Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0885

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2009 tal- 25 ta’ Settembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 378/2005 rigward kampjuni, miżati u laboratorji ta’ referenza mniżżla fl-Anness II (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 254, 26.9.2009, pp. 58–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/885/oj

26.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/58


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 885/2009

tal-25 ta’ Settembru 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 378/2005 rigward kampjuni, miżati u laboratorji ta’ referenza mniżżla fl-Anness II

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 7(4) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 21 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula proċedura tal-Komunità għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fuq is-suq u l-użu ta’ addittivi fl-għalf għan-nutriment tal-annimali. Jipprovdi li kull persuna li titlob awtorizzazzjoni għal xi addittiv tal-għalf jew għal użu ġdid ta’ addittiv tal-għalf għandha tissottometti applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skont dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (2) jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 rigward applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ adittiv tal-għalf jew għal użu ġdid ta’ addittiv tal-għalf u d-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju (LRK).

(3)

Jistipula li kwalunkwe persuna li tagħmel applikazzjoni għandha tibgħat kampjuni ta’ referenza fis-sura li fiha l-addittiv tal-għalf hu maħsub li jitqiegħed fis-suq mill-applikant jew f'forma li faċilment tista' tkun ikkonvertita għas-sura li fiha l-addittiv tal-ikel hu maħsub li jitqiegħed fis-suq mill-applikant.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 378/2005 jistipula li l-LRK għandu jitlob ħlas lill-applikanti ta’ EUR 6 000 għal kull applikazzjoni. Barra minn hekk, l-Anness II ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi lista tal-konsorzju tal-Laboratorji ta' Referenza Nazzjonali li jgħinu lil-LRK fid-dmirijiet u l-ħidmiet tagħhom.

(5)

L-esperjenza miksuba tul il-funzjoni tar-Regolament (KE) Nru 378/2005 turi li hu mixtieq li jiġu ċċarati ċerti dettalji tar-rekwiżiti eżistenti għall-kampjuni ta' referenza ppreżentati mill-applikanti f’ċerti każijiet u li jiġu ssimplifikati f’każijiet ta’ a) applikazzjonijiet għall-użi ġodda ta’ addittivi diġà awtorizzati u b) applikazzjonijiet għall-bidla fit-termini ta’ awtorizzazzjonijiet meta l-bidla proposta m’għandhiex x’taqsam mal-karatteristiċi tal-addittivi fl-għalf li ntbagħtu qabel lil-LRK bħala kampjun ta’ referenza tal-addittiv tal-għalf ikkonċernat.

(6)

L-esperjenza wriet li għandhom jiġu stabbiliti rati differenti għall-miżata jiddependu mit-tipi differenti ta' applikazzjonijiet, b'mod partikolari b'kunsiderazzjoni tal-bżonn għal kampjuni ta' referenza ġodda u l-valutazzjonijiet ġodda tal-metodu ta’ analiżi għall-addittivi tal-ikel diġà awtorizzati.

(7)

Barra minn hekk, hemm metodi multi-analitiki msejsa fuq prinċipju definit applikabbli għal determinazzjoni waħdanija jew determinazzjoni simultanja ta’ waħda jew aktar sustanza/i/aġent(i) fil-matriċi speċifiċi ddefiniti fl-ambitu tal-metodu. L-esperjenza wriet li hu possibbli li jitwettqu l-valutazzjonijet tal-metodi tal-analiżi għal addittivi tal-għalf simili fi gruppi meta l-metodi tal-analizi huma simili, u b’mod partikolari fil-każ ta’ dawn il-metodi multi-analitiki.

(8)

Għadd ta’ addittivi tal-għalf li huma diġà awtorizzati suġġett għall-proċess ta’ re-valutazzjoni stipulat fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistgħu jiġu suġġetti għall-applikazzjonijiet ippreżentati fl-istess waqt fi gruppi omoġenji meta jappartjenu għall-istess kategorija ta’ addittivi tal-ikel, grupp funzjonali u sotto klassifikazzjoni, fejn applikabbli, u meta l-metodi ta’ analiżi użati għalihom huma tat-tip multi-analitiki.

