Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0612

2010/612/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Lulju 2010 dwar il-miżura C 48/07 (ex NN 60/07) implimentata mill-Polonja favur il-WRJ u l-WRJ-Serwis (notifikata bid-dokument numru C(2010) 4476) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 268, 12.10.2010, p. 32–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/612/oj

12.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/32


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Lulju 2010

dwar il-miżura C 48/07 (ex NN 60/07) implimentata mill-Polonja favur il-WRJ u l-WRJ-Serwis

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 4476)

(Il-verżjoni Pollakka biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/612/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturar tal-industrija tal-azzar Pollakka, anness mat-Trattat tal-Adeżjoni (1),

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (2) u wara li kkunsidrat il-kummenti mibgħuta minnhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Il-Kummissjoni saret taf b’irregolaritajiet fis-settur Pollakk tal-pajpijiet tal-azzar waqt li kienet qed timmonitorja r-ristrutturazzjoni tal-industrija Pollakka tal-azzar. Wara l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE, twettqu eżamijiet ex officio fir-rigward tal-għajnuniet mogħtija lill-Walcownia Rur Jedność Sp. z.o.o. (“WRJ”) u lill-WRJ-Serwis Sp. z.o.o. (“WRJ-Serwis”). Il-Kummissjoni talbet informazzjoni lill-awtoritajiet Pollakki b’ittri tas-6 ta’ April 2005, tal-4 ta’ Awwissu 2005, tat-3 ta’ Novembru 2005, tal-4 ta’ Mejju 2006, tas-17 ta’ Novembru 2006, u tal-11 ta’ Lulju 2007. L-awtoritajiet Pollakki rrispondew b’ittri tas-7 ta’ Ġunju 2005, tad-29 ta’ Settembru 2005, tat-2 ta’ Diċembru 2005, tat-18 ta’ Mejju 2006, tal-31 ta’ Mejju 2006, tal-10 ta’ Jannar 2007, u tat-3 ta’ Awwissu 2007.

(2)

B’ittra tat-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni infurmat lill-Polonja li kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) (3) fir-rigward ta’ diversi miżuri implimentati favur il-WRJ u l-WRJ-Serwis.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Novembru 2007 (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu kummenti dwar il-miżuri.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand waħda mill-partijiet interessati. Il-Kummissjoni għaddiethom lill-Polonja, li ngħatat l-opportunità tirreaġixxi; il-kummenti tagħha waslu b’ittra tas-16 ta’ Frar 2009. Ir-risposta tal-Polonja għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tressqet b’ittri tal-21 ta’ Jannar u tal-1 ta’ Frar 2008.

(5)

Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni fis-16 ta’ Frar 2009, li tressqet mill-Polonja b’ittra tal-4 ta’ Ġunju 2009.

2.   DESKRIZZJONI DDETTALJATA TAL-MIŻURI

2.1.   Il-benefiċjarji

2.1.1.   Il-WRJ

(6)

Il-WRJ għandha s-sede tagħha f’Katowice u timpjega 12-il persuna għal skopijiet amministrattivi. 40,736 % tal-ishma ta’ WRJ jinsabu f’idejn it-Towarzystwo Finansowe Silesia Sp. z o.o. (“TFS”), li 99,6 % tal-ishma tagħha huma proprjetà statali. 7,235 % tal-ishma l-oħra qegħdin f’idejn il-Walcownia Rur Silesia S.A. (“Walcownia Rur Silesia”), li hija sussidjarja 100 % tat-TFS.

(7)

L-azzjonisti l-oħra huma:

Il-PIW Enpol Sp. z o.o. (sehem ta’ 19,009 %);

Il-Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A. (sehem ta’ 8,3 %);

Il-Kulczyk Privatstiftung (sehem ta’ 4,533 %);

Il-Huta Jedność (sehem ta’ 0,817 %);

diversi azzjonisti minoritarji oħra, li l-ishma tagħhom ivarjaw bejn 0,004 % u 3,4 %.

(8)

Il-WRJ inħolqot fl-1995 għall-bini ta’ fabbrika ġdida għall-irrumblar ta’ pajpijiet bla ġonot b’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ 160 000 tunnellata fis-sena (“il-proġett WRJ”).

(9)

Inizjalment, fl-1978, kumpanija oħra bl-isem ta’ Huta Jedność bdiet tibni fabbrika għall-irrumblar ta’ pajpijiet bla ġonot b’kapaċità ta’ 400 000 tunnellata, iżda x-xogħlijiet twaqqfu fl-1980 meta ġew sospiżi s-sussidji statali. Wara diversi tentattivi biex il-proġett jerġa’ jibda mill-ġdid, Il-Huta Jedność ressqet riżoluzzjoni ta’ falliment bl-inklużjoni tal-likwidazzjoni tal-assi, li ġiet irrifjutata mill-qorti. Il-Huta Jedność bħalissa hija kumpanija fi stat ta’ stralċ, bl-attivitajiet tagħha jikkonsistu fil-kiri tal-assi tal-produzzjoni tagħha lil kumpaniji oħra, bħala fornitriċi ta’ utilitajiet.

(10)

Il-proġett WRJ kien jinkludi elementi tal-infrastruttura mħejjija qabel mill-Huta Jedność kif ukoll xi wħud mill-magni u t-tagħmir li kienet ġabret hi għall-proġett oriġinali, u kellu jinbena f’biċċa art li qabel kienet proprjetà tal-Huta Jedność. Ġew mistiedna investituri ġodda biex jipparteċipaw fil-proġett WRJ, li beda fl-1997. Fl-2001, l-implimentazzjoni tal-proġett twaqqfet, u fil-frattemp l-investituri rtiraw minnu. Minkejja li jidher li 86 % tax-xogħlijiet twettqu, il-WRJ qatt ma bdiet tipproduċi.

(11)

Fl-4 ta’ Settembru 2007, il-Walcownia Rur Silesia, sussidjarja li fl-intier tagħha hija proprjetà tat-TFS u twaqqfet bil-għan li tikkonsolida s-settur Pollakk tal-pajpijiet tal-azzar (ara l-premessi mill-15 sas-17 ta’ hawn taħt), iddikjarat il-falliment tal-WRJ, bl-inklużjoni tal-likwidazzjoni tal-assi tagħha. Il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice ddikjarat falluta lill-WRJ fit-23 ta’ Jannar 2008 u ordnat il-likwidazzjoni tal-assi tagħha, li għalihom ħatret riċevitur tal-falliment. Jidher li s’issa ma nbiegħu l-ebda assi tal-WRJ fil-qafas tal-proċedura ta’ falliment.

