EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0403

2010/403/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 14 ta’ Lulju 2010 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana fl-Italja u l-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna fl-Italja, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (notifikata bid-dokument numru C(2010) 4740) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 186, 20.7.2010, p. 44–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/04/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/403/oj

20.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/44


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Lulju 2010

li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana fl-Italja u l-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna fl-Italja, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 4740)

(It-test Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/403/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(5) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba ppreżentata mill-Compagnia Valdostana delle Acque S.p.A. – Compagnie Valdôtaine des eaux S.p.A. (minn hawn ’il quddiem “CVA”) permezz ta’ e-mail tal-15 ta’ Frar 2010,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

Billi:

I.   FATTI

(1)

Fil-15 ta’ Frar 2010, CVA bagħtet talba skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE lill-Kummissjoni permezz ta’ e-mail. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-Awtoritajiet Taljani permezz ta’ e-mail tal-15 ta’ April 2010, u mingħand CVA permezz ta’ e-mail tal-15 April 2010. Informazzjoni addizzjonali ntbagħtet mill-awtoritajiet Taljani permezz ta’ e-mail tal-10 ta’ Mejju 2010 u tal-20 ta’ Mejju 2010 u, wara li ttawlet d-data ta’ għeluq inizjali, minn CVA fis-7 ta’ Mejju 2010.

(2)

It-talba ppreżentata minn CVA, impriża pubblika skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/17/KE, tikkonċerna l-attivitajiet li ġejjin, kif deskritt fit-talba:

(a)

Il-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, fit-territorju sħiħ tar-Repubblika Taljana;

(b)

B’mod alternattiv, il-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fit-territorju taż-Żona Ġeografika tat-Tramuntana (minn hawn ’il quddiem “Makro Żona Tramuntana” (2)); u

(ċ)

Il-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lill-klijenti finali fis-suq ħieles tal-elettriku fit-territorju sħiħ tar-Repubblika Taljana.

II.   QAFAS LEGALI

(3)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistabbilixxi li l-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu soġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li fih titwettaq, l-attività tkun esposta direttament għal kompetizzjoni fi swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett. Espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess jitqies li mhuwiex ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li, għas-settur tal-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (3). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (4).

(4)

L-Italja implimentat u applikat mhux biss id-Direttiva 96/92/KE iżda wkoll id-Direttiva 2003/54/KE, u għażlet separazzjoni (unbundling) legali u funzjonali għan-netwerks ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni għajr għall-iżgħar kumpaniji, li huma eżentati mir-rekwiżiti tas-separazzjoni (unbundling) funzjonali. Konsegwentement, u skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3), l-aċċess għas-suq għandu jitqies bħala li mhuwiex ristrett fit-territorju sħiħ tar-Repubblika Taljana.

(5)

L-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ indikaturi differenti, li ebda wieħed minnhom ma huwa, per se, deċiżiv. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-parteċipanti ewlenin f’suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed li għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni. Kriterju ieħor huwa l-livell ta’ konċentrazzjoni f’dawk is-swieq. Meta wieħed iqis il-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, għandhom jiġu kkunsidrati kriterji oħrajn bħall-funzjonament tas-suq ta’ bilanċ, il-kompetizzjoni fil-prezzijiet u l-grad tal-bdil tal-klijenti.

(6)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

III.   VALUTAZZJONI

(7)

Fuq il-bażi tal-preċedenti tal-Kummissjoni (5), is-swieq li ġejjin tal-prodotti rilevanti jistgħu jiġu distinti fis-settur tal-elettriku: (i) il-ġenerazzjoni u l-provvista bl-ingrossa; ii) it-trażmissjoni; (iii) id-distribuzzjoni u (iv) il-provvista bl-imnut. Konsegwentement, it-talba ta’ CVA għandha tiġi analizzata b’mod indipendenti fir-rigward tal-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa fuq naħa waħda u l-provvista bl-imnut fuq in-naħa l-oħra.

