Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0713

2009/713/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2008 dwar investiment mill-muniċipalità ta’ Rotterdam fil-kumpless Ahoy (miżura ta’ għajnuna mill-Istat N C 4/08 (ex N 97/07, ex CP 91/07)) (notifikata bid-dokument numru C(2008) 6018) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 248, 22.9.2009, pp. 28–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/713/oj

22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2008

dwar investiment mill-muniċipalità ta’ Rotterdam fil-kumpless Ahoy (miżura ta’ għajnuna mill-Istat N C 4/08 (ex N 97/07, ex CP 91/07))

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 6018)

(it-test bl-Olandiż biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/713/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fl-20 ta’ Diċembru 2006 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Daniżi biex jiġi diskuss investiment mill-muniċipalità ta’ Rotterdam fil-kumpless Ahoy, qabel kwalunkwe notifikazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat. Wara din il-laqgħa, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw formalment l-investiment permezz ta’ ittra bid-data tat-22 ta’ Frar 2007, u li l-Kummissjoni rreġistratha fl-istess jum bħala posta rċevuta.

(2)

Fit-22 ta’ Marzu 2007, f’każ relatat (CP 91/07), il-Kummissjoni rċeviet ilment konġunt minn Mojo Concerts BV (“Mojo”) u Amsterdam Music Dome Exploitatie BV (“Music Dome”), li kien relatat mal-investiment ippjanat fil-kumpless Ahoy iżda li kien jikkonċerna wkoll tranżazzjonijiet oħra li kienu diġà saru mill-muniċipalità, speċjalment il-privatizzazzjoni tal-operazzjoni ta’ Ahoy Rotterdam NV (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-operatur”) u l-kirja tal-kumpless Ahoy lill-operatur wara l-privatizzazzjoni. Kienu rċevuti sottomissjonijiet ulterjuri minn Mojo u Music Dome fl-14 ta’ Settembru 2007 u fil-5 ta’ Ottubru 2007.

(3)

Permezz ta’ ittra bid-data tas-16 ta’ April 2007 il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Olandiżi biex jibagħtu l-kummenti dwar l-ilment imsemmi hawn fuq L-awtoritajiet Olandiżi ssottomettew il-kummenti tagħhom fl-20 ta’ Ġunju 2007. Fl-10 ta’ Awwissu u fis-16 ta’ Novembru 2007 il-Kummissjoni kitbet lill-awtoritajiet Olandiżi biex jitolbuhom informazzjoni addizzjonali. L-awtoritajiet Olandiżi pprovdew informazzjoni addizzjonali fis-17 ta’ Settembru, fil-15 ta’ Novembru u fis-7 ta’ Diċembru 2007.

(4)

Permezz ta’ ittra bid-data tat-30 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni informat lill-Olanda li kienet iddeċiedet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-miżura nnotifikata.

(5)

Il-persunal tal-Kummissjoni ltaqa’ mal-awtoritajiet Olandiżi fit-12 ta’ Frar 2008. Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Frar 2008, l-awtoritajiet Olandiżi kkonfermaw li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2008 ma kienx fiha informazzjoni kunfidenzjali. Il-Deċiżjoni kienet b’hekk mibgħuta lil dawk li għamlu l-ilment permezz ta’ e-mail tat-18 ta’ Frar 2008 u ppubblikata f’Il-Ġuranl Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(6)

Permezz ta’ ittra bid-data tat-28 ta’ Frar, l-awtoritajiet Olandiżi talbu li jingħataw estensjoni tal-iskadenza sal-1 ta’ April 2008 biex iwieġbu d-deċiżjoni tal-bidu tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qablet ma’ din l-estensjoni permezz ta’ ittra mibgħuta u reġistrata bħala posta mibgħuta fit-12 ta’ Marzu 2008.

(7)

F’April 2008, bħala parti mill-proċedura ta’ investigazzjoni, konsulent indipendenti, ECORYS Nederland BV, ġie kkummissjonat biex jirrevedi ċerti aspetti tal-każ. Ir-rapport ippreparat mill-konsulent indipendenti kien approvat mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Mejju 2008 (3).

(8)

Permezz ta’ ittra reġistrata bħala posta rċevuta fl-1 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Olandiżi ssottomettew il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jibdew proċedura formali ta’ investigazzjoni.

(9)

Wara l-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn tliet partijiet interessati, fosthom Ahoy Rotterdam NV, l-allegat riċevitur tal-għajnuna mill-istat (4); Mojo u Music Dome, li ssottomettew osservazzjonijiet konġunti (5); u persuna individwali (6). Saret laqgħa ma’ Ahoy Rotterdam NV fis-17 ta’ April 2008. Permezz ta’ ittra reġistrata bħala posta irċevuta tal-15 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni ressqet il-kummenti tal-partijiet terzi lill-awtoritajiet Olandiżi. L-awtoritajiet issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittra bid-data tal-20 ta’ Ġunju u reġistrata bħala posta rċevuta fl-24 ta’ Ġunju 2008.

(10)

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ippreparat mill-konsulent indipendenti intbagħtet lill-awtoritajiet Olandiżi permezz ta’ ittra reġistrata bħala posta mibgħuta fl-24 ta’ Ġunju 2008. L-awtoritajiet Olandiżi bagħtu kumment permezz ta’ ittra reġistrata bħala ittra rċevuta fl-14 ta’ Lulju 2008.

II.   INFORMAZZJONI TAL-KUNTEST U DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(11)

Il-kumpless Ahoy, li jikkonsisti fl-Arena Ahoy (isem mogħti bl-ingliż għal Sportpaleis jew “Palazz tal-Isport”), sitt swali għall-esebizzjonijiet, u ċentru kbir għal-laqgħat u kungressi, hu ddiżinjat biex jospita varjetà wiesgħa ta’ avvenimenti li jinkludu esebizzjonijiet, konferenzi, fieri, spettakli, kunċerti u avvenimenti sportivi u soċjali. L-operatur tal-kumpless, Ahoy Rotterdam NV, hu attiv ukoll fis-suq internazzjonali, u jesporta titli ta’ fieri kummerċjali tiegħu stess. (7).

(12)

Sal-1 ta’ Lulju 2006 il-kumpless Ahoy kien amministrat minn Ahoy Rotterdam NV, li tiegħu l-muniċipalità kienet l-uniku azzjonist. Wara deċiżjoni biex ikunu sseparati s-sjieda u l-operazzjonijiet, il-muniċipalità żammet is-sjieda tal-kumpless, iżda fl-1 ta’ Lulju 2006 biegħet l-operazzjoni ta’ Ahoy Rotterdam NV, permezz ta’ bejgħ amministrattiv, għal EUR 1,7 miljun. Fin-nuqqas ta’ offerta pubblika, il-prezz tal-bejgħ kien ibbażat fuq valutazzzjoni tas-suq minn konsulent indipendenti, Deloitte Financial Advisory Services BV, Real Estate Valuation f’Rotterdam (“Deloitte”).

(13)

Fl-istess ħin, il-muniċipalità kriet il-kumpless Ahoy lill-kumpanija li issa ġiet ipprivatizzata Rotterdam NV għal 15-il sena (b’għażla għal estensjoni), li bdiet fl-1 ta’ Lulju 2006. Il-kirja kienet timponi obbligazzjonijiet stretti fuq il-kerrej dwar il-preservazzjoni u l-promozzjoni tan-natura multifunzjonarja tal-kumpless Ahoy (8). Il-kera inizjali ta’ EUR 2,6 miljun fis-sena stipulata fil-kirja kienet ibbażata direttament fuq il-valutazzjoni tal-kera għall-kumpless Ahoy li saret minn Deloitte (9).

