Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0162

    Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat- 22 ta’ Diċembru 2009 li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 10, 15.1.2010, p. 14–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/162/oj

    15.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 10/14


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2009/162/UE

    tat-22 ta’ Diċembru 2009

    li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxi konformement ma' proċedura leġislattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (3) għandha tiġi emendata sabiex jiġu inkorporati diversi emendi, primarjament ta' natura teknika.

    (2)

    Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-importazzjoni u l-post fejn huma ntaxxati l-provvisti tal-gass u tal-elettriku, jirriżulta minn qari litterali tat-test tad-Direttiva 2006/112/KE, li t-tifsira tiegħu hija li l-iskema speċjali stabbilita mid-Direttiva 2003/92/KE tas-7 ta' Ottubru 2003 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE dwar ir-regoli fuq il-post ta' provvista tal-gass u l-elettriku (4) ma tapplikax għall-importazzjonijiet jew għall-provvisti tal-gass permezz ta' gasdotti li mhumiex parti mis-sistema tad-distribuzzjoni, u b'mod partikolari, ma tapplikax għall-gasdotti fis-sistema tad-distribuzzjoni li permezz tagħhom madankollu jitwettqu l-parti l-kbira mill-operazzjonijiet transkonfinali permezz ta' gasdotti. Madankollu, l-objettiv tad-Direttiva 2003/92/KE kien li din l-iskema speċjali tiġi applikata wkoll għal dawnkit-transazzjonijiet transkonfinali. Sabiex l-objettiv u s-sustanza tat-test jikkoinċidu, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-iskema speċjali tapplika għall-importazzjonijiet u għall-provvisti tal-gass permezz ta' kwalunkwe sistema ta' gass naturali li tkun tinsab fit-territorju tal-Komunità jew kwalunkwe netwerk konness ma' tali sistema.

    (3)

    Gass importat permezz ta' bastimenti huwa identiku fil-karatteristiċi tiegħu għal dak ta' gass importat permezz ta' gassdotti u li huwa maħsub, wara gassifikazzjoni mill-ġdid, li jiġi ttrasportat permezz ta' gassdotti. Għal raġunijiet ta' newtralità, l-eżenzjoni għandha għalhekk tapplika għal importazzjonijiet b'bastimenti fejn il-gass jiġi introdott f'sistema ta' gass naturali jew netwerk ta' gassdotti upstream.

    (4)

    L-ewwel netwerks transkonfinali tat-tisħin u tat-tkessiħ diġà huma operattivi. L-istess kwistjonijiet li japplikaw għall-provvista u l-importazzjoni tal-gass jew l-elettriku japplikaw ukoll għall-provvista u l-importazzjoni ta' sħana jew ta' kesħa. Skond ir-regoli attwali, il-VAT fuq il-gass naturali u l-elettriku hija imposta fil-post fejn fil-fatt dawn jiġu kkunsmati mill-klijent; ir-regoli għalhekk jevitaw kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Konsegwentement, l-istess skema li tapplika għall-gass naturali u l-elettriku għandha tiġi applikata għas-sħana u l-kesħa.

    (5)

    Fir-rigward tal-post fejn tiġi imposta l-VAT fuq is-servizzi, minn qari litterali tat-test tad-Direttiva 2006/112/KE, li t-tifsira tiegħu hija li l-iskema speċjali stabbilita mid-Direttiva 2003/92/KE tapplika biss għall-għoti ta' aċċess għas-sistemi ta' distribuzzjoni tal-gass naturali u tal-elettriku bl-esklużjoni, għalhekk, ta' fornimenti tal-istess tip relatati ma' sistema ta' trasport, jew anke ma' netwerk ta' gassdotti upstream. Madankollu, l-objettiv tad-Direttiva 2003/92/KE kien li din l-iskema speċjali tiġi applikata wkoll għal dawn is-servizzi. Sabiex l-objettiv u s-sustanza tat-test ikunu l-istess, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li din l-iskema speċjali tapplika għal servizzi kollha relatati mall-provvista ta' aċċess għas-sistemi kollha tal-elettriku u l-gass naturali, u għan-netwerks tat-tisħin u tat-tkessiħ.

