EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0916

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/916/PESK tat- 23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tas-Seychelles fil-qafas tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea Atalanta

ĠU L 323, 10.12.2009, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/916/oj

Related international agreement

10.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/916/PESK

tat-23 ta’ Ottubru 2009

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tas-Seychelles fil-qafas tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea Atalanta

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 1814 (2008), li tappella lill-Istati u lill-organizzazzjonijiet reġjonali biex jieħdu azzjoni sabiex jipproteġu l-bastimenti li qed jieħdu sehem fit-trasport u t-twassil ta’ għajnuna umanitarja lis-Somalja u f’attivitajiet awtorizzati min-Nazzjonijiet Uniti.

(2)

Fit-2 ta’ Ġunju 2008, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 1816 (2008) li tawtorizza, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data tar-Riżoluzzjoni, lill-Istati li jikkoperaw mal-Gvern Federali ta’ Transizzjoni tas-Somalja, biex jidħlu fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja u biex jużaw, b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali rilevanti, il-mezzi kollha meħtieġa biex irażżnu l-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-armi fuq il-baħar. Dawk id-dispożizzjonijiet ġew imġedda għal perijodu ieħor ta’ 12-il xahar bir-Riżoluzzjoni 1846 (2008) tal-KSNU, adottata fit-2 ta’ Diċembru 2008.

(3)

Fl-10 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (1) (l-operazzjoni “Atalanta”).

(4)

L-Artikolu 11 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK jipprevedi li l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-UE u l-persunal tagħhom li huma stazzjonati fuq l-art fit-territorju ta’ Stati terzi, jew li joperaw fl-ilmijiet territorjali jew interni ta’ Stati terzi, għandu jiġi miftiehem konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat.

(5)

Wara l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill fit-18 ta’ Settembru 2007, konformement mal-Artikolu 24 tat-Trattat, il-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, innegozjat Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-istatus tal-forza mmexxija mill-UE fir-Repubblika tas-Seychelles.

(6)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-istatus tal-forzi mmexxija mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tas-Seychelles fil-qafas tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea Atalanta huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim li jorbot lill-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BILLSTRÖM


(1)  ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.


Top

10.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/14


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tas-Seychelles fil-qafas tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea Atalanta

L-UNJONI EWROPEA (UE),

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAS-SEYCHELLES, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Istat Ospitanti”,

min-naħa l-oħra,

Minn hawn ‘il quddiem imsejħin flimkien il-“Partijiet”,

WARA LI KKUNSIDRAW:

Ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) (UNSCRs) 1814 (2008), 1838 (2008), 1846 (2008) u 1851 (2008),

L-ittri tar-Repubblika tas-Seychelles datati t-2 ta’ April 2009 u l-21 ta’ Awwissu 2009 fejn titlob il-preżenza ta’ forza navali tal-UE fit-territorju tagħha,

L-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xatt tas-Somalja,

Li dan il-Ftehim mhuwiex se jinċidi fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt ftehimiet internazzjonali u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali, inkluż l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika għall-Forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea u l-persunal tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim għandu japplika biss fit-territorju tal-Istat Ospitanti, inklużi l-ilmijiet u l-ispazju tal-ajru tiegħu.

3.   Għall-fini ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“Forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea (EUNAVFOR)” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari tal-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-operazzjoni tal-UE Atalanta, il-bastimenti tagħhom, l-inġenji tal-ajru tagħhom, it-tagħmir tagħhom u l-mezzi tat-trasport tagħhom;

(b)

“operazzjoni” għandha tfisser it-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u l-appoġġ tal-missjoni militari segwenti għall-mandat li jirriżulta mir-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1838 (2008), 1846 (2008), 1851 (2008) tal-KSNU u kwalunkwe Riżoluzzjoni sussegwenti rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u l-ittri ta’ stedina mir-Repubblika tas-Seychelles, datata t-2 ta’ April 2009 u l-21 ta’ Awwissu 2009;

(c)

“Kmandant tal-Operazzjoni” għandha tfisser il-Kmandant tal-Operazzjoni;

(d)

