. UKMTO Dubai jeħtieġu aġġornamenti regolari dwar il-pożizzjoni u l-movimenti ppjanati tal-bastimenti. Jużaw din l-informazzjoni biex jgħinu lill-unitajiet navali jżommu stampa preċiża tat-tbaħħir. (Ara l-Glossarju fl-Anness A għal aktar dettalji).

    (ii)

    Iċ-Ċentru tas-Sigurtà Marittima — Qarn tal-Afrika (MSCHOA), huwa l-awtorità tal-ippjanar u tal-koordinazzjoni għall-forzi tal-UE (EU NAVFOR) fil-Golf ta’ Aden u fiż-żona lil hinn mill-Kosta tas-Somalja. (Ara l-Glossarju fl-Anness A.)

    (iii)

    L-Uffiċċju ta’ Kollegament Marin (MARLO) jopera bħala l-kuntatt għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Forzi Marittimi Kkombinati (CMF — Combined Maritime Forces) u l-komunità tat-tbaħħir kummerċjali fir-reġjun. (Ara l-Glossarju fl-Anness A.)

    (iv)

    Qabel ma jsir it-tranżitu miż-żona ta’ riskju għoli, il-proprjetarju u l-Kaptan għandhom iwettqu evalwazzjoni tar-riskju tagħhom stess biex jevalwaw il-possibbiltà u l-konsegwenzi tal-attakki mill-pirati fuq il-bastiment, ibbażata fuq l-aktar informazzjoni riċenti disponibbli. Ir-riżultat tal-evalwazzjoni tar-riskju għandu jidentifika l-miżuri għall-prevenzjoni, għall-mitigazzjoni u għall-irkuprar u jfisser li jiġu kkombinati rekwiżiti statutorji ma’ miżuri supplimentari biex tiġi kumbattuta l-piraterija.

    (v)

    Il-proċeduri tal-kumpaniji ta’ ġestjoni tal-kriżijiet għandhom iqisu miżuri xierqa biex jikkumbattu t-theddida tal-piraterija billi jadottaw prattiki rakkomandati mill-OMI jew mill-industrija skont kif xieraq għaċ-ċirkostanzi partikolari u għat-tip ta’ bastiment.

    (vi)

    L-awtoritajiet navali jeħtieġu avviż minn qabel tal-passaġġ ippjanat mill-bastiment sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw il-punti vulnerabbli u jippjanaw il-protezzjoni xierqa. Dan jinkiseb billi primarjament:

    1.

    Isir rapport inizjali lil UKMTO Dubai, (email jew faks).

    2.

    Isir rapport inizjali lil MARLO (email jew faks).

    3.

    Addizzjonalment, jekk il-pjan huwa li jsir tranżitu mill-Golf ta’ Aden, jew li ssir navigazzjoni fiż-żona limitata minn 12° Tramuntana, 58° Lvant u 10° Nofsinhar: Il-Moviment tal-Bastiment jiġi rreġistrat mal-MSCHOA (jew onlajn, jew bl-e-Mail jew faks).

    (vii)

    Filwaqt li għandhom jittieħdu miżuri biex il-pirati jiġu mrażżna milli jitilgħu abbord, is-sikurezza tal-ekwipaġġ u tal-passiġġiera hija l-iprem prijorità.

    (b)   L-Ippjanar tal-Kumpanija

    Huwa rakkomandat bil-qawwa li l-maniġers u/jew id-dipartiment tal-operat jirreġistraw għall-aċċess għat-taqsimiet ristretti tas-sit elettroniku tal-MSCHOA (www.mschoa.eu), jirrevedu l-informazzjoni li tinsab fiha u jqassmuha kif xieraq fil-flotta tagħhom.

    (i)

    4-5 ijiem qabel mal-bastiment jidħol fil-Kuritur Internazzjonali Irrakomandat għat-Tranżitu (IRTC — International Recommended Transit Corridor), jew iż-żona bil-limiti 12 gradi Tramuntana jew 58 gradi Lvant jew 10 gradi Nofsinhar, jiġi żgurat li ġiet sottomessa “Reġistrazzjoni tal-Moviment tal-Bastiment” mal-MSCHOA (onlajn, e-Mail jew faks). Nota: Dan jista’ jsir mill-bastiment jew mill-kumpanija.

    (ii)

    Isir stħarriġ tal-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tal-Bastiment (SSA — Ship Security Assessment) u implimentazzjoni tal-Pjan tas-Sigurtà tal-Bastiment (SSP — Ship Security Plan) kif meħtieġ mill-Kodiċi Internazzjonali tal-Bastimenti u tal-Portijiet (ISPS — International Ship and Port Facility Code) biex tiġi kkumbattuta t-theddida tal-piraterija.

    (iii)

    L-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Kumpanija (CSO — Company Security Officer) huwa mħeġġeġ li jara li hemm pjan ta’ kontinġenza għall-passaġġ ta’ riskju għoli, li dan jiġi eżerċitat, u li l-Kaptan u l-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Bastiment (SSO — Ship Security Officer) jiġu mgħarrfa u ssir diskussjoni magħhom dwaru.

    (iv)

    Ikun hemm konxjetà taż-żoni tal-baħar ta’ riskju partikolarment għoli li jkunu ġew ippromulgati.

    (v)

    Tiġi offruta gwida lill-Kaptan tal-bastiment dwar il-metodi preferuti u disponibbli ta’ tranżitu fir-reġjun (Tranżitu fi Grupp, Tranżitu fi Grupp bi Skorta, Konvoj Nazzjonali, eċċ.).