(9)

Is-sustanzi kklassifikati fil-grupp “togħmiet definiti kimikament” li jidhru fir-Reġistru Komunitarju tal-Addittivi tal-Għalf, li jappartjenu għall-kategorija addittivi sensorji u allokati fost il-komposti tat-togħmiet tal-grupp funzjonali, huma grupp ta’ addittivi tal-għalf li jirrappreżentaw daqs żewġ terzi tad-daħliet fir-Reġistru Komunitarju tal-Addittivi tal-Għalf preżenti. Dawn it-togħmiet definiti kimikament huma suġġetti għall-proċess ta’ re-valutazzjoni stipulat fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 u għalhekk jistgħu jirrappreżentaw xogħol sinifikattiv fil-proċess. Dawn it-togħmiet definiti kimikament jirrappreżentaw ukoll grupp omoġenju ta’ addittivi tal-għalf fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tagħhom u l-evalwazzjoni tas-sigurtà tagħhom li għandhom jiġu mwettqa skont ir-rekwiżiti speċifiċi stipulati għalihom fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 429/2008 tal-25 ta’ April 2008 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet u l-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta' addittivi fl-għalf (3). Il-metodi ta’ analiżi użati għal bosta minn dawn it-togħmiet definiti kimikament jistgħu jkunu tat-tip multi-analitiki.

(10)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita sistema ta’ miżati mnaqqsa għall-gruppi ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet li jikkonċernaw addittivi tal-għalf li huma diġà awtorizzati għat-togħmiet definiti kimikament meta l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati f’daqqa u fihom metodi ta’ analiżi simili, b’mod partikolari tat-tip multi-analitiki.

(11)

Minħabba l-kalkolu tal-miżati differenti, il-miżata titqies li hi magħmula minn żewġ komponenti. L-ewwel komponent hu maħsub biex isostni l-ispejjeż amministrattivi tal-LRK u l-ispejjeż marbuta mat-trattament tal-kampjuni ta' referenza. It-tieni komponent hu maħsub biex isostni l-ispejjeż tal-Laboratorju Relatur għall-valutazzjoni xjentifika u t-tħejjija tar-rapport ta’ valutazzjoni.

(12)

Huwa xieraq ukoll li jiġi addattat l-ambitu tal-gwida għall-applikanti mħejji mil-LRK wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 429/2008 kif ukoll li jiddaħħlu emendi żgħar oħra għar-Regolament (KE) Nru 378/2005, b’kunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba.

(13)

Il-Belġju ssottometta talba lill-Kummissjoni għall-ħatra tas-Centre wallon de recherches agronomiques (CRA-W) f’Gembloux bħala laboratorju ta' referenza nazzjonali ġdid biex jieħu sehem fil-konsorzju. Peress li l-laboratorju jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 378/2005 għandu jiddaħħal fil-lista ta’ laboratorji stipulati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Il-Litwanja infurmat lill-Kummissjoni li tixtieq tirtira l-Klaipėdos apskrities VMVT laboratorija, fil-Klaipėda, mill-konsorzju tal-laboratorji nazzjonali ta’ referenza. Għalhekk, dan il-laboratorju għandu jitneħħa minn dik il-lista ta' laboratorji. Barra minn hekk, bosta Stati Membri infurmaw lill-Kummissjoni li nbidlu ċerti dettalji tal-Laboratorji ta' Referenza Nazzjonali tagħhom li qed jieħdu sehem fil-konsorzju. Il-lista fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 378/2005 għandha tiġi emendata skont dan. Fl-interess taċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, din għandha tinbidel kollha bil-lista fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 378/2005 għandu jiġi emendat skont dan.

(15)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 378/2005 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett u ambitu

Dan ir-Regolament jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju (LRK).”

(2)

Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti (h) u (i) li ġejjin:

“(h)

‘il-metodi multi analitiki’ huma metodi msejsa fuq prinċipju definit applikabbli għal determinazzjoni waħdanija jew simultanja ta’ sustanza/i/aġent(i) waħda jew aktar fil-matriċi speċifiċi ddefiniti fl-ambitu tal-metodu.

(i)

‘standard ta’ referenza’ hu kampjun ta’ aġent attiv pur użat għall-għanijiet ta’ kalibrazzjoni.”

