EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1047

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1047/2009 tad- 19 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli fir-rigward tal-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni għal-laħam tat-tjur

ĠU L 290, 6.11.2009, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1308

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1047/oj

6.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 290/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1047/2009

tad-19 ta’ Ottubru 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli fir-rigward tal-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni għal-laħam tat-tjur

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (2), jistabbilixxi ċerti standards ta’ kummerċjalizzazzjoni għal-laħam tat-tjur.

(2)

L-Artikolu 116 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprevedi li l-prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur għandhom ikunu kkummerċjalizzati skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness XIV għal dak ir-Regolament.

(3)

L-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu żviluppati biex jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalità tal-laħam tat-tjur u l-informazzjoni relatata ma’ dan u, konsegwentement, biex jiffaċilitaw il-bejgħ ta’ tali laħam. B’mod partikolari, kienet introdotta definizzjoni ta’ laħam tat-tjur frisk li hija aktar preċiża milli fil-leġislazzjoni dwar is-sigurtà tal-ikel, b’effett mill-1 ta’ Lulju 1991, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1906/90 tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar ċerti standards tal-marketing għal-laħam tat-tjur (3). L-esperjenza turi li hemm ħtieġa li jkun ikkonfermat il-prinċipju strett li hemm wara din id-definizzjoni u biex issir anke aktar espliċita.

(4)

Fid-dawl tal-fatt li l-laħam tat-tjur qed jiġi kkonsumat dejjem aktar fil-forom ta’ preparati u prodotti tal-laħam, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni għal-laħam tat-tjur għandu jiġi estiż biex jinkludi preparati u prodotti tal-laħam tat-tjur.

(5)

Bl-istess mod, il-laħam tat-tjur fis-salmura li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 0210 99 39 għandu wkoll ikun kopert mill-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni.

(6)

L-esperjenza turi li f’ċerti każijiet il-preparati tal-laħam tat-tjur frisk jista’ faċilment jissostitwixxi l-laħam tat-tjur frisk meta jiġu ppreżentati għall-bejgħ lill-konsumatur. Sabiex tkun evitata kwalunkwe distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn il-laħam tat-tjur frisk u l-preparati tal-laħam tat-tjur frisk, huwa adatt li jiġi estiż il-prinċipju wara d-definizzjoni ta’ laħam tat-tjur frisk u l-preparati tal-laħam tat-tjur frisk.

(7)

Taħt il-leġislazzjoni Komunitarja dwar it-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel, it-tikkettar u l-metodi użati m’għandhomx ikunu b’mod li jqarrqu lix-xerrej, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiċi tal-oġġett tal-ikel, u b’mod partikolari rigward in-natura tal-prodott, l-identità, il-kwalitajiet, l-għamla, il-kwantità, id-durabbiltà, l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu, jew il-metodu ta’ produzzjoni jew ta’ manifattura tiegħu.

(8)

Il-laħam tat-tjur li jkun ġie ffriżat jew iffriżat malajr għandu jinbiegħ f’dak l-istat jew jintuża fi preparati kkummerċjalizzati fl-istat iffriżat jew iffriżat malajr, jew fi prodotti tal-laħam.

(9)

Billi s-sottotaqsima tal-Kategorija A f’A 1 u A 2 u s-sottotaqsima tal-laħam tat-tjur iffriżat permezz ta’ kategoriji tal-piż prevista fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma jintużawx ħafna fil-prattika u għalhekk huma żejda, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitneħħew għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huwa b’dan emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  Opinjoni tal-5 ta’ Mejju 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(3)  ĠU L 173, 6.7.1990, p. 1.


ANNESS

Il-Parti B tal-Anness XIV għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 hija emendata kif ġej:

1.

il-paragrafu 1 tal-Parti I jinbidel b’dan li ġej:

“1.

Mingħajr preġudizzju għall-Parti Ċ ta’ dan l-Anness rigward id-dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ bajd għat-tifqis u ta’ flieles tat-tjur tar-razzett, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għall-kummerċjalizzazzjoni, fil-Komunità, b’negozju jew kummerċ, ta’ ċerti tipi u preżentazzjonijiet tal-laħam tat-tjur, u preparati u prodotti bbażati fuq laħam tat-tjur jew intern tat-tjur, tal-ispeċi li ġejjin kif imniżżel fil-Parti XX tal-Anness I:

Gallus domesticus,

papri,

wiżż,

dundjani,

fargħuni.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għal-laħam tat-tjur fis-salmura li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 0210 99 39 kif imsemmi fil-Parti XXI tal-Anness I.”;

2.

il-Parti II hija emendata kif ġej:

(a)

il-punti 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.

‘laħam tat-tjur frisk’ tfisser laħam tat-tjur li qatt ma twebbes fi kwalunkwe ħin bi proċess ta’ tkessiħ qabel ma tqiegħed f’temperatura permanenti ta’ mhux anqas minn – 2 °C, u mhux aktar + 4 °C. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti ta’ temperatura kemm kemm differenti għat-tul ta’ żmien minimu meħtieġ għat-tqattigħ u l-manipulazzjoni ta’ laħam tat-tjur frisk li jitwettqu fi ħwienet li jbiegħu bl-imnut jew fi stabbilimenti ħdejn il-punti ta’ bejgħ, fejn it-tqattigħ u l-manipulazzjoni jitwettqu biss għall-fini ta’ forniment lill-konsumatur direttament fuq il-post;

3.

‘laħam tat-tjur iffriżat’ tfisser laħam tat-tjur li għandu jkun iffriżat mill-iktar fis possibbli fil-limiti tar-restrizzjonijiet tal-proċeduri normali tal-qatla u li għandu jinżamm f’temperatura li ma tkunx ogħla minn – 12 °C fi kwalunkwe ħin;”;

(b)

il-punti li ġejjin huma miżjudin:

“5.

‘preparat tal-laħam tat-tjur’ tfisser laħam tat-tjur, inkluż laħam tat-tjur li jkun ġie ridott għal frak, li jkun miżjud b’oġġetti tal-ikel, ħwawar jew additivi jew li jkun għadda minn proċess li jkun insuffiċjenti għall-modifikar tal-istruttura interna tal-muskoli tal-laħam;

6.

‘preparat ta’ laħam tat-tjur frisk’ tfisser preparat tal-laħam tat-tjur li għaliha jkun intuża laħam tat-tjur frisk. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti ta’ temperatura kemmxejn differenti li għandhom jiġu applikati għat-tul ta’ żmien minimu meħtieġ u biss sakemm ikun meħtieġ għall-iffaċilitar tat-trattament u t-tqattigħ imwettaq fil-fabbrika matul il-produzzjoni tal-preparati tal-laħam tat-tjur frisk;

7.

‘prodott tal-laħam tat-tjur’ tfisser prodott tal-laħam kif definit fil-punt 7.1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 li għalih intużat id-definizzjoni laħam tat-tjur.”;

3.

il-Parti III hija emendata kif ġej:

(a)

it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa mħassar;

(b)

il-frażi introduttorja tal-paragrafu 2 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-laħam tat-tjur u l-preparati tal-laħam tat-tjur għandhom ikunu kummerċjalizzati skont waħda minn dawn il-kondizzjonijiet:”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa mħassar.


Top