(14)

Bħala parti mill-kirja, il-muniċipalità kkommettiet ruħha li tinvesti sa EUR 42 miljun għar-rinovazzjoni u t-titjib/espansjoni tal-Arena Ahoy. Dan l-investiment hu s-suġġett tal-proġett innotifikat. L-investiment tal-muniċipalità kien parzjalment intiż għall-manutenzjoni tal-Arena u parzjalment għall-modernizzazzjoni u l-espansjoni tagħha. L-enfasi kienet fuq il-modifiki tal-aspetti li ġejjin tal-Arena: it-titjib tal-akustika, is-sistema ta’ arja kkundizzjonata, it-tqassim u l-aċċessibiltà, it-tisħiħ tal-bini tas-saqaf sabiex tiġi ffaċilitata s-sospensjoni tal-apparat tal-awdjo u ħitan tal-vidjows, it-titjib tal-faċilitajiet ta’ wara l-palk u l-espansjoni tal-għadd ta’ postijiet bil-qiegħda. Oriġinarjament, kien ippjanat li l-Arena titkabbar b’żieda ta’ 5 000 post addizzjonali. Issa din tnaqqset għal […] postijiet bil-qiegħda.

(15)

L-amministrazzjoni kkunsidrat li l-investiment kien meħtieġ biex jinżamm il-valur tal-kumpless, iżda li dan ma jwassalx għal dħul addizzjonali għall-operatur. Għalhekk, matul in-negozjati mal-muniċipalità, l-amministrazzjoni argumentat li dan l-aspett ma kienx ikkunsidrat biex jiġi stabbilit il-prezz tal-ishma ta’ Rotterdam NV jew il-kera għall-kumpless.

(16)

Il-muniċipalità aċċettat dan l-argument u ma talbitx adatazzjoni għall-prezz tal-ishma f’Ahoy Rotterdam NV jew għall-kera ffisata għall-kumpless Ahoy. Madanakollu, sabiex jiġi żgurat li wara l-investiment ippjanat il-kera tkun fil-livell tas-suq, il-muniċipalità kellha mekkaniżmu ta’ qsim tal-profitti inkluża fil-kirja, fejn l-operatur, Ahoy Rotterdam NV, ikollu jħallas soprataxxa għall-kera jekk il-livell gross kellu jaqbeż il-livell predeterminat. Din is-soprataxxa trid titħallas jekk il-livell gross, anqas mill-kera pagabbli għas-sena relevanti, ikun qabeż EUR 16,5-il miljun. Is-soprataxxa tkun iddeterminata skont it-tabella sussegwenti:

Porzjon

Marġini gross (kera netta)

Sopraimposta

l-ewwel porzjon

EUR 16,5 sa EUR 8 miljun

50  %

It-tieni porzjon

EUR 18,0 sa EUR 21,0 miljun

35  %

It-tielet porzjon

EUR 21,0 sa EUR 25,0 miljun

20  %

It-tliet porzjonijiet huma akkumulattivi. Jekk, pereżempju, il-marġini gross akkwistat f’sena waħda, li jkun nett mill-kera mħallsa lill-muniċipalità, jkun ta’ EUR 20 miljun, il-kera tkun soġġetta għal soprataxxa li tkun tikkonsisti f’50 % ta’ EUR 1,5 miljun (l-ewwel porzjon) u 35 % (l-ammont li jifdal jaqa’ fit-tieni porzjon) li jammonta għal soprataxxa totali ta’ EUR 1,45 miljun.

III.   RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA FORMALI TA' INVESTIGAZZJONI

(17)

Fit-30 ta’ Jannar 2008 il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura formali ta’ investigazzjoni għaliex l-awtoritajiet Olandiżi ma pprovdewx biżżejjed evidenza li tippermetti li l-Kummissjoni tikkonkludi li l-investiment innotifikat mill-muniċipalità ta’ Rotterdam ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-istat jew li għajnuna bħal din kienet kompatibbli mat-Trattat tal-KE.

(18)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni ddubitat jekk it-tfassil tal-arranġament għall-qsim tal-profitti stipulat fil-kirja li kien konkluż bejn Ahoy Rotterdam NV u l-muniċipalità kienx adegwat biex ikun żgurat li l-operatur tal-kumpless Ahoy ma jingħatax vantaġġ ekonomiku lil hinn mill-kundizzjonijiet normali tas-suq bħala riżultat tal-investiment innotifikat.

(19)

L-investigazzjoni kopriet ukoll il-bejgħ ta’ Ahoy Rotterdam NV u l-kirja tal-kumpless Ahoy lill-operatur privatizzat, it-tranżazzjonijiet li twettqu mill-muniċipalità ta’ Rotterdam iżda li ma kinux innotifikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Olandiżi. Minħabba li dawn it-tranżazzjonijiet kienu marbuta mill-qrib mal-investiment innotifikat, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien neċessarju li jiġi vverifikat jekk uħud minhom kellhomx element ta’ għajnuna mill-istat. Hawn il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-fatt li r-rapporti ta’ valutazzjoni ta’ Deloitte użati bħala bażi għal dawn it-tranżazzjonijiet kinux huma stess ibbażati sa ċertu punt fuq l-informazzjoni pprovduta mill-amministrazzjoni ta’ Ahoy Rotterdam NV, li bħala xerrej prospettiv u kerrej ħabbatx wiċċu ma’ konflitt ta’ interess.

(20)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni bdiet ukoll proċedura formali ta’ investigazzjoni sabiex tagħti lill-awtoritajiet Olandiżi u l-partijiet terzi l-opportunità li jissottomettu l-kummenti tagħhom fuq il-valutazzjoni proviżorja tal-miżura deskritta u li jagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilatata mal-miżura.

IV.   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI

(21)

Wara l-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn tliet partijiet interessati, speċjalment Ahoy Rotterdam NV, l-allegat riċevitur tal-għajnuna mill-istat; Mojo u Music Dome, li ssottomettew osservazzjonijiet konġunti; u persuna individwali (10).

(22)

Skont Ahoy Rotterdam NV, il-bejgħ ta’ Ahoy Rotterdam NV u l-kirja tal-kumpless Ahoy kienu fl-agħar tagħhom f’termini tas-suq u setgħu kienu aktar ġenerużi għal muniċipalità. L-allegat riċevitur ġibed l-attenzjoni għar-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet inklużi fil-kirja u fil-ftehimiet dwar il-prezz, li llimita b’mod konsiderevoli l-valur tal-kirja u l-prezz tal-bejgħ.

(23)

Ahoy Rotterdam NV iddikjarat li l-investiment fl-Arena Ahoy marbut l-aktar mal-manutenzjoni u r-rinovazzjoni, kien maħsub għal żieda fil-kapaċità, iżda biss sa ċertu punt limitat. (11). Sakemm iż-żieda fil-kapaċità twassal għal possibiltajiet akbar ta’ funzjoni, Ahoy Rotterdam NV abbażi tad-dejta finanzjarja fornuta, sostniet li l-arranġament tal-qsim ta’ profitti kellu jiżgura li l-muniċipalità tkun tibbenefika aktar milli jiddettal-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq.