“Kmandant tal-Forza tal-UE” għandha tfisser il-Kmandant fiż-żona tal-operazzjonijiet;

(e)

“kwartieri ġenerali militari tal-UE” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari u l-elementi tagħhom, irrispettivament minn fejn jinsabu, taħt l-awtorità tal-kmandanti militari tal-UE li jeżerċitaw il-kmand jew il-kontroll militari tal-operazzjoni;

(f)

“kontinġenti nazzjonali” għandha tfisser l-unitajiet, il-bastimenti, l-inġenji tal-ajru u l-elementi, inklużi stakkamenti tal-protezzjoni tal-bastimenti abbord bastimenti merkantili, li huma l-proprjetà tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u ta’ Stati terzi li qed jipparteċipaw fl-operazzjoni;

(g)

“persunal tal-EUNAVFOR” għandha tfisser il-persunal ċivili u militari assenjat lill-EUNAVFOR, kif ukoll il-persunal skjerat għat-tħejjija tal-operazzjoni, il-persunal li qed jeskorta lill-persuni arrestati mill-EUNAVFOR u l-persunal fuq missjoni għal Stat Mittenti jew istituzzjoni tal-UE fil-qafas tal-operazzjoni, li jinsabu, ħlief kif ipprovdut mod ieħor f’dan il-Ftehim, fit-territorju tal-Istat Ospitanti, bl-eċċezzjoni tal-persunal impjegat lokalment u l-persunal impjegat minn kuntratturi kummerċjali internazzjonali;

(h)

“persunal impjegat lokalment” għandha tfisser il-membri tal-persunal li jkunu ċittadini tal-Istat Ospitanti jew ikunu residenti permanenti fih;

(i)

“faċilitajiet” għandha tfisser il-bini, l-akkomodazzjoni u l-art kollha meħtieġa għall-EUNAVFOR u għall-persunal tagħha;

(j)

“Stat Mittenti” għandha tfisser Stat li jipprovdi kontinġent nazzjonali għall-EUNAVFOR, inklużi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u Stati terzi li jipparteċipaw fl-operazzjoni;

(k)

“ilmijiet” għandha tfisser l-ilmijiet intern, l-ilmijiet tal-arċipelagu u l-baħar territorjali tal-Istat Ospitanti, kif ukoll l-ispazju tal-ajru fuq dawn l-ilmijiet;

(l)

“korrispondenza uffiċjali” għandha tfisser kull korrispondenza relatata mal-operazzjoni u mal-funzjonijiet tagħha.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-EUNAVFOR u l-persunal tagħha għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Ospitanti u għandhom jastjenu minn kull azzjoni jew attività li tkun inkompatibbli mal-objettivi tal-operazzjoni.

2.   L-EUNAVFOR għandha tinforma regolarment lill-gvern tal-Istat Ospitanti dwar l-għadd tal-membri tal-persunal tagħha stazzjonati fit-territorju tal-Istat Ospitanti u dwar l-identità tal-bastimenti, l-inġenji tal-ajru u l-unitajiet li joperaw fl-ilmijiet tal-Istat Ospitanti jew li jidħlu fil-portijiet tiegħu.

Artikolu 3

Identifikazzjoni

1.   Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR li jkunu fuq l-art fit-territorju tal-Istat Ospitanti għandhom dejjem iġorru magħhom il-passaport jew il-karta tal-identità militari tagħhom.

2.   Il-vetturi, l-inġenji tal-ajru, il-bastimenti u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport tal-EUNAVFOR għandu jkollhom fuqhom marki ta’ identifikazzjoni u/jew pjanċi tar-reġistrazzjoni distintivi tal-EUNAVFOR, li dwarhom għandhom ikunu notifikati minn qabel l-awtoritajiet tal-Istat Ospitanti.

3.   L-EUNAVFOR għandu jkollha d-dritt li turi l-bandiera tal-Unjoni Ewropea u marki distintivi, bħal ma huma insinji militari, titoli u simboli uffiċjali, fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport tagħha. L-uniformijiet tal-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkollhom emblema distintiva tal-EUNAVFOR. Il-bnadar jew l-insinji nazzjonali tal-kontinġenti nazzjonali li jikkostitwixxu l-operazzjoni jistgħu jkunu murija fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport u l-uniformijiet tal-EUNAVFOR, skont id-deċiżjoni tal-Kmandant tal-Forza tal-UE.