2.1.2.   Il-WRJ-Serwis

(12)

Il-WRJ-Serwis inħolqot fl-2001 wara t-trasformazzjoni ta’ Zakład Usług Energomechanicznych “Jedność” S.A., li kienet ġiet stabbilita fl-1999. L-azzjonisti tagħha huma t-TFS (sehem ta’ 54,66 %), il-PIW ENPOL Sp. z o.o. (sehem ta’ of 36,77 %), Commplex Sp. z o.o. (sehem ta’ 8,29 %), u l-Huta Jedność (sehem ta’ 0,28 %).

(13)

L-għan oriġinali tal-WRJ-Serwis kien l-implimentazzjoni ta’ parti tal-proġett WRJ u l-provvediment ta’ opportunitajiet ta’ kreditu aħjar lill-WRJ. Madankollu, il-WRJ-Serwis qatt ma bdiet xi attività ta’ investiment, iżda ilha minn Mejju 2004 li qed tipproduċi pajpijiet tal-azzar bla ġonot li jittawlu mingħajr tisħin, wara li l-Huta Jedność waqqfet il-produzzjoni tagħha fl-impjant tal-estrazzjoni fil-bidu tal-2004. Din l-attività qed titwettaq abbażi ta’ assi li inizjalment kienu mikrija mingħand il-Huta Jedność. Dawn l-assi sussegwentement għaddew f’idejn l-ING Bank Śląski S.A. u finalment f’idejn il-Walcownia Rur Silesia. B’żieda ma’ dan, il-WRJ-Serwis kisbet 9/10 tal-użufrutt perpetwu tal-art li fiha jinsab il-proġett WRJ kif ukoll 9/10 tas-sjieda tal-bini mibni f’dik l-art.

(14)

Il-WRJ-Serwis waqqfet l-operat tagħha f’April 2008, u dakinhar il-Walcownia Rur Silesia ħadet f’idejha l-produzzjoni ta’ pajpijiet tal-azzar fl-impjant tal-estrazzjoni.

2.1.3.   Il-konsolidazzjoni tal-WRJ u l-WRJ-Serwis u tentattivi għall-privatizzazzjoni tagħhom

(15)

Fl-2004, it-TFS bdiet tfittex investituri strateġiċi għall-WRJ u l-WRJ-Serwis. Fl-2005 l-partijiet interessati ġew mistiedna biex iressqu offerti, u tnejn minnhom għamlu dan. Finalment, ġie konkluż ftehim ta’ qafas ma’ waħda minn dawk li kienu tefgħu l-offerti tagħhom, dwar l-akkwist tal-assi tal-WRJ u l-WRJ-Serwis, ħieles u mingħajr piżijiet; madankollu, dan il-proċess ġie tterminat f’Ottubru 2006 peress li ma ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet. F’Diċembru 2006, it-TFS nediet proċedura ta’ offerta pubblika ġdida, iżda ma waslulha l-ebda offerti vinkolanti.

(16)

Wara sejħa oħra għall-offerti li nħarġet fl-2007, it-TFS iddeċidiet li tikkonsolida lill-WRJ u lill-WRJ-Serwis sabiex tiffaċilita l-privatizzazzjoni tagħhom. Biex dan isir, it-TFS ħolqot żewġ kumpaniji ġodda, jiġifieri lill-FEREX Sp. z o.o. (“FEREX”) u lill-Walcownia Rur Silesia. It-TFS żżomm f’idejha 100 % tal-ishma taż-żewġ kumpaniji. Permezz tal-Walcownia Rur Silesia u l-FEREX, it-TFS kisbet l-assi meħtieġa biex timplimenta l-proġett WRJ u assumiet id-djun tal-WRJ u l-WRJ-Serwis:

a)

Il-Walcownia Rur Silesia saret kreditriċi tal-WRJ billi minn konsorzju ta’ banek u minn Stalexport kisbet l-ammonti riċevibbli mill-WRJ ta’ PLN 168 940 469 u PLN 95 595 057 rispettivament. B’żieda ma’ dan, il-Walcownia Rur Silesia xtrat l-assi mobbli tal-impjant tal-estrazzjoni mill-konsorzju ta’ banek immexxi mill-ING Bank Śląski;

b)

Il-FEREX ukoll saret kreditriċi tal-WRJ billi mill-banek kisbet total ta’ ammonti riċevibbli mill-WRJ ta’ PLN 142 941 270,43, iggarantit b’ipoteka fuq art li l-proprjetarji tagħha kienu l-WRJ u l-WRJ-Serwis.

(17)

F’Awwissu 2008, sar tentattiv ieħor mill-awtoritajiet Pollakki biex ibigħu lill-WRJ, lill-WRJ-Serwis, lill-FEREX, u lill-Walcownia Rur Silesia. It-TFS u l-Walcownia Rur Silesia stiednu lill-partijiet interessati biex jieħdu sehem fin-negozjati dwar ix-xiri, b’mod konġunt, tal-assi tal-Walcownia Rur Silesia, tal-kapital azzjonarju tal-FEREX, tal-ammonti riċevibbli mit-TFS li kienu jinsabu f’idejn il-FEREX, u tal-ishma tat-TFS li kienu jagħmlu parti mill-kapital tal-WRJ-Serwis. Il-proċedura ntemmet fil-15 ta’ Jannar 2009 u ma rriżultat fil-bejgħ tal-ebda assi offruti.

2.2.   Il-miżuri vvalutati

(18)

L-għajnuna mogħtija lill-WRJ tikkonsisti f’investimenti kapitali mit-TFS (2.2.1), garanziji pprovduti mit-TFS (2.2.2), u sigurtajiet mit-Teżor (2.2.3). L-għajnuna mogħtija lill-WRJ-Serwis tikkonsisti f’investimenti kapitali mit-TFS (2.2.4).

2.2.1.   Investimenti kapitali fil-WRJ mit-TFS

(19)

L-ewwel investiment kapitali fil-WRJ li wettqet it-TFS sar fis-26 ta’ Ġunju 2002 meta l-azzjonisti tal-WRJ ddeċidew li jżidu l-kapital azzjonarju. Lit-TFS ġew assenjati wkoll ishma b’valur nominali ta’ PLN 15 miljun bi bdil ma’ ammonti riċevibbli. Dawn l-ammonti riċevibbli kienu dovuti lit-TFS mill-Huta Andrzej u l-Huta Katowice u kienu jammontaw għal PLN 15 miljun. Iż-żieda kapitali ġiet irreġistrata u daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ Novembru 2002.