    (6)

    L-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni reċenti tal-proċedura attwali, li biha l-Kummissjoni hija inkarigata biex tiddeċiedi jekk jeżistix riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-applikazzjoni ta' rata mnaqqsa ta' VAT għall-gass naturali, għall-elettriku u għat-tisħin distrettwali, uriet li din il-proċedura hija obsoleta u superfluwa. Ir-regoli li jiddeterminaw il-post ta' tassazzjoni jiżguraw li l-VAT tiġi imposta fil-post fejn il-gass naturali, l-elettriku, is-sħana u l-kesħa huma fil-fatt kkunsmati mill-konsumatur; ir-regoli għalhekk jipprevjenu kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Madankollu, għadu importanti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jkunu infurmati suffiċjentement kull meta Stat Membru jintroduċi taxxa mnaqqsa f'dan is-settur sensittiv ferm. Konsegwentement, hija meħtieġa proċedura ta' konsultazzjoni minn qabel li tinvolvi l-Kumitat tal-VAT.

    (7)

    Il-Protokoll tat-8 ta' April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej bħala bażi legali għall-eżenzjoni, permezz ta' rimessa jew rifużjoni ta' taxxi indiretti, mogħtija lill-Komunitajiet u lil ċerti aġenziji u korpi Komunitarji oħrajn fir-rigward ta' ċertu xiri magħmul għall-użu uffiċjali tagħhom, huwa speċifiku u għandha ssir distinzjoni mill-bażi legali għall-eżenzjoni mill-VAT fuq ċerti transazzjonijiet li jibbenefikaw minnhom korpi internazzjonali in ġenerali. Għalhekk jeħtieġ li l-formulazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE tiġi ċċarata aktar u li tiġi inkluża eżenzjoni partikolari, li tista' tiġi eżerċitata permezz ta' rifużjoni tat-taxxa, biex b'hekk jiġu evitati ċerti diffikultajiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni lill-korpi stabbiliti mill-Komunitajiet, b'mod partikolari ċerti impriżi konġunti stabbiliti skont l-Artikolu 187 tat-Trattat.

    (8)

    Fil-kuntest tal-adeżjoni tagħhom, il-Bulgarija u r-Rumanija ġew awtorizzati jagħtu eżenzjoni lill-impriżi żgħar u li jibqgħu japplikaw eżenzjoni fuq it-trasport internazzjonali tal-passiġġieri. Għall-finijiet taċ-ċarezza u l-konsistenza, dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu integrati fid-Direttiva 2006/112/KE.

    (9)

    Rigward id-dritt tat-tnaqqis, ir-regola bażika hija li dan id-dritt jirriżulta biss fil-każ li l-merkanzija u s-servizzi jintużaw minn persuna taxxabbli għall-finijiet tal-attività professjonali tagħha.

    (10)

    Din ir-regola għandha tiġi ċċarata u msaħħa fir-rigward tal-provvista tal-proprjetà immobbli u l-infiq relatat magħha sabiex jiġi żgurat li l-persuni taxxabbli jkunu ttrattati bl-istess mod fil-każ li l-oġġetti immobbli li jużaw għall-attività professjonali tagħhom ma tintużax esklussivament għal finijiet relatati ma' dik l-attività.

    (11)

    Filwaqt li l-proprjetà immobbli u l-infiq relatat jirrappreżentaw l-aktar każijiet sinifikanti, fejn kjarifika u t-tisħiħ tar-regola huma adatti, minħabba l-valur u t-tul tal-ħajja ekonomika ta' proprjetà bħal din u l-fatt li l-użu mħallat ta' dan it-tip ta' proprjetà huwa prattika komuni, il-kwistjoni tirriżulta wkoll, għalkemm f'manjiera inqas sinifikanti u inqas uniformi, fir-rigward ta' oġġetti mobbli ta' natura durabbli. F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom għalhekk jingħataw il-mezzi biex, fejn adatt, jieħdu l-istess miżuri fir-rigward ta' tali oġġetti mobbli li jiffurmaw parti mill-assi tan-negozju.