Artikolu 4

Qsim tal-fruntieri u moviment fit-territorju tal-Istat Ospitanti

1.   Bl-eċċezzjoni tal-persunal tal-bastimenti u l-inġenji tal-ajru tal-EUNAVFOR, il-persunal tal-EUNAVFOR m’għandux jidħol fit-territorju tal-Istat Ospitanti ħlief billi jippreżenta d-dokumenti previsti fl-Artikolu 3 (1). Huwa għandu jkun eżenti mir-regolamenti dwar il-passaporti u l-viża, l-ispezzjonijiet dwar l-immigrazzjoni u l-kontroll tad-dwana mad-dħul, mal-ħruġ jew fit-territorju tal-Istat Ospitanti.

2.   Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR għandhom ikunu eżenti mid-dispożizzjonijiet tal-Istat Ospitanti dwar ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda m’għandhom jiksbu l-ebda dritt għal residenza jew domiċilju permanenti fit-territorju tal-Istat Ospitanti.

3.   Mad-dħul fl-ajruport jew il-post tal-Istat Ospitanti, l-EUNAVFOR għandha tirrispetta l-liġijiet u r-regolamenti dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa ambjentali tal-Istat Ospitanti. Għal dan il-għan jista’ jiġi konkluż arranġament implimentattiv kif imsemmi fl-Artikolu 18.

4.   L-Istat Opsitanti għandu jiġi pprovdut, għal fini ta’ informazzjoni, b’lista ġenerali tar-riżorsi tal-EUNAVFOR li jidħlu fit-territorju tiegħu. Dawn ir-riżorsi għandu jkollhom marka ta’ identifikazzjoni tal-EUNAVFOR. L-assi u l-mezzi tat-trasport tal-EUNAVFOR li jidħlu fi, jgħaddu jew joħorġu mit-territorju tal-Istat Ospitanti b’appoġġ għall-operazzjoni għandhom ikunu eżenti minn kull rekwiżit li jipproduċu inventarji jew dokumentazzjoni oħra doganali, u minn kull spezzjoni.

5.   Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR, filwaqt li jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Ospitanti, jistgħu jsuqu vetturi bil-mutur, jinnavigaw bastimenti u jħaddmu inġenji tal-ajru fit-territorju tal-Istat Ospitanti bil-kondizzjoni li jkollhom liċenzji tas-sewqan, ċertifikati ta’ kaptan ta’ bastiment jew liċenzji ta’ bdot validi nazzjonali, internazzjonali jew militari, kif meħtieġ.

6.   Għall-finijiet tal-operazzjoni, l-Istat Ospitanti għandu jagħti lill-EUNAVFOR u lill-persunal tagħha l-libertà tal-moviment u tal-ivvjaġġar fit-territorju tiegħu, inkluż fl-ilmijiet u fl-ispazju tal-ajru tiegħu. Il-libertà tal-moviment fl-ilmijiet tal-Istat Ospitanti għandha tinkludi l-waqfien u l-ankoraġġ fi kwalunkwe ċirkostanza.

7.   Għall-finijiet tal-operazzjoni, l-EUNAVFOR tista’ twettaq fit-territorju tal-Istat Ospitanti, inkluż fl-ibħra territorjali u l-ispazju tal-ajru tiegħu, l-illanċjar, l-inżul jew it-teħid abbord ta’ kwalunkwe inġenju tal-ajru jew tagħmir militari, bil-kunsens minn qabel tal-Istat Ospitanti u filwaqt li jiġu rispettati l-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Ospitanti. Dan il-kunsens jista’ jingħata minn qabel għal perijodu speċifiku u għal post partikolari.

8.   Għall-finijiet tal-operazzjoni, is-sottomarini tal-EUNAVFOR mhumiex meħtieġa li jinnavigaw fil-wiċċ u li juru l-bandiera tagħhom fil-baħar territorjali tal-Istat Ospitanti.

