Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0424(13)

Deċiżjoni Nru U3 tat- 12 ta’ Ġunju 2009 rigward l-ambitu tal-kunċett qgħad parzjali li japplika għal persuni qiegħda msemmija fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’relevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

ĠU C 106, 24.4.2010, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

24.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 106/45


DEĊIŻJONI Nru U3

tat-12 ta’ Ġunju 2009

rigward l-ambitu tal-kunċett “qgħad parzjali” li japplika għal persuni qiegħda msemmija fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

2010/C 106/13

IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TA’ SIGURTÀ SOĊJALI,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), li taħtu l-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli li tittratta l-mistoqsijiet amministrattivi kollha jew il-mistoqsijiet kollha ta’ interpretazzjoni li joħorġu mid-dipożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2),

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

Billi:

(1)

L-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 fih dispożizzjoni li tikkostitwixxi eżenzjoni, fil-każ ta’ ħaddiema qiegħda għal kollox, mill-prinċipju ġenerali ta’ lex loci laboris stipulat fl-Artikolu 11(3)(a) tal-imsemmi Regolament.

(2)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna għandhiex titqies qiegħda għal kollox jew inkella parzjalment, għandhom jiġu applikati kriterji Komunitarji uniformi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 65(1) u (2) tal-imsemmi Regolament. Din it-tip ta’ valutazzjoni ma tistax issir fuq il-bażi ta’ kriterji meħuda mil-liġi nazzjonali.

(3)

Minħabba li l-prassi tal-istituzzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri differenti tirrifletti differenzi fl-interpretazzjoni dwar in-natura tal-qgħad, huwa importanti li jiġi speċifikat l-ambitu tal-imsemmi Artikolu bil-għan li jiġu adottati kriterji uniformi u bbilanċjati għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu mill-imsemmija istituzzjonijiet.

(4)

Skont l-Artikolu 65(2) tar-Regoalment (KE) Nru 883/2004, persuna qiegħda għal kollox li ma għad għandha l-ebda rabta mal-Istat Membru kompetenti tirċievi benefiċċji tal-qgħad mill-istituzzjoni tal-pajjiż li fih tkun residenti.

(5)

Valutazzjoni dwar jekk teżistix rabta ta’ impjieg jew le, jew inkella dwar jekk din tkunx qed tinżamm, tkun imsejsa għal kollox fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat fejn qed jingħata l-impjieg.

(6)

L-għan li jitħarsu l-persuni li jinsab stipulat fl-Artikolu 65 tar-Regolament ma jintlaħaqx kemm-il darba persuna li tkun baqgħet impjegata mal-istess intrapriża fi Stat Membru differenti minn dak li tkun toqgħod fih — wara li l-attività tagħha tkun ġiet sospiża — tkun baqgħet titqies, f’kull każ, qiegħda għal kollox, hekk li tintalab tapplika lill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza tagħha sabiex tikseb il-benefiċċji tal-qgħad.

Filwaqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

1.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, id-definizzjoni tan-natura tal-qgħad (jiġifieri jekk huwiex parzjali jew sħiħ) għandha tiddependi fuq jekk teżistix, jew tkunx qed tinżamm, xi rabta ta’ impjieg kuntrattwali bejn il-partijiet, u mhux fuq id-dewmien ta’ xi sospensjoni temporanja tal-attività tal-ħaddiem.

2.

Jekk persuna tibqa’ impjegata minn intrapriża fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza, iżda l-attività tagħha tiġi sospiża għalkemm tkun tista’ terġa’ lura għall-kariga tagħha meta trid, il-persuna msemmija għandha titqies bħala qiegħda b’mod parzjali, u l-benefiċċji korrispondenti għandhom jiġu pprovduti mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru fejn qed jingħata l-impjieg skont l-Artikolu 65(1) tal-imsemmi Regolament.

3.

Jekk persuna, fin-nuqqas ta’ rabta ta’ impjieg kuntrattwali, ma jkollha l-ebda rabta mal-Istat Membru tal-impjieg (pereżempju minħabba li tkun intemmet jew skadiet ir-rabta kuntrattwali tal-impjieg) din għandha titqies bħala qiegħda għal kollox skont l-Artikolu 65(2) tal-imsemmi Regolament, u l-benefiċċji għandhom jiġu pprovduti mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza.

4.

Jekk persuna li taħdem għal rasha ma tkun qed twettaq l-ebda attività professjonali jew kummerċjali fl-Istat Membru tal-attività, din għandha titqies bħala qiegħda għal kollox skont l-Artikolu 65(2) tal-imsemmi Regolament, u l-benefiċċji għandhom jiġu pprovduti mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza.

5.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tibda tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

Gabriela PIKOROVÁ


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.


Top