(24)

Mojo u Music Dome żammew mal-pożizzjoni li kienu ħadu fl-ilment li ssottomettew qabel il-bidu tal-investigazzjoni formali (12), bir-riżultat li l-investiment ippjanat fil-kumpless Ahoy u t-tranżazzjonijiet relatati (il-privatizzazzjoni tal-operazzjoni ta’ Ahoy Rotterdam NV u l-kirja tal-proprjetà) kieneu jinvolvu għajnuna mill-istat.

(25)

Mojo u Music Dome argumentaw li l-investiment ippjanat kien joffri vantaġġ fuq l-operatur tal-kumpless, b’mod partikolari minħabba li l-espansjoni tal-kapaċità ta’ Ahoy Arena kellu jżid id-dħul finanzjarju tal-operatur. Anke jekk id-dħul finanzjarju tal-operatur ma żdiedx, it-titjib tal-faċilitajiet xorta kelllu jagħti vantaġġ kompetittiv fuq Ahoy Rotterdam NV, peress li jkollu l-benefiċċju ta’ titjib bla ħlas fil-faċilitajiet, filwaqt li kwalunkwe impriża privata jkollha tħallas l-ispejjeż hi stess. It-titjib għandu jgħin lill-operatur biex jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu fis-suq jew saħansitra jtejjibha. Barra minn hekk, l-investiment ma kienx jagħmel profitt għall-muniċipalità ta’ Rotterdam u għalhekk ma kienx ikun jissodisfa l-prova tal-investitur f’ekonomija tas-suq.

(26)

Skont Mojo u Music Dome, il-mekkaniżmu tal-qsim ta’ profitti ma warrabx il-vantaġġ tal-operatur Kien ċar li l-arranġament tal-qsim ta’ profitti ma kienx eżaminat minn xi konsulent indipendenti. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ma kienx ikun konsistenti mas-suq: anke jekk l-operatur kellu jħallas lura l-investiment kollu taħt il-mekkaniżmu tal-qsim tal-profitti, l-operatur xorta kien jirċievi vantaġġ ekonomiku, għaliex li l-muniċipalità ta’ Rotterdam kienet ser iġġorr ir-riskju ekonomiku tal-investiment. Jekk l-investiment ma kienx iwassal għal żieda fid-dħul finanzjarju, il-muniċipalità ma kienet tiggwadanja xejn. Il-muniċipalità setgħet tirkupra parti mill-investiment tagħha biss kieku tabilħaqq kien hemm dħul żejjed. L-ebda investitur privat ma kien ser jaċċetta kundizzjonijiet bħal dawn.

(27)

Fir-rigward tal-prezz tal-ishma f’Ahoy Rotterdam NV u fil-kera tal-kumpless Ahoy, Mojo u Music Dome argumentaw li l-konflitt ta’ interess iffaċjat mill-amministrazzjoni u x-xerrej prospettiv meta ssottomettew l-informazzjoni lil Deloitte kien irriżulta f’valutazzjoni tal-ishma baxxa żżejjed f’Ahoy Rotterdam NV. Għal darba oħra esprimew dubji dwar l-affidabilità tal-previżjonijiet mill-amministrazzjoni ta’ Ahoy Rotterdam li kienu użati minn Deloitte biex jivvalutaw l-ishma tal-kumpanija.

(28)

Skont Mojo u Music Dome, ir-rapport tal-amministrazzjoni li kien meħmuż mal-kontijiet finanzjarji tal-2004/2005 ssuġġerew li kien hemm xejra fil-bejgħ ta’ Ahoy li fihom is-snin “tajba” alternaw mas-snin “moderati”. L-operatur kien indika din ix-xejra anke lil Deloitte, iżda fid-dawl tad-differenzi ferm żgħar fl-għadd ta’ avvenimenti skedati kull sena ix-xejra allegata ma setgħetx tkun ikkunsidrata bħala kredibbli (13). Din ix-xejra lanqas ma kienet tikkorrispondi mad-dħul proprju, minħabba li s-sena finanzjarja 2005/2006, li kienet mistennija li tkun “moderata”, fil-fatt spiċċat biex kienet sena “tajba”. Ma kienx realistiku li wieħed jissoponi li l-operatur ma kellux jipprevedi l-bejgħ tajjeb fis-sena 2005/2006, speċjalment minħabba li l-avvenimenti organizzati f’Ahoy kienu prenotati minn ferm qabel.

(29)

Is-sensiela teoretika ta’ flussi futuri ta’ flus fir-rapport ta’ Deloitte kienet waħda artifiċjali. Il-previżjoni fir-rapport ta’ Deloitte bdiet b’sena “ħażina” u spiċċat b’sena “tajba”. Kieku bdiet b’sena “tajba” u spiċċat sena “ħażina”, il-valur preżenti tal-fluss futur ta’ flus, u allura l-valur tal-ishma, kien ikun ferm aktar pożittiv.

(30)

FL-aħħar nett, kieku Deloitte kellha previżjoni preċiża tar-riżultat mistenni għas-sena finanzjarja 2005/2006, il-valur tal-kumpanija kien ikun konsiderevolment ogħla. Wieħedjista’ jargumenta li jekk l-affarijiet l-oħra jibqgħu kif inhuma, id-differenza bejn l-EBITDA proprja, EUR 5,745 miljun, u l-previżjoni tal-EBITDA, EUR 1,252 miljun, tikkostitwixxi fluss ta’ flus żejjed fl-ewwel sena ta’ previżjoni, li kienet tirriżulta f’żieda ta’ EUR 4,493 miljun fil-valur indikattiv tal-kumpanija (14).

V.   POŻIZZJONI TAL-AWTORITAJIET OLANDIŻI

(31)

Permezz ta’ ittra rreġistrata bħala posta rċevuta fl-1 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Olandiżi ssottomettew il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jibdew proċedura formali ta’ investigazzjoni. L-awtoritajiet Olandiżi wieġbu wkoll għall-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi dwar id-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, u kkumentaw dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ECORYS NV.

(32)

Matul is-sottomissjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Olandiżi żammew mal-pożizzjoni li ħadu qabel ma nbdiet l-investigazzjoni formali (15), bir-riżultat li la l-investiment fil-kumpless Ahoy mill-muniċipalità ta’ Rotterdam u lanqas il-bejgħ ta’ Rotterdam NV u l-kirja tal-kumpless ma kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-istat.

Kummenti dwar id-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura

(33)

Għall-parti l-kbira, l-awtoritajiet Olandiżi reġgħu rreferew għall-informazzjoni sottomessa qabel id-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, u żammew mal-pożizzjoni tagħhom li l-investment ippjanat ma kienx fih ebda element ta’ għajnuna mill-istat. Huma saħqu li l-investiment għandu jiġi kkunsidrat bħala investiment f’infrastruttura pubblika, li ma kienx jagħti vantaġġ selettiv fuq l-ebda impriża u li kien jiggarantixxi l-karattru multifunzjonali tal-kumpless. Il-kuntrattur li kellu jagħmel l-investiment kellu jintgħażel permezz ta’ proċedura miftuħa għall-offerti. L-investiment, inkluża l-espansjoni tal-kapaċità, kienet bżonnjuża biex jinżamm il-valur tal-kumpless Ahoy; mit-total ta’ EUR 42 miljun, EUR 7 miljuni biss kienu użati biex tiżdied il-kapaċità tal-Ahoy Arena.