    (vi)

    Isiru sessjonijiet perjodiċi ta’ taħriġ tal-ekwipaġġ.

    (vii)

    L-użu ta’ gwardji ta’ sigurtà addizzjonali huwa fid-diskrezzjoni tal-kumpaniji iżda l-użu ta’ gwardji armati mhuwiex irrakkomandat.

    (viii)

    Jiġu kkunsidrati riżorsi addizzjonali biex jiżdiedu n-numri ta’ persuni tal-għassa.

    (ix)

    Jiġi kkunsidrat l-armar ta’ bastimenti b’Miżuri ta’ AwtoProtezzjoni (SPM — Self Protection Measures) qabel it-tranżitu fiż-żoni ta’ riskju għoli.

    (c)   L-Ippjanar mill-Kaptan tal-Bastiment:

    (i)

    Komunika tar-“Rapport Inizzjali” lil UKMTO Dubai u MARLO (posta elettronika jew faks) meta l-bastiment jidħol fiż-żona tar-rapportar bejn Suez, u 78 gradi Lvant 10 gradi Nofsinhar, ara l-mappa tal-Ippjanar Kontra l-Piraterija Q6099.

    (ii)

    4-5 ijiem qabel id-dħul fl-IRTC, jew iż-żona fil-limiti ta’ 12-il grad Tramuntana, 58 grad Lvant jew 10 gradi Nofsinhar, jiġi żgurat li saret sottomissjoni tar-“Reġistrazzjoni tal-Moviment tal-Bastiment” mal-MSCHOA (onlajn, posta elettronika jew faks). Nota: Dan jista’ jsir mill-bastiment jew mill-kumpanija. Jekk issir mill-kumpanija, il-Kaptani għandhom jissodisfaw ruħhom mal-kumpaniji tagħhom li d-dettalji tagħhom huma rreġistrati korrettament mal-MSCHOA.

    (iii)

    Qabel it-tranżitu mir-reġjun huwa rrakkomandat li l-ekwipaġġ għandu jiġi mgħarraf tajjeb.

    (iv)

    Il-pjan tal-kontinġenza kontra l-piraterija ntwera li huwa l-aktar effettiv meta jiġi implimentat bil-quddiem. Isir eżerċizzju bi prova qabel mal-bastiment jasal fiż-żona, il-pjan jiġi mistħarreġ u l-persunal kollu jiġi mgħarraf dwar dmirijietu, inkluża l-familjarità mas-sinjal tal-allarm li jindika attakk mill-pirati.

    (v)

    Il-kaptani jingħataw parir li jippreparaw ukoll pjan ta’ komunikazzjoni ta’ emerġenza, li jinkludi n-numri ta’ kuntatt essenzjali tal-emerġenza kollha u l-messaġġi kollha ppreparati minn qabel, li għandhom ikunu disponibbli faċilment jew jintwerew b’mod permanenti ħdejn il-panel tal-komunikazzjonijiet (eż., numri tat-telefon tal-MSCHOA,IMB PRC, CSO eċċ – ara l-Lista ta’ Kuntatt fl-Anness B).

    (vi)

    Tiġi ddefinita l-politika tal-bastiment dwar AIS (Automatic Identification System): SOLAS (International Convention on the Safety of Life at Sea) tippermetti lill-Kaptan id-diskrezzjoni li jitfi l-AIS jekk huwa jemmen li l-użu tiegħu jżid il-vulnerabbiltà tal-bastiment. Madankollu, sabiex il-forzi navali jingħataw l-informazzjoni tal-intraċċar fil-GoA, huwa rrakkomandat li t-trażmissjoni tal-AIS titkompla iżda tkun limitata għall-identità tal-bastiment, il-pożizzjoni tiegħu, ir-rotta, il-veloċità, l-istat tan-navigazzjoni u l-informazzjoni relatata mas-sikurezza lil hinn mill-kosta tas-Somalja, id-deċiżjoni titħalla wkoll fid-diskrezzjoni tal-Kaptan, iżda l-parir Navali kurrenti hija li tintefa għal kollox. Jekk hemm dubju, dan jista’ jiġi vverifikat mal-MSCHOA.

    3.   L-ippjanar tal-Vjaġġ qabel it-Tranżitu

    (a)   Il-bastimenti huma mħeġġa li jirrapportaw il-pożizzjoni tagħhom f’nofsinhar, ir-rotta, il-veloċità, il-ħinijiet tal-wasla approssimattivi u attwali lil UKMTO Dubai u lil MARLO meta joperaw fir-reġjun.

    (b)   Il-bastimenti huma mħeġġa wkoll li jżidu l-frekwenza ta’ dawn ir-rapporti meta jinnavigaw miż-żoni magħrufa ta’ riskju għoli/piraterija u li jirrapportaw ukoll meta jgħaddu mill-Punt A jew B fil-GoA, kif jidher fil-Mappa Kontra l-Piraterija Q6099.

    (c)   Fil-GoA

    (i)

    EUNAVFOR jirrakkomanda bil-qawwa li l-bastimenti jwettqu l-passaġġ tagħhom minn ġewwa l-IRTC. Il-bastimenti sejrin lejn il-Punent għandhom jippuntaw lejn il-porzjon tat-Tramuntana tal-kuritur, u l-bastimenti sejrin lejn il-Lvant lejn il-porzjon ta’ Nofsinhar. Il-gwida dwar it-Tranżitu fi Grupp (GT - Group Transit) fil-GoA dwar ħinijiet u veloċitajiet huma fuq is-sit elettroniku tal-MSCHOA, jekk qed jiġi kkontemplat GT.