(3)

L-Artikolu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Kampjuni ta’ referenza

1.   Kwalunkwe persuna li tressaq applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għal addittiv tal-għalf jew għal xi użu ġdid ta’ addittiv tal-għalf, kif stipulat fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, għandu jibgħat tliet kampjuni ta' referenza f'sura li fiha l-applikant għandu l-ħsieb li jqiegħed l-addittiv tal-għalf fis-suq.

Barra minn hekk, l-applikant għandu jipprovdi lil-LRK:

(a)

l-istandards ta’ referenza tal-aġenti attivi puri fil-każ tal-addittivi tal-għalf:

li jappartjenu għall-kategorija ta’ addittivi żootekniċi msemmija fl-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ħlief għall-addittivi tal-għalf li huma magħmula jew li fihom il-mikro-organiżmi;

li jappartjenu għall-kategorija ta’ koċċidijostati u istomonostati msemmija fl-Artikolu 6(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003;

li jagħmlu parti mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-tpoġġija fis-suq ta' prodotti li jkunu magħmula minn, li jkun fihom, jew li jkunu ġejjin minn organiżmi mmodifikati ġenetikament (OMĠ);

li ġew stabbiliti għalihom il-Limiti ta’ Fdalijiet Massimi fl-Anness I jew III tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 (*1) jew skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(b)

meta l-applikazzjoni tikkonċerna addittiv tal-għalf li hu magħmul minn jew fih xi mikro-organiżmi, awtorizzazzjoni lil-LRK biex taċċessa r-razza tal-mikrobu tingħata lill-kollezzjoni tal-kultura magħrufa internazzjonalment imsemmija fil-punt 2.2.1.2. tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 429/2008 (*2), jekk miltub mil-LRK

Meta l-applikazzjoni tikkonċerna addittiv tal-għalf li jappartjeni għall-kategorija ta' addittivi sensorji u tinsab fi ħdan il-grupp funzjonali ta' komponenti tat-togħmiet imsemmija fil-punt 2(b) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, suġġett għall-Artikolu 10(2) ta' dak ir-Regolament, li jagħmel parti minn grupp ta' applikazzjonijiet, il-kampjuni ta' referenza għandhom ikunu rappreżentattivi tal-komponenti/sustanzi kollha fil-grupp.

2.   It-tliet kampjuni ta’ referenza tal-addittiv tal-għalf għandhom jiġu akkumpanjati minn stqarrija bil-miktub mill-applikant li l-miżata stipulata fl-Artikolu 4(1) tħallset.

3.   L-applikant għandu jżomm il-kampjuni ta’ referenza validi għall-perjodu sħiħ tal-awtorizzazzjoni tal-addittiv tal-għalf billi jipprovdi kampjuni ta’ referenza ġodda għal-LRK biex jissostitwixxi dawk li skadew.

L-applikant għandu jipprovdi kampjuni ta’ referenza, standards ta’ referenza u materjali għat-testjar tal-għalf u/jew l-ikel supplimentari, kif iddefinit fl-Artikolu 2, jekk ikun mitlub mil-LRK. Fuq talba ġġustifikata mil-laboratorji nazzjonali ta’ referenza tal-konsorzju u mingħajr ħsara għall-Artikoli 11, 32 u 33 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-LRK jista’ jitlob kampjuni ta’ referenza, standards ta’ referenza, materjali għat-testjar tal-għalf u/jew ikel supplimentari mingħand l-applikant.

4.   Il-kampjuni ta’ referenza ma jinħteġux għal:

(a)

applikazzjoni għal użu ġdid ta' addittiv tal-għalf li jkun diġà awtorizzat għal użu ieħor, ippreżentata skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, meta jkunu diġà ntbagħtu l-kampjuni ta' referenza lil-LRK għal dak l-użu l-ieħor;

(b)

applikazzjoni għall-bdil tat-termini tal-awtorizzazzjoni eżistenti ppreżentata skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, meta l-bidla proposta m'għandhiex x'taqsam mal-karatteristiċi tal-addittiv tal-għalf li ntbagħat qabel lil-LRK bħala kampjun ta' referenza tal-addittiv tal-għalf ikkonċernat.

(*1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 1."

(*2)   ĠU L 133, 22.5.2008, p. 1.” "

(4)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-LRK għandu jitlob miżata mill-applikant skont ir-rati stipulati fl-Anness IV (‘il-miżata’).”