    (12)

    Bil-ħsieb li tiġi żgurata sistema ekwa tat-tnaqqis għall-persuni taxxabbli fil-kuntest tar-regoli l-ġodda, għandha tiġi pprovduta sistema ta' aġġustament f'konformità mar-regoli l-oħra dwar l-aġġustament ta' tnaqqis biex jitqiesu l-bidliet fl-użu kummerċjali u dak mhux kummerċjali tal-proprjetà kkonċernata.

    (13)

    Id-Direttiva 2006/112/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2006/112/KE hija b'dan emendata kif ġej:

    1)

    l-Artikolu 2(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   ‘Prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’ għandha tfisser prodotti tal-enerġija, alkoħol u xarbiet alkoħoliċi u tabakk manifatturat, kif definiti mil-leġislazzjoni Komunitarja preżenti, iżda mhux gass ipprovdut permezz ta' sistema ta' gass naturali li tkun tinsab fit-territorju tal-Komunità jew kwalunkwe netwerk konness ma' tali sistema.”;

    2)

    l-Artikolu 13(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw attivitajiet, eżentati skont l-Artikoli 132, 135, 136 u 371, l-Artikoli 374 sa 377, l-Artikolu 378(2), l-Artikolu 379(2) jew l-Artikoli 380 sa 390b, li jitwettqu minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku bħala attivitajiet li dawk il-korpi jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi.”;

    3)

    l-Artikolu 15(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   L-elettriku, il-gass, l-enerġija għat-tisħin jew għat-tkessiħ u affarijiet simili għandhom jiġu ttrattati bħala proprjetà tanġibbli.”;

    4)

    l-Artikolu 17(2)(d) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “(d)

    il-provvista ta' gass permezz ta' sistema ta' gass naturali li tkun tinsab fit-territorju tal-Komunità jew kwalunkwe netwerk konness ma' tali sistema, il-provvista ta' elettriku jew il-provvista ta' sħana jew ta' kesħa permezz tan-netwerks tat-tisħin jew tat-tkessiħ, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 38 u 39;”;

    5)

    It-Taqsima 4 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu V għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

    “Taqsima 4

    Provvisti ta' gass permezz ta' sistema ta' gass naturali, ta' elettriku, u ta' sħana jew ta' kesħa permezz tan-netwerks tat-tisħin u tat-tkessiħ

    Artikolu 38

    1.   Fil-każ tal-provvista ta' gass permezz ta' sistema ta' gass naturali li tkun tinsab fit-territorju tal-Komunità jew kwalunkwe netwerk konness ma' tali sistema, il-provvista ta' elettriku, jew il-provvista ta' sħana jew ta' kesħa permezz tan-netwerks ta' tisħin jew ta' tkessiħ lil negozjant taxxabbli, il-post tal-provvista għandu jitqies bħala l-post fejn in-negozjant taxxabbli jkun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss minn fejn jissupplixxi l-merkanzija, jew, fl-assenza ta' tali post ta' negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu għandu l-indirizz permanenti jew fejn is-soltu joqgħod.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ‘negozjant taxxabbli’ għandha tfisser persuna taxxabbli li l-attività prinċipali tagħha, fir-rigward tax-xiri tal-gass, l-elettriku, is-sħana jew il-kesħa, tikkonsisti fil-bejgħ mill-ġdid ta' dawk il-prodotti u li l-konsum personali tagħha ta' dawk il-prodotti huwa negliġibbli.

