EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009E0181

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/181/PESK tal- 11 ta’ Marzu 2009 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina

ĠU L 67, 12.3.2009, p. 88–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2009/181/oj

12.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/88


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/181/PESK

tal-11 ta’ Marzu 2009

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2007/427/PESK (1) li taħtar lis-Sur Miroslav LAJČÁK bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Bosnja u Ħerzegovina.

(2)

Fit-18 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/130/PESK (2) li estendiet il-mandat tar-RSUE sat-28 ta’ Frar 2009.

(3)

Abbażi ta’ reviżjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/130/PESK, il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż b’perijodu ulterjuri ta’ 12-il xahar.

(4)

B’ittra datata s-26 ta’ Jannar, is-Sur LAJČÁK ippreżenta r-riżenja tiegħu. Għalhekk għandu jinħatar RSUE ġdid għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2009 sat-28 ta’ Frar 2010.

(5)

Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) irrakkomanda li s-Sur Valentin INZKO jinħatar bħala r-RSUE ġdid fil-Bosnja u Ħerzegovina.

(6)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi implimentat f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni sabiex tkun żgurata l-konsistenza ma’ attivitajiet rilevanti oħra li jaqgħu fil-kompetenza Komunitarja.

(7)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Valentin INZKO huwa b’dan maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH) għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2009 sat-28 ta’ Frar 2010.

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-BiH. Dawn jiċċentraw fuq progress kontinwu fl-implementazzjoni tal-Ftehim Kwadru Ġenerali għall-Paċi (GFAP) fil-BiH, f’konformità mal-Pjan ta’ Implementazzjoni tal-Missjoni tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli, kif ukoll fuq progress kontinwat fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, bil-għan ta’ BiH stabbli, vijabbli, paċifika u multietnika, li tikkopera paċifikament mal-ġirien tagħha u li timxi irreversibbilment fit-triq lejn sħubija fl-UE.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-UE fil-BiH, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

joffri l-konsulenza tal-UE u jiffaċilita l-proċess politiku;

(b)

jippromwovi koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE u jikkontribwixxi għar-rinfurzar tal-koordinazzjoni u l-koerenza interni tal-UE fil-BiH, inkluż permezz ta’ laqgħat informattivi mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE u permezz ta’ parteċipazzjoni, jew rappreżentanza, fil-laqgħat regolari tagħhom, billi jippresjedi grupp ta’ koordinazzjoni magħmul mill-atturi kollha tal-UE preżenti fil-kamp bil-ħsieb li jiġu kkoordinati l-aspetti implimentattivi tal-azzjoni tal-UE, u billi jagħtihom gwida dwar relazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-BiH;

(c)

jippromwovi koordinazzjoni ġenerali tal-isforzi tal-UE, u jagħtihom direzzjoni politika lokali, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, mingħajr preġudizzju għar-rwol ta’ tmexxija tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-koordinazzjoni tal-aspetti ta’ dawn l-isforzi li jirrigwardaw il-pulizija u għal-linja ta’ kmand militari tal-ALTHEA (EUFOR);

(d)

mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand militari, joffri lill-Kmandant tal-Forza tal-UE gwida politika dwar kwistjonijiet militari b’dimensjoni politika lokali, b’mod partikolari rigward operazzjonijiet sensittivi, relazzjonijiet mal-awtoritajiet lokali u mal-media lokali;

(e)

jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza tal-UE qabel ma jieħu azzjoni politika li jista’ jkollha impatt fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà;

(f)

jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-UE lejn il-pubbliku; il-kelliem tar-RSUE għandu jkun il-punt ta’ kuntatt prinċipali tal-UE għall-medja fil-BiH dwar kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni/Politika Ewropea ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (PESK/PESD);

(g)

iżomm ħarsa ġenerali fuq il-firxa kollha tal-attivitajiet fil-qasam tal-istat tad-dritt u, f’dan il-kuntest, jipprovdi konsulenza, kif meħtieġ, lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) u lill-Kummissjoni;

(h)

jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni tal-EUPM bi gwida politika lokali; ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ;

(i)

bħala parti mill-approċċ usa’ fir-rigward tal-istat tad-dritt adottat mill-komunità internazzjonali u mill-awtoritajiet tal-BiH u, billi juża l-kompetenza u l-assistenza teknika tal-pulizija pprovduti mill-EUPM f’dan ir-rigward, jappoġġja t-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-ristrutturazzjoni tal-pulizija;