Il-Produzzjoni u l-Provvista bl-Ingrossa tal-Elettriku

(8)

Kif imfakkar fil-Premessa (2) hawn fuq, it-talba ppreżentata minn CVA tikkonċerna l-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, fit-territorju sħiħ tar-Repubblika Taljana, jew inkella fil-Makro Żona Tramuntana.

(9)

Skont l-informazzjoni disponibbli (6), it-territorju nazzjonali tal-Italja għandu, minħabba konġestjonijiet fil-links bejn iż-żoni differenti li l-prezzijiet tagħhom huma kważi korrelatati perfettament, jitqies bħala li huwa kostitwit minn erba’ swieq ġeografiċi reġjonali fir-rigward tal-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku: il-Makro Żona Tramuntana, il-Makro Żona Ċentru Nofsinhar (7), il-Makro Żona Sqallija (8) u Sardinja. L-Awtoritajiet Taljani kkonfermaw li d-delimitazzjoni tal-Makro Żona Tramuntana tibqa’ valida bħala suq rilevanti; filwaqt li jżidu, madankollu, li l-bidliet huma kontinwi biex b’hekk id-delimitazzjoni bejn il-bqija tal-makro żoni mhijiex ċara għalissa, sakemm isiru inkjesti estensivi u, għalhekk, bħalissa mhuwiex possibbli li ssir evalwazzjoni definittiva tal-istat tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq ġeografiċi. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, u meta wieħed iqis li, inċidentalment, l-impjanti tal-enerġija ta’ CVA jinsabu fil-Makro Żona Tramuntana, din id-Deċiżjoni sejra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE, tillimita lilha nnifisha għal eżaminazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva eżistenti fit-territorju tal-Makro Żona Tramuntana fir-rigward tal-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku. Għalkemm il-Makro Żona Tramuntana tifforma suq rilevanti weħidha, madankollu, hija tista’ ma tidhirx li hija kompletament iżolata mill-pajjiżi tal-madwar u r-reġjuni l-oħrajn.

(10)

Kif jirriżulta minn prattika kostanti (9) fir-rigward tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 30, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, “indikatur wieħed għall-grad ta’ kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali huwa s-sehem totali tas-suq tal-akbar tliet produtturi”. Skont l-Awtoritajiet Taljani, għall-2009, is-sehem tal-akbar tliet ġeneraturi fil-Makro Żona Tramuntana huwa indikat bħala 49,7 %. Dan il-livell ta’ konċentrazzjoni, li jinkludi s-sehem totali tas-suq tal-akbar tliet ġeneraturi, huwa aktar baxx mil-livell (52,2 %) imsemmi fid-Deċiżjoni 2008/585/KE fir-rigward tal-Awstrija, kif ukoll aktar baxx mil-livell (58 % tal-produzzjoni gross) imsemmi fid-Deċiżjoni 2008/741/KE fil-każ tal-Polonja, u ferm aktar baxx mil-livelli rispettivi msemmija fid-Deċiżjonijiet 2006/422/KE u 2007/706/KE li jikkonċernaw il-Finlandja (73,6 %) u l-Isvezja (86,7 %) rispettivament. Madankollu, huwa nnotat li l-livell huwa ogħla mill-perċentwal korrispondenti, 39, li għalih jirreferu d-Deċiżjonijiet 2006/211/KE u 2007/141/KE għar-Renju Unit. Madankollu, dan il-livell jitqies bħala baxx b’mod sodisfaċenti, u għalhekk jista’ jittieħed bħala indikazzjoni ta’ ċertu grad ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni fir-rigward tal-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana.