(5)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-LRK għandu jissottometti rapport ta’ valutazzjoni komplut lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà Alimentari (l-Awtorità) għal kull applikazzjoni, jew kull grupp ta’ applikazzjonijiet, fi żmien tliet xhur mid-data ta’ meta tasal applikazzjoni valida kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 u l-ħlas tal-miżata.

Madankollu, jekk il-LRK jikkunsidra l-applikazzjoni bħala kumplessa ħafna, jista’ jestendi dak il-perjodu għal xahar ieħor. Il-LRK għandu jinforma lill-Kummissjoni, lill-Awtorità u lill-applikant meta l-perjodu jiġi estiż.

Il-limiti taż-żmien stipulati f’dan il-paragrafu jistgħu jiġu estiżi aktar bil-ftehim tal-Awtorità, kull meta l-LRK jitlob tagħrif supplimentari li ma jistax jiġi pprovdut mill-applikant u/jew ma jistax jiġi vvalutat mil-LRK fi ħdan dawk il-limiti ta’ żmien.

Madankollu, il-limitu ta’ żmien għal-LRK biex jippreżenta rapport ta’ valutazzjoni lill-Awtorità m’għandux jaqbeż il-limitu taż-żmien għall-Awtorità biex tipprovdi l-opinjoni tagħha, kif stipulat fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.”

(b)

Jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.   Ir-rapport ta’ valutazzjoni stipulat fil-paragrafu 1 jista’ jiġi emendat mil-LRK fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-Awtorità fejn:

(a)

il-kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-addittiv tal-għalf li rriżultaw mill-opinjoni tal-Awtorità skont l-Artikolu 8(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 huma differenti minn dawk li ġew proposti oriġinarjament mill-applikant;

(b)

tagħrif supplimentari rilevanti għall-metodu tal-analiżi ngħata mill-applikant lill-Awtorità.

4.   Ir-rapport ta’ valutazzjoni ma jinħtieġx għal:

(a)

applikazzjonijiet għal użu ġdid tal-addittiv tal-għalf ippreżentati skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, meta l-kondizzjonijiet proposti għat-tqegħid fis-suq tal-addittiv tal-għalf għall-użu ġdid huma fi ħdan l-ambitu tal-metodu ta’ analiżi ppreżentat qabel skont il-paragrafu 2.6 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 429/2008 u diġà vvalutati mil-LRK;

(b)

applikazzjonijiet għal bdil fit-termini ta’ awtorizzazzjoni eżistenti ppreżentati skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, meta l-bidla proposta jew il-kondizzjonijiet il-ġodda għat-tqegħid fis-suq tal-addittiv tal-għalf huma fi ħdan l-ambitu tal-metodu ta’ analiżi ppreżentat qabel skont il-paragrafu 2.6 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 429/2008 u diġà vvalutati mil-LRK.

Minkejja l-paragrafu 4, il-Kummissjoni, il-LRK jew l-Awtorità jistgħu, fuq il-bażi ta' fatturi leġittimi rilevanti għall-applikazzjoni, iqisu li hi meħtieġa valutazzjoni ġdida tal-metodi tal-analiżi. F’tali każijiet, l-applikant għandu jiġi infurmat mil-LRK.”

(6)

Fl-Artikolu 8, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

jekk ikun mitlub mil-LRK, li titressaq emenda għall-valutazzjoni tar-rapport li tikkonċerna d-dejta supplimentari mressqa mill-applikant lil-LRK jew lill-Awtorità.”

(7)

Fl-Artikolu 12(1), il-punt (d) li ġej huwa miżjud:

“(d)

rekwiżiti li jikkonċernaw metodi tal-analiżi mressqa skont il-paragrafi 2.6 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 429/2008;”

(8)

L-Anness II jinbidel bit-test tal-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(9)

Anness IV ġdid, li t-test tiegħu huwa stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, huwa miżjud.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)   ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8.

(3)   ĠU L 133, 22.5.2008, p. 1.


