EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0424(02)

Deċiżjoni Nru A2 tat- 12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiema stazzjonati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom li jaħdmu temporanjament barra l-Istat kompetenti (Test b’relevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

ĠU C 106, 24.4.2010, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

24.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 106/5


DEĊIŻJONI Nru A2

tat-12 ta’ Ġunju 2009

dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiema stazzjonati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom li jaħdmu temporanjament barra l-Istat kompetenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

2010/C 106/02

IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (1), li taħtu l-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli li twieġeb għall-kwistjonijiet amministrattivi jew il-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni kollha li jinqalgħu mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2),

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

Wara li kkunsidrat l-Artikoli 5, 6 u 14 sa 21 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009,

Billi:

(1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li jipprevedu eċċezzjoni għar-regola ġenerali mniżżla fl-Artikolu 11(3)a tar-Regolament imsemmi, jimmiraw b’mod partikolari biex jiffaċilitaw il-libertà li jipprovdu servizzi għall-benefiċċju ta’ impjegati li jistazzjonaw il-ħaddiema fi Stati Membri minbarra dawk fejn huma stabbiliti, kif ukoll il-libertà biex ħaddiema jittrasferixxu rwieħhom fi Stati Membri oħra. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan ukoll li jegħlbu l-ostakoli li jistgħu jxekklu l-libertà ta’ moviment ta’ ħaddiema u li jħeġġu l-interpenetrazzjoni ekonomika waqt li jevitaw kumplikazzjonijiet amministrattivi, speċjalment għall-ħaddiema u għall-impriżi.

(2)

L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk huwa li jevitaw, għall-ħaddiema, l-impjegati u l-istituzzjonijiet soċjali, il-kumplikazzjonijiet amministrattivi li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 11(3)a tar-Regolament imsemmi meta l-perjodu ta’ impjieg ikun ta’ qasir żmien fi Stat Membru minbarra dak fejn l-impriża jkollha l-uffiċċju rreġistrat jew post tan-negozju jew l-Istat fejn il-persuna li taħdem għal rasha normalment twettaq l-attivitajiet tagħha.

(3)

Għal dan il-għan, l-ewwel kundizzjoni deċiżiva għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament imsemmi hija l-eżistenza ta’ relazzjoni diretta bejn dak li jħaddem u l-ħaddiem tiegħu.

(4)

Il-protezzjoni tal-ħaddiem u s-sigurtà legali li għalihom hu u l-istituzzjoni li magħha huwa assigurat huma intitolati jeħtieġu garanziji sħaħ li r-relazzjoni diretta tinżamm matul il-perjodu ta’ stazzjonament.

(5)

It-tieni kundizzjoni deċiżiva għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament imsemmi hija l-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-impjegat u l-Istat Membru fejn huwa stabbilit. Il-possibbiltà ta’ stazzjonament għandha għalhekk tkun ristretta biss għall-impriżi li normalment iwettqu l-attivitajiet tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tibqa’ applikabbli għall-ħaddiem stazzjonat; billi wieħed jassumi għalhekk li d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq japplikaw biss għall-impriżi li normalment iwettqu attivitajiet sostanzjali fit-territorju tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti.

(6)

Għandhom jiġu speċifikati perjodi indikattivi għal persuni impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom bla ħsara għal evalwazzjoni każ b’każ.

(7)

Ma jista’ jkun hemm l-ebda garanzija li tinżamm ir-relazzjoni diretta jekk il-ħaddiem stazzjonat isir disponibbli għal impriża terza.

(8)

Huwa meħtieġ li wieħed ikun jista’ jwettaq, matul il-perjodu tal-istazzjonament, il-verifikar kollu, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet u ż-żamma tar-relazzjoni diretta, meħtieġa biex jiġi evitat l-użu ħażin tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, u biex jiġi żgurat li l-entitajiet amministrattivi, l-impjegati u l-ħaddiema jiġu infurmati b’mod xieraq.