(34)

Il-kera u l-prezz tal-ishma kkalkulat fir-rapport ta’ Deloitte kellu jiżgura prezz konsistenti mas-suq. L-awtoritajiet Olandiżi qalu li Deloitte ikkonfermat li għamlet l-analiżi tagħha tal-informazzjoni disponibbli, u li l-konklużjonijiet tagħha kienu differenti minn dawk tal-ġestjoni fuq għadd ta’ punti. Ir-rapporti ta’ Deloitte konsegwentement ipprovdew bażi soda għat-tfassil tal-konklużjonijiet fir-rigward tal-kera u tal-prezz tal-ishma konsistenti mas-suq.

(35)

Il-mekkaniżmu dwar il-qsim tal-profitti kien mod effettiv kif jiġi żgurat li ma kellu jingħata l-ebda vantaġġ mhux xieraq lanqas wara li jitlesta l-investiment. Il-limitu li xpruna l-mekkaniżmu dwar il-qsim tal-profitti kien stabbilit f’termini nominali, u ma kienx soġġett għall-indiċjar. Jekk l-aħħar riżultati ta’ Ahoy Management NV żdiedu sempliċiment b’rata ta’ inflazzjoni annwali mistennija ta’ 2 %, kellha tiżdied kera addizzjonali taħt il-mekkaniżmu dwar il-qsim tal-profitti mill-2010/2011 ‘il quddiem. Mill-2013/2014, f’dak ix-xenarju, il-kera mħallsa minn Ahoy Management NV kellha tkun ogħla mill-kera kkalkulata mill-ilmentaturi Mojo u Music Dome. Il-mekkaniżmu dwar il-qsim tal-profitti kien għalhekk għodda effettiva biex jiġi żgurat li l-kera kienet konsistenti mas-suq.

Kummenti dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi u tar-rapport tal-konsulent indipendenti

(36)

L-awtoritajiet Olandiżi b’mod speċifiku sostnew, li għall-kuntrarju tal-opinjonijiet ta’ Mojo u Music Dome, kien hemm tassew xejra fil-valur tal-bejgħ minn sena għal sena. L-għadd ta’ avvenimenti ma kienx indikazzjoni tal-eżistenza ta’ dawn ix-xejriet, għaliex ma kienx ikkunsidrat il-valur kummerċjali tal-avvenimenti individwali. Proporzjon sinifikattiv tal-avvenimenti kien organizzat fuq bażi ta’ sentejn, u wħud minnhom pproduċew dħul finanzjarju addizzjonali sostanzjali (16). Barra minn hekk, il-valur tal-bejgħ ta’ avveniment seta’ faċilment ikun diffferenti minn dak mistenni. L-awtoritajiet Olandiżi għalhekk irrifjutaw l-opinjoni mressqa minn Mojo u Music Dome.

(37)

Fir-rigward tar-rapport tal-konsulent indipendenti, l-awtoritajiet Olandiżi nnotaw li l-osservazzjonijiet fir-rapport kienu pjuttost konformi mar-rapporti ta’ Deloitte. B’mod partikolari, ir-rapport ikkonkluda li l-mekkaniżmu dwar il-qsim tal-profitti kien jiżgura li l-operatur ma kienx ser jieħu vantaġġ ekonomiku mill-investiment ippjanat. Ir-rapport b’hekk ikkonferma li l-ftehimiet konklużi kienu konsistenti mal-kundizzjonijiet tas-suq

VI.   L-ISTUDJU INDIPENDENTI TAL-KONSULENT

(38)

Bħala parti mill-investigazzjoni, il-Kummissjoni għażlet konsulent idipendenti, ECORYS Nederland BV, biex iwettaq reviżjoni tar-rapport ta’ valutazzjoni ppreparat minn Deloitte (17), li kien serva ta’ bażi għall-muniċipalità meta biegħet l-operat ta’ Ahoy Rotterdam NV u kriet il-kumpless Ahoy. Il-konsulent kien mitlub ukoll li jirrevedi r-rapport ta’ valutazzjoni ta’ DTZ Zadelhoff (“DTZ”) li kien sottomess mill-ilmentaturi qabel ma nbdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni (18), u biex jevalwa jekk l-arranġament dwar il-qsim tal-profitti stipulat fil-kirja bejn Ahoy Rotterdam NV u l-muniċipalità kienx konsistenti mas-suq. Għal dawn ir-rapporti kollha ta’ valutazzjoni, il-konsulent kien mitlub li jagħti l-opinjoni dwar il-korrettezza tal-metodoloġija applikata.

(39)

Il-konsulent sab li fir-rapporti ta’ Deloitte, il-metoloġija applikata kienet korretta fil-valutazzjoni tal-ishma f’Ahoy Rotterdam NV u fid-determinazzjoni tal-kera għall-kumpless Ahoy. Kien raġonevoli għal Deloitte li fost affarijiet oħra tagħmel użu mill-informazzjoni pprovduta mill-amministrazzjoni, iżda Deloitte ibbażat il-valutazzjonijiet finali tagħha fuq il-previżjonijiet tagħha stess, li kienu differenti mill-aspettattivi tal-amministrazzjoni.

(40)

Skont il-konsulent, id-diskrepanza bejn il-valutazzjonijiet tal-kera għall-kumpless Ahoy li għaliha waslu Deloitte u DTZ irriżultat mill-metodi differenti li dawn kienu applikaw. Il-konsulent approva l-approċċ li kienet ħadet Deloitte (19). L-enfasi fuq ir-relazzjoni mill-qrib tal-valutazzjoni ta’ Deloitte tal-ishma ta’ Ahoy Rotterdam NV u d-determinazzjoni tal-kera għall-kumpless, il-konsulent indipendenti kkonferma li minħabba l-valutazzjoni ta’ Deloitte tal-ishma kienet ġusta, il-metodu li użat Deloitte pprovda l-aktar estimu preċiż tal-livell tas-suq tal-kera għall-kumpless Ahoy.

(41)

Ir-rapport tal-konsulent indipendenti kkonferma li l-preżunzjoni fir-rapport ta’ Deloitte li żieda fil-kapaċità tal-Ahoy Arena bħala riżultat tal-investiment ippjanat ma kellhiex awtomatikament tipproduċi valur addizzjonali peress li l-opeatur kien wieħed difensibbli (20). Fir-rigward tal-arranġament dwar il-qsim tal-profitti, il-konsulent kkonkluda li l-mekkaniżmu ggarantixxa żieda raġonevoli fil-konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq bħala ħlas għall-investiment ippjanat mill-muniċipalità ta’ Rotterdam. Peress li l-limiti stabbiliti fl-arranġament dwar il-qsim tal-profittti ma’ kinux soġġetti għall-indiċjar, il-muniċipalità, bħala l-kerrej, tista’ faċilment tiżgura profitt qawwi anke jekk l-operatur, bħala l-kerrej, ma kienx jisfrutta l-investiment fil-kumpless.

VII.   VALUTAZZJONI FID-DAWL TAR-REGOLA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

Għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

(42)

Il-Kummissjoni kkunsidrat jekk il-miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, li jipprovdi li ‘kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċertu impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni, safejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(43)

Għandha tkun ikkunsidrata li jekk tkun ikklassifikata bħala għajnuna mill-istat, l-għajnuna nnotifikata mill-muniċipalità ta’ Rotterdam għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin: 1. il-miżura trid tkun iffinanzjata mir-riżorsi tal-istat; 2. trid tagħti vantaġġ ekonomiku lill-impriżi; 3. il-vantaġġ irid ikun selettiv u jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni; u 4. il-miżura trid tkun taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

1.   Riżorsi tal-istat

(44)

Il-muniċipalità ta’ Rotterdam qed tippjana li tinvesti sa EUR 42 miljun fir-rinovazzjoni u l-espansjoni tal-Arena ta’ Ahoy, li tifforma parti mill-kumpless Ahoy. Minħabba li muniċipalità hija awtorità pubblika, l-investiment għandu jkun ikkunsidrat investiment li jagħmel użu mir-riżorsi tal-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(45)

It-tranżazzjonijiet l-oħra li saru mill-muniċipalità, speċjalment tal-bejgħ tal-operat ta’ Ahoy Rotterdam NV lill-amministrazzjoni u l-kirja li kienet konkluża mal-operatur privatizzat, tista’ b’hekk tkun xorta waħda involviet għajnuna mill-istat skond it-tifsira tal-Artikolu 87(1).

