This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0424(01)
Decision No A1 of 12 June 2009 concerning the establishment of a dialogue and conciliation procedure concerning the validity of documents, the determination of the applicable legislation and the provision of benefits under Regulation (EC) No 883/2004 of the European Parliament and of the Council (Text of relevance to the EEA and to the EC/Switzerland Agreement)
Deċiżjoni Nru A1 tat- 12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni dwar il-validità ta’ dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-provvista ta’ benefiċċji skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’relevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)
Deċiżjoni Nru A1 tat- 12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni dwar il-validità ta’ dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-provvista ta’ benefiċċji skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’relevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)
ĠU C 106, 24.4.2010, p. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
24.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 106/1 |
DEĊIŻJONI Nru A1
tat-12 ta’ Ġunju 2009
dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni dwar il-validità ta’ dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-provvista ta’ benefiċċji skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)
2010/C 106/01
IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), li taħtu l-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli li tittratta l-mistoqsijiet amministrattivi kollha jew il-mistoqsijiet kollha ta’ interpretazzjoni li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2),
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 76, (3), (4) sub 2 u (6) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar id-dmirijiet ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni tar-Regolamenti,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, dwar il-valur legali ta’ dokumenti u l-evidenza ta’ sostenn li juru l-pożizzjoni ta’ persuna,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-leġiżlazzjoni u l-għoti provviżorju ta’ benefiċċji f’każijiet fejn hemm differenza ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ tnejn jew iktar Stati Membri dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, dwar l-istabbiliment ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, dwar l-istabbiliment ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 68 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,
Billi:
(1) |
Wieħed mill-fatturi ewlenin għat-tħaddim effiċjenti tar-regoli Komunitarji għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà nazzjonali hija l-kooperazzjoni effettiva u mill-qrib bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri differenti. |
(2) |
Wieħed mill-elementi ta’ kooperazzjoni tajba skont ir-Regolamenti huwa l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijet u l-persuni, li għandu jkun bbażat fuq il-prinċipji tas-servizz pubbliku, l-effiċjenza, l-assistenza attiva, it-twassil rapidu u l-aċċessibbiltà. |
(3) |
Huwa fl-interess kemm tal-istituzzjonijet kif ukoll tal-awtoritajiet, u l-persuni kkonċernati li l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-istabbiliment u d-determinazzjoni tad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-persuna kkonċernata tiġi provvduta u skambjata mingħajr dewmien. |
(4) |
Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, kif ukoll stipulat fl-Artikolu 10 tat-Trattat, jirrikjedi wkoll li l-istituzzjonijiet jagħmlu evalwazzjoni xierqa tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tar-Regolamenti. Meta jkun hemm dubju dwar il-validità ta’ dokument jew dwar il-korrettezza tal-evidenza ta’ sostenn u meta jkun hemm differenza ta’ fehmiet bejn l-Istati Membri dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli jew liema istituzzjoni għandha tipprovdi l-benefiċċju, huwa fl-interess tal-persuni koperti bir-Regolament KE Nru 883/2004 li l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati jilħqu ftehim f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. |
(5) |
L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 jipprevedu proċedura ta’ konċiljazzjoni li trid tiġi segwita fil-każijiet li ġejjin. |
(6) |
Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonfermaw u jestendu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 (3), skont liema ġiet żviluppata proċedura standard għal tilwim bejn l-Istati Membri dwar il-validità ta’ ċertifikati ta’ trasferiment li ġiet ikkonsolidata fid-Deċiżjoni 181 ta’ qabel tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-Sigurtà Soċjali għal Ħaddiema Migranti (4). |