(20)

It-tieni żieda fil-kapital azzjonarju saret fis-17 ta’ Jannar 2003 meta l-azzjonisti tal-WRJ iddeċidew li jerġgħu jżidu l-kapital azzjonarju tal-kumpanija. Lit-TFS ġew assenjati ishma b’valur nominali ta’ PLN 40 miljun bi bdil ma’ ammonti riċevibbli dovuti lit-TFS mill-WRJ (bdil ta’ dejn ma’ ekwità). L-ammonti riċevibbli kellhom valur nominali ta’ PLN 40 miljun, u t-TFS kienet ħadithom aktar kmieni, f’Diċembru 2002, mill-ING Bank Śląski S.A. Iż-żieda kapitali ġiet irreġistrata u daħlet fis-seħħ fit-25 ta’ Awwissu 2003.

2.2.2.   Provvediment ta’ garanziji lill-WRJ mit-TFS

(21)

Fl-2001, it-TFS tat garanzija li kopriet sa PLN 5 miljun minn ammont misluf li kien jammonta għal PLN 20 miljun. Is-self kien ingħata lill-WRJ fl-1999 mill-Maniġment Reġjonali tal-Ambjent u tal-Ilma (WFOŚiGW).

(22)

Fl-2001, it-TFS tat garanzija li kopriet sa PLN 50 miljun minn ammont misluf li kien jammonta għal PLN 115 miljun. Is-self kien ingħata lill-WRJ fl-1996 mill-Maniġment Nazzjonali tal-Ambjent u tal-Ilma (WFOŚiGW).

2.2.3.   Provvediment ta’ sigurtajiet lill-WRJ mit-Teżor

(23)

Fl-14 ta’ Ottubru 1997, it-Teżor ta garanzija li kienet tkopri 45 % tal-kapital u tal-imgħax fuq żewġ ammonti mislufa li t-total tagħhom kien jammonta għal PLN 262.5 miljun. Dan is-self kien jikkonsisti f’faċilità ta’ kreditu b’munita barranija u oħra b’PLN, it-tnejn minnhom mogħtija minn konsorzju ta’ banek fl-1997.

(24)

Fit-2 ta’ Jannar 2003, il-garanzija tal-Istat żdiedet għal 55 % mill-Kunsill tal-Ministri billi ffirma d-dokumenti rilevanti. Iż-żieda tal-garanzija ma ġietx implimentata.

2.2.4.   Investimenti kapitali fil-WRJ-Serwis mit-TFS

(25)

It-TFS għamlet interventi kapitali fil-WRJ-Serwis f’Diċembru 2003, bil-għan li tikseb il-maġġoranza tal-ishma tal-kumpanija sabiex tkun tista’ tikkontrolla l-proġett WRJ. B’deċiżjoni ta’ Diċembru 2003, l-azzjonisti tal-WRJ-Serwis qablu li t-TFS setgħet tikseb ishma tal-kumpanija. L-ishma kellhom valur nominali ta’ PLN 7 910 000. It-TFS kisbet il-parti l-kbira tal-ishma bi bdil għal ammonti riċevibbli dovuti lit-TFS mill-Huta Jedność. Dawn l-ammonti riċevibbli ġew ittrasferiti lill-WRJ-Serwis. It-TFS ħallset l-ishma wkoll bi flus kontanti (PLN 890 000) u b’kontribuzzjoni f’għamla ta’ oġġetti (biċċiet tal-metall tal-Huta Jedność għall-ipproċessar ulterjuri; valur tat-trasferiment ta’ PLN 450 000). Il-ftehim dwar il-kisba tal-ishma ġie ffirmat fit-8 ta’ Ġunju 2004. Iż-żieda kapitali ma ġietx irreġistrata qabel is-17 ta’ Awwissu 2007.

(26)

Fl-istess ħin mat-TFS, kisbu ishma mill-kapital azzjonarju miżjud wieħed mill-azzjonisti eżistenti, il-PIW Enpol Sp. z o.o., u azzjonista ġdid, Commplex Sp. z o.o. (kumpaniji privati t-tnejn li huma). Il-kumpaniji kisbu l-ishma billi assenjaw lill-WRJ-Serwis ammonti riċevibbli mill-Huta Jedność.

3.   IL-BAŻI BIEX TINFETAĦ L-INVESTIGAZZJONI FORMALI

(27)

Kif ġie deskritt fil-premessa 3, il-Kummissjoni ddeċidiet fit-23 ta’ Ottubru 2007 li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”). Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni l-ewwel esprimiet il-pożizzjoni tagħha li hija kienet kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-każ u li l-miżuri inkwistjoni kkostitwixxew għajnuna mill-Istat mhux kompatibbli mas-Suq Intern.

3.1.   Il-liġi applikabbli u l-kompetenza tal-Kummissjoni

(28)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni li l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE (li dakinhar kienu l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE) normalment ma kinux japplikaw għal għajnuniet mogħtija qabel l-adeżjoni li ma baqgħux jiġu implimentati wara l-adeżjoni. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturar tal-industrija tal-azzar Pollakka, anness mat-Trattat tal-Adeżjoni (“Protokoll Nru 8”) setgħu jitqiesu bħala lex specialis marbuta mal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE li estendiet il-monitoraġġ tal-għajnuna mill-Istat stabbilit mit-TFUE għal kwalunkwe għajnuna mogħtija għar-ristrutturar tal-industrija tal-azzar Pollakka bejn l-1997 u l-2006. B’hekk, bi prinċipju, il-Kummissjoni kienet kompetenti biex tivvaluta għajnuniet bħal dawk imsemmija.

(29)

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk produtturi tal-pajpijiet bħall-WRJ u l-WRJ-Serwis jiffurmawx parti mill-“industrija tal-azzar” għall-finijiet tal-Protokoll Nru 8, il-Kummissjoni qieset il-punti li ġejjin: Il-Protokoll Nru 8 ssejjes fuq il-programm nazzjonali tar-ristrutturar (Pjan għar-Ristrutturar u l-Iżvilupp għall-Industrija Pollakka tal-Ħadid u l-Azzar (“PNR”)). Il-qasam ta’ applikazzjoni tal-PNR u tal-Protokoll Nru 8 ma ġiex limitat għall-qasam ta’ applikazzjoni tal-Anness I tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (“Trattat tal-KEFA”), iżda kopra wkoll ċerti setturi tal-azzar bħall-pajpijiet bla ġonot u l-pajpijiet iwweldjati.