Għall-finijiet tal-operazzjoni, l-EUNAVFOR u l-mezzi tat-trasport li tikri jistgħu jużaw it-toroq, il-pontijiet, il-laneċ, l-ajruporti u l-portijiet pubbliċi mingħajr ma jħallsu dazji, imposti, pedaġġi, taxxi u tariffi simili. L-EUNAVFOR m’għandhiex tkun eżenti minn ħlasijiet raġonevoli għas-servizzi li tingħata fuq talba tagħha, bil-kondizzjonijiet li japplikaw għal dawk mogħtija lill-forzi armati tal-Istat Ospitanti.

Artikolu 5

Privileġġi u immunitajiet tal-EUNAVFOR mogħtija mill-Istat Ospitanti

1.   Il-faċilitajiet tal-EUNAVFOR u l-bastimenti u l-inġenji tal-ajru tagħha għandhom ikunu invjolabbli. L-aġenti tal-Istat Ospitanti m’għandhomx jidħlu fihom mingħajr il-kunsens tal-Kmandant tal-Forza tal-UE.

2.   Il-faċilitajiet tal-EUNAVFOR, it-tagħmir tagħhom u l-beni oħra fihom kif ukoll il-mezzi ta’ trasport tagħhom għandhom ikunu ħielsa minn kull tfittxija, rekwiżizzjoni, sekwestru jew miżura ta’ eżekuzzjoni.

3.   L-EUNAVFOR, kif ukoll il-beni u r-riżorsi tagħha, irrispettivament minn fejn jinsabu u mid-detentur tagħhom, għandhom ikollhom immunità minn kull forma ta’ proċess ġuridiku.

4.   L-arkivji u d-dokumenti tal-EUNAVFOR għandhom ikunu dejjem invjolabbli, ikunu fejn ikunu.

5.   Il-korrispondenza uffiċjali tal-EUNAVFOR għandha tkun invjolabbli.

6.   Fir-rigward tal-merkanzija mixtrija u importata, is-servizzi pprovduti u l-faċilitajiet użati mill-EUNAVFOR għall-finijiet tal-operazzjoni, l-EUNAVFOR, kif ukoll il-fornituri jew il-kuntratturi tagħha, għandhom ikunu eżenti mill-imposti, it-taxxi u t-tariffi simili kollha nazzjonali, reġjonali u komunali. L-EUNAVFOR m’għandhiex tkun eżenti mill-imposti, it-taxxi jew it-tariffi li jirrappreżentaw ħlas għal servizzi mitluba u mwettqa.

7.   L-Istat Ospitanti għandu jippermetti d-dħul u l-ħruġ tal-oġġetti għall-operazzjoni u jagħtihom eżenzjoni mid-dazji doganali, l-imposti, il-pedaġġi, it-taxxi u t-tariffi simili kollha ħlief għat-tariffi għal ħżin, ġarr u servizzi oħra mitluba u mwettqa.

Artikolu 6

Privileġġi u immunitajiet tal-persunal tal-EUNAVFOR mogħtija mill-Istat Ospitanti

1.   Il-persunal tal-EUNAVFOR ma jista’ jkun soġġett għall-ebda forma ta’ arrest jew detenzjoni.

2.   Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-persunal tal-EUNAVFOR għandhom ikunu invjolabbli, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni awtorizzati skont il-paragrafu 6.

3.   Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jgawdi l-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-Istat Ospitanti fiċ-ċirkostanzi kollha.

L-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-persunal tal-EUNAVFOR tista’ tiġi rrinunċjata mill-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni kkonċernata tal-UE, skont il-każ. Din ir-rinunzja għandha dejjem issir bil-miktub.

4.   Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jgawdi immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Istat Ospitanti fir-rigward tal-kliem li jgħid jew jikteb u l-atti kollha li jwettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Jekk jitressaq xi proċediment ċivili kontra l-persunal tal-EUNAVFOR quddiem kwalunkwe qorti tal-Istat Ospitanti, il-Kmandant tal-Forza tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE għandhom jiġu notifikati minnufih. Qabel it-tnedija tal-proċediment quddiem il-qorti, il-Kmandant tal-Forza tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE għandha tiċċertifika lill-qorti jekk l-att inkwistjoni twettaqx mill-persunal tal-EUNAVFOR fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.