(7) |
Kemm l-Artikolu 5 kif ukoll l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 jipprevedu l-possibbiltà li jirreferu l-kwistjoni lill-Kummissjoni Amministrattiva fil-każ li ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim bejn l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet ikkonċernati. |
(8) |
L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 jipprevedi li din il-proċedura għandha tiġi segwita wkoll meta jkun hemm differenza ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. |
(9) |
L-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 fih referenza simili għall-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament fil-każ ta’ differenza ta’ fehmiet dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli bid-dritt ta’ prijorità fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja. |
(10) |
Dawn id-dispożizzjonijiet isibu l-bażi tagħhom fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, skont liema fil-każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, l-istituzzjoni tal-Istat Membru kompetenti jew l-Istat ta’ residenza tikkuntattja l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati u skont liema l-kwistjoni tista’ tiġi referuta lill-Kummissjoni Amministrattiva jekk l-ebda soluzzjoni ma tkun tista’ tinstab f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. |
(11) |
L-Istati Membri esprimew il-bżonn li jistabbilixxu proċedura standard li trid tiġi segwita qabel ma kwistjoni tkun tista’ tiġi referuta lill-Kummissjoni Amministrattiva u li jiġi definit b’mod iktar preċiż ir-rwol tal-Kummissjoni Amministrattiva fir-rikonċiljazzjoni tal-fehmiet opposti li jħaddnu l-istituzzjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli. |
(12) |
Diġà ġiet stabbilita proċedura simili f’diversi ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri. Ftehim ta’ din ix-xorta serva bħala mudell għal din id-Deċiżjoni. |
(13) |
Hu rakkomandat li, sabiex titħaffef il-proċedura, il-komunikazzjoni bejn il-persuni ta’ kuntatt tal-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet issir permezz ta’ mezzi elettroniċi. Filwaqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni li tista’ tintuża fil-każijiet li ġejjin:
(a) |
Każijiet meta jkun hemm dubju dwar il-validità ta’ dokument jew dwar il-korrettezza ta’ evidenza ta’ sostenn li tiddikjara l-pożizzjoni ta’ persuna għall-għan tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 jew tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 jew |
(b) |
Każijiet meta jkun hemm differenza fil-fehmiet bejn l-Istati Membri dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. |
2. Il-proċedura tad-djalogu u konċiljazzjoni għandha tiġi segwita qabel ma l-kwistjoni tingħadda lill-Kummissjoni Amministrattiva.
3. Din id-Deċiżjoni tapplika bla ħsara għall-proċeduri amministrattivi li jridu jiġu segwiti skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.
4. Fil-każ li l-kwistjoni ssir is-suġġett ta’ appell ġuridiku jew amministrattiv skont il-liġi nazzjonali fl-Istat Membru tal-Istituzzjoni li ħareġ id-dokument fil-kwistjoni, il-proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni għandha tiġi sospiża.
5. L-istituzzjoni jew l-awtorità li tesprimi dubji dwar il-validità ta’ dokument li jinħareġ minn istituzzjoni jew awtorità ta’ Stat Membru ieħor, jew li ma taqbilx mad-determinazzjoni (provviżorja) tal-leġiżlazzjoni applikabbli hija minn issa ’l quddiem imsejħa l-istituzzjoni li qed tagħmel it-talba. L-istituzzjoni tal-Istat Membru l-ieħor minn issa ’l quddiem se tissejjaħ l-istituzzjoni mitluba.
L-ewwel stadju tal-proċedura ta’ djalogu
6. |
Fil-każ li jkun hemm waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija taħt l-ewwel punt, l-istituzzjoni li qed tagħmel it-talba għandha tikkuntattja l-istituzzjoni mitluba biex tistaqsi għall-kjarifiki neċessarji tad-deċiżjoni tagħha u, meta jixraq, biex tirtira jew tiddikjara invalidi d-dokument rilevanti, jew biex tirrevedi jew tannulla d-deċiżjoni tagħha. |
7. |
L-istituzzjoni li qed tagħmel it-talba tissostanzja t-talba tagħha, billi tindika li din id-deċiżjoni tapplika u tipprovdi evidenza rilevanti ta’ sostenn li tat lok għat-talba. Għandha tindika min se tkun il-persuna ta’ kuntatt tagħha waqt l-ewwel stadju tal-proċedura tad-djalogu. |
8. |
L-istituzzjoni mitluba għandha tikkonferma li tkun irċeviet it-talba permezz tal-posta elettronika jew faks mingħajr dewmien mhux aktar tard minn għaxart ijiem minn meta tirċievi t-talba. Trid tindika wkoll min se tkun il-persuna ta’ kuntatt tagħha waqt l-ewwel stadju tal-proċedura tad-djalogu. |
9. |
