This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0799
Council Decision 2010/799/CFSP of 13 December 2010 in support of a process of confidence-building leading to the establishment of a zone free of weapons of mass destruction and their means of delivery in the Middle East in support of the implementation of the EU Strategy against Proliferation of Weapons of Mass Destruction
Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/799/UE tat- 13 ta’ Diċembru 2010 li tappoġġa l-proċess ta’ bini tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-armi ta’ distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva
Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/799/UE tat- 13 ta’ Diċembru 2010 li tappoġġa l-proċess ta’ bini tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-armi ta’ distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva
ĠU L 341, 23.12.2010, p. 27–31
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
23.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 341/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/799/UE
tat-13 ta’ Diċembru 2010
li tappoġġa l-proċess ta’ bini tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-armi ta’ distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-UE qed timplimenta b’mod attiv l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ distruzzjoni massiva u tagħti effett għall-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tiegħu, bħal pereżempju li tagħmel il-multilateraliżmu aktar effettiv u li tippromwovi ambejnt internazzjonali u reġjonali stabbli. |
(2) |
L-UE hija impenjata lejn is-sistema multilaterali tat-trattati, li tipprovdi l-bażi legali u normattiva għall-isforzi kollha ta’ non-proliferazzjoni. Il-politika tal-UE hija li twettaq l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tan-normi eżistenti tan-non-proliferazzjoni u d-diżarm. L-UE ser tassisti lill-pajjiżi terzi fit-twettiq tal-obbligi tagħhom taħt konvenzjonijiet u reġimi multilaterali. |
(3) |
Il-promozzjoni ta’ ambjent internazzjonali u reġjonali stabbli hija kondizzjoni għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ distruzzjoni massiva (ADM). Għal dan il-għan, l-UE ser tieħu ħsieb arranġamenti għas-sigurtà reġjonali, kontroll reġjonali ta’ armi u proċessi għad-diżarm. |
(4) |
L-assigurazzjonijiet tas-sigurtà li jkunu kemm pożittivi kif ukoll negattivi jista’ jkollhom rwol importanti: dawn jistgħu jservu sew ta’ inċentiv biex ma jsirx l-akkwist tal-ADM kif ukoll ta’ deterrent. L-UE ser tippromwovi aktar konsiderazzjoni għall-assigurazzjoni tas-sigurtà. |
(5) |
Il-proliferazzjoni tal-ADM hija theddida globali, li titlob approċċ globali. Madankollu, peress li s-sigurtà fl-Ewropa hija marbuta mill-qrib mas-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mediterran u l-Lvant Nofsani, l-UE temmen li hu dmirha li tikkontribwixxi għas-sigurtà u l-istabbiltà f’dan ir-reġjun. |
(6) |
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit ta’ Pariġi għall-Mediterran tat-13 ta’ Lulju 2008, li stabbilixxiet l-Unjoni għall-Mediterran affermat mill-ġdid l-aspirazzjoni komuni biex jinkisbu l-paċi kif ukoll is-sigurtà reġjonali kif ġie stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona adottata fil-Konferenza Ewro-Mediterranja tas-27-28 ta’ Novembru 1995, li, fost l-oħrajn, tippromwovi s-sigurtà reġjonali billi taġixxi favur in-non-proliferazzjoni nukleari, kimika u bijoloġika permezz ta’ aderenza u osservanza ma’ kombinazzjoni ta’ reġimi internazzjonali u reġjonali favur in-non-proliferazzjoni u ftehimiet għall-kontroll tal-armi u d-diżarm bħat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi, il-Konvenzjoni Komprensiva ta’ Projbizzjoni ta’ Testijiet Nukleari u/jew arranġamenti reġjonali bħal żoni ħielsa mill-armamenti, inklużi r-reġimi tagħhom ta’ verifika, kif ukoll billi jiġu rispettati b’rieda tajba l-impenji tagħhom taħt konvenzjonijiet għall-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-non-proliferazzjoni. |
(7) |