ANNESS I

“ANNESS II

Laboratorji ta’ Referenza Komunitarji u konsorzju tal-Laboratorji ta’ Referenza Nazzjonali, kif imsemmija fl-Artikolu 6(2)

LABORATORJU TA’ REFERENZA KOMUNITARJU

Ċentru ta’ Riċerka Konġunt tal-Kummissjoni Ewropea. Istitut għall-Materjali u Kejl ta’ Referenza. Geel, il-Belġju

LABORATORJI NAZZJONALI TA’ REFERENZA TAL-ISTATI MEMBRI

Belgique/België

Federaal Laboratorium voor de Voedselveiligheid Tervuren (FLVVT – FAVV).

Vlaamse Instelling voor Technologisch Onderzoek (VITO), Mol.

Centre wallon de Recherches agronomiques (CRA-W), Gembloux.

Česká republika

Ústřední kontrolní a zkušební ústav zemědělský (ÚKZÚZ), Praha.

Danmark

Plantedirektoratet, Laboratorium for Foder og Gødning, Lyngby.

Deutschland

Schwerpunktlabor Futtermittel des Bayerischen Landesamtes für Gesundheit und Lebensmittelsicherheit (LGL), Oberschleißheim.

Landwirtschaftliches Untersuchungs- und Forschungsanstalt (LUFA) Speyer, Speyer.

Sächsische Landesanstalt für Landwirtschaft. Fachbereich 8 – Landwirtschaftliches Untersuchungswesen, Leipzig.

Thüringer Landesanstalt für Landwirtschaft (TLL). Abteilung Untersuchungswesen, Jena.

Eesti

Põllumajandusuuringute Keskus (PMK). Jääkide ja saasteainete labor, Saku, Harjumaa.

Põllumajandusuuringute Keskus (PMK), Taimse materjali labor, Saku, Harjumaa.

España

Laboratorio Arbitral Agroalimentario, Ministerio de Agricultura, Pesca y Alimentación, Madrid.

Laboratori Agroalimentari, Departament d’Agricultura, Ramaderia i Pesca, Generalitat de Catalunya, Cabrils.

France

Laboratoire de Rennes, SCL L35, Service Commun des Laboratoires, Rennes.

Ireland

The State Laboratory, Kildare.

Italia

Istituto Superiore di Sanità. Dipartimento di Sanità alimentare ed animale, Roma.

Centro di referenza nazionale per la sorveglienza ed il controllo degli alimenti per gli animali (CReAA), Torino.

Kypros

Feedingstuffs Analytical Laboratory, Department of Agriculture, Nicosia.

Latvija

Valsts veterinārmedicīnas diagnostikas centrs (VVMDC), Riga.

Lietuvos

Nacionalinis maisto ir veterinarijos rizikos vertinimo institutas, Vilnius.

Luxembourg

Laboratoire de Contrôle et d’essais – ASTA, Ettelbruck.

Magyarország

Mezőgazdasági Szakigazgatási Hivatal Központ, Élelmiszer- és Takarmány-biztonsági Igazgatóság, Takarmányvizsgáló Nemzeti Referencia Laboratórium, Budapest.

Nederland

RIKILT- Instituut voor Voedselveiligheid, Wageningen.

Rijkinstituut voor Volksgezondheid en Milieu (RIVM), Bilthoven.

Österreich

Österreichische Agentur für Gesundheit und Ernährungssicherheit (AGES), Wien.

Polska

Instytut Zootechniki w Krakowie. Krajowe Laboratorium Pasz, Lublin.

Państwowy Instytut Weterynaryjny, Puławy.

Portugal

Instituto Nacional dos Recursos Biológicos, I.P./Laboratório Nacional de Investigação Veterinária (INRB,IP/LNIV), Lisboa.

Slovenija

Univerza v Ljubljani. Veterinarska fakulteta. Nacionalni veterinarski inštitut. Enota za patologijo prehrane in higieno okolja, Ljubljana.

Kmetijski inštitut Slovenije, Ljubljana.

Slovensko

Skúšobné laboratórium - Oddelenie analýzy krmív, Ústredný kontrolný a skúšobný ústav poľnohospodársky, Bratislava.

Suomi/Finland

Elintarviketurvallisuusvirasto/Livsmedelssäkerhetsverket (Evira), Helsinki/Helsingfors.

Sverige

Foderavdelningen, Statens Veterinärmedicinska Anstalt (SVA), Uppsala.

United Kingdom

The Laboratory of the Government Chemist, Teddington.