(30)

Skont id-deċiżjoni tal-ftuħ, l-ewwel nett, din l-interpretazzjoni kienet konformi mad-definizzjoni tal-industrija tal-azzar kif stabbilita fir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, jiġifieri d-definizzjoni mogħtija fl-Anness B tal-Qafas Multisettorjali (5). It-tieni, din irriżultat mill-PNR, li nofs il-benefiċjarji tiegħu kienu produtturi tal-pajpijiet. Fil-fatt, l-Huta Jedność, li kien hemm qabel minflok il-WRJ u l-WRJ-Serwis, ħadet sehem fil-proċess tal-programm tar-ristrutturar u ssemmiet aktar drabi b’mod espliċitu fl-abbozz ta’ PNR, iżda fl-aħħar ma ġietx ikkunsidrata bħala benefiċjarja potenzjali peress li dakinhar kien hemm pjanijiet dwar xoljiment wara l-insolvenza tagħha fl-2002.

(31)

B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni waslet għall-opinjoni li l-projbizzjoni tal-implimentazzjoni ta’ għajnuna mhux inkluża fil-PNR u l-Protokoll Nru 8 kien japplika għall-Huta Jedność, il-WRJ u l-WRJ-Serwis.

3.2.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(32)

Fir-rigward tal-investimenti fil-WRJ li wettqet it-TFS u l-garanzija mogħtija lill-kumpanija mit-TFS, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji dwar jekk dawn kinux konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju tal-investitur tal-ekonomija tas-suq. Dakinhar meta kienu qed jittieħdu l-miżuri, il-WRJ kienet tiffaċċja diffikultajiet u ma kinitx tkun f’pożizzjoni tiġbor il-fondi fis-suq kapitali hija stess. Il-Kummissjoni ddubitat ukoll jekk kienx ikun suffiċjenti r-redditu fuq l-investimenti. U fl-aħħar, waslet għall-opinjoni li kien diffiċli biex wieħed jiġġustifika l-investimenti bil-fatt li t-TFS kienet beħsiebha tipprivatizza lill-WRJ aktar tard.

(33)

Fir-rigward tal-garanzija pprovduta lill-WRJ mit-Teżor, il-Kummissjoni nnutat li ma kienx ċar jekk il-WRJ kinitx iffaċċjat diffikultajiet dakinhar meta ngħatat il-garanzija, jiġifieri fl-1997. Min-naħa l-oħra, fejn tidħol iż-żieda fil-garanzija fl-2003, wieħed seta’ jqis li l-WRJ kienet qiegħda tiffaċċja diffikultajiet, u għaldaqstant il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-konformità ta’ din iż-żieda fil-garanzija mal-prinċipju tal-investitur tal-ekonomija tas-suq.

(34)

Fir-rigward tal-investimenti fil-WRJ-Serwis li wettqet it-TFS, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk dawn kinux konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju tal-investitur tal-ekonomija tas-suq. Il-Kummissjoni nnutat li l-kumpanija ffaċċjat diffikultajiet fl-2003, u għaldaqstant hija kellha dubji dwar jekk l-investimenti kinux ippromettew redditu aċċettabbli.

3.3.   Il-konformità tal-għajnuna mill-Istat

(35)

Peress li bejn l-1997 u l-2006 l-investimenti u l-għajnuna għar-ristrutturar tas-settur tal-azzar kienu pprojbiti skont il-Protokoll Nru 8, u konsegwentement skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma setgħet tidentifika l-ebda raġuni għaliex l-għajnuna mill-Istat potenzjali setgħet tiġi ddikjarata konformi.

4.   IL-KUMMENTI TAL-POLONJA DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(36)

B’ittri tal-21 ta’ Jannar u tal-1 ta’ Frar 2008, il-Polonja ressqet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. Fil-qosor, il-Polonja ma qablitx mal-interpretazzjoni tal-Protokoll 8 mill-Kummissjoni u tenniet il-pożizzjoni tagħha li l-miżuri inkwistjoni ma kkostitwixxewx għajnuna mill-Istat.

4.1.   Il-liġi applikabbli u l-kompetenza tal-Kummissjoni

(37)

Il-Polonja tqis li wieħed m’għandux jiġġeneralizza abbażi tal-Protokoll Nru 8, li jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li tipprojbixxi l-interventi fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija qabel l-adeżjoni.

(38)

L-ewwel nett, tispjega li l-produtturi tal-pajpijiet u l-prodotti tagħhom ma kinux inklużi fl-Anness I tal-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Polonja, min-naħa l-oħra (6) (“Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew”), u għaldaqstant ma kinux jaqgħu fil-qasam ta’ applikazzjoni tiegħu.

(39)

It-tieni, il-projbizzjoni tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-produtturi tal-pajpijiet fl-Istati Membri ġiet introdotta fl-24 ta’ Lulju 2002 bid-dħul fis-seħħ tal-Anness B tal-Qafas Multisettorjali, li ddefinixxa l-ambitu tat-terminu industrija tal-azzar. Skont din id-definizzjoni, is-setturi tal-pajpijiet bla ġonot u tal-pajpijiet iwweldjati kienu jiffurmaw parti mill-industrija tal-azzar. Konsegwentement, il-PNR approvat mill-Kummissjoni fl-2003 u l-Protokoll Nru 8 inkludew ukoll produtturi tal-pajpijiet. Preċedentement, meta kien qed japplika t-Trattat tal-KEFA, kien ġie eskluż is-settur tal-pajpijiet.

(40)

Il-Polonja tikkonkludi li l-Protokoll Nru 8 għandu jkun interpretat b’tali mod li qabel l-24 ta’ Lulju 2002, l-għajnuniet mogħtija lill-produtturi tal-pajpijiet ma kinux suġġetti għall-kontroll tal-Kummissjoni (bħalma jiġri fil-każijiet ta’ kull intervent ieħor li sar qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat tal-Adeżjoni). Wara dik id-data, il-produtturi tal-pajpijiet kienu suġġetti għar-restrizzjonijiet imsemmija.

(41)

Fir-rigward tal-għarfien relatat mil-lat tal-benefiċjarji, il-Polonja tispjega li l-WRJ-Serwis tista’ tiġi kklassifikata bħala produttriċi tal-azzar biss mill-2004, meta bdiet tuża l-faċilitajiet tal-impjant tal-estrazzjoni, u li wieħed ma jistax iqis l-interventi statali li saru qabel dik id-data bħala għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-azzar.