Jekk l-att twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment m’għandux jitnieda u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15. Jekk l-att ma jkunx twettaq fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista’ jitkompla. Iċ-ċertifikazzjoni mill-Kmandant tal-Forzi tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni tal-UE hija vinkolanti fuq il-ġurisdizzjoni tal-Istat Ospitanti li ma jistax jikkontestaha.

Il-bidu ta’ proċedimenti mill-persunal tal-EUNAVFOR għandu jipprekludih milli jinvoka l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kull kontrotalba relatata direttament mat-talba prinċipali.

5.   Il-persunal tal-EUNAVFOR ma jistax jiġi mġiegħel jixhed. Madankollu, l-EUNAVFOR u l-Istati Mittenti għandhom jaħdmu sabiex jiksbu dikjarazzjonijiet tax-xhieda jew affidavits mill-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR involuti fi kwalunkwe inċident li fir-rigward tiegħu ġew trasferiti xi persuni skont ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Ospitanti dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment tal-pirati ssuspettati u l-ħallelin armati u l-assi tagħhom mill-EUNAVFOR għall-Istat Ospitanti.

6.   Ma tista’ tittieħed l-ebda miżura ta’ twettiq fir-rigward tal-persunal tal-EUNAVFOR, ħlief jekk jinfetaħ kontrih proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Il-proprjetà tal-persunal tal-EUNAVFOR, li tkun ċċertifikata mill-Kmandant tal-Forza tal-UE bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, għandha tkun ħielsa mis-sekwestru għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fi proċedimenti ċivili l-persunal tal-EUNAVFOR m’għandu jkun soġġett għall-ebda restrizzjoni tal-libertà personali tiegħu jew għal xi miżuri oħra restrittivi.

7.   L-immunità tal-persunal tal-EUNAVFOR mill-ġurisdizzjoni tal-Istat Ospitanti ma teżentahx mill-ġurisdizzjoni tal-Istati Mittenti korrispondenti.

8.   Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-EUNAVFOR ikun eżenti mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fl-Istat Ospitanti.

9.   Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkun eżenti minn kwalunkwe forma ta’ tassazzjoni fl-Istat Ospitanti kemm fuq ir-remunerazzjoni u l-emolumenti mħallsa lilu mill-EUNAVFOR jew mill-Istati Mittenti, kif ukoll fuq kull dħul li jirċievi minn barra l-Istat Ospitanti.

L-Istat Ospitanti għandu, konformement mal-liġijiet u r-regolamenti li jista’ jadotta, jippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-persunal tal-EUNAVFOR u jeżentahom minn kull dazju doganali, taxxa u tariffa relatata ħlief għat-tariffi għal ħżin, ġarr u servizzi simili.

Il-bagalji personali tal-persunal tal-EUNAVFOR għandhom ikunu eżenti mill-ispezzjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li jkun fihom oġġetti li ma jkunux għall-użu personali tal-EUNAVFOR, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun ipprojbita mil-liġi jew ikkontrollata bir-regolamenti ta’ kwarantina tal-Istat Ospitanti. Tali spezzjoni għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-persunal tal-EUNAVFOR ikkonċernat jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-EUNAVFOR.

Artikolu 7

Persunal impjegat lokalment

Il-persunal impjegat lokalment għandu jgawdi privileġġi u immunitajiet biss safejn ammess mill-Istat Ospitanti. Madankollu, l-Istat Ospitanti għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq dak il-persunal b’tali mod li ma jfixkilx eċċessivament it-twettiq tal-funzjonijiet tal-operazzjoni.