    (ii)

    Il-bastimenti għandhom jevitaw li jidħlu fl-Ilmijiet Territorjali Yemeni (YTWs - Yemeni Territorial Waters) meta jagħmlu t-tranżitu. Dan huwa għal raġunijiet ta’ liġi konswetudinali internazzjonali, għaliex mhuwiex possibbli għall-forzi militari internazzjonali (mhux Yemeni) li jipproteġu l-bastimenti li jiġu attakkati fil-YTW.

    (iii)

    Il-bastimenti jistgħu jintalbu li jagħmlu aġġustamenti għal pjanijiet ta’ passaġġ biex jikkonformaw mal-parir tal-MSCHOA dwar ir-rotot.

    (iv)

    Matul il-GT, il-bastimenti m’għandhomx jistennew li dejjem ikunu akkumpanjati minn bastiment tal-gwerra. Iżda l-bastimenti tal-gwerra kollha fil-GoA, kemm jekk huma parti mill-EUNAVFOR jew qed jikkoordinaw magħhom, ikunu konxji dwar il-GT fil-GoA u jkollhom aċċess għad-dettalji kollha ta’ tbaħħir vulnerabbli.

    (v)

    L-MSCHOA jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kaptani jagħmlu kull sforz biex jippjanaw il-perjodi ta’ tranżitu tal-għola riskju fil-GoA għall-passaġġ bil-lejl (l-MSCHOA jagħti l-pariri lill-bastimenti). Ftit saru attakki bil-lejl li rnexxew.

    (d)   Barra mill-GoA

    (i)

    Il-bastimenti li jinnavigaw lil hinn mill-kosta tal-Lvant tas-Somalja għandhom jikkonsultaw mas-sit elettroniku tal-MSCHOA jew tal-UKMTO Dubai sabiex jiksbu l-parir l-aktar reċenti dwar rotot.

    (ii)

    Il-kaptani xorta għandhom jaġġornaw lil UKMTO Dubai bil-mod normali dwar ir-rotta u d-dettalji tal-bastiment.

    (e)   Hemm lista ta’ dettalji tal-kuntatt utli fl-Anness B.

    4.   Qabel it-Tranżitu – Miżuri ta’ Difiża

    (a)   Filwaqt li jitqiesu l-livelli tal-ekwipaġġ, jiġi żgurat li r-rutini tal-bastimenti huma aġġustati b’mod suffiċjentement bil-quddiem biex hemm ekwipaġġ tal-għassa mistrieħa sew u mgħarrfa tajjeb, u li hemm biżżejjed gwardji disponibbli. Il-Kaptan u l-Uffiċjali tal-Għassa għandhom ikunu familjarji mal-impatt tal-manuvri żigużajg abbord il-bastiment partikolari tagħhom, (fil-kondizzjonijiet kollha tal-baħar) u b’mod partikolari l-impatt li għandhom dawn il-manuvri meta titnaqqas il-veloċità tal-bastiment.

    (b)   Jiġi kkunsidrat li jiġu mminimizzati l-komunikazzjonijiet esterni (radji, handsets u informazzjoni tal-AIS) għal informazzjoni essenzjali relatata mas-sigurtà u s-sikurezza u tas-SOLAS biss, matul it-tranżitu mill-GoA u meta l-bastiment jgħaddi mill-Kosta tas-Somalja.

    (c)   Tiżdied il-preparazzjoni u jiżdiedu r-riżorsi addizzjonali billi jitħaddem makkinarju addizzjonali, inklużi ġeneraturi u muturi tal-manuvrar.

    (d)   Tiżdied l-għassa/l-ekwipaġġ fuq il-briġġ.

    (e)   Il-Kamra tal-Magni jkollha l-għassa.

    (f)   L-aċċess għall-briġġ, il-kamra tal-magni, il-kamra tat-tagħmir tal-manuvrar, u l-akkomodazzjonijiet/spazji interni kollha jiġi msakkar u kkontrollat. Il-punti potenzjali kollha tal-aċċess (bibien, toqob (portholes), ventilaturi, eċċ.) għandhom jiġu evalwati għar-riskju u msakkra kif xieraq, speċjalment fejn il-punt ta’ aċċess potenzjali jitqies kbir biżżejjed biex jidħol attakkant. L-aċċess minn u lejn l-ispazji tal-akkomodazzjoni u l-ispazji interni tax-xogħol għandu jitnaqqas għal punt uniku ta’ dħul meta jsir tranżitu miż-żoni ta’ riskju għoli. Kwalunkwe miżura użata m’għandhiex tfixkel ĦRUĠ ta’ emerġenza minn ġewwa l-ispazju intern, filwaqt li jibqa’ sikur minn aċċess mill-pirati minn barra.

    (g)   F’każ ta’ emerġenza, il-bastimenti tal-gwerra jistgħu jiġu kkuntattjati fuq VHF Ch. 16 (Riżerva Ch.08).

    (h)   Jiġi vverifikat li s-slielem u t-tagħmir kollu barra huwa stivat jew fuq il-gverta.

    (i)   Jiġi vverifikat li l-miżuri ta’ awtoprotezzjoni li ġew implimentati qabel jibqgħu imwaħħla tajjeb u jaħdmu kif suppost. Wieħed għandu jiftakar li t-tagħmir temporanju jista’ jinħall u għalhekk jista’ jipprovdi biss livell aktar baxx ta’ protezzjoni.

    (j)   Jekk il-bastiment għandu freeboard pjuttost baxx, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li tiżdied il-wisa’ tal-murati biex il-ganċijiet tat-tlugħ ma jkunux jistgħu jitqabbdu. Iċċekja s-sit elettroniku tal-MSCHOA għal eżempji ta’ dawn il-miżuri.