(42)

U fl-aħħar, il-Polonja tenfasizza li l-proġett WRJ ma jikkostitwixxix tkomplija tal-proġett Huta Jedność ta’ qabel.

4.2.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(43)

B’żieda ma’ dan, il-Polonja ssostni li t-TFS, għalkemm qed tiġi kkontrollata mit-Teżor, qiegħda topera bil-għan li tiġġenera qligħ, skont il-kundizzjonijiet tas-suq. L-azzjonijiet meħuda minnha fir-rigward tal-WRJ u l-WRJ-Serwis ma kinux riżultat ta’ kontroll jew sorveljanza partikolari mill-Istat. Konsegwentement, it-Teżor ma kienx neċessarjament qed jeżerċita kontroll fis-sens tas-sentenza fil-Kawża Stardust Marine  (7).

(44)

Fejn jidħlu ż-żidiet kapitali tal-WRJ u l-garanziji pprovduti mit-TFS, il-Polonja tqis li t-TFS ma innjettat l-ebda fondi sinifikanti lill-proġett WRJ. Fil-fatt, il-bdil ta’ ammonti riċevibbli ma’ ishma tal-WRJ kien aktar loġiku mil-lat ekonomiku mill-infurzar dirett tagħhom. B’żieda ma’ dan, dakinhar meta t-TFS investiet fil-WRJ, it-TFS kienet fil-pussess ta’ pjanijiet ta’ negozju li wrew il-profitabbiltà tal-proġett WRJ. U fl-aħħar, dakinhar anki l-konsorzju tal-banek kien lest biex jipprovdi aktar fondi lill-WRJ. Konsegwentement, t-TFS aġixxiet bħal investitur tal-ekonomija tas-suq.

(45)

Il-Polonja tqis li ż-żieda tal-garanzija pprovduta lill-WRJ mill-Istat hija konformi mal-prinċipju tal-investitur tal-ekonomija tas-suq peress li kienet tippossiedi titoli tas-sigurtà adegwati u peress li l-WRJ ħallset dritt tal-garanzija lit-Teżor bir-rata tas-suq. B’żieda ma’ dan, kundizzjoni għall-garanzija kienet li l-banek kellhom jerġgħu jibdew jiffinanzjaw il-proġett WRJ, u dan ma sarx. Konsegwentement, iż-żieda fil-garanzija qatt ma ġiet implimentata, u l-Polonja tqis li ma rriżultat f’ebda vantaġġ għall-WRJ.

(46)

L-intervent kapitali fil-WRJ-Serwis jitqies li jikkonforma mal-prinċipju tal-investitur tal-ekonomija tas-suq. L-ewwel, flimkien mat-TFS, ħadu ishma anki azzjonisti privati. It-tieni, Il-WRJ-Serwis ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli, u t-TFS ħadet id-deċiżjoni fid-dawl tal-qligħ li l-WRJ-Serwis kienet se tiġġenera fil-futur. Fl-aħħar, it-TFS kienet f’pożizzjoni tikseb kontroll tal-WRJ-Serwis u tal-proprjetà li fiha nbena l-proġett WRJ.

(47)

Fir-rigward tal-konsolidazzjoni tal-WRJ u l-WRJ-Serwis, il-Polonja targumenta li dan kien l-uniku mod li kien jippermetti li l-proġett WRJ jgħaddi malajr f’idejn investitur privat u jiġi kkompletat minnu filwaqt li kien qed jiġi żgurat ukoll irkupru massimu tal-kapital injettat mill-Istat sa dakinhar.

5.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(48)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand parti terza interessata waħda, li opponiet bil-qawwa s-sussidji mogħtija mill-Polonja. Il-parti tfakkar li l-pajpijiet qatt ma kienu prodotti inklużi fit-Trattat tal-KEFA u li l-industrija tal-pajpijiet kellha twettaq ir-ristrutturazzjoni tagħha għas-spejjeż tagħha stess, mingħajr ma tingħata għajnuna mill-Istat. Skont hi, l-aċċettanza tal-għajnuna f’dan il-każ kienet tkun ta’ ħsara għall-industrija Ewropea tal-pajpijiet. Il-parti ssostni wkoll li billi wieħed jaċċetta l-għajnuna, jista’ jkun li jitqiegħdu f’periklu t-tentattivi tagħha li turi li ċerti pajjiżi li jimpurtaw pajpijiet qed jimpurtawhom fl-UE bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jew bi prezzijiet issussidjati. U fl-aħħar, il-parti targumenta li l-industrija Ewropea tal-pajpijiet bla ġonot kienet tinsab f’qagħda ekonomika partikolari, b’kapaċitajiet żejda fl-Ewropa u l-ħtieġa li jiġu esportati kwantitajiet kbar filwaqt li fl-2007 żdiedet l-importazzjoni miċ-Ċina.

6.   IL-KUMMENTI TAL-POLONJA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTI INTERESSATA

(49)

L-osservazzjonijiet tal-parti interessata ntbagħtu lill-Polonja, li ressqet il-kummenti tagħha fis-16 ta’ Frar 2009. Il-Polonja tappoġġja l-opinjoni li jinħtieġu regoli trasparenti għall-kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-pajpijiet.

(50)

Il-Polonja taqbel mal-parti terza li l-pajpijiet qatt ma kienu prodott inkluż fit-Trattat tal-KEFA u ttenni li sad-dħul fis-seħħ tal-Qafas Multisettorjali fl-24 ta’ Lulju 2002, is-“settur tal-azzar” ma kienx jinkludi lill-produtturi tal-pajpijiet. Konsegwentement, il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-pajpijiet tapplika biss mill-24 ta’ Lulju 2002, meta daħlet fis-seħħ id-definizzjoni “estiża” tas-settur tal-azzar.

(51)

U fl-aħħar, il-Polonja terġa’ ttenni li l-WRJ qatt ma bdiet l-attivitajiet tagħha ta’ produzzjoni u l-WRJ-Serwis waqqfet il-produzzjoni tagħha fl-2008. Il-Polonja tenfasizza li qatt ma tat għajnuna mill-Istat lill-WRJ.