2.   Vantaġġ

Vantaġġ ekonimiku lill-operatur

(46)

Kif kien indikat fid-deċiżjoni għall-bidu tal-proċedura, il-bejgħ tal-operazzjoni ta’ Ahoy Rotterdam NV u l-kirja tal-kumpless Ahoy kellhom jagħtu biss vantaġġ ekonomiku lix-xerrej/kerrej jekk il-prezz tal-ishma f’Ahoy Rotterdam NV jew il-kera tal-kumpless Ahoy kienu stabbiliti taħt il-livell tas-suq tagħhom. Fid-deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedura, il-Kummissjoni nnotat li l-prezz għal Ahoy Rotterdam NV u l-livell tal-kera għall-kumpless Ahoy kien iddeterminat direttament fuq il-bażi tar-rapporti ta’ valutazzjoni ppreparati minn stimatur indipendenti, Deloitte. Madanakollu, minħabba rabta mill-qrib bejn dawn it-tranżazzjonijiet u l-investiment innotifikat, il-Kummissjoni kkunsidrat li jkun neċessarju li jiġu vverifikati t-termini tat-tranżazzjonijiet, u meta jsir dan jiġi kkunsidrat il-fatt li r-rapporti ta’ Deloitte kienu sa ċertu punt ibbażati fuq l-informazzjoni pprovduta mill-amministrazzjoni ta’ Ahoy Rotterdam NV, li bħala xerej/kerrej prospettiv kien iffaċċjat b’kunflitt ta’ interess.

(47)

Bħala parti mill-investigazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikseb l-opinjoni ta’ konsulent indipendenti dwar l-affidabilità tar-rapporti ta’ Deloitte, li kienu servew ta’ bażi għall-muniċipalità meta din kienet għamlet dawn it-tranżazzjonijiet. Kif kien spjegat fil-premessi 38, 39 u 40, l-istudju li kien sar minn dan il-konsulent indipendenti kkonferma li metodoloġija adottata fir-rapporti kienet korretta, u li Deloitte kienet ibbażat il-valutazzjoni finali tagħha fuq il-previżjonijiet tagħha stess. (21). L-awtoritajiet Olandiżi kienu indikaw ukoll li Deloitte kienet ikkonfermat li għamlet l-analiżi tagħha tal-informazzjoni disponibbli, u li l-konklużjonijiet tagħha kienu differenti minn dawk tal-amministrazzjoni fuq għadd ta’ punti.

(48)

Il-Kummissjoni kienet wettqet valutazzjoni dettaljata tagħha hi stess ta’ dawn ir-rapporti, u sabet li Deloitte kienet applikat b’mod korrett il-metodu tal-likwidità skontata tal-flus (22) biex jiggwidaha fil-valutazzjoni tal-ishma f’Ahoy Rotterdam u l-approċċ tad-dħul biex jiggwidaha fid-determinazzjoni tal-kera għall-kumpless. Bl-istess mod il-Kummissjoni ssib li r-rapporti jikkunsidraw b’mod korrett il-fatturi speċjali tal-kumpanija li topera li għamlithom diffiċli biex ifasslu paragun xieraq ma’ kumpaniji u tranżazzjonijiet oħra. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssib li l-valutazzjonijiet ta’ Deloitte kkunsidrat b’mod xieraq ir-rabta mill-qrib bejn il-bejgħ tal-operazzjoni u l-kirja tal-kumpless Ahoy. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħha stess u tal-konklużjonijiet tal-konsulent indipendenti, il-Kummissjoni hi tal-fehma li ma hemmx bażi raġonevoli biex jiġu kkontestati r-rapporti ta’ Deloitte.

(49)

Kemm qabel u kemm wara li nbdiet l-investigazzjoni formali, Mojo u Music Dome argumentaw li r-riżultati tar-rapporti ta’ Deloitte kienu vvizzjati għaliex Deloitte kienu applikaw il-metodoloġija żbaljata u għaliex użaw informazzjoni żbilanċjata pprovduta mill-amministrazzjoni; Il-Kummissjoni ssib li dawn l-argumenti ma kinux issostanzjati b’mod xieraq. Kif kien spjegat, il-Kummissjoni kkonkludiet li Deloitte kienet applikat metodoloġija korretta u kienet ibbażat il-valutazzjoni tagħha u l-previżjonijiet tagħha stess, li kienu differenti mill-aspettattivi tal-amministrazzjoni.

(50)

Mojo u Music Dome ulterjormet jisħqu li wħud mir-riżultati miksuba b’mod fattwali minn Ahoy Rotterdam NV huma differenti mir-riżultati previsti fil-valutazzjoni ta’ Deloitte tal-ishma f’Ahoy Rotterdam NV (23), u li jekk dawk il-previżjonijiet kellhom ikunu aġġornati, ir-riżultat tal-valutazzjoni, u allura l-prezz għall-ishma f’Ahoy Rotterdam NV, kellhom ikunu ogħla b’mod sinifikattiv. Wieħed għandu jinnota li l-valutazzjoni kienet ibbażata fuq previżjonijiet li saru minn Deloitte fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak iż-żmien. Ma hemm l-ebda prova li Deloitte użat informazzjoni mhux preċiża biex tivvaluta l-valur tas-suq ta’ Ahoy Rotterdam NV. Il-fatt li wħud mill-indikaturi finanzjari spiċċaw biex kienu differenti minn dak li oriġinarjament kien previst ma affettwax iċ-ċirkostanzi u l-informazzjoni disponibbli għal Deloitte meta din fasslet ir-rapport ta’ valutazzjoni, u għalhekk ma segħetx taffettwa r-riżultat tal-valutazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li d-differenza bejn il-previżjonijiet u l-indikaturi finazjarji proprji fornuti ex post minn Mojo u Music Dome ma jivvizzjawx il-korrettezza tal-valutazzjoni mwettqa minn Deloitte.

(51)

Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rapporti ta’ valutazzjoni tas-suq minn Deloitte kienu jippreżentaw bażi affidabbli għall-prezzijiet stabbiliti għall-iskop tal-bejgħ tal-operazzjoni ex post minn Mojo u Music Dome u għall-kirja tal-kumpless Ahoy mill-muniċipalità. Jekk jiġu kkunsidrati l-obbligazzjonijiet rilevanti imposti mill-muniċipalità fil-kirja, il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn it-tranżazzjonijiet kienu mwettqa b’konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq u ma kinux jagħtu vantaġġ ekonomiku lill-operatur tal-kumpless.