(11)

Barra minn hekk, l-Italja timporta provvisti sostanzjali ta’ elettriku, tant li fl-2008 kellha ordni ta’ aktar minn 42 997 GWh. L-Italja hija importatur nett u importat elettriku li jammonta għal madwar 13,43 % tal-ħtiġijiet totali tagħha (10). Kif ġie kkonfermat mill-Awtoritajiet Taljani (11), l-importazzjonijiet għandhom effett pro-kompetittiv, b’mod partikolari fil-Makro Żona Tramuntana. Għalkemm dan l-effett huwa kkundizzjonat mil-limitazzjoni teknika tal-interkonnessjoni ma’ pajjiżi oħrajn, huwa mistenni li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fis-seħħ (12), is-sitwazzjoni għandha tkompli titjieb. Għalhekk, hemm ċertu grad ta’ restrizzjoni fuq l-imġiba tal-prezzijiet tal-produtturi ewlenin fil-Makro Żona Tramuntana permezz ta’ importazzjonijiet ta’ elettriku minn barra t-territorju Taljan. Dawn il-fatturi għandhom għalhekk jittieħdu bħala indikazzjoni ta’ ċertu grad ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni minn Stati Membri oħrajn tal-UE, fir-rigward tal-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana.

(12)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, “Rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u tal-elettriku” tal-2010 (13) uriet li l-akbar tliet ġeneraturi għadhom qegħdin jikkontrollaw aktar minn 75 % tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni f’14-il Stat Membru. Madankollu, ir-rapport ipoġġi s-suq tal-elettriku fl-Italja fil-kategorija tas-swieq b’“konċentrazzjoni moderata” (14), filwaqt li l-Indiċi Herfindahl-Hirchman (HHI) għandu valuri aktar baxxi meta mqabbla mal-kategoriji l-oħrajn. Minħabba li l-pressjoni tal-kompetizzjoni tinħass saħansitra aktar fil-Makro Żona Tramuntana milli fil-bqija taż-żoni, il-grad ta’ konċentrazzjoni jista’ jitqies bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni tal-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana.

(13)

Barra minn hekk, anki jekk jirrappreżentaw parti żgħira tal-ammont totali tal-elettriku prodott u/jew ikkonsmat fi Stat Membru, il-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ bilanċ għandu jitqies bħala indikatur addizzjonali. Skont l-informazzjoni disponibbli, it-tħaddim tal-mekkaniżmu ta’ bilanċ – b’mod partikolari l-prezzijiet ibbażati fis-swieq u s-suq ta’ matul il-ġurnata żviluppat sew – huwa tali li ma jikkostitwixxi ebda ostakolu għall-produzzjoni tal-elettriku soġġett għall-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

Il-provvista bl-imnut tal-elettriku

(14)

Fir-rigward tal-provvista bl-imnut, tista’ ssir distinzjoni oħra tas-suq tal-prodotti rilevanti bejn: (A) il-provvista bl-imnut għal klijenti industrijali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna u (B) il-provvista bl-imnut għal klijenti industrijali, kummerċjali u domestiċi iżgħar imqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx. Dawn is-swieq għandhom ikomplu jiġu analizzati separatament.

Provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna

(15)

Kif ġie kkonfermat mill-Awtoritajiet Taljani, fl-ambitu tiegħu, is-suq għall-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna huwa nazzjonali.

(16)

Skont l-informazzjoni disponibbli (15), l-ishma totali tas-suq tal-akbar tliet bejjiegħa bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna jammontaw għal 43,89 %, li huwa livell baxx b’mod sodisfaċenti (16) u għandu jittieħed bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

(17)

Minħabba l-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat (elettriku) u l-iskarsezza jew in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ prodotti jew servizzi sostitwibbli xierqa, il-kompetizzjoni fil-prezzijiet u l-formazzjoni tal-prezzijiet jassumu importanza akbar fil-valutazzjoni tal-istat kompetittiv tas-swieq tal-elettriku. Għalhekk, in-numru ta’ klijenti li jbiddlu l-fornitur jista’ jservi bħala indikatur tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet u, għalhekk, indirettament, bħala “indikatur naturali tal-effikaċja tal-kompetizzjoni. Jekk ikun hemm ftit klijenti li jbiddlu l-fornitur, x’aktarx li jkun hemm problema bil-funzjonament tas-suq, anki jekk il-benefiċċji mill-possibbiltà tan-negozjar mill-ġdid mal-fornitur storiku ma għandhomx jiġu injorati” (17).