(j)

jipprovdi appoġġ sabiex tiġi rinfurzata u ssir aktar effettiva l-interfaċċa bejn il-pulizija u s-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-BiH, f’kollegament mill-qrib ma’ l-EUPM;

(k)

jikkonsulta mal-Kap tal-EUPM qabel ma jieħu azzjoni politika li jista’ jkollha impatt fuq il-pulizija u s-sitwazzjoni tas-sigurtà;

(l)

safejn ikunu kkonċernati l-attivitajiet taħt it-Titolu VI tat-Trattat, inkluż l-Europol, u attivitajiet Komunitarji relatati, jipprovdi konsulenza lis-SĠ/RGħ u lill-Kummissjoni kif meħtieġ, u jieħu sehem fil-koordinazzjoni lokali meħtieġa;

(m)

bil-ħsieb ta’ koerenza u ta’ sinerġiji possibbli, ikompli jipprovdi konsulenza dwar prijoritajiet għall-Istrument ta’ Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni;

(n)

jappoġġja ppjanar għall-uffiċċju tar-RSUE msaħħaħ fil-kuntest tal-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR), kif ukoll jipprovdi konsulenza dwar aspetti ta’ informazzjoni pubblika tat-transizzjoni, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni;

(o)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-BiH, bi qbil mal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

(p)

jinvolvi ruħu mal-awtoritajiet rilevanti tal-BiH dwar il-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY);

(q)

jipprovdi konsulenza u faċilitazzjoni politika fil-proċess tar-riforma kostituzzjonali;

(r)

mingħajr preġudizzju għal linja ta’ kmand applikabbli, jagħti għajnuna biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-UE fil-kamp jiġu applikati b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-UE.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm rabta privileġġata mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat.

Artikolu 5

Rappreżentant Għoli

Ir-rwol tar-RSUE ma għandu bl-ebda mod jippreġudika l-mandat tar-Rappreżentant Għoli fil-BiH, inkluż ir-rwol tiegħu ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet kollha tal-organizzazzjonijiet ċivili u l-aġenziji kollha kif previst fil-Ftehim Qafas Ġenerali għall-Paċi (GFAP) u l-konklużjonijiet u d-dikjarazzjonijiet sussegwenti tal-Kunsill għall-Implementazzjoni tal-Paċi (PIC).

Artikolu 6

Finanzjament

1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2009 sat-28 ta’ Frar 2010 għandu jkun ta’ EUR 3 200 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli sa mill-1 ta’ Marzu 2009. In-nefqa għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta’ kull infiq lill-Kummissjoni.

Artikolu 7

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tat-tim tiegħu f’konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f’assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. It-tim għandu jinkludi l-kompetenzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lis-SĠ/RGħ, lill-Presidenza u lill-Kummissjoni informati dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jipproponu l-issekondar tal-persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-UE lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE kkonċernata rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu jiġu stazzjonati wkoll mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali kkuntrattat għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE mandanti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 8

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftiehma mal-parti(jiet) ospitanti kif meħtieġ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.

Artikolu 9

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

Artikolu 10

Aċċess għal informazzjoni u sostenn loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, kif meħtieġ, għandhom jipprovdu sostenn loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 11

Sigurtà

Konformement mal-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, l-immaniġġar tal-moviment sigur tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-UE jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tiegħu li jridu jiġu skjerati barra l-UE, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta’ sigurtà xieraq qabel u mal-wasla fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta’ riskju mogħtija liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta’ sigurtà regolari jiġu implimentati u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ nofs it-term u tal-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 12

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS b’rapporti bil-fomm u bil-kitba. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni.

Artikolu 13

Koordinazzjoni

1.   L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati kif meħtieġ ma’ dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni b’aġġornamenti regolari ta’ informazzjoni.

Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll jikkollabora ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fil-qasam.

2.   B’appoġġ għall-operazzjonijiet tal-UE ta’ maniġġar tal-kriżijiet, ir-RSUE, flimkien ma’ atturi tal-UE oħra preżenti fil-kamp, għandu jtejjeb it-tixrid u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni minn dawk l-atturi tal-UE bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta’ għarfien komuni u ta’ valutazzjoni komuni dwar is-sitwazzjoni.

Artikolu 14

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-UE lir-reġjun għandhom jinżammu taħt reviżjoni regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapport ta’ progress qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2009 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2009. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għal valutazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS rigward id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 16

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SCHWARZENBERG


(1)  ĠU L 159, 20.6.2007, p. 63.

(2)  ĠU L 43, 19.2.2008, p. 22.

(3)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.


Top