Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0457

    2010/457/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Awwissu 2010 li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji mogħtija għas-sustanzi attivi l-ġodda l- Candida oleophila tip O, il-jodur tal-potassju u t-tijoċjanat tal-potassju (notifikata bid-dokument numru C(2010) 5662) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 218, 19.8.2010, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/457/oj

    19.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 218/24


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta’ Awwissu 2010

    li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji mogħtija għas-sustanzi attivi l-ġodda l-Candida oleophila tip O, il-jodur tal-potassju u t-tijoċjanat tal-potassju

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 5662)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2010/457/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ sottoparagrafu tal-Artikolu 8(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Lulju 2006 ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand Bionext sprl għall-inklużjoni tas-sustanza attiva Candida oleophila tip O fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/380/KE (2) ikkonfermat li l-fajl kien komplut u li seta’ jitqies li kien jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti ta’ dejta u ta’ informazzjoni tal-Anness II u l-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

    (2)

    Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Settembru 2004 l-Pajjiżi l-Baxxi rċevew applikazzjoni mingħand Koppert Beheer BV għall-inklużjoni tas-sustanza attiva jodur tal-potassju fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/751/KE (3) ikkonfermat li l-fajl kien komplut u li seta’ jitqies li kien jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti ta’ dejta u ta’ informazzjoni tal-Anness II u l-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

    (3)

    Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Settembru 2004, il-Pajjiżi l-Baxxi rċevew applikazzjoni mingħand Koppert Beheer BV għall-inklużjoni tas-sustanza attiva tijoċjanat tal-potassju fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni 2005/751/KE kkonfermat li l-fajl kien komplut u li seta’ jitqies li kien jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti ta’ dejta u ta’ informazzjoni tal-Anness II u l-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

    (4)

    Il-konferma tal-kompletezza tal-fajls kienet meħtieġa sabiex dawn setgħu jiġu eżaminati fid-dettall u sabiex l-Istati Membri seta’ jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet provviżorji, għal perjodi sa tliet snin, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati, filwaqt li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni relatata mal-valutazzjoni dettaljata tas-sustanzi attivi u tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati minn dik id-Direttiva.

    (5)

    Għal dawn is-sustanzi attivi, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ġew ivvalutati, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikanti. L-Istat Membru relatur ressaq l-abbozzi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni rispettivi lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Frar 2008 (Candida oleophila tip O) u fis-27 ta’ Lulju 2007 (jodur tal-potassju u tijoċjanat tal-potassju).

    (6)

    Wara li tressqu l-abbozzi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni mill-Istati Membri relaturi, instab li kien hemm il-ħtieġa li tintalab iktar informazzjoni mill-applikanti u li l-Istati Membri relaturi jeżaminaw dik l-informazzjoni u jressqu l-evalwazzjoni tagħhom. Għalhekk, l-eżami tal-fajls għadha għaddejja u mhux se jkun possibbli li l-evalwazzjoni titlesta fiż-żmien stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE.

    (7)

    Minħabba li sa issa l-evalwazzjoni għadha ma identifikat l-ebda raġuni għal tħassib immedjat, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jtawlu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji mogħtija għall-prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati għal perjodu ta’ 24 xahar skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE, sabiex ikun jista’ jitkompla l-eżami tal-fajls. Huwa mistenni li l-evalwazzjoni u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta’ inklużjoni fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva tal-Candida oleophila tip O, il-jodur tal-potassju u t-tijoċjanat tal-potassju, ikunu tlestew fi żmien 24 xahar.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi Candida oleophila tip O, il-jodur tal-potassju jew it-tijoċjanat tal-potassju għal perjodu li jiskadi, l-iktar tard, fil-31 ta’ Awwissu 2012.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2012.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Awwissu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

    (2)  ĠU L 141, 2.6.2007, p. 78.

    (3)  ĠU L 282, 26.10.2005, p. 18.


    Top