L-istituzzjoni mitluba trid tinforma lill-istituzzjoni li qed tagħmel it-talba dwar ir-riżultat tal-investigazzjoni tagħha kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux iktar tard minn tliet xhur wara li tkun irċeviet it-talba. |
10. |
Jekk id-deċiżjoni oriġinali tiġi kkonfermata, annullata u/jew id-dokument huwa rtirat jew iddikjarat invalidu, l-istituzzjoni mitluba għandha tinnotifika lill-istituzzjoni li qed tagħmel it-talba. Hija għandha tinnotifika wkoll il-persuna kkonċernata u, fejn rilevanti, min qed jimpjegaha, b’din id-deċiżjoni u bil-proċeduri skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali biex tikkuntesta din id-deċiżjoni. |
11. |
Jekk l-istituzzjoni mitluba ma tkunx tista’ tikkonkludi l-investigazzjoni tagħha fi żmien tliet xhur, minħabba l-kumplessità tal-każ jew minħabba li l-verifika ta’ ċerta dejta teħtieġ l-involviment ta’ istituzzjoni oħra, tista’ testendi l-limitu ta’ żmien b’perjodu massimu ta’ tliet xhur. L-istituzzjoni mitluba għandha tinforma lill-istituzzjoni li qed tagħmel it-talba bl-estensjoni kemm jista’ jkun malajr iżda mill-inqas ġimgħa qabel ma tiskadi l-ewwel skadenza, billi tissostanzja r-raġunijiet għad-dewmien u tipprovdi ż-żmien indikattiv sa meta għandha titlesta l-investigazzjoni. |
12. |
F’ċirkostanzi eċċezzjonali ħafna, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiftiehmu biex jidderogaw mil-limiti ta’ żmien definiti skont il-punti 9 u 11, sakemm l-estensjoni tkun ġustifikata u proporzjonata fid-dawl ta’ ċirkostanzi individwali u li l-estensjoni hija limitata fiż-żmien. |
It-tieni stadju tal-proċedura ta’ djalogu
13. |
Jekk l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim waqt l-ewwel stadju tal-proċedura tad-djalogu, jew jekk l-istituzzjoni mitluba ma kinitx tista’ tkompli l-investigazzjoni tagħha fi żmien sitt xhur wara li tkun irċeviet it-talba, l-istituzzjonijiet għandhom jinnotifikaw l-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Kull istituzzjoni għandha tħejji rekord tal-attivitajiet tagħha. |
14. |
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiddeċiedu li jibdew it-tieni stadju tal-proċedura tad-djalogu jew biex jirreferu l-kwistjoni direttament lill-Kummissjoni Amministrattiva. |
15. |
Jekk l-awtoritajiet kompetenti jibdew it-tieni stadju tal-proċedura tad-djalogu, għandhom jaħtru persuna ta’ kuntatt ċentrali kull wieħed fi żmien ġimagħtejn wara li jkunu ġew innotifikati mill-istituzzjonijiet. Il-persuni ta’ kuntatt mhux neċessarjament ikollhom bżonn kompetenza diretta dwar is-suġġett. |
16. |
Il-persuni ta’ kuntatt għandhom jippruvaw isibu ftehim dwar il-kwistjoni fi żmien sitt ġimgħat wara l-ħatra tagħhom. Kull persuna ta’ kuntatt għandha tħejji rekord tal-attivitajiet tagħha u tinnotifika l-istituzzjonijiet bir-riżultat tat-tieni stadju tal-proċedura tad-djalogu. |
Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni
17. |
Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim waqt il-proċedura ta’ djalogu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jressqu l-każ quddiem l-Kummissjoni Amministrattiva. Kull awtorità kompetenti għandha tħejji memorandum għall-Kummissjoni Amministrattiva bil-punti ewlenin ta’ tilwim. |
18. |
Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tkun tressqet quddiemha. Tista’ tiddeċiedi li tirreferi l-kwistjoni lill-Bord ta’ Konċiljazzjoni, li jista’ jitwaqqaf skont ir-regoli tal-Kummissjoni Amministrattiva. |
Dispożizzjonijiet finali
19. |
L-Istati Membri għandhom kull sena jirrapportaw lill-Kummissjoni Amministrattiva d-dejta tagħhom dwar l-għadd ta’ tilwim fejn tapplika l-proċedura ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri involuti, il-kwistjonijiet ewlenin, it-tul tal-proċedura, u r-riżultat tal-proċedura. |
20. |
L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-ewwel rapport annwali tagħhom fi żmien tliet xhur wara l-ewwel sena minn meta tibda tapplika din id-deċiżjoni. |
21. |
Fi żmien tliet xhur wara li jkunu wasslu l-ewwel rapporti annwali, il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tevalwa l-esperjenzi tal-Istati Membri mal-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li tqis ir-rapporti tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha, wara l-ewwel sena, tiddeċiedi jekk ir-rappurtaġġ għandux ikompli fuq bażi annwali jew le. |
22. |
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tibda tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. |
Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva
Gabriela PIKOROVÁ
(1) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(2) ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.
(4) ĠU L 329, 14.12.2001, p. 73.