(9)

Il-ħaddiem u dak li jħaddem għandhom jiġu infurmati b’mod xieraq bil-kundizzjonijiet li taħthom il-ħaddiem stazzjonat jitħalla li jibqa’, soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż minn fejn ikun ġie stazzjonat.

(10)

Il-qagħda tal-impriżi u l-ħaddiema għandha tiġi evalwata u ssorveljata mill-istituzzjonijiet kompetenti bil-garanziji xierqa sabiex ma tixxekkilx il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema.

(11)

Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, stabbilit fl-Artikolu 10 tat-Trattat, iqiegħed diversi ta’ obbligi fuq l-istituzzjonijiet kompetenti għall-għan tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

Filwaqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

1.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandhom japplikaw għal ħaddiem suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (l-Istat li jibgħat) permezz tat-twettieq ta’ attività fl-impieg ta’ min iħaddem u li jintbagħat minn dak li jħaddem lejn Stat Membru ieħor (Stat tal-impieg) sabiex iwettaq xogħol hemmhekk għal dak li jħaddem.

Ix-xogħol għandu jitqies li qed jitwettaq għal min iħaddem mill-Istat li qed jibgħat jekk ġie stabbilit li dan ix-xogħol qed jitwettaq għal dak li jħaddem u li qed tkompli teżisti relazzjoni diretta bejn il-ħaddiem u dak li jħaddem li stazzjonah.

Sabiex jiġi stabbilit jekk relazzjoni diretta bħal din għadhiex teżisti, filwaqt li wieħed jassumi għalhekk li l-ħaddiem għadu taħt l-awtorità ta’ dak li jħaddem li nkarigah/a, iridu jitqiesu diversi elementi, inkluża r-responsabbiltà għar-reklutaġġ, il-kuntratt tal-impjieg, ir-remunerazzjoni (mingħajr ħsara għall-ftehim possibbli bejn min iħaddem fl-Istat li qed jibgħat u l-impriża fl-Istat tal-istazzjonament dwar il-ħlas lill-ħaddiema) it-tkeċċija, u l-awtorità li tiddetermina n-natura tax-xogħol.

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, bħala indikazzjoni, li wieħed ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit min iħaddem għal mill-inqas xahar jista’ jitqies li jilħaq ir-rekwiżit imsemmi bil-kliem “minnufih qabel il-bidu tal-impjieg tiegħu”. Perjodi iqsar jeħtieġu evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ fil-waqt li jitqiesu l-fatturi kollha involuti.

Sabiex, meta jkun neċessarju u f’każijiet ta’ dubju, jiġi ddeterminat jekk min iħaddem normalment iwettaqx attivitajiet sostanzjali fit-territorju tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit, l-istituzzjoni kompetenti f’dan tal-aħħar huwa meħtieġ li teżamina l-kriterji kollha li jikkaratterizzaw l-attivitajiet imwettqa min-naħa ta’ dak li jħaddem, inkluż il-post fejn l-impriża jkollha l-uffiċċju rreġistrat u l-amministrazzjoni tagħha, l-għadd ta’ persunal amministrattiv li jkun qed jaħdem fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit u fl-Istat Membru l-ieħor, il-post fejn il-ħaddiema stazzjonati jiġu reklutati u l-post fejn il-maġġoranza tal-kuntratti bi klijenti jiġu konklużi, il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-impriża mal-ħaddiema tagħha min-naħa, u mal-klijenti tagħha min-naħa l-oħra, il-fatturat waqt perjodu tipiku xieraq f’kull Stat Membru kkonċernat u l-għadd ta’ kuntratti mwettqa fl-Istat li jibgħat. Din mhijiex lista eżawrjenti, minħabba li l-kriterji għandhom jiġu adattati għal kull każ speċifiku u jqisu n-natura tal-attivitajiet mwettqa min-naħa tal-impriża fl-Istat fejn hija stabbilita.