(18)

Skont l-aħħar informazzjoni disponibbli (18), ir-rati li jinbidlu sal-punt eliġibbli fl-2008 jammontaw għal 32,50 % għal klijenti industrijali kbar u għal 32,80 % għall-industrija ta’ daqs medju fl-Italja. Filwaqt li huwa aktar baxx mill-grad ta’ bdil, pereżempju, fl-Awstrija, fejn ir-rata tal-bdil għal klijenti industrijali kbar u kbar ħafna kienet tammonta għal 41,5 % (19), ir-rata tal-bdil fl-Italja għadha waħda konsiderevoli, li tinvolvi kważi terz tal-klijenti industrijali kbar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, is-suq tal-bejgħ bl-imnut lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna mhuwiex soġġett għal prezzijiet regolati. Is-sitwazzjoni fl-Italja hija għalhekk waħda sodisfaċenti fir-rigward tal-bdil u l-kontroll tal-prezzijiet għall-utenti finali, u għandha tittieħed bħala indikatur tal-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

Provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx

(19)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti għall-provvista bl-imnut, tradizzjonalment dan kien meqjus li huwa nazzjonali fl-ambitu tiegħu. Fl-applikazzjoni tagħha, CVA tuża s-suq nazzjonali bħala suq rilevanti għall-provvista bl-imnut tal-elettriku.

(20)

Fuq il-bażi tas-suppożizzjoni li s-suq ġeografiku huwa nazzjonali fl-ambitu tiegħu, u skont l-informazzjoni disponibbli bħalissa (20), jidher li l-ammont tal-konċentrazzjoni fis-suq għall-provvista bl-imnut tal-elettriku fis-suq Taljan huwa għoli ħafna. L-ishma akkumulati fis-suq tal-akbar tliet bejjiegħa bl-imnut lil klijenti mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx jammontaw għal 79,44 %, li minnhom l-akbar kumpanija għandha sehem ta’ 71,11 % weħidha. F’dan il-kuntest għandha titfakkar ġurisprudenza kostanti (21), li tgħid li “ishma ta’ swieq kbar ħafna huma minnhom infushom, għajr f’ċirkostanzi eċċezzjonali, evidenza tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Dik hija s-sitwazzjoni meta jkun hemm sehem fis-suq ta’ 50 %”.

(21)

Barra minn hekk, is-suq bl-imnut fl-Italja huwa suddiviż fi tliet subkategoriji, li l-ewwel tnejn minnhom huma soġġetti għal prezzijiet regolati:

(a)

servizz imtejjeb ta’ protezzjoni għal klijenti domestiċi u kumpaniji żgħar (b’inqas minn 50 impjegat u qligħ ta’ mhux aktar minn EUR 10 miljun) imqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx, u li ma ffirmawx kuntratt għal xiri fis-suq ħieles. L-operat ta’ dan is-servizz huwa riservat għall-kumpanija Acquirente Unico SpA (minn hawn ’il quddiem “ix-Xerrej waħdieni”);

(b)

servizz protett għall-klijenti kollha li mhumiex eliġibbli għas-servizz imtejjeb ta’ protezzjoni u li ma għandhom ebda kuntratt għal xiri fis-suq ħieles. Dan is-servizz jingħata minn fornituri magħżula mix-xerrej Waħdieni permezz ta’ offerta kompetittiva; u

(ċ)

is-suq ħieles, jiġifieri l-bqija tas-suq bl-imnut.

(22)