    (k)   Huwa rakkomandat li jiġi indikat punt fejn jinġabar kulħadd għall-attakki mill-pirati, jew “ċittadella” u li jiġu pprattikati proċeduri ta’ sokra (lock-down) sabiex jiddewwem l-aċċess għall-kontroll tal-bastiment u jintrebaħ iż-żmien. Idealment dan għandu jkun ‘il bogħod minn paratiji esterni u toqob (portholes). Minħabba d-dibattitu kurrenti dwar l-użu ta’ ċittadelli u l-metodu kif jintużaw, il-Kaptani huma mħeġġa jivverifikaw b’mod regolari mal-MSCHOA.

    (l)   Jiġi kkunsidrat l-użu ta’ manekkini mal-poġġjamani biex jiġu simulati persuni tal-għassa addizzjonali. Madankollu jekk id-diżinn tal-bastiment joħloq żoni fejn l-għassa ma tkunx tista’ tara (lookout black spots) u l-evalwazzjoni tas-sigurtà tidentifika dan ir-riskju, jista’ jkun li jkollhom bżonn jiġu koperti minn ekwipaġġ.

    (m)   Huwa suġġerit li l-pompi u/jew pajpijiet tal-ilma jimtlew bil-pressa u lesti biex jintużaw barra mill-gverta u madwar il-bastiment, b’mod partikolari fil-punti l-aktar vulnerabbli.

    (n)   Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li tinħoloq purtiera tal-ilma madwar il-bastiment sabiex ikun hemm deterrent akbar għat-tlugħ abbord.

    (o)   Għandu jiġi kkunsidrat l-użu ta’ razor wire/ostakoli fiżiċi madwar il-poppa/il-punti l-aktar baxxi tal-aċċess, kommensurati mas-sikurezza tal-ekwipaġġ u l-ħrib.

    (p)   Għandu jiġi kkunsidrat l-użu ta’ tagħmir tad-difiża passiva.

    (q)   Għandu jiġi kkunsidrat li jitqies li jiġu provduti ottiċi għall-viżjoni bil-lejl għall-użu fis-sigħat fid-dlam.

    (r)   Jitħaddem is-CCTV (jekk disponibbli).

    5.   Fit-Tranżitu – Operazzjonijiet

    (a)   L-ekwipaġġ tal-bastiment m’għandux ikun espost għal riskju żejjed meta juża l-Miżuri Awtoprotettivi (SPM - Self Protective Measures).

    (b)   Il-bastimenti kollha fil-GoA huma mħeġġa bil-qawwa li jużaw l-IRTC u li jsegwu l-pariri u l-għażliet ta’ żmien dwar GT tal-MSCHOA kif promulgati fis-sit elettroniku tal-MSCHOA.

    (c)   L-attenzjoni tal-Baħħara hija wkoll miġbuda lejn iċ-ċirkolari tal-OMI SN.1 Circ. 281 datata 4 ta’ Awwissu 2009, “Informazzjoni dwar il-Kuritur Rikonoxxut Internazzjonalment għat-Tranżitu (IRTC Internationally Recognised Transit Corridor) għall-Bastimenti li Jwettqu Tranżitu fil-Golf ta’ Aden” fejn jingħata parir li l-IRTC huwa soġġett li jinbidel mill-awtoritajiet militari skont iċ-ċirkostanzi prevalenti. Il-baħħara huma għalhekk imħeġġa li jiksbu informazzjoni aġġornata mis-sit elettroniku tal-“MSCHOA” http://www.mschoa.org jew Avviżi dwar NAV ippromulgati għal dik iż-żona.

    (d)   Min bi ħsiebu jsegwi Tranżitu fi Grupp (GT - Group Transit) mill-IRTC: it-tranżitu fi grupp isir bil-veloċità tat-tranżitu ta’ grupp, iżda wieħed għandu jibqa’ konxju mil-limitazzjonijiet tal-bastiment. (Per eżempju, il-parir preżenti huwa li jekk il-veloċità massima hija ta’ 16-il knot, wieħed għandu jikkunsidra li jidħol ma’ GT ta’ 14-il knot u jżomm dawk iż-2 knots bħala riżerva.)

    (e)   Jekk bastiment mhux bi ħsiebu jsegwi GT mill-IRTC: Tinżamm il-veloċità massima fuq il-baħar meta għaddej miż-żona ta’ riskju għoli. (Il-parir preżenti huwa li jekk il-veloċità massima tal-bastiment fuq il-baħar hija ta’ aktar minn 18-il knot, mela l-bastiment m’għandux inaqqas il-veloċità għal-GT, iżda għandu jżomm il-veloċità massima fuq il-baħar u jimmira li jwettaq kemm jista’ mit-tranżitu fiż-żona ta’ riskju għoli fl-aktar dlam possibbli.)

    (f)   Il-bastimenti għandhom iħarsu r-Regoli Internazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Kolliżjonijiet fil-Baħar f’kull ħin. Il-kaptani għandhom jippruvaw li ma jimpedixxux in-navigazzjoni sikura ta’ bastimenti oħrajn meta jidħlu fi jew joħorġu mill-IRTC. Id-dwal tan-navigazzjoni m’għandhomx jintfew bil-lejl. Għandha tiġi osservata l-gwida li tagħti l-Awtorità tal-Istat tal-Bandiera.