2.

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, is-sodisfazzjon tar-rekwiżiti fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-persuna huwa evalwat fuq kriterji bħal li jkollha l-possibbiltà ta’ użu ta’ uffiċċju, li tħallas it-taxxi, li jkollha kard professjonali u numru tal-VAT jew li tkun reġistrata mal-kmamar tal-kummerċ jew ma’ entitajiet professjonali. Bħala indikazzjoni, li persuna twettaq l-attivitajiet tagħha għal mill-inqas xahrejn jista’ jitqies bħala li tilħaq ir-rekwiżit imsemmi bil-kliem “għal xi żmien qabel id-data meta tkun tixtieq tieħu vantaġġ mid-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu”. Perjodi iqsar għandhom jeħtieġu evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ li tqis il-fatturi kollha involuti.

3.

(a)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu jkompli japplika għall-istazzjonar tal-persunal jekk il-ħaddiem, stazzjonat minn impriża fl-Istat li jibgħat f’impriża fl-Istat tal-impjieg, jiġi stazzjonat ukoll f’impriża waħda jew iktar fl-istess Stat ta’ impjieg, sakemm, madankollu, il-ħaddiem ikompli jwettaq xogħlu għall-impriża li tkun stazzjonatu. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk l-impriża tkun stazzjonat il-ħaddiem fi Stat Membru sabiex hemmhekk ikun jista’ jagħmel xogħlijiet suċċessivi jew xogħlijiet f’daqqa f’żewġ impriżi jew iktar li jinsabu fl-istess Stat Membru. L-element essenzjali u deċiżiv huwa li x-xogħol ikompli jitwettaq f’isem l-impriża tal-istazzjonament.

L-istazzjonar fi Stati Membri differenti minnufih wieħed wara l-ieħor f’kull każ se jagħti lok għal stazzjonament ġdid fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

(b)

Waqfa qasira tal-attivitajiet tal-ħaddiem mal-impriża fl-Istat tal-impjieg, hi x’inhi r-raġuni (vaganzi, mard, taħriġ fl-impriża tal-istazzjonament…), m’għandhiex tikkostitwixxi interruzzjoni fil-perjodu tal-istazzjonament fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

(c)

Minn meta ħaddiem ikun spiċċa perjodu ta’ stazzjonament, ma jista’ jiġi awtorizzat l-ebda perjodu ġdid ta’ stazzjonament għall-istess ħaddiem, l-istess impriżi jew l-istess Stat Membru sa ma jgħaddu mill-inqas xahrejn mid-data ta’ skadenza tal-perjodu tal-istazzjonament ta’ qabel. Deroga minn dan il-prinċipju hija, madankollu, permissibbli f’ċirkostanzi speċifiċi.

4.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 m’għandhomx japplikaw jew għandhom jieqfu milli japplikaw b’mod partikolari:

(a)

jekk l-impriża fejn ikun stazzjonat il-ħaddiem tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ impriża oħra fl-Istat Membru fejn tkun tinsab;

(b)

jekk il-ħaddiem stazzjonat fi Stat Membru jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ impriża li tkun fi Stat Membru ieħor;

(c)

jekk il-ħaddiem jiġi reklutat fi Stat Membru sabiex jintbagħat minn impriża li tkun qiegħda fi Stat Membru ieħor għal impriża fi Stat Membru terz.

5.

(a)

L-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li għal-leġiżlazzjoni tagħha l-persuna kkonċernata tibqa’ suġġetta skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, fil-każijiet previsti b’din id-Deċiżjoni, għandha tinfurma kif jixraq lil min iħaddem u l-ħaddiem ikkonċernat bil-kundizzjonijiet li bihom il-ħaddiem stazzjonat jista’ jkompli jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni tiegħu. Min iħaddem għandu għalhekk ikun infurmat bil-possibbiltà ta’ kontrolli matul il-perjodu tal-istazzjonament sabiex ikun żgurat li dan il-perjodu ma jkunx għadda. Kontrolli bħal dawn jistgħu ikollhom x’jaqsmu, partikolarment, mal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet u l-manteniment tar-relazzjoni diretta.