Il-Partijiet fl-Unjoni għall-Mediterran ser jaħdmu għal Żona tal-Lvant Nofsani reċiprokament u effettivament verifikabbli ħielsa mill-ADM - nukleari, kimiċi u bijoloġiċi - u s-sistemi tat-twassil tagħhom. Barra minn hekk, il-partijiet ser jikkunsidraw passi prattiċi, fost l-oħrajn għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta’ armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi kif ukoll l-akkumulazzjoni eċċessiva ta’ armi konvenzjonali. |
(8) |
Il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji bejn l-UE u s-sħab Mediterranji jipprevedu l-istabbiliment ta’ djalogu politiku regolari, li għandhom isaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali u jkopru s-suġġetti kollha ta’ interess komuni, b’mod partikolari l-paċi, is-sigurtà, id-demokrazija u l-iżvilupp reġjonali. |
(9) |
Fid-19-20 ta’ Ġunju 2008, l-UE organizzat seminar f’Pariġi dwar “Is-sigurtà fil-Lvant Nofsani, in-Non-proliferazzjoni tal-ADM u d-Diżarm”, li laqqgħet flimkien rappreżentanti tal-Istati tar-Reġjun u tal-Istati Membri kif ukoll akkademiċi u aġenziji nazzjonali għall-enerġija nukleari. Il-parteċipanti ħeġġew lill-UE biex tippromwovi t-tkomplija tad-dibattitu f’diversi fora, u biex gradwalment tgħaddi għal format aktar formali li jinkludi diskussjonijiet fost uffiċjali tal-Gvern, abbażi tal-Qafas ta’ Barċellona, iżda li tagħmel dan f’format ġeografikament aktar inklużiv. |
(10) |
Il-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010 enfasizzat l-importanza ta’ proċess li jwassal għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tagħha tal-1995 dwar il-Lvant Nofsani (“ir-Riżoluzzjoni tal-1995”). Għal dak il-għan, il-Konferenza approvat passi prattiċi, inter alia, il-konsiderazzjoni tal-offerti kollha immirati lejn l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-1995, inkluż l-offerta tal-UE biex tospita seminar ta’ segwitu relatat ma’ dak organizzat f’Ġunju 2008. |
(11) |
Il-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010 għarfet ukoll ir-rwol importanti li għandha s-soċjetà ċivili fil-kontribut għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-1995 u ħeġġet l-isforzi kollha f’dan ir-rigward. |
(12) |
L-20 sessjoni tal-Kunsill Konġunt u tal-laqgħa Ministerjali UE-GCC li saret fl-14 ta’ Ġunju 2010 laqgħet l-eżitu b’suċċess tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010. Il-parteċipanti tennew l-appoġġ għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-ADM kollha u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani, inkluż ir-reġjun tal-Golf, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Għall-fini li jingħata segwitu għas-seminar tal-UE tal-2008 dwar “Sigurtà fil-Lvant Nofsani, Non-Proliferazzjoni tal-ADM u Diżarm”, l-UE għandha tappoġġa attivitajiet sabiex tippromwovi l-objettivi segwenti:
— |
Jiġi inkoroġġit d-djalogu politiku reġjonali u dak relatat mas-sigurtà fis-soċjetajeit ċivili u l-gvernijiet, u b’mod partikolari fost l-esperti, l-uffiċjali u l-akkademiċi; |
— |
Jiġu identifikati miżuri ta’ bini tal-findiċja li jistgħu jservu ta’ passi prattiċi lejn il-prospett ta’ żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi ta’ distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom; |
— |
Tiġi inkoraġġita diskussjoni dwar l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tat-trattati internazzjonali rilevanti u strumenti oħra biex ma jkunx hemm proliferazzjoni tal-ADM u tas-sistemi tat-twassil tagħhom; |
— |
Jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari u l-kooperazzjoni reġjonali f’dan ir-rigward. |
2. F’dan il-kuntest, il-proġetti li għandhom jiġu appoġġati mill-UE għandhom ikopru l-attivitajiet speċifiċi segwenti:
(a) |
il-provvediment ta’ mezzi għall-organizzazzjoni ta’ avveniment ta’ segwitu relatat mas-Seminar tal-2008 dwar “Is-Sigurtà fil-Lvant Nofsani, in-Non-Proliferazzjoni tal-ADM u d-Diżarm”; |
(b) |
il-provvediment ta’ mezzi għat-tħejjija ta’ dokumenti ta’ informazzjoni dwar suġġetti ttrattati mis-seminar ta’ segwitu. |
Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti tinsab fl-Anness.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni, li għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti neċessarji mal-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 347 700.