    Artikolu 39

    Fil-każ tal-provvista ta' gass permezz ta' sistema ta' gass naturali li tkun tinsab fit-territorju tal-Komunità jew kwalunkwe netwerk konness ma' tali sistema, il-provvista ta' elettriku jew il-provvista ta' sħana jew ta' kesħa permezz tan-netwerks tat-tisħin jew tat-tkessiħ, fejn tali provvista mhijiex koperta mill-Artikolu 38, il-post tal-provvista huwa meqjus li huwa l-post fejn ix-xerrej effettivament juża u jikkonsma l-merkanzija.

    Fejn it-totalità ta' jew parti mill-gass, tal-elettriku jew tas-sħana jew tal-kesħa mhix effettivament ikkunsmata mix-xerrej, dik il-merkanzija mhux ikkunsmata għandha titqies daqs li kieku ntużat u ġiet ikkunsmata fil-post fejn il-konsumatur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew fejn ikollu stabbiliment fiss li għalih hija pprovduta l-merkanzija. Fin-nuqqas ta' dan il-post tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-konsumatur għandu jitqies li uża u kkonsma l-merkanzija fil-post fejn għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn is-soltu joqgħod.”;

    6)

    l-Artikolu 59, punt (h), kif stabbilit bid-Direttiva 2008/8/KE tat-12 ta' Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-provvista tas-servizzi (5), għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “(h)

    l-għoti ta' aċċess għal sistema ta' gass naturali li tkun tinsab fit-territorju tal-Komunità jew lil kwalunkwe netwerk konness ma' tali sistema, għas-sistema tal-elettriku jew għan-netwerks tat-tisħin jew tat-tkessiħ, jew it-trasmissjoni jew id-distribuzzjoni permezz ta' dawn is-sistemi jew netwerks, u l-forniment ta' servizzi oħrajn direttament marbutin magħhom;”;

    7)

    fl-Artikolu 80(1)(b), il-kliem “l-Artikoli 380 sa 390” għandhom jiġu sostitwiti bi “l-Artikoli 380 sa 390b”;

    8)

    l-Artikolu 102 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 102

    Wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-VAT, kull Stat Membru jista' japplika rata mnaqqsa għall-provvista ta' gass naturali, elettriku jew tisħin distrettwali.”;

    9)

    fl-Artikolu 136(a), il-kliem “l-Artikoli 380 sa 390” għandhom jiġu sostitwiti bi “l-Artikoli 380 sa 390b”;

    10)

    l-Artikolu 143 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt li ġej għandu jiżdied wara l-punt (f):

    “(fa)

    l-importazzjonijiet ta' merkanzija magħmula mill-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew tal-Investiment, jew mill-korpi stabbiliti mill-Komunitajiet li għalihom japplika l-Protokoll tat-8 ta' April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, fil-limiti u skont il-kondizzjonijiet ta' dak il-Protokoll u l-ftehim għall-implimentazzjoni tiegħu jew il-ftehim tal-kwartieri ġenerali, sakemm dan ma jwassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni;”;

    (b)

    il-punt (g) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “(g)

    l-importazzjoni ta' merkanzija minn korpi internazzjonali, minbarra dawk imsemmijin fil-punt (fa), rikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti, jew mill-membri ta' tali korpi, fil-limiti u skont il-kondizzjonijet stipulati mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu l-korpi jew bil-ftehim tal-kwartieri ġenerali;”;

    (c)

    il-punt (l) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “(l)

    l-importazzjonijiet ta' gass permezz ta' sistema ta' gass naturali jew kwalunkwe netwerk konness ma' tali sistema jew introdott minn bastiment li jittrasporta gass f'sistema ta' gass naturali jew kwalunkwe netwerk ta' gassdotti upstream, ta' elettriku jew ta' sħana jew ta' kesħa permezz ta' netwerks tat-tisħin jew tat-tkessiħ;”;

    11)

    l-Artikolu 151(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt li ġej għandu jiżdied wara l-punt (a):

    “(aa)

    il-provvista ta' merkanzija jew servizzi lill-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew tal-Investiment, jew lill-korpi stabbiliti mill-Komunitajiet li għalihom japplika l-Protokoll tat-8 ta' April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, fil-limiti u skont il-kondizzjonijiet ta' dak il-Protokoll u l-ftehim għall-implimentazzjoni tiegħu jew il-ftehim tal-kwartieri ġenerali, sakemm dan ma jwassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni;”;