(52)

Fir-rigward tal-parti tal-investiment innotifikat marbut b’mod speċifiku mat-titijib u l-espansjoni tal-kapaċità ta’ Ahoy Arena, fid-deċiżjoni dwar il-bidu tal-porċedura il-Kummissjoni qalet li ma setgħetx teskludi l-possibiltà li l-investiment seta’ jagħti vantaġġ selettiv lill-operatur tal-kumpless li jmur lil hinn mill-kundizzjonijiet normali tas-suq, anke meta tiġu kkunsidrata s-salvagwardja pprovduta mill-mekkaniżmu ta’ qsim tal-profitti stabbilita fil-kirja konkluża bejn il-muniċipalità u Ahoy Rotterdam NV.

(53)

B’mod partikolari, skont il-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni, l-argumenti li tressqu mill-awtoritajiet Olandiżi ma kinux juru li t-tfassil tal-arranġament dwar il-qsim tal-profitti kien tali li l-kera kellha tkun fil-livell tas-suq wara li jkun sar l-investiment. konsegwentement dawk l-argumenti ma wrewx li ma kellu jittieħed l-ebda vantaġġ ekonomiku mill-operatur tal-kumpless wara li jitlesta l-investiment.

(54)

Bħala parti mill-investigazzjoni, il-Kummissjoni għamlet analiżi profonda tal-mekkaniżmu dwar il-qsim tal-profitti fid-dawl tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi u mill-partijiet terzi. Il-Kummissjoni staqsiet ukoll lill-konsulent indipendenti jekk l-arranġamenti għall-qsim tal-profitti stipulati fil-kirja kinux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

(55)

Kif kien spjegat fil-premessi 15 u 16, il-privatizzazzjoni tal-operazzjoni ta’ Ahoy Rotterdam NV u tal-kirja tal-kumpless kienu bbażati fuq il-preżunzjoni li l-investiment ippjanat (24) kien neċessarju biex jinżamm il-valur tal-kumpless iżda li ma jrendi l-ebda dħul finanzjarju addizzjonali lill-operatur. (25) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni jkollha tindika li l-konsulent indipendenti kien ikkonferma li l-preżunzjoni li saret fir-rapport ta’ Deloitte li żieda fil-kapaċità ta’ Ahoy Arena bħala riżultat tal-investiment maħsub m’għandux awtomatikament jipproduċi valur addizzjonali peress li l-operatur kien wieħed difensiv, minħabba d-dinamika tas-suq tal-avvenimenti, il-kompetituri ġodda possibbli, u l-inċertezzi u r-riskji relatati. Il-Kummissjoni taqbel mal-konklużjonijiet tal-konsulent indipendenti, u tikkonkludi li l-preżunzjoni kienet iġġustifikata, meta fost affarijiet oħra tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni unika tas-suq ta’ Ahoy, il-preżenza u l-komportament tal-operaturi l-oħra fis-suq (26), u l-fatt li l-operatur tal-kumpless seta’ jiġi mxekkel bix-xogħol ta’ rinnovazzjoni għal żmien pjuttost twil.

(56)

Il-Kummissjoni indikat ukoll li l-muniċipalità inkludiet mekkaniżmu dwar qsim tal-profitti fil-kirja bħala salvagwardja. Dan l-arranġament kien imfassal biex jiġi żgurat li l-livell tal-kera għall-kumpless ikollu jogħla kieku l-investiment innotifikat kellu jżid il-valur tal-investiment tal-kumpless għall-operatur. Skont il-konsulent indipendenti l-arranġament dwar il-qsim tal-profitti jiggarantixxi żieda raġonevoli fil-kera skont il-konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq bħala ħlas għall-ivestiment ippjanat mill-muniċipalità ta’ Rotterdam. Il-konsulent indipendenti kkonferma li kemm l-istruttura digressiva tal-mekkaniżmu u kemm id-differenzazzjoni tar-ritmu taż-żieda fil-kera huma raġonevoli. Il-konsulent indipendenti indika wkoll li peress li l-limiti stabbiliti fl-arranġament dwar il-qsim tal-profittti ma’ kinux soġġetti għall-indiċjar, il-muniċipalità, bħala l-kerrej, tista’ faċilment tiżgura profitt qawwi anke jekk l-operatur, bħala l-inkwilin, ma kienx jisfrutta l-investiment fil-kumpless.

(57)

Il-mekkaniżmu jżid il-kera ladarba l-marġini gross tal-operatur, kif iddefinit għal dan l-iskop, jeċċedi l-limitu ta’ EUR 16-il miljun. Sabiex jiġi vvalutat jekk il-limitu jkunx wieħed xieraq, il-Kummissjoni kkomparat il-limitu fuq il-perjodu tal-kirja mal-marġini gross tal-operatur bħala previżjoni fir-rapport ta’ Deloitte (27), wara li kif jipprovdi l-mekkaniżmu, titnaqqas il-kera pagabbli lill-muniċipalità f’sena.

[…]

(58)

[…] Matul il-perjodu tal-kirja, il-marġini gross previst minn Deloitte (inqas mill-kera) bħala medja jkunu ogħla mil-limitu ta’ EUR 16,5 miljun fis-snin finanzjarji wara t-tlestija proġettata fl-investiment, anke jekk ma jiġix ikkunsidrat il-marġini gross nazzjonali addizzjonali possibbli ġġenerat miż-żieda fil-valur tal-kumpless. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-limitu hu f’livell li aktarx jilħaq iż-żidiet potenzjali fil-marġini gross tal-operatur li jistgħu jiġu kieku l-investiment kellu jżid il-valur lill-operatur, aktar milli sempliċiment jippreżervah.

(59)

Ladarba jinqabeż il-limitu tal-marġini gross ta’ EUR 16,5 miljun, il-kera addizzjonali għall-muniċipalità tiżdied b’mod sostanzjali, għalkemm b’ritmu mnaqqas, sakemm l-operatur ikun qed jakkwista marġini gross ta’ EUR 25 miljun (28). F’dak il-punt il-kera li tkun ġiet irċevuta mill-muniċipalità hi ta’ EUR 5,2 miljuni, id-doppju taċ-ċifra ddeterminata minn Deloitte (29). Peress li l-effett tat-titjib/espansjoni tal-Arena Ahoy fuq id-dħul finanzjarju tal-operatur ma jistax ikun bla limitu, il-Kummissjoni hi tal-fehma li f’dan il-każ ikun iġġustifikat li jkun iddifferenzjat ir-ritmu taż-żieda fil-kera u fl-istess waqt ikun hemm limitu fuq is-soprataxxa massima tall-kera (30).

(60)

Għaldaqstant il-Kummissjoni taċċetta l-opinjoni tal-konsulent indipendenti u tikkonkludi li t-tfassil tal-mekkaniżmu dwar il-qsim tal-profitti stipulat fil-kirja huwa konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq u jipprovdi salvagwardji effettivi biex tiġi żgurata li l-kera għall-kumpless wara l-investiment ippjanat tkun fil-livell tas-suq.

(61)

Mojo u Music Dome argumentaw li anke jekk l-investiment (u b’mod partikolari l-espansjoni tal-Arena Ahoy) ma kinitx ser iżżid id-dħul finanzjarju tal-operatur, it-titjib tal-faċilitajiet xorta kellu jagħti vantaġġ kompetittiv fuq Ahoy Rotterdam NV, peress li jkollu l-benefiċċju ta’ titjib bla ħlas fil-faċilitajiet, filwaqt li kwalunkwe impriża privata oħra jkollha tħallas l-ispejjeż hi stess. Il-Kummissjoni ma tikkunsidrax dan l-argument bħala wieħed konvinċenti. Fil-valutazzjonijiet tagħha stess, Deloitte innifisha ħadmet b’xenarju li fih, l-investiment ma kienx jiġġenera dħul addizzjonali iżda li minkejja kollox kien neċessarju sabiex jiġi ppreżervat il-valur tal-kumpless. Meta l-prezz għal Ahoy Rotterdam NV u l-kera għall-kumpless kienu stabbiliti, ġie kkunsidrat l-investiment. L-investment għalhekk ma jagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku lill-operatur.