2. L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni. Il-ftehim għandu jistipula li l-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni għandu jiżgura viżibbiltà tal-kontribut tal-UE, xierqa għad-daqs tiegħu.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
Artikolu 4
1. Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjijin mill-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 18-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ finanzjament imsemmija fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż sa dakinhar.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
ANNESS
Proġetti li jappoġġaw il-proċess ta’ bini tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-armi ta’ distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-lvant nofsani b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-ue kontra l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ distruzzjoni massiva
1. Objettivi
Fid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona tal-1995, adottata fil-Konferenza Ewro-Mediterranja tas-27-28 ta’ Novembru 1995, l-UE u l-Imsieħba Mediterranji tagħha qablu li jaħdmu għal żona tal-Lvant Nofsani effettivament verifikabbli ħielsa mill-armi ta’ distruzzjoni massiva (ADM) u s-sistemi tat-twassil tagħhom. Fl-2008, id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit ta’ Pariġi għall-Mediterran ikkonfermat li l-UE hi lesta tikkunsidra u tħejji passi prattiċi biex twitti t-triq għal implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tal-1995, tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP, dwar il-Lvant Nofsani (“ir-Riżoluzzjoni tal-1995”) u l-ħolqien ta’ tali żona. Dawn il-passi prattiċi ġew eżaminati waqt is-Seminar tal-UE dwar “Is-Sigurtà, in-Non-proliferazzjoni tal-ADM u d-Diżarm fil-Lvant Nofsani” li sar f’Pariġi f’Ġunju 2008.
Fil-fehma tal-UE, għandhom jittieħdu passi prattiċi li, inter alia, jippromwovu l-adeżjoni u l-konformità universali mal-ftehimiet multilaterali u l-istrumenti kollha fil-qasam tan-non-proliferazzjoni, kontroll tal-armi u d-diżarm, bħat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi, il-Konvenzjoni Komprensiva ta’ Projbizzjoni ta’ Testijiet Nukleari u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni ta’ Missili Ballistiċi kif ukoll il-Ftehimiet Komprensivi ta’ Salvagwardja tal-IAEA u tal-Protokoll Addizzjonali. Il-bidu tan-negozjati dwar Trattat dwar il-Waqfien ta’ Materjal Fissili ikun pass ieħor kruċjali f’dan il-kuntest. Passi bħal dawn jistgħu jikkostitwixxu miżura reġjonali importanti għall-bini tal-fiduċja bil-ħsieb tal-istabbiliment ta’ żona verifikabbli ħielsa mill-ADM u s-sistemi tat-twassil tagħhom.
L-UE tixtieq li tkompli u tintensifika d-djalogu politiku u fil-qasam tas-sigurtà fost is-sħab rilevanti tal-Unjoni għall-Mediterran u l-pajjiżi l-oħra kollha fil-Lvant Nofsani dwar kwistjonijiet relatati mal-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-ADM. L-UE temmen li l-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti għall-bini tal-fiduċja jistgħu jiffaċilitaw il-progress lejn żona ħielsa mill-ADM. Dawn il-miżuri għall-bini tal-fiduċja jistgħu, inter alia, jikkonsistu fil-proġetti fuq skala żgħira fil-qasam xjentifiku u tas-soċjetà ċivili fejn hu possibbli progress kif ukoll f’seminars ta’ taħriġ għad-diplomatiċi u l-militar u ‘żjarat’ għall-bini tal-fiduċja f’pajjiżi tar-reġjun.