    (b)

    il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “(b)

    il-provvista ta' merkanzija u ta' servizzi lil korpi internazzjonali, minbarra dawk imsemmija fil-punt (aa), rikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti, kif ukoll lill-membri ta' tali korpi, fil-limiti u skont il-kondizzjonijet stabbiliti mill-konvenzjonijet internazzjonali li jistabbilixxu l-korpi jew bil-ftehim tal-kwartieri ġenerali;”;

    12)

    l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal fil-Kapitolu 1 tat-Titolu X:

    “Artikolu 168a

    1.   Fil-każ ta' proprjetà immobbli li tifforma parti mill-assi kummerċjali ta' persuna taxxabbli u użata kemm għal finijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli kif ukoll għal finijiet privati tal-persuna jew tal-persunal tagħha, jew, b'mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra apparti dawk tan-negozju tagħha, il-VAT fuq l-infiq relatat ma' din il-proprjetà għandu jkun deduċibbli f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 167, 168, 169 u 173 sal-proporzjon biss tal-użu tal-proprjetà għall-finijiet kummerċjali tal-persuna taxxabbli.

    B'deroga mill-Artikolu 26, bidliet fil-proporzjon tal-użu tal-proprjetà immobbli msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu f'konformità mal-prinċipji previsti fl-Artikoli 184 sa 192 kif applikati fl-Istat Membru rispettiv.

    2.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll il-paragrafu 1 fir-rigward tal-VAT fuq l-infiq relatat ma' oġġetti oħrajn li jifformaw parti mill-assi kummerċjali, kif dawn jispeċifikaw.”;

    13)

    fl-Artikolu 221(2), il-kliem “l-Artikoli 380 sa 390” għandhom jiġu sostitwiti bi “l-Artikoli 380 sa 390b”;

    14)

    fl-Artikolu 287, għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “17)

    il-Bulgarija: EUR 25 600;

    18)

    ir-Rumanija: EUR 35 000.”;

    15)

    Fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu XIII, għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 390a

    Il-Bulgarija tista', skont il-kondizzjonijiet li japplikaw f'dak l-Istat Membru fid-data tal-adeżjoni tiegħu, tkompli teżenta t-trasport internazzjonali tal-passiġġieri kif imsemmi fil-punt (10) tal-Anness X, Parti B, sakemm l-istess eżenzjoni tkun applikata f'xi wieħed mill-Istati Membri li kienu membri tal-Komunità fil-31 ta' Diċembru 2006.

    Artikolu 390b

    Ir-Rumanija tista', skont il-kondizzjonijiet li japplikaw f'dak l-Istat Membru fid-data tal-adeżjoni tiegħu, tkompli teżenta t-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, kif imsemmi fil-punt (10) tal-Anness X, Parti B, sakemm l-istess eżenzjoni tkun applikata minn xi wieħed mill-Istati Membri li kienu membri tal-Komunità fil-31 ta' Diċembru 2006.”;

    16)

    fl-Artikolu 391, il-kliem “l-Artikoli 380 sa 390” għandha tiġi sostitwita bi “l-Artikoli 380 sa 390b”;

    17)

    fl-Anness X, it-titolu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “LISTA TA' TRANSAZZJONIJIET KOPERTI MID-DEROGI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 370 U 371 U FL-ARTIKOLI 375 SA 390b.”

    Artikolu 2

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva b'effett mill-1 ta' Jannar 2011. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan.

    Meta jiġu adottati mill-Istati Membri, dawk il-miżuri għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-motodi li bihom issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2009.

    Għall-Kunsill

    A. CARLGREN

    Il-President


    (1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 119.

    (3)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (4)  ĠU L 260, 11.10.2003, p. 8.

    (5)  ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11.


    Top