EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0477

Deċiżjoni Nru 477/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta' Mejju 2010 li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE li tfassal lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet minn pajjiżi terzi, u li tistabbilixxi il-kondizzjonijiet għas-saħħa tal-annimali u dik pubblika u għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja, għall-importazzjoni lejn il-Komunità ta' ċerti annimali ħajjin u l-laħam frisk tagħhom

ĠU L 135, 2.6.2010, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/477(1)/oj

2.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/1


DEĊIŻJONI Nru 477/2010/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Mejju 2010

li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE li tfassal lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet minn pajjiżi terzi, u li tistabbilixxi il-kondizzjonijiet għas-saħħa tal-annimali u dik pubblika u għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja, għall-importazzjoni lejn il-Komunità ta' ċerti annimali ħajjin u l-laħam frisk tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 168(4)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġuni,

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 72/462/KEE tat-12 ta' Diċembru 1972 dwar il-problemi tas-saħħa u l-ispezzjonijiet veterinarji fuq l-importazzjoni ta' bhejjem tal-ifrat, mogħoż u ngħaġ u majjali, kif ukoll ta' laħam frisk jew ta’ prodotti tal-laħam minn pajjiżi terzi (3) pprevediet li għandha titfassal lista tal-pajjiżi jew tal-partijiet minnhom li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ ċerti annimali ħajjin u ta’ laħam frisk ta’ ċerti annimali.

(2)

Għalhekk, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE tal-21 ta' Diċembru 1976 li tfassal lista ta' pajjiżi terzi jew ta’ partijiet minn pajjiżi terzi, u li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għas-saħħa tal-annimali u dik pubblika u għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja, għall-importazzjoni lejn l-Unjoni ta' ċerti annimali ħajjin u l-laħam frisk tagħhom (4). Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kondizzjonijiet sanitarji għall-importazzjoni lejn l-Unjoni ta' annimali ħajjin, esklużi l-ekwidi, u għall-importazzjoni ta' laħam frisk ta’ annimali bħal dawn, inklużi l-ekwidi, iżda li teskludi l-preparazzjonijiet tal-laħam. L-Annessi I u II ta’ din id-Deċiżjoni jistabbilixxu wkoll listi ta’ pajjiżi terzi jew ta’ partijiet minnhom li minnhom ċerti annimali ħajjin u l-laħam frisk tagħhom jistgħu jiġu importati lejn l-Unjoni kif ukoll mudelli ta’ ċertifikati veterinarji.

(3)

Mid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni, għadd ta’ rekwiżiti ġodda tas-saħħa tal-annimali u dik pubblika ġew stabbiliti f’atti oħra Komunitarji, inklużi d-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (5), u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta' April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin (6), kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (7), ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (8), ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (9), u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Eworpew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (10).

(4)

Dawk l-atti Komunitarji jikkostitwixxu qafas regolatorju ġdid f’dan il-qasam u d-Direttiva 72/462/KEE ġiet ukoll mħassra mid-Direttiva 2004/68/KE.

(5)

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/68/KE jipprevedi li r-regoli ta’ implimentazzjoni stabbiliti skont id-deċiżjonijiet adottati għall-importazzjoni ta’ annimali ħajjin, ta’ laħam u ta’ prodotti tal-laħam skont id-Direttiva 72/462/KEE, inter alia d-Deċiżjoni 79/542/KEE, għandhom jibqgħu fis-seħħ sa meta jiġu ssostitwiti b' miżuri adottati skont il-qafas regolatorju l-ġdid.

(6)

Addizzjonalment, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li tħassar ċerti Direttivi rigward iġene tal-ikel u kondizzjonijiet ta' saħħa għall-produzzjoni u sabiex ikunu mqiegħda fis-suq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali intiżi għall-konsum mill-bniedem (11) jipprevedi li sakemm jiġu adottati d-dispożizzjonijiet meħtieġa fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jew tad-Direttiva 2002/99/KE, ir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati fuq il-bażi tad-Direttiva 72/462/KEE għandhom ikomplu japplikaw.

(7)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni lejn l-Unjoni Ewropea ta’ ċerti annimali u ta’ laħam frisk u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni (12), fih rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja u dispożizzjonijiet oħra li jieħdu kont tal-qafas regolatorju l-ġdid u li jissosstitwixxu dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni 79/542/KEE. Sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament, id-Deċiżjoni 79/542/KEE tkun għalhekk skadiet u ma tapplikax aktar.

(8)

Għall-fini taċ-ċarezza u t-trasparenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, id-Deċiżjoni 79/542/KEE għandha tiġi mħassra espliċitament b’effett minn dik id-data,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 79/542/KEE għandha tiġi mħassra b’effett mid-9 ta’ April 2010.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jittieħdu bħala referenzi għar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Mejju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

D. LÓPEZ GARRIDO


(1)  Opinjoni tas-16 ta' Diċembru 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' April 2010.

(3)  ĠU L 302, 31.12.1972, p. 28.

(4)  ĠU L 146, 14.6.1979, p. 15.

(5)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(6)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321.

(7)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(8)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(9)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(10)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(11)  ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33.

(12)  ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1.


Top