Artikolu 8

Ġurisdizzjoni kriminali

L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Mittenti għandu jkollhom id-dritt jeżerċitaw fit-territorju tal-Istat Ospitanti l-ġurisdizzjoni kriminali u s-setgħat dixxiplinarji kollha mogħtija lilhom mil-liġi tal-Istat Mittenti fir-rigward tal-persunal kollu tal-EUNAVFOR soġġett għal-liġi rilevanti tal-Istat Mittenti. Kull fejn huwa possibbli, l-Istat Ospitanti għandu jaħdem sabiex jiffaċilita l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Mittenti.

Artikolu 9

Uniformi u armi

1.   L-ilbies ta’ uniformi għandu jkun soġġett għar-regoli adottati mill-Kmandant tal-Forza tal-UE.

2.   Fuq il-baħar, il-persunal militari tal-EUNAVFOR, u l-persunal tal-pulizija li jkunu qed jeskortaw lill-persuni arrestati mill-EUNAVFOR, jistgħu jġorru armi u munizzjoni bil-kondizzjoni li jkunu awtorizzati jagħmlu dan bl-ordnijiet li jkollhom, strettament limitati għal neċessitajiet operattivi.

3.   Fit-territorju terrestri tas-Seychelles, il-persunal tal-EUNAVFOR jistgħu jġorru armi, jekk awtorizzati jagħmlu dan bl-ordnijiet li jkollhom, fiż-żona tagħhom u filwaqt li jkunu fi transitu bejn dawn iż-żoni jew il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru tagħhom u meta jkunu qed jeskortaw lill-pirati ssuspettati detenuti. Fi kwalunkwe okkażjoni oħra, l-armi jistgħu jinġarru biss b’awtorizzazzjoni minn qabel taħt l-Att tas-Seychelles dwar l-Armi u l-Munizzjon.

Artikolu 10

Appoġġ mill-Istat Ospitanti u għoti ta’ kuntratti

1.   L-Istat Ospitanti għandu jaċċetta, jekk jintalab, li jgħin lill-EUNAVFOR issib faċilitajiet adatti.

2.   Skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, l-Istat Ospitanti għandu jipprovdi, mingħajr ħlas, faċilitajiet li tagħhom ikun il-proprjetarju, safejn dawn il-faċilitajiet jintalbu għat-twettiq ta’ attivitajiet amministrattivi u operattivi tal-EUNAVFOR bl-eċċezzjoni ta’ ħlasijiet ta’ utilità u karburant.

3.   Fil-limiti tal-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, l-Istat Ospitanti għandu jgħin fit-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u s-sostenn tal-operazzjoni. L-assistenza u s-sostenn għall-operazzjoni mill-Istat Ospitanti għandhom jingħataw bl-istess kondizzjonijiet tal-assistenza u s-sostenn mogħtijin lill-forzi armati tal-Istat Ospitanti.

4.   Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-EUNAVFOR fl-Istat Ospitanti għandha tkun stabbilita fil-kuntratt.

5.   Il-kuntratt jista’ jistipula li l-proċedura tar-riżoluzzjoni ta’ disputi imsemmija fl-Artikolu 15(3) u (4) għandha tkun applikabbli għal disputi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kuntratt.

6.   L-Istat Ospitanti għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kuntratti konklużi mill-EUNAVFOR ma’ entitajiet kummerċjali għall-finijiet tal-operazzjoni.

Artikolu 11

Modifika tal-faċilitajiet

1.   Fil-waqt li tirrispetta l-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Ospitanti, il-EUNAVFOR għandha tkun awtorizzata li tibni, tbiddel jew inkella timmodifika l-faċilitajiet skont il-ħtiġijiet operattivi tagħha.

2.   L-Istat Ospitanti m’għandu jitlob mill-EUNAVFOR l-ebda kumpens għal tali bini, bdil jew modifiki.

Artikolu 12

Persunal deċedut tal-EUNAVFOR

1.   Il-Kmandant tal-Forza tal-UE għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh u li jagħmel l-arranġamenti adatti għar-ripatrijazzjoni ta’ kwalunkwe membru deċedut tal-persunal tal-EUNAVFOR, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu.