(62)

Mojo u Music Dome jargumentaw ukoll li l-arranġamenti ma jistgħux ikunu konformi mas-suq, peress li anke jekk l-operatur kellu jħallas mill-ġdid l-investiment b’mod sħiħ taħt il-mekkaniżmu dwar il-qsim tal-profitti, l-operatur xorta waħda kien jieħu vantaġġ ekonomiku, peress li r-riskju kollu tal-investiment kellu jittieħed mill-muniċipalità ta’ Rotterdam. Skont Mojo u Music Dome, il-muniċipalità mhi ser tirċievi xejn jekk l-investiment ma jiġġenerax id-dħul finanzjarju addizzjonali: din għandha tirkupra l-investiment tagħha jekk id-dħul finanzjarju żejjed ikun tabilħaqq iġġenerat. Fir-rigward tal-argument imressaq hawn minn Mojo u Music Dome, il-Kummissjoni ma tistax teskludi l-possibiltà li fid-deċiżjoni tagħha biex tinvesti fil-proġett, il-muniċipalità m’aġixxietx bħala investitur privat li jimmassimizza l-profitti. Il-kundizzjonijiet imposti fuq l-operatur fir-rigward tal-multifunzjonalità tal-kumpless u t-tipi tal-avvenimenti li għandhom isiru fih fil-fatt inaqqsu l-valur tal-investiment. Madanakollu, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni wriet li l-operatur ma rċieva l-ebda vantaġġ dovut mir-relazzjoni kuntrattwali mal-muniċipalità, meta jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet imposti fil-kuntratti. Kif ġie spjegat aktar ‘il fuq, il-livell tal-kera u l-prezz tal-ishma f’Ahoy Rotterdam NV kienu konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Il-mekkaniżmu dwar il-qsim tal-profitti hu salvagwardja addizzjonali li jeskludi kwalunkwe vantaġġ mhux dovut jekk l-investiment, minflok sempliċiment ma jippreżerva l-valur, kellu jiġġenera valur addizzjonali lill-operatur.

(63)

Għaldaqstant, meta tiġi kkunsidrata l-inċertezza ta’ vantaġġ potenzjali għall-operatur li tkun riżultat tat-tijib/espansjoni tal-Arena Ahoy, kif ukoll bħala salvagwardja effettiva fil-forma tal-arranġamenti implimentati mill-muniċipalità, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-investiment ippjanat ma jagħtix vantaġġ ekonomiku lill-operatur li jmur lil hinn mill-kundizzjonijiet normali tas-suq.

Vantaġġ ekonomiku mogħti lill-impriża li tkun wettqet il-proġett

(64)

L-awtoritajiet Olandiżi kienu wrew impenn li l-impriża jew l-impriżi li wettqu l-investiment ser jintgħażlu permezz ta’ offerta pubblika b’konformità sħiħa mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18/KE (31). Kif stqarret fid-deċiżjoni tagħha għall-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni, jekk dan l-impenn jiġi ssodisfat, il-Kummissjoni tista’ teskludi l-possibiltà li jista’ jingħata vantaġġ ekonomiku li jmur lil hinn mill-kundizzjonijiet normali tas-suq lil kwalunkwe impriża jew impriżi.

Vantaġġ ekonomiku mogħti lil impriżi li jagħmlu użu mill-kumpless

(65)

Għandu jiġi konkluż li l-investiment ma jagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku lil hinn mill-kundizzjonijiet normali tas-suq fuq l-impriżi li jagħmlu użu mis-servizzi pprovduti mill-operatur tal-Ahoy. Peress li l-investiment hu ffukat fuq ir-rinovazzjoni u l-iżvilupp ta’ Ahoy Arena, l-impriżi kkonċernati ser ikunu organizzaturi ta’ kunċerti, festivals, u avvenimenti sportivi u soċjali. Minħabba li l-operatur tal-kumpless Ahoy hu impriża privata, ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jiddubita li l-klijenti tiegħu ser jiġu mitluba jħalsu prezz tas-suq.

Vantaġġ ekonomiku mogħti għal attivitajiet ekonomiċi speċifiċi

(66)

Fid-deċiżjoni għall-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni għamlet sejba inizjali, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha, li l-ebda vantaġġ selettiv ma jista’ jingħata fuq impriża speċifika jew grupp ta’ impriżi jew kwalunkwe attività speċifika, minħabba li l-pjan ta’ diversi użi tal-kumpless u l-obbligazzjonijiet imposti fuq l-operatur fil-kirja dwar in-natura u l-promozzjoni tal-karattru multifunzjonali tiegħu.

(67)

Il-kummenti sottomessi mill-awtoritajiet Olandiżi fil-kors tal-investigazzjoni kkonfermaw in-natura multifunzjonali tal-kumpless Ahoy u l-varjetà tal-attivitajiet li saru fih. Il-kirja tirrikjedi li l-operatur jiggarantixxi li l-faċilità għandha tkompli tkun disponibbli għall-utenti u l-attivitajiet differenti. Il-Kummissjoni għandha tosserva li l-investiment fl-Arena Ahoy għandu l-għan li jinżamm il-karattru multifunzjonali tal-kumpless, sabiex jiġu pprovduti faċiltajiet għal tipi differenti ta’ attività li mhumiex ta’ benefiċċju għal impriża speċifika jew attività speċifika. Barra minn hekk, l-investiment fl-Arena hu intiż li jipprovdi post li fih għandhom isiru attivitajiet li huma mmirati għall-pubbliku inġenerali. Id-dispożizzjoni ta’ post tal-isports ta’ dan it-tip jista’ jitqies bħala materja li għaliha l-awtoritajiet huma responsabbli għall-pubbliku inġenerali, sakemm jinżamm il-karattru multifunzjonali tiegħu. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li fir-rigward ta’ attivitajiet u avvenimenti oħra il-kumpless Ahoy ma jkunx operat fuq termini tas-suq.

(68)

Għalhekk, il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-investiment mhux ser jiffavorixxi impriżi speċifiċi jew attivitajiet ekonomiċi, u li konsegwentement mhux se jkun selettiv.

Konklużjoni dwar il-vantaġġ ekonomiku

(69)

B’hekk il-Kummissjoni ssib li la l-investiment ippjanat fil-kumpless Ahoy u lanqas il-bejgħ tal-operazzjoni u l-kirja tal-kumpless Ahoy mill-muniċipalità ma jagħtu vantaġġ ekonomiku li jmur lil hinn mill-kundizzjonijiet tas-suq għall-operatur tal-kumpless jew għal kwalunkwe impriża oħra. Il-Kummissjoni ssib ukoll li l-investiment ma jiffavorixxix b’mod selettiv impriżi speċifiċi jew attivitajiet ekonomiċi.