7.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

7.1.   Il-iġi applikabbli u l-kompetenza tal-Kummissjoni

(52)

Il-miżuri inkwistjoni ġew implimentati qabel l-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea (jiġifieri qabel l-1 ta’ Mejju 2004). Bi prinċipju, l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE ma japplikawx għall-għajnuniet mogħtija qabel l-adeżjoni u li ma jibqgħux japplikaw wara l-adeżjoni (8). B’deroga minn din ir-regola ġenerali, u għalhekk fuq bażi eċċezzjonali, il-Kummissjoni hija kompetenti biex teżamina l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Polonja fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-industrija tagħha tal-azzar qabel l-adeżjoni, abbażi tal-Protokoll Nru 8 anness mat-Trattat tal-Adeżjoni.

7.1.1.   In-natura lex speċjalis tal-Protokoll Nru 8

(53)

Il-Protokoll Nru 8 jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Polonja ttemm ir-ristrutturazzjoni tal-industrija tagħha tal-azzar li kienet bdiet qabel l-adeżjoni. Ir-ristrutturazzjoni ta’ qabel l-adeżjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka twettqet abbażi tal-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew kif estiż b’deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Polonja (“Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”) (9).

(54)

Il-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew ta lill-Polonja perjodu ta’ ħames snin hekk imsejjaħ “perjodu ta’ grazzja”, mill-1992 sal-aħħar tal-1996, li matulu kien permess ir-ristrutturar tas-settur tal-azzar tal-KEFA bis-saħħa ta’ għajnuna mill-Istat.

(55)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, il-perjodu ta’ grazzja ġġedded għal tmien snin oħra mill-1 ta’ Jannar 1997 jew inkella sal-adeżjoni tal-Polonja mal-UE. Matul dan il-perjodu, il-Polonja kellha l-possibbiltà li, fir-rigward tal-“prodotti tal-azzar”, bħala eċċezzjoni, tagħti għajnuna mill-Istat għal skopijiet ta’ ristrutturar skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew (kif estiż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni) u abbażi tal-PNR li l-Polonja ressqet lill-Kummissjoni f’April 2003. Wara valutazzjoni tal-PNR mill-Kummissjoni, l-Istati Membri approvaw il-proposta Pollakka f’Lulju 2003 (10).

(56)

Il-Protokoll Nru 8 jippermetti li wara l-adeżjoni tal-Polonja, il-Kummissjoni timmonitorja l-għajnuna mill-Istat mogħtija lis-settur tal-azzar mill-Polonja abbażi tal-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew (kif estiż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni) u tal-PNR. B’żieda ma’ dan, il-Protokoll Nru 8 jagħti l-possibbiltà biex il-Kummissjoni tirkupra għajnuniet mogħtija bi ksur tal-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew u tal-PNR. Konsegwentement, il-Protokoll Nru 8 huwa lex specialis li tippermetti, fuq bażi eċċezzjonali u b’deroga mis-sistema ġenerali, il-monitoraġġ retroattiv u l-eżami tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lis-settur tal-azzar Pollakk mill-Polonja qabel l-adeżjoni tagħha. Dan kien ikkonfermat mill-Qorti, li kkonstatat li l-Protokoll Nru 8 huwa lex specialis marbuta mal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE li testendi l-eżami tal-għajnuna mill-Istat mwettaq mill-Kummissjoni f’konformità mat-TFUE għall-għajnuniet mogħtija għar-riorganizzazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka matul il-perjodu mill-1997 sal-2003 (11).

7.1.2.   L-ambitu tal-kontroll retroattiv mill-Kummissjoni kif stabbilit mill-Protokoll Nru 8

(57)

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-kompetenza eċċezzjonali ta’ kontroll kif deskritta fil-premessi mit-53 sas-56 ta’ hawn fuq tkoprix ukoll miżuri implimentati mill-Polonja favur produtturi tal-pajpijiet qabel l-adeżjoni. Biex dan isir, il-bażijiet legali applikabbli f’dan il-każ, jiġifieri l-Protokoll Nru 8 moqri f’konnessjoni mal-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, għandhom jiġu interpretati bil-għan li jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tagħhom ikoprux miżuri implimentati favur produtturi tal-pajpijiet Pollakki qabel l-adeżjoni.

(58)

Huwa prinċipju legali ġeneralment irrikonoxxut li d-dispożizzjonijiet ta’ lex specialis li tidderoga mis-sistema ġenerali għandhom ikunu interpretati stricto sensu. Interpretazzjoni stretta tal-bażijiet legali msemmija hawn fuq (ara l-premessi mid-59 sal-65 ta’ hawn taħt) twassal għall-konklużjoni li l-kompetenza retroattiva eċċezzjonali ta’ kontroll mil-lat tal-Kummissjoni hija limitata għall-miżuri ta’ qabel l-adeżjoni li ġew implimentati favur produtturi tal-KEFA, u għaldaqstant teskludi miżuri favur produtturi tal-pajpijiet.

7.1.3.   Interpretazzjoni tal-bażijiet legali

(59)

Il-punti 12 u 18 tal-Protokoll Nru 8 jistipulaw il-kompetenzi ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll retroattiv tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuniet mogħtija lill-industrija Pollakka tal-azzard qabel l-adeżjoni. Il-punt 12 jagħti l-possibbiltà li l-Kummissjoni u l-Kunsill jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-PRN qabel u wara l-adeżjoni, jiġifieri sal-2006. Il-punt 18 jagħti l-possibbiltà li l-Kummissjoni tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tal-kundizzjonijiet stipulati fil-Protokoll Nru 8.

(60)

Il-punt 1 tal-Protokoll Nru 8 jistipula li l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Polonja għar-ristrutturar ta’ “partijiet speċifikati tal-industrija tal-azzar Pollakka” għandhom jitqiesu kompatibbli mas-suq intern sakemm “il-perjodu stabbilit mill-Artikolu 8(4) tal-Protokoll 2 dwar il-prodotti tal-KEFA, anness mal-Ftehim Ewropew […] ikun ġie estiż sad-data tal-adeżjon”, ikunu rrispettati l-kundizzjonijiet stipulati fil-PNR u fil-Protokoll Nru 8, u “l-ebda għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar m’għandha titħallas lill-industrija tal-azzar Pollakka wara d-data tal-adeżjoni”.

(61)

Il-punt 2 tal-Protokoll Nru 8 jistipula li r-ristrutturar tas-settur Pollakk tal-azzar kif deskritt fil-pjanijiet ta’ negozju individwali tal-kumpaniji elenkati fl-Anness 1 għandu jintemm sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2006. Il-punt 3 tal-Protokoll Nru 8 jindika li l-kumpaniji elenkati fl-Anness 1 tal-Protokoll biss huma eleġibbli għal għajnuna mill-Istat fil-qafas tal-programm ta’ ristrutturazzjoni għall-azzar Pollakk.