Madankollu, dawn is-swieq ma għandhomx jitqiesu bħala swieq indipendenti rilevanti, bil-għan tad-deċiżjoni preżenti ladarba l-klijenti jistgħu jaqilbu minn subkategorija waħda għal oħra u ladarba l-prezzijiet fit-tliet subkategoriji kollha huma bbażati fis-suq (22). Madankollu, skont ir-Rapport Annwali 2009 tal-AEEG, l-hekk imsejjaħ “suq magħluq”, li jinkludi s-“servizz imtejjeb ta’ protezzjoni” u s-“servizz protett”, jammonta għal madwar 36 % tas-suq bl-imnut kollu. Barra minn hekk, skont l-istess rapport, is-servizz imtejjeb ta’ protezzjoni huwa kkaratterizzat minn preżenza b’saħħitha ħafna (84,3 %) ta’ fornitur wieħed speċifiku, li huwa attiv ukoll fis-suq ħieles. Skont l-awtoritajiet Taljani, il-klijenti jqisu li l-ispejjeż tal-bdil huma għoljin, filwaqt li l-benefiċċji tal-bdil huma meqjusa bħala baxxi. Dan, flimkien mal-prezzijiet baxxi taħt is-servizz imtejjeb ta’ protezzjoni jagħmilha diffiċli ħafna għall-operaturi l-ġodda biex jiksbu bażi ta’ klijenti suffiċjenti fi ħdan din is-subkategorija. Bażikament, dan jirriżulta f’vantaġġ kompetittiv għall-operaturi taħt is-servizz imtejjeb ta’ protezzjoni li joperaw ukoll fis-suq ħieles, minħabba li l-klijenti li jkunu jixtiequ jibdlu minn servizz imtejjeb ta’ protezzjoni għas-suq ħieles, jew viċi versa, spiss jagħmlu dan mingħajr ma jbiddlu l-fornitur.

(23)

Madankollu, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani rilevanti (23), jista’ jiġi konkluż, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, li s-suq ġeografiku għall-bejgħ bl-imnut tal-elettriku fl-Italja mhuwiex nazzjonali fl-ambitu tiegħu, kif inhu meqjus tradizzjonalment u kif preżunt mill-applikant, iżda huwa lokali fl-ambitu, b’territorju li ħafna drabi ma jaqbiżx il-livell muniċipali.

(24)

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-livell ta’ kompetizzjoni fuq kull wieħed mis-swieq lokali hekk definiti għall-provvista bl-imnut tal-elettriku għal utenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx u meta jitqiesu d-dubji msemmija fuq dwar il-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq bl-imnut għal klijenti mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx, kif jidhru globalment fuq livell nazzjonali, kif diskuss fil-premessi (19) sa (22), mhuwiex possibbli li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 30(1) ta’ Direttiva 2004/17/KE għall-provvista bl-imnut tal-elettriku għal klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx fl-Italja, huma ssodisfati.

(25)

Għalhekk, id-Direttiva 2004/17/KE tkompli tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti bil-għan li jippermettu l-provvista bl-imnut tal-elettriku għal klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx fl-Italja u meta dawn jorganizzaw kuntesti ta’ disinn għat-twettiq ta’ tali attività fl-Italja.

IV   KONKLUŻJONIJIET

(26)

Fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana, is-sitwazzjoni tista’ għalhekk tinġabar fil-qosor kif ġej: l-ammont totali tal-ishma fis-suq tal-akbar tliet ġeneraturi huwa moderatament baxx, u l-ammont sostanzjali ta’ elettriku importat qiegħed ikollu effett pro-kompetittiv fuq din iż-żona. Kif stipulat fil-Premessa (13), il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ bilanċ ma jikkostitwixxi ebda ostakolu għall-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni tas-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Konsegwentement, jista’ jitqies li l-fatturi kollha msemmija fuq huma indikazzjonijiet ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni fil-Makro Żona Tramuntana.

(27)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi (8) sa (13), il-kundizzjoni tal-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies bħala li ġiet issodisfata fir-rigward tal-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana.

(28)

Barra minn hekk, minħabba li l-kundizzjoni tal-aċċess mhux ristrett għas-suq titqies bħala li ġiet issodisfata, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti maħsubin sabiex jippermettu li titwettaq il-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana u lanqas meta jorganizzaw kuntesti ta’ disinn għat-twettiq ta’ tali attività f’dik iż-żona ġeografika.