L-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li għal-leġiżlazzjoni tagħha l-persuna kkonċernata tibqa’ suġġetta skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, għandha tinfurmaha kif jixraq bil-kundizzjonijiet li bihom il-ħaddiem jista’ jkompli jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni tiegħu. Il-persuna kkonċernata għalhekk għandha tiġi infurmata dwar il-possibbiltà tal-verifiki matul il-perjodu li fih hija twettaq attività fl-istat fejn hija attiva, sabiex taċċerta li l-kundizzjonijiet li japplikaw għal dik l-attività ma nbiddlux. Verifiki bħal dawn jistgħu jirrelataw, b’mod partikolari, għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet u ż-żamma tal-infrastruttura meħtieġa biex ikompli l-attività tiegħu fl-Istat fejn huwa stabbilit.

(b)

Barra minn hekk, il-ħaddiem inkarigat u min iħaddmu għandu jgħarraf lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat li jibgħat b’kull bidla li tkun saret waqt il-perjodu tal-istazzjonament, partikolarment:

jekk l-istazzjonament li tkun saret l-applikazzjoni għalih fl-aħħar mill-aħħar ma jkunx seħħ,

jekk l-attività tkun interrotta b’mod ieħor għajr dak pprovdut fil-paragrafu 3(b) ta’ din id-Deċiżjoni,

jekk il-ħaddiem stazzjonat ikun ġie assenjat minn min iħaddmu għal impriża oħra fl-Istat li jibgħat, b’mod partikolari fil-każ ta’ merġer jew trasferiment ta’ impriża.

(c)

L-istituzzjoni kompetenti tal-Istat li jibgħat għandha, fejn jixraq u fuq talba, tipprovdi l-istituzzjoni tal-Istat tal-impieg bl-informazzjoni msemmija fis-subparagrafu (b).

(d)

L-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istat li jibgħat u l-Istat tal-impieg għandhom jikkoperaw fit-twettiq tal-verifiki msemmija hawn fuq u fejn hemm dubju dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

6.

L-istituzzjonijiet kompetenti għandhom jevalwaw u jissorveljaw is-sitwazzjonijiet koperti bl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u jipprovdu li min iħaddem u l-ħaddiema bil-garanziji xierqa kollha sabiex ma jostakolawx il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema. B’mod partikolari, il-kriterji użati għall-evalwazzjoni dwar jekk min iħaddem normalment iwettaqx attivitajiet fit-territorju ta’ Stat, jekk teżistix relazzjoni diretta bejn l-impriża u l-ħaddiem, jew jekk il-ħaddiem li jaħdem għal rasu iżommx l-infrastruttura meħtieġa biex iwettaq l-attività tiegħu fi Stat, għandhom jiġu applikati b’mod konsistenti u b’mod ekwu fl-istess sitwazzjonijiet jew f’sitwazzjonijiet simili.

7.

Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għall-għan tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u għandha tiffaċilità x-xogħol ta’ segwitu u l-iskambju ta’ informazzjoni, l-esperjenza u l-prattika tajba meta jsir l-iffissar u l-gradazzjoni tal-kriterji għall-evalwazzjoni tal-qagħdiet tal-impriżi u l-ħaddiema, u f’konnessjoni mal-miżuri ta’ kontroll fis-seħħ. Għal dan il-għan, se tfassal fi stadji, għall-benefiċċju tal-awtoritajiet amministrattivi, l-impriżi u l-ħaddiema, gwida ta’ prattika tajba dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema u dwar il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom li jwettqu attività sekondarja barra l-Istat fejn huma stabbiliti.

8.

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tibda tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

Gabriela PIKOROVÁ


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.


Top