F’dan l-isfond ta’ interess dejjem akbar fl-iżvilupp tal-enerġija nukleari għal użu paċifiku fir-reġjun, għandhom ukoll isiru sforzi sabiex jiġi żgurat li l-iżvilupp ta’ użi paċifiċi jseħħ f’konformità mal-aqwa standards tas-sikurezza, is-sigurtà u n-non-proliferazzjoni. Il-kwistjoni dwar kif wieħed itejjeb il-kooperazzjoni paċifika nukleari għandha tiġi esplorata f’termini ġenerali kif ukoll b’mod aktar speċifiku pereżempju permezz tal-iżvilupp ta’ faċilitajiet nukleari reġjonali multinazzjonali.
L-UE temmen li dawn l-objettivi jistgħu jiġu promossi, fost affarijiet oħra, permezz ta’ seminar ta’ segwitu dwar “Sigurtà fil-Lvant Nofsani, Non-Proliferazzjoni tal-ADM u Diżarm” mal-partijiet ikkonċernati kollha. Dak is-seminar ta’ segwitu jippermetti diskussjoni ffukata u strutturata dwar ir-rekwiżiti li fil-futur jistgħu jwasslu għall-istabbiliment ta’ żona tal-Lvant Nofsani ħielsa minn armi nukleari u l-ADM kollha l-oħra u s-sistemi tat-twassil tagħhom effettivament verifikabbli. Ikun jeħtieġ li t-tħejjijiet tas-seminar isiru f’koordinazzjoni mill-qrib mal-partijiet rilevanti kollha.
L-UE tkompli tappoġġa d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjoni dwar il-Lvant Nofsani adottati fil-Konferenza ta’ Reviżjoni u Estensjoni tat-TNP tal-1995 kif ukoll id-Dokumenti Finali tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2000 u tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010. Il-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010 approvat diversi passi prattiċi, li jinkludu l-konsiderazzjoni tal-offerti kollha immirati lejn l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-1995, inkluża l-offerta tal-UE biex tospita seminar ta’ segwitu relatat ma’ dak organizzat f’Ġunju 2008. Il-Konferenza għarfet ukoll l-importanza li għandha s-soċjetà ċivili fil-kontribut għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-1995.
L-UE tixtieq tappoġġa l-objettivi msemmijin hawn fuq, kif ġej:
— |
permezz tal-organizzazzjoni ta’ avveniment ta’ segwitu relatat mas-Seminar tal-UE tal-2008 dwar “Is-Sigurtà fil-Lvant Nofsani, in-Non-Proliferazzjoni tal-ADM u d-Diżarm”; |
— |
permezz tal-provvediment ta’ mezzi għat-tħejjija ta’ dokumenti ta’ informazzjoni dwar suġġetti ttrattati mis-seminar ta’ segwitu. |