(62)

Il-punt 1 tal-Protokoll Nru 8 jirreferi b’mod espliċitu għall-Artikolu 8(4) tal-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew kif estiż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Il-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew kien japplika biss għall-“prodotti tal-azzar tal-KEFA” (l-Artikolu 8(4) tal-Protokoll 2) u fih kienu saħansitra mniżżla l-prodotti tal-azzar f’Anness. Dan tal-aħħar irriproduċa l-lista tal-prodotti tal-KEFA kif stipulati fl-Anness I tat-Trattat tal-KEFA, fejn id-definizzjoni tal-prodotti tal-azzar tal-KEFA b’mod espliċitu teskludi l-pajpijiet (“pajpijiet tal-azzar (bla ġonot jew iwweldjati) […] vireg lixxi u ħadid fondut (tubi, pajpijiet u tagħmir li jitwaħħal, u ħadid fondut ieħor)”.

(63)

It-Trattat tal-KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002. Minn dik id-data ‘l quddiem, l-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-azzar iddaħħlu fis-sistema ġenerali tal-KE. B’din l-okkażjoni, ġie deċiż li tiġi estiża d-definizzjoni tas-settur tal-azzar sabiex tinkludi lill-produtturi tal-pajpijiet. Dan ġie kkodifikat fl-Artikolu 27 u l-Anness B tal-Qafas Multisettorjali, li ddefinixxew li s-settur tal-azzar tal-UE jinkludi “tubi, pajpijiet u profili moħfija bla ġonot kif ukoll ħadid iwweldjat jew tubi u pajpijiet tal-ħadid”. Din id-definizzjoni estiża tas-settur tal-azzar ġiet imbagħad inkluża fl-Anness tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (12) u fil-punt 29 tal-Artikolu 2 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (13).

(64)

Madankollu, la l-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew u lanqas id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma ġew emendati b’mod espliċitu biex jinkorporaw din id-definizzjoni estiża tas-settur tal-azzar tal-UE bl-inklużjoni tal-produtturi tal-pajpijiet. Il-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew kien skada fil-31 ta’ Diċembru 1996. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ġeddet il-validità tal-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew għal tmien snin mill-1 ta’ Jannar 1997 jew sad-data tal-adeżjoni tal-Polonja (skont liema minnhom tiġi l-ewwel). L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jirreferi għall-“prodotti tal-azzar” inġenerali, iżda l-qasam ta’ applikazzjoni tiegħu jintrabat ukoll b’mod speċifiku mal-Artikolu 8(4) tal-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew, li kien ikopri l-prodotti tal-azzar tal-KEFA biss. B’mod partikolari, ġie stabbilit li l-estenzjoni tal-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew tiddependi mit-tressiq, mill-Polonja, ta’ PNR u pjanijiet ta’ negozju tal-intrapriżi benefiċjarji tagħha lill-Kummissjoni, li t-tnejn kellhom jissodisfaw “ir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll 2 u kellhom ikunu ġew ivvalutati u miftiehma mill-awtorità nazzjonali tagħha għall-monitoraġġ tal-għajnuna mill-Istat (l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u l-Ħarsien tal-Konsumatur)” (l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni).

(65)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-punt 18 tal-Protokoll Nru 8, interpretat fil-kuntest tal-punti mill-1 sat-3 tal-Protokoll Nru 8 f’konnessjoni mal-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, ma jagħtix kompetenza lill-Kummissjoni biex tikkontrolla l-għajnuniet mogħtija lill-produtturi tal-pajpijiet Pollakki qabel l-adeżjoni.

7.1.4.   Regoli Implimentattivi għall-Ftehim Ewropew bħala strument ta’ interpretazzjoni

(66)

B’żieda mal-interpretazzjoni legali tal-qasam ta’ applikazzjoni tal-bażijiet legali rilevanti (jiġifieri l-Protokoll Nru 8, il-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – ara l-premessi mid-59 sal-65 ta’ hawn fuq), il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-kwistjoni dwar jekk ir-Regoli Implimentattivi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ftehim Ewropew u tal-Protokoll 2, kif adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Polonja fl-2001 (“ir-Regoli Implimentattivi”) (14), humiex rilevanti biex jiġi ddeterminat l-ambitu tal-kompetenza ta’ kontroll retroattiv tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ qabel l-adeżjoni li ġew implimentati favur il-produtturi tal-pajpijiet Pollakki.

(67)

Bħala prinċipju ġenerali, ir-Regoli Implimentattivi fihom regoli ta’ proċedura li wieħed għandu jiddistingwi mid-dispożizzjonijiet sostantivi dwar l-għajnuna mill-Istat fil-Ftehim Ewropew u fil-Protokoll 2 anness miegħu. Madankollu, ta’ min wieħed jinnota li r-Regoli Implimentattivi fihom ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kriterji għall-ivvalutar tal-kompatibbiltà tal-għajnuniet mal-Ftehim Ewropew u mal-Protokoll 2 anness miegħu rispettivament.

(68)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tar-Regoli Implimentattivi tgħid: “Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuniet individwali mogħtija u tal-programmi rilevanti mal-Ftehim Ewropew, kif stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ dawn ir-Regoli, għandha ssir abbażi tal-kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 87 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bl-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja preżenti u futura, l-oqfsa, il-linji gwida u atti amministrattivi oħra rilevanti li huma fis-seħħ fil-Komunità kif ukoll il-każistika tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti ta-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni f’konformità mal-Artikolu 4(3)”. Din il-frażi tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li l-kriterji sostantivi għall-ivvalutar tal-kompatibbiltà tal-għajnua mill-Istat inġenerali mal-Ftehim Ewropew huma “evoluttivi” fis-sens li tul il-mixja tagħhom jinkorporaw tibdiliet/żviluppi fil-liġi u l-ġurisprudenza tal-UE.

(69)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(1) tar-Regoli Implimentattivi tirreferi b’mod partikolari għall-kriterji ta’ kompatibbiltà stabbiliti mill-Protokoll 2: “Sakemm l-għoti tal-għajnuna jew il-programm ta’ għajnuna jkun maħsub għal prodotti koperti mill-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew, l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu tapplika bis-sħiħ barra mill-fatt li l-valutazzjoni għandha ssir mhux abbażi tal-kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 87 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iżda abbażi tal-kriterji ħerġin mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.” Il-kliem ta’ din is-sentenza jindika b’mod ċar li, bil-maqlub tas-sitwazzjoni tal-għajnuniet ġenerali koperti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) (ara l-premessa 68 ta’ hawn fuq), fejn jidħlu l-għajnuniet koperti mill-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew, il-kriterji ta’ kompatibbiltà jiżviluppaw b’referenza mat-Trattat tal-KEFA. Ma ngħatawx indikazzjonijiet speċifiċi dwar l-evoluzzjoni tal-kriterji ta’ kompatibbiltà wara l-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA fl-2002.