    (g)   Id-dwal fuq il-gverta għandhom jinxtegħlu biss kif meħtieġ għas-sikurezza. Id-dwal fiż-żoni ta’ dell madwar il-korp tal-bastiment jistgħu jestendu ż-żona ta’ viżibbiltà għall-ekwipaġġ tal-għassa, iżda biss fejn dan huwa konsistenti man-navigazzjoni sikura. Fejn ikunu mwaħħla, u fejn jitqies xieraq, għandu jiġi kkunsidrat l-użu immedjat ta’ dwal ta’ tiftix “imħaddma remotament”. Jekk tiġi osservata attività suspettuża madwar il-bastiment, l-użu ta’ dwal ta’ tiftix jistgħu jissorprendu u jrażżnu attakk potenzjali. (Il-parir navali kurrenti huwa li jsir tranżitu bid-dwal ta’ navigazzjoni biss).

    (h)   Jinżammu ritratti ta’ “bastimenti ewlenin” tal-pirati fuq il-briġġ. Isir rapport minnufih jekk jidhru. Għandu jsir rapport tal-visti kollha ta’ bastimenti ewlenin suspettati lil UKMTO Dubai u lill-IMB PRC. (Ara l-Anness C għal eżempju ta’ Rapport dwar Pirati biex din l-informazzjoni titgħadda jew dwar rapport dwar kwalunkwe attakk ieħor jew vista oħra.)

    (i)   Il-Kaptan għandu jipprova jagħmel evalwazzjoni kmieni kemm jista’ jkun ta’ theddida. Malli l-Kaptan iħoss li qed tiżviluppa theddida, għandu mill-ewwel iċempel lil UKMTO Dubai.

    (j)   Tinżamm għassa tajba bil-mezzi kollha possibbli għal dgħajjes suspettużi, speċjalment mill-ġnub u minn kull kwartier.

    (k)   L-ekwipaġġ għandu jitħares minn espożizzjoni għal riskju żejjed. Għandu jsir biss xogħol essenzjali fuq il-gverta matul it-tranżitu fiż-żona ta’ riskju għoli. Il-kaptani għandhom, sa fejn huwa possibbli, iżommu lill-membri tal-ekwipaġġ ‘il bogħod mill-ispazji esterni fuq il-gverta matul is-sigħat tad-dlam, filwaqt li jiftakru fl-obbligu tagħhom li jżommu għassa sħiħa u tajba fi kwalunkwe ħin.

    (l)   Għandhom jintużaw dwal, qniepen tal-allarm u attivitajiet tal-ekwipaġġ sabiex il-pirati suspettati jiġu allertati li nstabu.

    (m)   Hija disponibbli kummerċjalment varjetà ta’ miżuri difensivi mhux letali li jistgħu jiġu kkunsidrati; madankollu dawn jistgħu jiġu evalwati minn kumpaniji fuq il-merti tagħhom u skont il-karatteristiċi u l-vulerabbiltà partikolari tal-bastiment ikkunċernat.

    6.   Jekk Attakkat mill-Pirati

    (a)   Jiġi segwit il-pjan ta’ kontinġenza tal-bastiment ippreparat minn qabel.

    (b)   Jiġi attivat il-Pjan ta’ Komunikazzjoni fl-Emerġenzi, u l-attakk jiġi rrapportat minnufih lill-punt ta’ kuntatt primarju uniku fil-każ ta’ attakk, li hija UKMTO Dubai. (L-MSCHOA, bħala ċ-ċentru tal-għassa tas-sigurtà marittima li dejjem għandu l-persunal fuq xogħol għall-attakki mill-pirati fir-reġjun, tkompli tiffunzjona bħala punt ta’ kuntatt ta’ riżerva fil-każ ta’ attakk).

    (c)   Tiġi attivata s-Sistema tal-Allert tas-Sigurtà tal-Bastiment (SSAS - Ship Security Alert System), li tallerta lill-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Kumpanija u lill-istat tal-bandiera. Rapporti wara l-attakk għandhom jiġu kkomunikati mill-aktar fis possibbli liċ-centri tar-rapportar tal-piraterija rilevanti kif spjegat fit-taqsima 9.

    (d)   Jekk il-Kaptan ikun eżerċita d-dritt tiegħu li jitfi s-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika (AIS - Automatic Identification System) matul it-tranżitu taż-żona tal-piraterija, din għandha terġa’ tinxtegħel ladarba l-bastiment jiġi taħt attakk mill-pirati.

    (e)   Għandu jissemmal-allarm tal-emerġenza u ssir tħabbira tal-“attakk mill-pirati” (PA - pirate attack) skont il-pjan ta’ emerġenza tal-bastiment.

    (f)   Issir sejħa għall-għajnuna “Mayday” fuq VHF Ch. 16 (u fuq ir-riżerva Ch. 08, li huwa mmonitorjat minn unitajiet navali). Jintbagħat messaġġ ta’ bastiment fil-periklu permezz tas-sistema tad-DSC (Digital Selective Calling – Sejħa Selettiva Diġitali) u Inmarsat-C, kif applikabbli. Tiġi stabbilita komunikazzjoni bit-telefon ma’ UKMTO Dubai.

    (g)   L-iskiffs għandhom jiġu mrażżna milli joqorbu lejn il-bastiment billi tinbidel ir-rotta u tiżdied il-veloċità fejn possibbli (1). Il-pirati għandhom diffikultà kbira biex jitilgħu fuq bastiment li:

    (i)

    Jivvjaġġa b’veloċità akbar minn 15-il knot.