NATIONAL REFERENCE LABORATORIES OF EFTA COUNTRIES

Norway

LabNett AS, Agricultural Chemistry Laboratory, Stjørdal.”


ANNESS II

“ANNESS IV

IR-RATI GĦALL-MIŻATI KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(1)

Il-Kompożizzjoni tal-miżata

Minħabba l-kalkolu tal-miżata, il-miżata hi magħmula minn żewġ komponenti:

1.

L-ewwel komponent hu maħsub biex isostni l-ispejjeż amministrattivi tal-LRK u l-ispejjeż marbuta mat-trattament tal-kampjuni ta’ referenza. L-ewwel komponent jammonta għal EUR 2 000.

2.

It-tieni komponent hu maħsub biex isostni l-ispejjeż tal-Laboratorju Relatur għall-valutazzjoni xjentifika u t-tħejjija tar-rapport ta’ valutazzjoni. It-tieni komponent jammonta għal EUR 4 000.

Iż-żewġ komponenti huma applikati kif spjegat hawn isfel biex jiġu kkalkulati r-rati tal-miżata.

Ir-rati skont it-tip ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ addittivi tal-għalf skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003

1.

Awtorizzazzjoni ta’ addittiv tal-għalf ġdid (Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003):

Miżata = Komponent 1 + Komponent 2 = EUR 6 000

2.

Awtorizzazzjoni għal użu ġdid ta’ addittiv fl-għalf (Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003):

meta l-Artikolu 3(4)(a) u l-Artikolu 5(4)(a) japplikaw:

Miżata = EUR 0

meta l-Artikolu 3(4)(a) biss japplika, il-Komponent 2 biss japplika:

Miżata = EUR 4 000

3.

Awtorizzazzjoni ta’ addittiv tal-għalf diġà awtorizzat (Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003):

Miżata = Komponent 1 + Komponent 2 = EUR 6 000

Għal gruppi ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw aktar minn addittiv tal-għalf wieħed imressqa f’daqqa li jappartjenu għall-istess kategorija, grupp funzjonali u fejn meħtieġ, sotto klassifikazzjoni, ta’ addittivi tal-għalf, jekk ma jikkonċernax togħmiet definiti kimikament, addittivi żootekniċi jew, koċċidijostati u istomonostati oħra, u meta l-metodi ta’ analiżi użati għal dawn l-addittivi tal-għalf huma tat-tip multi-analitiki, il-miżata għandha tiġi kkalkulata kif ġej:

L-ewwel komponent hu mmultiplikat bin-numru (n) tal-addittivi tal-għalf fil-grupp:

Komponent 1 = (EUR 2 000 × n) = N

It-tieni komponent hu mmultiplikat bin-numru (m) tal-metodi ta’ analiżi li għandhom jiġu vvalutati mil-LRK:

Komponent 2 = (EUR 4 000 × m) = M

Il-miżata għandha tkun is-somma taż-żewġ komponenti:

Miżata = N + M

Għal gruppi ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw aktar minn togħma definita kimikament waħda mressqa f’daqqa, u meta l-metodi ta’ analiżi użati għal dawn l-addittivi tal-għalf huma tat-tip multi-analitiki, il-miżata għandha tiġi kkalkulata kif ġej:

L-ewwel komponent hu mmultiplikat bin-numru (n) tal-kampjuni ta’ referenza, kif speċifikat fl-Artikolu 3(1), imressaq lil-LRK:

Komponent 1 = (EUR 2 000 × n) = N

It-tieni komponent hu mmultiplikat bin-numru (m) tal-metodi ta’ analiżi li għandhom jiġu vvalutati mil-LRK:

Komponent 2 = (EUR 4 000 × m) = M

Il-miżata għandha tkun is-somma taż-żewġ komponenti:

Miżata = N + M

4.

L-applikazzjonijiet għall-bidla fit-termini ta’ awtorizzazzjoni eżistenti (Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003):

meta l-Artikolu 3(4)(b) u l-Artikolu 5(4)(b) japplikaw:

Miżata = EUR 0

meta l-Artikolu 3(4)(b) japplika, il-Komponent 2 biss japplika:

Miżata = EUR 4 000

5.

Tiġdid ta’ awtorizzazzjoni għal addittiv fl-għalf (Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003):

Miżata = EUR 4 000 ”


Top