VIII.   KONKLUŻJONI ĠENERALI

(70)

Mill-bidu tal-proċedura għall-investigazzjoni formali, id-dubji li l-Kummissjoni esprimiet fid-deċiżjoni tal-bidu kienet indirizzata b’mod sodisfaċenti mill-awtoritajiet Olandiżi u mill-konsulent indipendenti. B’mod partikolari, kienet ipprovduta informazzjoni ulterjuri fir-rigward tad-disinn tal-arranġament dwar il-qsim tal-profitti, li għen lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-mekkaniżmu f’aktar dettal. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ivvalutat l-affidabilità tal-valutazzjonijiet ta’ Deloitte li servew bħala bażi diretta għall-bejgħ tal-operazzjoni ta’ Ahoy Rotterdam NV u tal-kirja tal-kumpless Ahoy, u kkonfermat li dawn it-tranżazzjonijiet kienu konsistenti mas-suq.

(71)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li la l-investiment innotifikat fir-rinovazzjoni tat-titjib/espansjoni tal-kumpless Ahoy, u lanqas il-bejgħ relatat tal-operazzjoni ta’ Ahoy NV u l-kirja tal-kumpless, ma jikkostitwixxu għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-investiment mill-muniċipalità ta’ Rotterdam fil-kumpless Ahoy, innotifikat lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Frar 2007, b’emendi sussegwenti, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

Il-miżura tista’ tiġi emendata skont dan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Olanda.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 68, 13.3.2008, p. 14.

(2)  Ara n-nota 1 ta’qiegħ il-paġna.

(3)  F’ittra mibgħuta u rreġistrata bħala posta mibgħuta fit-30 ta’ Mejju 2008.

(4)  Permezz ta’ ittra rreġistrata bħala posta rċevuta fit-30 ta’ April 2008, wara estensjoni tal-iskadenza għall-kummenti dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tibda proċedura formali ta’ investigazzjoni.

(5)  Permezz ta’ ittra rreġistrata bħala posta rċevuta fil-21 ta’ April 2008, wara estensjoni tal-iskadenza għall-kummenti dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jibdew proċedura formali ta’ investigazzjoni.

(6)  Permezz ta’ ittra rreġistrata bħala posta rċevuta fis-27 ta’ Marzu 2008.

(7)  […] (*) L-informazzjoni li tħalliet barra hawn hi koperta mill-obbligazzjoni tas-segretezza tan-negozju).

(8)  Taħt il-klawżola 4.1 tal-kirja, il-programm li twettaq fis-snin 2003/2004 u 2004/2005 (esebizzjonijiet pubbliċi u kummerċjali, avvenimenti eċċ ) għandu jkompli għat-tul taż-żmien tal-kuntratt.

(9)  Il-kirja tistipula li l-kera għandha tiġi aġġustata fuq il-bażi tal-indiċi tal-prezzijiet riċenti għall-konsumatur għal kull xahar ippubblikati mill-Uffiċju Ċentrali tal-Istatistika.

(10)  Il-kummenti sottomessi mill-persuna individwali ma kinux direttament rilevanti għall-valutazzjoni tal-miżura, iżda minflok iffukaw fuq il-mottivi li kien hemm wara l-ilment imressaq minn Mojo u Music Dome. Għal din ir-raġuni m’għadhomx aktar ikkunsidrati f’din id-Deċiżjoni.

(11)  Skont Ahoy Rotterdam NV, fil-pjani attwali il-manutenzjoni u r-rinovazzjoni kienu jammontaw għal 83 % tal-ispiża tal-investiment, u ż-żieda fil-kapaċità ta’ 17 %.

(12)  Ara n-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(13)  Mojo u Music Dome rreferew għall-Anness 3 għall-kera (snin 2003/2004 u 2004/2005) u pprovdew ħarsa ġenerali għall-perjodu 2003/2004 – 2007/2008.

(14)  L-ilmentaturi ssottomettew il-kalkoli li wasslu għal dan ir-riżultat. Huma pprovdew kalkoli oħra billi użaw multipli differenti biex juru li Deloitte kellha previżjoni preċiża tar-riżultat mistenni għas-sena finanzjarja 2005/2006, il-valur tal-kumpanija kien ikun konsiderevolment ogħla.

(15)  Ara n-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(16)  Eżempji bħal Europort Maritime, Industrial Maintenance u InfraTech.

(17)  Rapport, bit-titolu “Proġett Nadal”, għamel stima tal-ishma ta’ Ahoy Rotterdam NV għal EUR1.7 miljun; ir-rapport l-ieħor, “Waardering Ahoy”, qiegħed il-livell tas-suq għall-kera tal-kumpless Ahoy għal EUR2.6 miljun.

(18)  It-“Taxatiereport” tad-DZT ivvaluta l-livell tas-suq tal-kera għall-kumpless Ahoy għal EUR3.9 miljun.

(19)  Il-konsulent m’aċċettax li r-rapport ta’ DTZ ipprovda indikazzjoni aħjar peress li fil-fehma tal-konsulent il-kumpless Ahoy ma setax jiġi kklassifikat bħala “faċilment kummerċjabbli” (goed courant) u l-metodi użati minn DTZ kienu bbażati fuq paraguni mhux ċari u anqas xierqa jew fuq assunzjonijiet anqas żviluppati.

(20)  Ir-rapport tal-konsulent indipendenti kkunsidra l-perjodu ta’ previżjoni, id-dinamika tas-suq tal-avvenimenti, il-possibiltà ta’ kompetituri ġodda u l-inċertezzi u r-riskji relatati Il-konsulent indipendenti indika wkoll li bħala strateġija difensiva r-rinnovazzjoni u l-espansjoni tal-kumpless ma kinitx unika.

(21)  Il-konsulent indipendenti osserva wkoll li kien raġonevoli għal Deloitte li fost affarijiet oħra tagħmel użu mill-informazzjoni pprovduta mill-amministrazzjoni. Deloitte ma kinitx qagħdet biss fuq din l-informazzjoni, iżda użat ukoll riċerka indipendenti tas-suq.

(22)  Il-metodu dwar il-fluss skontat tal-flus (“LSF”) hu metodu komuni għall-valutazzjoni ta’ proġett, kumpanija jew assi billi jiġi kkalkulat il-valur preżenti tal-fluss ta’ flus fil-futur, billi jiġi kkunsidrat kemm ir-riskju u kemm il-ħin biex ikunu rċevuti l-flus.

(23)  L-ilmentaturi jargumentaw li peress li l-valutazzjoni kienet twettqet f’nofs is-sena finanzjarja għall-2005/2006, il-previżjonijiet kellhom ikunu aktar preċiżi.

(24)  B’mod partikolari l-espansjoni tal-kapaċità tal-Arena biż-żieda ta’ aktar postijiet.

(25)  Din il-preżunzjoni kienet użata fir-rapport ta’ Deloitte li jiddetermina kera tas-suq għall-kumpless Ahoy.

(26)  Skont il-konsulent independenti, pereżempju, Amsterdam RAI, kien qed jinvesti sa EUR 105 miljun fit-titijib tal-kumpless tiegħu fil-perjodu 2003–2008.

(27)  Dawn il-marġini gross huma bbażati fuq il-preżunzjoni li l-investiment għandu jżomm biss il-valur tal-kumpless għall-operatur, u ma għandux jipproduċi dħul finanzjarju addizzjonali.

(28)  Ara l-premessa 16.

(29)  Il-kera addizzjonali hi kkalkulata kif ġej: 50 % × Eur 1,5 miljun + 35 % × Eur 3 miljun + 20 % × Eur 4 miljun = Eur 2,6 miljun.

(30)  Ir-rapport tal-konsulent indipendenti jikkonferma li hu raġonevoli li l-mekkaniżmu jkun strutturat b’dan il-mod.

(31)   ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.


Top