    (ii)

    Manuvrar – huwa suġġerit li kmieni kemm jista’ jkun possibbli l-Kaptani jwettqu manuvri kontinwi żgħar ta’ żigużajg biex aktar jitgerrex it-tlugħ abbord filwaqt li tinżamm il-veloċità. Ikkunsidra żjieda fl-espożizzjoni għar-riħ/mewġ u l-użu tal-mewġ tal-pruwa jew tal-poppa biex tirrestrinġi d-dgħajjes tal-pirati milli jiġu ġenb ma’ ġenb mal-bastiment. Il-Kaptani u l-Uffiċjali tal-Għassa (OOW - Officer of the Watch), għandhom ikunu konxji dwar il-karatteristiċi tat-tmexxija u l-manuvrar tal-bastiment. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-effetti li jiġu varjati l-ordinijiet tal-kaptan, u l-impatt li dawn jistgħu jkollhom fuq il-veloċità.

    (h)   Jiġu attivati miżuri difensivi tal-pompi tan-nar.

    (i)   Jiġi kkunsidrat li jinxtegħlu d-dwal tal-gverta li jħarsu ‘l quddiem biex tinġibed l-attenzjoni lejn il-bastiment u tiġi mgħejuna l-identifikazzjoni pożittiva minn forzi militari li jkunu se jaslu bħala bastiment taħt attakk.

    (j)   Jinġabar l-ekwipaġġ kollu li jifdal skont il-pjan ta’ kontinġenza tal-bastiment.

    7.   Jekk jitilgħu abbord il-pirati

    (a)   Qabel mal-pirati jiksbu aċċess għall-briġġ, tiġi mgħarrfa UKMTO Dubai u, jekk jippermetti ż-żmien, il-Kumpanija.

    (b)   Ma tiġi offruta ebda reżistenza; din tista’ twassal għal vjolenza żejda u periklu għall-ekwipaġġ.

    (c)   Jekk il-briġġ/kamra tal-magni għandha tiġi evakwata, il-magna ewlenija għandha titwaqqaf; titneħħa d-direzzjoni tal-bastiment u l-bastiment jiġi nnavigat ‘il bogħod minn bastimenti oħrajn.

    (d)   Kulħadd jibqa’ kalm u jikkoopera għal kollox mal-pirati.

    (e)   Għandu jiġi żgurat li l-ekwipaġġ kollu, minbarra t-tim tal-briġġ, jibqgħu flimkien f’post wieħed.

    (f)   Jekk il-bastiment juża “ċittadella” msakkra, li jiġi żgurat li hija disponibbli protezzjoni/kopertura interna fil-każ li l-pirati jippruvaw jisfurzaw id-dħul. Kulħadd għandu jżomm ‘il bogħod minn punti ta’ dħul/bibien u toqob (portholes)/twieqi – m’għandux ikun hemm reżistenza għad-dħul. Għandhom jintużaw metodi ta’ emerġenza ċittadella biex issir komunikazzjoni mal-awtoritajiet.

    8.   Fl-Eventwalità ta’ Azzjoni Militari

    (a)   L-ekwipaġġ jiġi avżat biex MA JUŻAX kameras bil-flash fi kwalunkwe ħin meta tkun għaddejja azzjoni militari.

    (b)   Fil-każ li l-persunal militari jieħu azzjoni abbord il-bastiment, il-membri tal-ekwipaġġ għandhom jibqgħu fil-baxx mal-gverta, jgħattu rashom b’idejhom it-tnejn, b’idejhom viżibbli u vojta.

    (c)   Wieħed irid ikun ippreparat li jirrispondi għal mistoqsijiet dwar l-identità u l-istat abbord.

    (d)   Wieħed irid ikun konxju li l-Ingliż mhuwiex l-ilsien li jaħdmu bih l-unitajiet kollha navali fir-reġjun.

    (e)   Il-Forzi Militari jistgħu għall-ewwel jiġbru lill-persuni kollha li jsibu. Din hija prattika standard. Il-persunal tal-bastiment għandu jiġi mgħarraf dwar u ppreparat li jistenna dan, u li jikkoopera għal kollox matul l-istadji inizjali tal-azzjoni militari abbord.

    9.   Rappurtar Wara l-Inċident (Referenza Anness C)

    (a)   Wara kwalunkwe attakk mill-pirati jew attività suspettuża, huwa vitali li jsir rapport dettaljat dwar il-ġrajja lil MSCHOA, lil UKMTO DUBAI u lill-IMB.

    (b)   Dan jiżgura li ssir analiżi sħiħa u li jiġu stabbiliti t-tendenzi fl-attivitajiet tal-pirati, kif ukoll jippermetti evalwazzjoni tat-tekniki tal-pirati jew tibdil fit-tattiċi, minbarra li jiġi żgurat li jistgħu jinħarġu twissijiet xierqa lil bastimenti Merkantili li qed ibaħħru fil-viċinanza.

    (c)   Il-kaptani għalhekk huma mitluba jikkompletaw il-formola tar-rapport standardizzat dwar il-piraterija li jinsab fl-Anness C.

    L-aġġornar tal-aħjar prattiki ta’ ġestjoni.

    1.

    Huwa antiċipat li dawn il-BMP jiġu aġġornati perjodikament fuq bażi ta’ esperjenza fl-operat u l-lezzjonijiet mitgħallma. Il-partijiet għal dan id-dokument se jippruvaw jiltaqgħu b’mod regolari biex jaġġornaw dawn il-BMP u jiċċirkolaw ir-reviżjonijiet lill-membri rispettivi tagħhom u lil organizzazzjonijiet oħrajn interessati.

    2.