2. Deskrizzjoni tal-proġetti
2.1. Proġett: Seminar b’appoġġ għal proċess ta’ bini tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani.
2.1.1. Għan tal-proġett
Il-proġett ser:
(a) |
jipprovdi għal avveniment ta’ segwitu relatat mas-Seminar tal-EU dwar “Is-Sigurtà fil-Lvant Nofsani, in-Non-Proliferazzjoni tal-ADM u d-Diżarm” li sar f’Pariġi fid-19-20 ta’ Ġunju 2008; |
(b) |
jiddiskuti kwistjonijiet relatati mas-sigurtà reġjonali fil-Lvant Nofsani, inkluża l-proliferazzjoni tal-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom u kwistjonijiet konvenzjonali; |
(c) |
jesplora miżuri possibbli għall-bini tal-fiduċja biex jiffaċilitaw il-proċess lejn l-istabbiliment ta’ żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi ta’ distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom, inkluż fuq il-bażi tal-esperjenzi dwar iż-żoni eżistenti; |
(d) |
jiddiskuti possibbiltajiet biex jiġu universalizzati u implimentati trattati internazzjonali dwar in-non-proliferazzjoni u strumenti oħra; |
(e) |
jesplora perspettivi għal kooperazzjoni nukleari paċifika u attivitajiet relatati ta’ assistenza, inkluż fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Euratom. |
2.1.2. Riżultati tal-proġett
Il-proġett ser:
(a) |
japprofondixxi id-djalogu u jiġġenera l-fiduċja fis-soċjetà ċivili u l-gvernijiet sabiex isir aktar progress b’appoġġ għas-sigurtà reġjonali u l-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani; |
(b) |
iżid il-fehim reċiproku dwar kwistjonijiet li jolqtu x-xenarju tas-sigurtà reġjonali, inkluża l-proliferazzjoni tal-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom u kwistjonijiet konvenzjonali; |
(c) |
iżid is-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-intendiment tal-passi prattiċi meħtieġa għall-istabbiliment ta’ żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom; |
(d) |
jikkontribwixxu għall-isforzi biex jiġu universalizzati u implimentati trattati internazzjonali dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm u strumenti oħra; |
(e) |
jiffaċilita l-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali dwar l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari f’konformità mal-aqwa standards tas-sikurezza, is-sigurtà u n-non-proliferazzjoni nukleari. |
2.1.3. Deskrizzjoni tal-proġett
Il-proġett jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ seminar, li ser idum sa jumejn u li preferibbilment isir fi Brussells jew fir-reġjun tal-Mediterrran.
Il-parteċipanti ser jinkludu rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet relevanti tal-UE, tal-Istati Membri tal-UE, tal-pajjiżi kollha fil-Lvant Nofsani, tal-istati li għandhom armi nukleari, tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u esperti akkademiċi. Hu mistenni li jipparteċipaw fis-seminar madwar 100 rappreżentant.
Id-diskussjonijiet fis-seminar ser jitmexxew minn esperti akkademiċi. Minħabba s-sensittività tas-suġġetti li għandhom jiġu ttrattati, id-diskussjonijiet ser isiru skont ir-Regola ta’ Chatham House sabiex ikun jsita’ jsir dibattitu aktar informali u miftuħ mingħajr ma jiġi identifikat is-sors tal-informazzjoni mogħtija f’laqgħa.
L-ispejjeż tal-parteċipanti u l-kelliema mistednin ser ikunu koperti: vjaġġar, akkomodazzjoni u per diems. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tipprevedi wkoll mezzi finanzjarji li jkopru l-ispejjeż l-oħra kollha, li jinkludu t-tagħmir għall-konferenza, l-ikliet ta’ nofsinhar u ta’ filgħaxija, il-waqfiet għall-kafè, it-traduzzjoni ta’ dokumenti u l-interpretazzjoni.
Il-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni, f’konsultazzjoni mar-rappreżentant tar-RGħ u l-Istati Membri tal-UE, ser jistieden il-parteċipanti għas-seminar.
Is-seminar ser isir fl-2011. Ser jitħejja rapport dwar is-seminar mill-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni u jintbagħat lir-rappreżentant tar-RGħ. Ir-rapport jista’ jiġi kondiviż mal-korpi rilevanti fl-UE, il-pajjiżi kollha fil-Lvant Nofsani, il-pajjiżi l-oħra interessati, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti.