2.   M’għandha ssir l-ebda awtopsja fuq kwalunkwe membru deċedut tal-EUNAVFOR mingħajr il-qbil tal-Istat tan-nazzjonalità tal-persuna deċeduta kkonċernat u mingħajr il-preżenza ta’ rappreżentant tal-EUNAVFOR u/jew l-Istat tan-nazzjonalità tal-persuna deċeduta kkonċernat.

3.   L-Istat Ospitanti u l-EUNAVFOR għandhom jikkooperaw b’kull mezz possibbli biex jiżguraw li l-membru deċedut tal-persunal tal-EUNAVFOR jiġi ripatrijat malajr kemm jista’ jkun.

Artikolu 13

Sigurtà tal-EUNAVFOR u pulizija militari

1.   L-Istat Ospitanti għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jiżgura s-sikurezza u s-sigurtà tal-EUNAVFOR u l-persunal tagħha.

2.   Il-Kmandant tal-Forza tal-UE jista’ joħloq unità ta’ pulizija militari sabiex tinżamm l-ordni fil-faċilitajiet tal-EUNAVFOR.

3.   L-unità tal-pulizija militari tista’ wkoll, f’konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-pulizija militari jew il-pulizija tal-Istat Ospitanti, taġixxi barra minn dawk il-faċilitajiet sabiex tiżgura ż-żamma tal-ordni u d-dixxiplina fost il-persunal tal-EUNAVFOR.

4.   Il-persunal tal-EUNAVFOR li jgħaddi mit-territorju tal-Istat Ospitanti biex jiskorta lill-persuni arrestati mill-EUNAVFOR għandu jkun awtorizzat li japplika l-miżuri restrittivi meħtieġa fir-rigward ta’ dawn il-persuni.

Artikolu 14

Komunikazzjoni

1.   L-EUNAVFOR tista’ tinstalla u topera stazzjonijiet tar-radju mittenti u riċeventi, kif ukoll sistemi satellitari. Hija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti biex jiġi evitat kull konflitt fl-użu tal-frekwenzi adatti. L-Istat Ospitanti għandu jagħti l-aċċess għall-ispettru tal-frekwenzi mingħajr ħlas filwaqt li jirrispetta l-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Ospitanti.

2.   L-EUNAVFOR għandu jkollha d-dritt għal komunikazzjoni, mingħajr kwalunkwe restrizzjoni, bir-radju (inkluż radju satellitari, mobbli jew portabbli), bit-telefon, bit-telegrafu, bil-faks u b’mezzi oħrajn, kif ukoll id-dritt li tinstalla t-tagħmir meħtieġ biex tiżgura l-komunikazzjoni meħtieġa ġewwa u bejn il-faċilitajiet tal-EUNAVFOR, inkluż id-dritt li tqiegħed kejbils u linji fissi għall-finijiet tal-operazzjoni.

3.   Fil-faċilitajiet tagħha stess l-EUNAVFOR tista’ tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex tiżgura t-trasmissjoni tal-posta indirizzata lill-EUNAVFOR jew lill-persunal tagħha jew li tkun qed tintbagħat mill-EUNAVFOR jew mill-persunal tagħha.

Artikolu 15

Talbiet għal indennizz f’każ ta’ mewt, korriment, dannu jew telf

1.   L-EUNAVFOR u l-persunal tal-EUNAVFOR m’għandhom ikunu responsabbli għal ebda dannu jew telf ta’ proprjetà ċivili jew tal-gvern ikkawżat minn azzjoni meħuda mill-EUNAVFOR waqt funzjonijiet uffiċjali jew ikkawżati minn attivitajiet marbuta ma’ inkwiet ċivili jew mal-protezzjoni tal-EUNAVFOR.

2.   Bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni bonarja, it-talbiet għal indennizz għal ħsara jew telf ta’ proprjetà ċivili jew tal-gvern mhux koperti mill-paragrafu 1, kif ukoll talbiet għal indennizz f’każ ta’ mewt jew korriment ta’ persuni u ħsara jew telf ta’ proprjetà tal-EUNAVFOR, għandhom jitressqu lill-EUNAVFOR permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti, safejn ikunu konċernati t-talbiet imressqa minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi mill-Istat Ospitanti, jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti, safejn ikunu konċernati t-talbiet imressqa mill-EUNAVFOR.