    Fejn hemm dubju, għandu jiġi kkonsultat is-sit elettroniku tal-MSCHOA fejn dejjem ikun hemm informazzjoni rilevanti addizzjonali (filwaqt li jiġi nnutat li dan jista’ ma jkunx aċċettat mill-organizzazzjonijiet kollha elenkati aktar ‘il fuq).


    (1)  Jekk tista’ tiggwadanja ż-żmien sakemm jaslu l-forzi militari, dan spiss iwassal biex il-pirati jwaqqfu l-attakk tagħhom. Għalhekk huwa essenzjali li wieħed jirreġistra mal-MSCHOA, jintużaw ħinijiet ta’ Tranżitu tal-Grupp u li l-pożizzjoni tal-bastiment tiġi aġġornata mal-UKMTO Dubai: dan kollu jagħti probabbiltà akbar li l-appoġġ Navali jkun viċin jekk jattakkaw il-pirati.

    ANNESS A

    GLOSSARJU

    Ir-rwoli u l-interrelazzjoni tal-korpijiet koordinattivi involuti.

    EUNAVFOR

    EUNAVFOR hija l-awtorità koordinattiva li topera fiċ-Ċentru tas-Sigurtà Marittima (Qarn tal-Afrika). L-informazjoni kollha u d-dettalji ta’ kuntatt jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-MSCHOA.

    MSC (HOA) Maritime Security Centre (Horn of Africa) (Ċentru tas-Sigurtà Marittima (Qarn tal-Afrika))

    L-MSCHOA ġie stabbilit mill-Unjoni Ewropea (UE) bħala parti mill-inizjattiva tal-Politika Ewropea dwar is-Sigurtà u d-Difiża sabiex tingħeleb il-piraterija fil-Qrun tal-Afrika. Dan ix-xogħol beda bit-twaqqif ta’ EU NAVCO f’Settembru 2008. Din iċ-Ċellola ta’ Koordinazzjoni li taħdem fi Brussell stabbiliet kollegamenti ma’ firxa wiesgħa tal-komunità marittima u pprovdiet koordinazzjoni mal-forzi tal-UE li joperaw fir-reġjun. F’Novembru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħa pass akbar ‘il quddiem ewlieni billi waqqaf missjoni navali – EU NAVFOR ATALANTA – biex ittejjeb is-sigurtà marittima lil hinn mill-kosta tas-Somalja billi tipprevjeni u trażżan l-attakki mill-pirati u billi tgħin biex jiġu salvagwardjati l-bastimenti merkantili fir-reġjun.

    UKMTO Dubai – (UK) Maritime Trade Operations (Operazzjonijiet fil-Kummerċ Marittimu (Renju Unit))

    L-uffiċċju tal-Operazzonijiet fil-Kummerċ Marittimu tar-Renju Unit (UKMTO Dubai) f’Dubai jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt għall-kollegament tal-industrija mal-Forzi Militari Kkombinati (CMF - Combined Military Forces). UKMTO Dubai jamministra wkoll l-Iskema tar-Rapportar Volontarju, li taħtha l-bastimenti merkantili huma mħeġġa jibagħtu rapport kuljum, jipprovdu l-pożizzjoni tagħhom u l-ETA fil-port li jmiss, filwaqt li jagħmlu tranżitu fir-reġjun limitat mis-Suez, 78° Lvant u 10° Nofsinhar. Il-UKMTO Dubai wara jintraċċja l-bastimenti, u l-informazzjoni dwar il-pożizzjoni tiġi mgħoddija lis-CMF u lill-kwartieri ewlenin tal-UE. L-informazzjoni ġdida u rilevanti li taffettwa t-traffiku kummerċjali tista’ mbagħad tiġi mgħoddija direttament lill-bastimenti, minflok lill-uffiċċji tal-kumpaniji, li jtejjeb ir-responsività għal kwalunkwe inċident u jiffranka ż-żmien.

    Għal aktar informazzjoni, jew biex wieħed jissieħeb fl-Iskema tar-Rapportar Volontarju, wieħed għandu jikkuntattja lil UKMTO Dubai: UKMTO@eim.ae

    ANNESS B

    Dettalji ta’ kuntatt utli

    UKMTO Dubai

    Posta Elettronika

    UKMTO@eim.ae

    Telefon

    + 971 505523215

    Ċell

    Faks

    + 971 43065710

    Telex

    (51) 210473

    MSCHOA

    Permezz tas-sit elettroniku għar-rapportar

    www.mschoa.org

    Telefon

    + 44 (0) 1923958545

    Faks

    + 44 (0) 1923958520

    Posta Elettronika

    postmaster@mschoa.org

    IMB PRC

    Posta Elettronika

    piracy@icc-ccs.org

    Telefon

    + 60 320310014

    Ċell

    Faks

    + 60 320785769

    Telex

    MA34199 IMBPC1

    MARLO

    Posta Elettronika

    Marlo.bahrain@me.navy.mil

    Telefon

    + 973 17853927

    Ċell

    + 973 39442117

    ANNESS C

    RAPPORT TA’ SEGWITU — RAPPORT DWAR ATTAKK MILL-PIRATI

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Gwida addizzjonali għall-bastimenti tas-sajd, supplimentari għall-aħjar prattiki ta’ ġestjoni għad-deterrenza tal-piraterija fil-golf ta’ Aden u lil hinn mill-kosta tas-Somalja

    I.   Rakkomandazzjonijiet lil bastimenti fiż-żoni tas-sajd

    1.

    Il-bastimenti tas-sajd mhux Somali għandhom jevitaw li joperaw jew iwettqu tranżitu ‘l ġewwa minn 200 nm mill-kosta tas-Somalja, irrispettivament minn jekk għandhomx liċenzji biex jagħmlu dan.