(29)

Fir-rigward tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna fl-Italja, is-sitwazzjoni tista’ għalhekk tinġabar fil-qosor kif ġej: it-total tal-ishma fis-suq tal-akbar tliet kumpaniji bl-imnut huwa baxx, u l-ammont tal-bdil skont il-punt tal-irtirar huwa sodisfaċenti, filwaqt li ma hemm ebda kontroll fil-prezzijiet għall-utenti finali. Dawn il-konklużjonijiet huma wkoll skont l-opinjoni tal-Awtoritajiet Taljani rilevanti billi dan is-suq kien għal diversi snin espost għal kompetizzjoni u, għalhekk, il-grad ta’ kompetizzjoni li jirriżulta huwa sodisfaċenti.

(30)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi (15) sa (18), il-kundizzjoni tal-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni stipulata fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies bħala li ġiet issodisfata fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-elettriku għal klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna fit-territorju sħiħ tar-Repubblika Taljana.

(31)

Barra minn hekk, ladarba l-kundizzjoni tal-aċċess mhux ristrett għas-suq titqies bħala li ġiet issodisfata, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti maħsubin biex jippermettu l-provvista bl-imnut tal-elettriku għal klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna fl-Italja u lanqas meta jorganizzaw kuntesti ta’ disinn għat-twettiq ta’ tali attività f’dik iż-żona ġeografika.

(32)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi (19) sa (25) u minħabba d-dubji dwar l-eżistenza ta’ kompetizzjoni suffiċjenti fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-provvista bl-imnut għal klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx u, minbarra dan, fin-nuqqas ta’ informazzjoni dettaljata fuq kull suq lokali rilevanti, kif definit mill-awtoritajiet Taljani, mhuwiex possibbli li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 30(1) ta’ Direttiva 2004/17/KE għall-provvista bl-imnut tal-elettriku għal klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx fl-Italja, huma ssodisfati. Konsegwentement, id-Direttiva 2004/17/KE tkompli tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti maħsubin biex jippermettu l-provvista bl-imnut tal-elettriku għal klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx fl-Italja u meta dawn jorganizzaw kuntesti ta’ disinn għat-twettiq ta’ tali attività fl-Italja. Minħabba li l-obbligi statistiċi skont l-Artikolu 67 sejrin ikomplu japplikaw, jista’ jkun meħtieġ li jiġi żgurat li l-entitajiet kontraenti kkonċernati jieħdu miżuri xierqa bħal separazzjoni maniġerjali u/jew kontabbli sabiex ikunu jistgħu jirrapportaw b’mod korrett dwar l-akkwisti magħmula għat-twettiq tal-attivitajiet rilevanti li ma ġewx eżentati skont id-Deċiżjoni preżenti.

(33)

Barra minn hekk, qiegħed jiġi mfakkar li l-kuntratti li jkopru diversi attivitajiet għandhom jiġu ttrattati skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/17/KE. Fil-kuntest preżenti, dan ifisser li meta entità kontraenti tiġi involuta f’akkwist “imħallat”, jiġifieri akkwist li jintuża biex jappoġġja l-eżekuzzjoni taż-żewġ attivitajiet eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE u attivitajiet mhux eżentati, għandha tingħata attenzjoni għall-attivitajiet li għalihom il-kuntratt ikun prinċiparjament maħsub. F’każ ta’ akkwist imħallat bħal dan, meta l-għan ikun prinċiparjament li tiġi appoġġjata l-provvista bl-imnut tal-elettriku għal klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ baxx, għandha tapplika d-dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE. Jekk ikun oġġettivament impossibbli li jiġi stabbilit għal liema attività huwa primarjament maħsub il-kuntratt, dan għandu jingħata skont ir-regoli msemmija fil-paragrafi (2) u (3) tal-Artikolu 9.