3.   Meta ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni bonarja, it-talba għal indennizz għandha tintbagħat lil kummissjoni ta’ indennizz magħmula fuq bażi indaqs minn rappreżentanti tal-EUNAVFOR u rappreżentanti tal-Istat Ospitanti. Is-soluzzjoni tat-talbiet għandha jintlaħaq bi qbil komuni.

4.   Meta ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni fil-kummissjoni ta’ indennizz, id-disputa għandha:

(a)

għal talbiet sal-ammont ta’ EUR 40 000, tiġi riżolta b’mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u r-rappreżentanti tal-UE;

(b)

għal talbiet akbar mill-ammont imsemmi fil-punt a), titressaq quddiem tribunal ta’ arbitraġġ, li d-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu vinkolanti.

5.   It-tribunal ta’ arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri, li wieħed minnhom ikun maħtur mill-Istat Ospitanti, ieħor ikun maħtur mill-EUNAVFOR u t-tielet wieħed ikun maħtur bi qbil komuni mill-Istat Ospitanti u l-EUNAVFOR. Jekk waħda mill-partijiet ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn, jew jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil bejn l-Istat Ospitanti u l-EUNAVFOR dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, l-arbitru inkwistjoni għandu jinħatar mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jiġi konkluż arranġament amministrattiv bejn il-Kmandant tal-Forza jew tal-Operazzjoni tal-UE u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Ospitanti sabiex jiġu determinati t-termini tar-referenza tal-kummissjoni ta’ indennizz u tat-tribunal ta’ arbitraġġ, il-proċedura applikabbli fi ħdan dawn il-korpi u l-kondizzjonijiet li bihom għandhom jiġu ppreżentati t-talbiet.

Artikolu 16

Kollegament u disputi

1.   Il-kwistjonijiet kollha marbutin mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati konġuntament ma’ rappreżentanti tal-EUNAVFOR u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti.

2.   Jekk ma jkunx hemm soluzzjoni minn qabel, id-disputi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti esklużivament b’mezzi diplomatiċi bejn rappreżentanti mill-UE u mill-Istat Ospitanti.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet oħra

1.   Kull meta dan il-Ftehim jirreferi għall-privileġġi, l-immunitajiet u d-drittijiet tal-EUNAVFOR u tal-persunal tagħha, il-Gvern tal-Istat Ospitanti għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom u għall-konformità magħhom min-naħa tal-awtoritajiet lokali kkonċernati tal-Istat Ospitanti.

2.   L-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim m’hi maħsuba jew m’għandha tinftiehem li tidderoga minn kull dritt li jista’ jkollu Stat Membru tal-UE jew kwalunkwe Stat ieħor li jikkontribwixxi għall-EUNAVFOR bis-saħħa ftehimiet oħrajn.

Artikolu 18

Arranġamenti implimentattivi

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ arranġamenti separati li jiġu konklużi bejn il-Kmandant tal-Forza jew tal-Operazzjoni tal-UE u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Ospitanti.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum meta jiġi ffirmat u għandu jibqa’ fis-seħħ sad-data tat-tluq tal-aħħar element tal-EUNAVFOR u tal-aħħar membri tal-persunal tal-EUNAVFOR, kif ikun innotifikat mill-EUNAVFOR. Kwalunkwe parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi żmien aktar bikri billi tagħti bil-miktub notifika ta’ sitt xhur.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 4(8), 5(1-3), 5(6), 5(7), 6(1), 6(3), 6(4), 6(6), 6(8-10), 10(2), 11, 13(1), 13(2) u 15 għandhom jitqiesu li applikaw mid-data tal-insedjament tal-ewwel persunal tal-EUNAVFOR jekk dik id-data kienet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.

4.   It-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim m’għandhiex tinċidi fuq id-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-Ftehim qabel tali tmiem.

Magħmul f’Victoria, Seychelles, duplikatament bl-Ingliż, dan l-għaxar jum ta’ Novembru 2009.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Repubblika tas-Seychelles

Top