EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0736

2009/736/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Ottubru 2009 li taċċetta impenn offert b'rabta mal-proċedura anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju li toriġina, fost l-oħrajn, mill-Brażil

ĠU L 262, 6.10.2009, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/736/oj

6.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 262/50


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Ottubru 2009

li taċċetta impenn offert b'rabta mal-proċedura anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju li toriġina, fost l-oħrajn, mill-Brażil

(2009/736/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 287/2009 (2), il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' ċerta fuljetta tal-aluminju li toriġina mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”).

(2)

Wara l-adozzjoni tal-miżuri anti-dumping provviżorji, il-Kummissjoni kompliet l-istħarriġ dwar id-dumping, id-dannu, u l-interess Komunitarju. L-istħarriġ kkonfermat is-sejbiet provviżorji ta' dumping dannuż relatat ma' dawn l-importazzjonijiet.

(3)

Is-sejbiet definittivi u l-konklużjonijiet tal-istħarriġ huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju li toriġina mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (3).

B.   IMPENN

(4)

Wara l-adozzjoni tal-miżuri anti-dumping provviżorji, l-uniku produttur kooperattiv li jesporta fil-Brażil, Companhia Brasileira de Aluminio (CBA), offra impenn ta' prezz skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. F’din l-offerta tal-impenn, CBA offriet li tbiegħ il-prodott ikkonċernat fil-livell jew fuq il-livelli ta' prezzijiet li jeliminaw l-effetti dannużi ta’ dumping misjuba matul l-investigazzjoni. CBA offriet prezz minimu wieħed tal-importazzjoni (“MIP”) għat-tipi differenti kollha tal-prodott biex jiġi llimitat ir-riskju ta’ evażjoni.

(5)

L-offerta pprovdiet ukoll għall-indiċjar tal-MIP peress li l-prezz tal-prodott kkonċernat huwa marbut direttament mal-prezz tal-materja prima ewlenija, tal-aluminju primarju, li hija komodità b'kummerċ dinji bi prezz ta' riferenza ppubblikat fuq l-Iskambju tal-Metall ta' Londra (“SML”).

(6)

L-offerta ta' MIP mill-kumpanija kienet ibbażata fuq il-prezz mingħajr dannu kkalkulat għall-perjodu tal-investigazzjoni abbażi tal-prezzijiet ta' bejgħ tal-industrija tal-Komunità.

(7)

L-offerta ta' mpenn ta' CBA inkludiet ukoll id-dispożizzjoni li l-bejgħ kollu jsir minn CBA direttament lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità u li CBA timpenja ruħha li ma tbiegħx prodotti barra dawk koperti mill-impenn għall-konsumaturi li jixtru prodotti koperti mill-impenn.

(8)

CBA qablet ukoll li timpenja ruħha li tipprovdi lill-Kumissjoni tagħrif regolari u dettaljat dwar l-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Komunità, li jfisser li l-impenn jista' jiġu ssorveljati b'mod effettiv mill-Kummissjoni.

C.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET U L-AĊĊETTAZZJONI TAL-IMPENN

(9)

L-industrija tal-Komunità indikat li l-impenn mill-Brażil jista' jkun aċċettabbli taħt ċerti kundizzjonijiet, inkluż l-użu ta' rata ta' skambju artifiċjali mill-USD għall-EUR u fil-limitu kwantitattiv massimu. Dawn iż-żewġ argumenti rigward l-impenn Brażiljan għandhom jiġu miċħuda minħabba r-raġunijiet li ġejjin. Fir-rigward tal-klejm li għandha tintuża rata ta' skambju artifiċjali, qed jiġi nnutat li l-prezz tal-LME se jkun maqlub minn USD f'EUR billi tintuża r-rata ta' skambju ppubblikata fuq bażi mensili u għaldaqstant l-ammont f'EUR huwa affettwat mill-varjazzjonijiet tar-rata ta' skambju, li hija għar-riskju proprju tal-kumpanija. Fir-rigward tat-tieni argument, il-Kummissjoni ma tarax ir-relevanza ta' limitu kwantitattiv massimu f'dan il-każ, meta wieħed iqis is-suq kompetittiv għall-prodott ikkonċernat fil-Komunità Ewropea u peress li l-ebda evidenza ma ġiet sottomessa jew misjuba matul l-investigazzjoni li turi l-bżonn ta' element bħal dan. L-ebda kummenti oħra ma ġew sottomessi fir-rigward ta' din l-offerta ta' mpenn.

(10)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-garanzija offruta minn CBA hija aċċettabbli.

(11)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja b’mod effettiv il-konformità tal-kumpanija mal-impenn, meta t-talba għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa titressaq quddiem l-awtorità rilevanti tad-dwana, l-eżenzjoni mid-dazju anti-dumping se tkun tiddependi fuq (i) il-preżentazzjoni ta’ fattura ta’ impenn li jkun fiha minn tal-inqas l-elementi elenkati fl-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 925/2009; (ii) il-fatt li l-prodotti importati huma manifatturati minn din il-kumpanija, u mibgħuta u fatturati direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità; u (iii) il-fatt li l-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni tal-fattura ta’ impenn. Meta ma titressaq l-ebda fattura bħal din, jew meta din ma tikkorrispondix mal-prodott ippreżentat lid-dwana, minflok għandha titħallas ir-rata ta’ dazju tal-anti-dumping xierqa.

(12)

Biex jiġi żgurat iżjed ir-rispett effettiv tal-impenn, l-importaturi ġew mgħarrfa mir-Regolament tal-Kunsill imsemmi hawn fuq, li jekk ma jintlaħqux il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-Regolament, jew il-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn, dan jista' jwassal biex jinħoloq dejn doganali għat-tranżazzjonijiet rilevanti.

(13)

Fil-każ ta’ ksur jew irtirar tal-impenn, jew fil-każ ta’ rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, id-dazju tal-anti-dumping impost skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku għandu japplika awtomatikament skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-impenn offrut mill-produttur li jesporta msemmi hawn taħt, b'rabta mal-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju li toriġina mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwa b'dan aċċettat.

Il-pajjiż

Il-kumpanija

Kodiċi Addizzjonali Taric

Il-Brażil

Companhia Brasileira de Aluminio

A947

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Catherine ASHTON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 94, 8.4.2009, p. 17.

(3)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top