(34)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Frar sa Mejju 2010 kif jidher mill-informazzjoni ppreżentata mir-Repubblika tal-Italja, CVA, il-Komunikazzjonijiet tal-2005 u tal-2010 u l-annessi Tekniċi tagħhom u d-Dokument tal-Persunal tal-2007, ir-Rapport Finali u r-Rapport Annwali 2009 tal-AEEG. Id-deċiżjoni tista’ tiġi riveduta, f’każ li l-bidliet sinjifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għall-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana u l-provvista bl-imnut għal klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna ma għadhomx qegħdin jiġu ssodisfati,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsubin biex jippermettu li jitwettqu l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

Il-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana;

(b)

Il-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli jew għoli ħafna fit-territorju sħiħ tar-Repubblika Taljana.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Italja.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Michel BARNIER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Din tinkludi ż-Żona Nord, kif ukoll erba’ żoni iżgħar (Ene, Enw, Turbigo u Monfalcone), kif imsemmi f’Anness B għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007: “Inkjesta skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fis-setturi Ewropej tal-gass u tal-elettriku (Rapport Finali)” (COM(2006) 851 finali, “Rapport Finali”).

(3)  ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.

(4)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37. Għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 2003/54/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55), li teħtieġ livell saħansitra ogħla ta’ ftuħ tas-suq miż-żewġ direttivi preċedenti. Madankollu, minħabba li d-data tal-għeluq għall-implimentazzjoni tagħha għadha ma skadietx, sejra tkompli ssir referenza għall-qafas legali introdott mid-Direttiva 2003/54/KE.

(5)  MERGER COMP M - 4110 E.ON – ENDESA, p. 3.

(6)  Ara Rapport Finali, Anness B, punt A1, 2.

(7)  Din tinkludi ż-żoni Centro Nord, Piombino, Centro Sud, Sud, Rossano, Brindisi u Calabria.

(8)  Din tinkludi ż-żoni Sicilia, Priolo u Calabria.

(9)  Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2009/47/KE (ĠU L 19, 23.1.2009, p. 57); 2008/585/KE (ĠU L 188, 16.7.2008, p. 28); 2008/741/KE (ĠU L 251, 19.9.2008, p. 35); 2007/141/KE (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 23); 2007/706/KE (ĠU L 287, 1.11.2007, p. 18); 2006/211/KE (ĠU L 76, 15.3.2006, p. 6) u 2006/422/KE (ĠU L 168, 21.6.2006, p. 33).

(10)  jiġifieri l-kwantità tal-elettriku meħtieġa għall-konsum intern u għall-esportazzjonijiet.

(11)  Ittra 0018212 tal-10 ta’ Mejju 2010 tal-Awtorità Taljana għall-Elettriku u l-Gass.

(12)  Liġi Nru. 99/2009 tat-23 ta’ Lulju 2009.

(13)  SEC(2010) 251minn hawn ’il quddiem ‘Komunikazzjoni tal-2010’.

(14)  Tabella 3.1 tal-Anness Tekniku (p. 12) għal Komunikazzjoni tal-2010.

(15)  Rapport Annwali dwar l-Istat tas-Servizzi u l-Attivitajiet Regolatorji tal-Awtorità Taljana għall-Elettriku u l-Gass (AEEG) tal-31 ta’ Marzu 2009 (minn hawn ’il quddiem ‘ir-Rapport Annwali 2009 tal-AEEG’), p. 76.

(16)  Dan jikkorrespondi mill-qrib ħafna għal-livell ta’ konċentrazzjoni, 43 %, li jinstab fis-suq Svediż tal-provvista bl-imnut, (ara l-premessa 14 tad-Deċiżjoni 2007/706/KE).

(17)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u tal-elettriku, (COM(2005) 568 finali, minn hawn ’il quddiem il-‘Komunikazzjoni tal-2005’), p. 9.

(18)  Tabella 2.2 tal-Anness Tekniku għal Komunikazzjoni 2010.

(19)  Ara l-Premessa 13 tad-Deċiżjoni 2008/585/KE.

(20)  Rapport Annwali tal-2009 tal-AEEG.

(21)  Ara l-punt 328 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Frar 2002 fil-Każ T-395/94 Atlantic Container Line AB u Oħrajn vs il-Kummissjoni [2002] ECR II-875.

(22)  Fil-fatt, il-prezzijiet regolati huma ffissati fuq il-bażi tal-prezzijiet li jinstabu fis-suq ħieles.

(23)  Ittra 0032953 tal-20 ta’ Mejju 2010 tal-Awtorità Taljana għall-Kompetizzjoni.


Top