(70)

L-Artikoli 2(2) u 2(3) tar-Regoli Implimentattivi jistipulaw il-mekkaniżmu li bih il-Polonja għandha tinkorpora t-tibdiliet li qed isiru fil-kriterji ta’ kompatibbiltà tal-UE. B’mod partikolari, il-Polonja għandha titgħarraf bi kwalunkwe tibdila fil-kriterji ta’ kompatibbiltà tal-Komunità li tkun ġiet ippubblikata, u “kull meta r-Repubblika tal-Polonja ma toġġezzjonax għal tali tibdiliet fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tal-informazzjoni uffiċjali dwarhom, dawn għandhom isiru kriterji ta’ kompatibbiltà kif stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Fil-każijiet fejn ir-Repubblika tal-Polonja toġġezzjona għal tali tibdiliet u fir-rigward tal-approssimazzjoni tal-liġijiet kif stabbilita fil-Ftehim Ewropew, għandhom jitwettqu konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikoli 7 u 8 ta’ dawn ir-Regoli.”

(71)

Anki jekk il-Polonja ma oġġezzjonatx fi żmien tliet xhur għat-tibdila tal-2002 fir-rigward tad-definizzjoni Komunitarja tal-industrija tal-azzar li wasslet għall-inklużjoni tal-produtturi tal-pajpijiet, tali tibdiliet fil-liġi Komunitarja ma setgħux isiru applikabbli fir-rigward tal-miżuri li ma jaqgħux fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Ewropew, jiġifieri dawk mhux koperti mit-Trattat tal-KEFA. Barra minn hekk, il-Protokoll Nru 8 huwa lex specialis, u għaldaqstant, sabiex tiddetermina l-qasam ta’ applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni ma tistax toqgħod fuq it-twessigħ tad-definizzjoni tas-settur tal-azzar tal-UE wara l-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA. Għaldaqstant, wieħed għandu jikkonkludi li għandha ssir distinzjoni ċara bejn in-natura “evoluttiva” tal-liġi applikabbli, skont il-Ftehim Ewropew, għall-għajnuna mill-Istat mogħtija lis-settur tal-azzar fil-Polonja qabel l-adeżjoni, minn naħa, u l-interpretazzjoni neċessarjament stretta tal-ambitu tal-kompetenza ta’ kontroll retroattiv tal-Kummissjoni kif tirriżulta mill-Protokoll Nru 8, mill-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew, u mid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, min-naħa l-oħra.

8.   KONKLUŻJONI

(72)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi li hija mhijiex kompetenti biex teżamina miżuri implimentati favur produtturi tal-pajpijiet Pollakki qabel l-adeżjoni, u b’mod partikolari matul il-perjodu mill-1997 sal-2003, abbażi tal-Protokoll Nru 8. Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni mhix kompetenti biex tivvaluta l-miżuri kkonċernati minn din il-proċedura, din il-proċedura tingħalaq.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċedura formali ta’ investigazzjoni stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE, li nfetħet b’ittra tat-23 ta’ Ottubru 2007 indirizzata lill-Polonja, tingħalaq peress li skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 8 anness mat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Polonja, il-Kummissjoni mhix kompetenti li teżamina l-miżuri implimentati mill-Polonja favur il-WRJ u l-WRJ-Serwis fl-2001, l-2002 u l-2003.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 948.

(2)  ĠU C 282, 24.11.2007, p. 21.

(3)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE rispettivament. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza tagħhom. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jittieħdu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE fejn xieraq.

(4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(5)  Ara l-Anness B tal-Qafas Multisettorjali (ĠU C 70, 19.3.2002, p. 8), li applika sa mill-24 ta’ Lulju 2002 (paragrafu 39) u li ġie ssostitwit mill-Anness 1 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2012 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13).

(6)  ĠU L 348, 31.12.1993, p. 2.

(7)  Kawża C-482/99 Stardust Marine [2002], Ġabra I-4397.

(8)  Fil-paragrafu 90 tas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009 fil-Kawżi magħquda T-273/06 u T-297/06 ISD Polska et alii v Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li “[…] huwa paċifiku bejn il-partijiet li bħala prinċipju, l-Artikoli 87 tal-KE u 88 tal-KE ma japplikawx għal għajnuna mogħtija qabel is-sħubija li ma tibqax tapplika wara s-sħubija.” Ara wkoll il-paragrafu 108 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/937/KE tal-5 ta’ Lulju 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat C-20/04 (ex NN 25/04) favur Huta Czestochowa S.A. (ĠU L 366, 21.12.2006, p. 1) u l-paragrafi 202 et seq tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/3/KE tas-6 ta’ Novembru 2008 dwar għajnuna mill-istat C 19/05 (ex N 203/05) mogħtija mill-Polonja lil Stocznia Szczecińska (ĠU L 5, 8.1.2010, p. 1).

(9)  Id-Deċiżjoni Nru 3/2002 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Polonja tat-23 ta’ Ottubru 2002 li testendi l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll 2 dwar il-prodotti tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) anness mal-Ftehim Ewropew (ĠU L 186, 25.7.2003, p. 38).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588/KE tal-21 ta’ Lulju 2003 dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 3/2002 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Polonja tat-23 ta’ Ottubru 2002 li testendi l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll 2 dwar il-prodotti tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) anness mal-Ftehim Ewropew (ĠU L 199, 7.8.2003, p. 17).

(11)  Il-Kawża T-288/06 Huta Czestochowa [2009] Ġabra II-2247, il-paragrafu 44.

(12)  ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(13)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(14)  Id-Deċiżjoni Nru 3/2001 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Polonja tat-23 ta’ Mejju 2001 li tadotta r-regoli implimentattivi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat li għalihom qed jirreferu l-Artikoli 63(3)(iii) u (63) f’konformità mal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Polonja, min-naħa l-oħra, u fl-Artikoli 8(1)(iii) u (2) tal-Protokoll 2 2 dwar il-prodotti tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) anness mal-istess Ftehim (ĠU L 215, 9.8.2001, p. 39).


Top