2.2. Proġett: Dokumenti ta’ informazzjoni
2.2.1. Għan tal-proġett
Il-proġett ser:
(a) |
jipprovdi sa’ tmien dokumenti ta’ informazzjoni dwar suġġetti koperti mis-seminar seminar b’appoġġ għal proċess ta’ bini tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani; |
(b) |
jipprovdi għodda biex wieħed jifhem ix-xenarju tas-sigurtà reġjonali, inkluża l-proliferazzjoni tal-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom u kwistjonijiet konvenzjonali; |
(c) |
jidentifika miżuri possibbli għall-bini tal-fiduċja li jistgħu jservu ta’ passi prattiċi lejn il-prospett ta’ żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom; |
(d) |
jidentifika modi biex isir aktar progress fl-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tat-trattati internazzjonali dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm u strumenti oħra; |
(e) |
jidentifika perspettivi għal kooperazzjoni nukleari paċifika fil-kuntest tal-politika u l-ħtiġijiet fil-qasam tal-enerġija tal-pajjiżi. |
2.2.2. Riżultati tal-proġett
Il-proġett ser:
(a) |
jagħti ideat u suġġerimenti lis-seminar b’appoġġ għal proċess ta’ bini tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani u jikkontribwixxi biex issir diskussjoni ffukata u strutturata dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha; |
(b) |
iżid is-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-fehim fis-soċjetajiet ċivili u l-gvernijiet tal-kwistjonijiet relatati ma’ żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani; |
(c) |
jagħti alternattivi politiċi u/jew ta’ politika operattiva lill-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiġi ffaċiltat il-proċess lejn l-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom u s-sigurtà reġjonali fil-Lvant Nofsani. |
2.2.3. Deskrizzjoni tal-proġett
Il-proġett jipprevedi t-tħejjija ta’ mhux aktar minn tmien dokumenti ta’ informazzjoni ta’ 10-15-il paġna (5 000-7 000 kelma) kull wieħed. Id-dokumenti ta’ informazzjoni ser jitħejjew jew jiġu kkummissjonati mill-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni u ma jirrappreżentawx neċessarjament il-fehmiet tal-Istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tal-UE.
Id-dokumenti ta’ informazzjoni ser ikopru s-suġġetti diskussi mis-seminar b’appoġġ għal proċess ta’ bini tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani. Kull dokument ser jinkwadra alternattivi politiċi u/jew ta’ politika operattiva.
Id-dokumenti ta’ informazzjoni ser jiġu ppreżentati lill-parteċipanti tas-seminar, il-korpi rilevanti fl-UE u l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kollha tal-Lvant Nofsani, il-pajjiżi l-oħra interessati, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti. Id-dokumenti ta’ informazzjoni jistgħu jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni.
Id-dokumenti ta’ informazzjoni jistgħu jinġabru flimkien f’volum wieħed għal pubblikazzjoni unika wara s-seminar.
3. Tul ta’ żmien
It-tul ta’ żmien totali stmat għall-implimentazzjoni tal-proġetti hu ta’ 18-il xahar.
4. Benefiċjarji
Il-benefiċjarji ta’ dan il-proġett huma:
(a) |
il-pajjiżi fil-Lvant Nofsani; |
(b) |
pajjiżi interessati oħrajn; |
(c) |
lorganizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti; |
(d) |
is-soċjetà ċivili. |
5. Aspetti ta’ proċedura, koordinazzjoni u l-Kumitat ta’ Tmexxija
Il-Kumitat ta’ Tmexxija ser ikun magħmul minn rappreżentant tar-RGħ u rappreżentant tal-Entità Implimentattiva għal kull proġett speċifiku. Il-Kumitat ta’ Tmexxija ser jirrevedi l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill regolarment, mill-anqas darba kull sitt xhur, inkluż permezz tal-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi.
6. Entitajiet implimentattivi
L-implimentazzjoni teknika ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser tkun fdata lill-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni.
Il-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni ser iwettaq l-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, huwa ser jikkoopera mar-RGħ, l-Istati Membri tal-UE, l-istati l-oħra parteċipanti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali kif ikun adatt.