    2.

    L-operazzjonijiet tas-sajd m’għandhomx jinbdew meta r-radar jindika l-preżenza ta’ dgħajjes mhux identifikati.

    3.

    Jekk jidhru skiffs tal-polyester ta’ tip tipikament użati mill-pirati, il-bastiment għandu jiċċaqlaq ‘il bogħod minnhom bil-veloċità massima, bid-direzzjoni lejn ir-riħ u l-baħar biex in-navigazzjoni tagħhom tkun aktar diffiċli.

    4.

    Bastiment għandu jevita li jieqaf bil-lejl, ikun allert u jżomm l-għassa fuq il- briġġ, il-gverta u l-kamra tal-magni.

    5.

    Matul operazzjoni tas-sajd, meta l-bastiment huwa aktar vulnerabbli, wieħed għandu jkun allert u jżomm għassa fuq ir-radar sabiex jingħata avviż massimu lill-Awtoritajiet jekk qed jitwettaq attakk.

    6.

    Matul navigazzjoni bil-lejl, għandhom jintużaw biss dwal mandatorji tan-navigazzjoni u tas-sikurezza sabiex tiġi mrażżna d-dija tad-dawl li tattira lill-pirati li kultant ikunu f’dgħajjes mingħajr radars u jkunu qed iduru fiż-żona jistennew.

    7.

    Meta l-bastiment qed jimxi mingħajr magni filwaqt li jistad bil-lejl, għandu jkun hemm għassa fuq il-briġġ fuq il-gverta u fil-kamra tal-magni. Għandhom jintużaw biss dwal mandatorji tan-navigazzjoni. Il-magna għandha tkun lesta biex tinxtegħel mill-ewwel.

    8.

    Wieħed għandu jżomm ‘il bogħod minn bastimenti mhux identifikati.

    9.

    Il-VHF għandu jintuża l-aktar ftit possibbli sabiex jiġi evitat li jinstema’ mill-pirati u b’hekk is-sejba tkun aktar diffiċli.

    10.

    L-AIS għandu jiġi identifikat meta jkunu qed joperaw ajruplani tar-ronda marittima fiż-żona sabiex ikunu aktar faċli l-identifikazzjoni u l-intraċċjar.

    II.   Identifikazzjoni

    1.

    Huwa rakkomandat bil-qawwa li l-maniġers jirreġistraw il-bastimenti tas-sajd tagħhom mal-MSCHOA għall-perjodu kollu ta’ attività lil hinn mill-kosta tas-Somalja. Dan għandu jinkludi l-komunikazzjoni ta’ lista sħiħa tal-ekwipaġġ abbord u l-intenzjonijiet tal-bastimenti tagħhom, jekk possibbli.

    2.

    Għandu jsir taħriġ qabel il-passaġġ jew operazzjonijiet tas-sajd fiż-żona.

    3.

    Kull meta l-bastimenti tas-sajd huma mgħammra b’tagħmir tal-VMS (Vessel Monitoring Service – Servizz tal-Monitoraġġ tal-Bastiment) il-maniġer tagħhom għandu jipprovdi lill-MSCHOA b’aċċess għad-dejta tal-VMS.

    4.

    Il-bastimenti tas-sajd għandhom jevitaw tranżitu minn żoni fejn ġew infurmati li ġew identifikati “bastimenti ewlenin” suspettati tal-pirati, u għandhom jużaw il-mezzi kollha possibbli biex jiskopru, mill-aktar fis possibbli, kwalunkwe moviment ta’ bastimenti kbar jew żgħar li jistgħu jkunu suspettużi.

    5.

    Il-bastimenti tas-sajd għandhom dejjem jidentifikaw ruħhom malli jirċievu talba minn ajruplani jew bastimenti mill-Operazzjoni ATALANTA jew minn kwalunkwe operazzjoni oħra internazzjonali jew nazzjonali kontra l-pirati.

    6.

    Il-bastimenti militari, merkantili u tas-sajd għandhom jirrispondu mingħajr dewmien għal kwalunkwe talba dwar identifikazzjoni magħmula minn bastiment tas-sajd li qed joqorbu lejha (sabiex tiġi ffaċilitata azzjoni bikrija biex il-ħarba tkun possibbli, speċjalment jekk il-bastiment qed jistad).

    III.   Fil-każ ta’ attakk

    1.

    Fil-każ ta’ attakk jew vista ta’ dgħajsa suspettuża, għandhom jiġu mwissija l-awtoritajiet (UKMTO u MSCHOA) u l-bqija tal-flotta.

    2.

    Għandhom jiġu kkomunikati d-dettalji tal-kuntatt tat-tieni kaptan tal-bastiment (li huwa fuq l-art) u li l-għarfien tiegħu tal-bastiment jista’ jikkontribwixxi għas-suċċess tal-intervent militari.

    Rakkomandazzjonijiet għall-bastimenti tas-sajd bil-lampara biss

    3.

    Il-persunal kollu għandu jiġi evakwat mill-gverta u mill-arblu tal-għassa.

    4.

    Jekk il-pirati ħadu kontroll tal-bastiment u t-tartarun forma ta’ xkora hija mxerrda, il-pirati għandhom jiġu mħeġġa jippermettu li jiġu rkuprati x-xbieki. Jekk l-irkupru tal-lampara huwa permess, għandhom jiġu segwiti l-istruzzjonijiet biex tiġi stivata u jiġi spjegat kif jaħdem it-tagħmir sabiex jiġi evitat diżgwid.


    Top