Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0169

    2010/169/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Marzu 2010 dwar in-noninklużjoni ta’ 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether fil-lista tal-Unjoni ta’ addittivi li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel skont id-Direttiva 2002/72/KE (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1613) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 75, 23.3.2010, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/169/oj

    23.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 75/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-19 ta’ Marzu 2010

    dwar in-noninklużjoni ta’ 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether fil-lista tal-Unjoni ta’ addittivi li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel skont id-Direttiva 2002/72/KE

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1613)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2010/169/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness III tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/72/KE tas-6 ta’ Awwissu 2002 dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt mal-ikel (2) tistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi li jistgħu jintużaw għall-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik. Skont l-Artikolu 4a(1) ta’ dik id-Direttiva, wara li tintbagħat applikazzjoni u l-valutazzjoni xjentifika tagħha mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, addittiv ġdid jista’ jiżdied ma’ din il-lista.

    (2)

    Fit-23 ta’ Marzu 1998 RCC Registration Consulting bagħtet dejta għall-valutazzjoni tas-sigurtà ta’ 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether f’isem Ciba Inc biex jintuża fil-manifattura tal-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel.

    (3)

    Skont l-Artikolu 4a(5) tad-Direttiva 2002/72/KE 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether iddaħħal fil-lista provviżorja ta’ addittivi stipulata fl-Artikolu 4a(3) tagħha.

    (4)

    Fl-opinjoni tagħha tal-15 ta’ Marzu 2004, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ikkonkludiet li l-użu mitlub ta’ 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether jista’ jiġi aċċettat, kemm-il darba s-sustanza ma tgħaddix fl-ikel b’aktar minn 5 mg kull kg ta’ ikel.

    (5)

    Fil-21 ta’ April 2009 Ciba Inc għarrfet lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħha li tirtira l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sustanza bħala addittiv fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel. Il-kumpanija ma tqisx iktar bħala xieraq l-użu tas-sustanza fil-plastik maħsub biex jiġi f’kuntatt mal-ikel.

    (6)

    Billi ma għadx hemm iktar applikazzjoni valida għall-użu ta’ 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether bħala addittiv fil-plastik maħsub biex jiġi f’kuntatt mal-ikel, is-sustanza ma għandhiex tiġi inkluża fl-Anness III tad-Direttiva 2002/72/KE.

    (7)

    Għaldaqstant, skont il-punt (b) tal-Artikolu 4a(6) tad-Direttiva 2002/72/KE, is-sustanza għandha titneħħa mil-lista provviżorja ta’ addittivi.

    (8)

    Meta jitqies li 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether seta’ ntuża fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel, għandu jiġi introdott perjodu tranżizzjonali għat-tqegħid fis-suq ta’ materjali u oġġetti tal-plastik li fihom din is-sustanza.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponihom,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether (Nru CAS 0003380-34-5, Nru ta’ ref. 93930) ma għandux jiġi inkluż fl-Anness III tad-Direttiva 2002/72/KE.

    Artikolu 2

    Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik immanifatturati bi 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether u mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta’ Novembru 2010, jistgħu jissoktaw fis-suq sal-1 ta’ Novembru 2011, suġġetti għal-liġi nazzjonali.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.

    (2)  ĠU L 220, 15.8.2002, p. 18.


    Top