Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0445

    2010/445/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/445/PESK tal- 11 ta’ Awwissu 2010 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi fil-Ġeorġja

    ĠU L 211, 12.8.2010, p. 33–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/03/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/445/oj

    12.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 211/33


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/445/PESK

    tal-11 ta’ Awwissu 2010

    li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi fil-Ġeorġja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-25 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/760/PESK (1) li taħtar lis-Sur Pierre MOREL bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “ir-RSUE”) għall-kriżi fil-Ġeorġja sat-28 ta’ Frar 2009.

    (2)

    Fit-22 ta’ Frar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/106/PESK (2) li testendi l-mandat tar-RSUE sal-31 ta’ Awwissu 2010.

    (3)

    Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Awwissu 2011. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem “ir-RGħ”) wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

    (4)

    Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Il-mandat tas-Sur Pierre MOREL bħala r-RSUE għall-kriżi fil-Ġeorġja huwa b’dan estiż sal-31 ta’ Awwissu 2011. Il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-RGħ wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

    Artikolu 2

    Objettivi

    Il-mandat tar-RSUE għall-kriżi fil-Ġeorġja għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi stabbiliti mill-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew fi Brussell tal-1 ta’ Settembru 2008 u mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2008 dwar il-Ġeorġja.

    Ir-RSUE għandu jtejjeb l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-UE” jew “l-Unjoni”) fl-għajnuna mogħtija għar-riżoluzzjoni tal-konflitt fil-Ġeorġja.

    Artikolu 3

    Mandat

    Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

    (a)

    l-ewwel nett, jikkontribwixxi fit-tħejjija tad-diskussjonijiet internazzjonali li għandhom isiru skont il-punt 6 tal-pjan ta’ soluzzjoni tat-12 ta’ Awwissu 2008, li ser ikopru b’mod partikolari:

    l-arranġamenti għas-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun,

    il-kwistjoni tar-refuġjati u ta’ persuni spostati internament, abbażi tal-prinċipji rikonoxxuti fil-livell internazzjonali,

    kwalunkwe suġġett ieħor, bi qbil komuni bejn il-partijiet;

    it-tieni, jikkontribwixxi biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni u jirrappreżentaha, fil-livell tiegħu, f’dawk id-diskussjonijiet;

    (b)

    jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-ftehim konkluż fit-8 ta’ Settembru 2008 f’Moska u fi Tbilisi, kif ukoll il-ftehim tat-12 ta’ Awwissu 2008 f’koordinazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti u mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa (OSKE);

    fil-qafas tal-attivitajiet imsemmija hawn fuq, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-approċċ tagħha f’dan il-qasam, partikolarment fir-rigward tat-tfal u n-nisa.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni tal-mandat

    1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

    2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem “il-KPS”) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2010 sal-31 ta’ Awwissu 2011 għandu jkun ta’ EUR 700 000.

    2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

    Artikolu 6

    Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim

    1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.

    2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal sabiex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-persunal issekondat lir-RSUE minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jiġi kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE kkonċernati, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu jiġu stazzjonati wkoll mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

    3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni mandanti tal-Unjoni u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

    Artikolu 7

    Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

    Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/partijiet, ospitanti kif adatt. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

    Artikolu 8

    Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

    Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

    Artikolu 9

    Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

    1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.

    2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    Konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat f’kapaċità operattiva barra mill-Unjoni taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, konformement mal-mandat tiegħu u abbażi tas-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sabiex jiżgura s-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, speċjalment billi:

    (a)

    jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni abbażi tad-direzzjoni mogħtija mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jipprovdi għal miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment sigur tal-persunal lejn u ġewwa ż-żona tal-missjoni, u l-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u li jipprovdi għal pjan ta’ kontinġenza u pjan ta’ evakwazzjoni tal-missjoni;

    (b)

    jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif ikunu jeħtieġu l-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

    (c)

    jiżgura li l-membri kollha tat-tim tiegħu li jiġu skjerati barra mill-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta’ sigurtà adatt qabel jew mal-wasla tagħhom fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-livell ta’ riskju mogħti liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

    (d)

    jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà, u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 11

    Rapportar

    Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport, kif meħtieġ, lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.

    Artikolu 12

    Koordinazzjoni

    1.   Ir-RSUE għandu jippromovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni jintużaw b’mod koerenti sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk tar-RSUE l-oħra attivi fir-reġjun, u partikolarment ma’ dawk tar-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar filwaqt li jkunu rispettati l-objettivi speċifiċi tal-mandat ta’ dan tal-aħħar. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

    2.   Fuq il-post għandhom jinżammu kuntatti mill-qrib mal-Kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar li jistgħu sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat tiegħu. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.

    Artikolu 13

    Reviżjoni

    L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress fl-aħħar ta’ Frar 2011 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. VANACKERE


    (1)  ĠU L 259, 27.9.2008, p. 16.

    (2)  ĠU L 46, 23.2.2010, p. 5.

    (3)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.


    Top