Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0430

    2009/430/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta' Novembru 2008 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali - Deklarācijas

    ĠU L 147, 10.6.2009, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/430/oj

    Related international agreement
    Related international agreement

    10.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 147/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-27 ta' Novembru 2008

    dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali

    (2009/430/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61(c) tiegħu, flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Fis-16 ta’ Settembru 1988, l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej iffirmaw ftehim internazzjonali mar-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2) (il-Konvenzjoni ta’ Lugano), u b’hekk estendew għall-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera l-applikazzjoni tar-regoli tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar l-istess suġġett (3) (il-Konvenzjoni ta’ Brussell).

    (2)

    In-negozjati dwar reviżjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano saru matul is-snin 1998-1999 fil-qafas ta’ Grupp ta’ Ħidma ad hoc imkabbar bil-parteċipazzjoni tan-Norveġja, l-Iżlanda l-Iżvizzera. Dawn in-negozjati wasslu għall-adozzjoni ta’ test ta’ abbozz ta’ konvenzjoni mħejji mill-Grupp ta’ Ħidma, li ġie kkonfermat mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu fis-27 u t-28 ta’ Mejju 1999.

    (3)

    Saru negozjati sussegwenti fil-Kunsill abbażi ta’ dan it-test li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (4), li mmodernizza r-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u għamel aktar rapida u effiċjenti s-sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni.

    (4)

    Fid-dawl tal-parallelliżmu bejn is-sistemi tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Konvenzjoni ta’ Lugano dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Lugano għandhom jiġu allinjati mar-regoli tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 sabiex jinkiseb l-istess livell ta’ ċirkulazzjoni ta’ sentenzi bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati tal-EFTA kkonċernati.

    (5)

    Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-applikazzjoni ta’ miżuri skont it-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Sabiex ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Lugano japplikaw għad-Danimarka, id-Danimarka għandha għalhekk tipparteċipa bħala Parti Kontraenti għal konvenzjoni ġdida li tkopri l-istess materja.

    (6)

    Bid-Deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2002, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Konvenzjoni ta’ Lugano ġdida dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

    (7)

    Il-Kummissjoni nnegozjat tali konvenzjoni, f’isem il-Komunità, mal-Iżlanda, man-Norveġja, mal-Iżvizzera, u mad-Danimarka. Din il-Konvenzjoni ġiet iffirmata, f’isem il-Komunità, fit-30 ta’ Ottubru 2007, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/712/KE (5), soġġetta għall-konklużjoni tagħha f’data aktar tard.

    (8)

    Fil-ħin tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/712/KE l-Kunsill qabel li jeżamina fil-qafas tad-diskussjonijiet dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lugano l-ġdida, il-possibblità li ssir dikjarazzjoni skont l-Artikolu II(2) tal-Protokoll 1 għall-Konvenzjoni. Il-Komunità għandha tagħmel din id-dikjarazzjoni fil-ħin tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni.

    (9)

    Matul in-negozjati tal-Konvenzjoni l-Komunità kkommettiet ruħha li tagħmel dikjarazzjoni, fil-ħin tar-ratifika tal-Konvenzjoni, bl-iskop li meta tkun qed temenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 il-Komunità tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(4) ta’ dak ir-Regolament bil-għan li tqis il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tal-proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, biex b’hekk ikun żgurat il-paralleliżmu tiegħu mal-Artikolu 22(4) tal-Konvenzjoni. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu meqjusa r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

    (10)

    Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (11)

    Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u m’hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (12)

    Il-Konvenzjoni issa għandha tiġi konkluża,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li tissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Lugano tas-16 ta’ Settembru 1988, hija b’dan approvata f’isem il-Komunità.

    Meta tiddepożita l-istrument tar-ratifika tagħha, il-Komunità għandha tagħmel id-dikjarazzjonijiet imniżżla fl-Annessi I u II ta’ din id-Deċiżjoni.

    It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna/i li jkollha/hom is-setgħa li j/tiddepożita(w), f’isem il-Komunità, l-istrument ta’ ratifika skont l-Artikolu 69(2) tal-Konvenzjoni.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Novembru 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ALLIOT-MARIE


    (1)  L-approvazzjoni tat-18 ta' Novembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 319, 25.11.1988, p. 9).

    (3)  Il-Konvenzjoni ta’ Brussell dwar il-ġuriżdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 299, 31.12.1972, p. 32) (Il-verżjoni konsolidata tidher fil-ĠU C 27, 26.1.1998, p. 1).

    (4)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/712/KE tal-15 ta’ Ottubru 2007 dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 339, 21.12.2007, p. 1).


    ANNESS I

    DIKJARAZZJONI MILL-KOMUNITÀ EWROPEA

    “Il-Komunità Ewropea b’dan tiddikjara li, waqt li qed timmodifika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fuq kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandha l-ħsieb li tiċċara l-firxa tal-Artikolu 22(4) ta’ dak ir-Regolament bil-għan li tqis l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, biex b’hekk ikun żgurat il-paralleliżmu tagħha mal-Artikolu 22(4) tal-Konvenzjoni u fl-istess ħin tqis ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.”


    ANNESS II

    DIKJARAZZJONI MILL-KOMUNITÀ EWROPEA F’KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU II(2) TAL-PROTOKOLL 1 GĦALL-KONVENZJONI

    “Il-Komunità Ewropea tiddikjara li l-proċedimenti msemmija fl-Artikoli 6(2) u 11 ma jistgħux jintużaw fl-Istati Membri li ġejjin: l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovenja flimkien mat-tlieta li diġà ssemmew fl-Anness IX għall-Konvenzjoni.

    Skond l-Artikolu 77(2) tal-Konvenzjoni l-Kumitat Permanenti stabbilit mill-Artikolu 4 tal-Protokoll 2 għall-Konvenzjoni għandu għalhekk kif il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ jintalab jemenda l-Anness IX għall-Konvenzjoni kif ġej:

    ‘ANNESS IX

    L-Istati u r-regoli msemmija fl-Artikolu II tal-Protokoll 1 huma dawn li ġejjin:

    Il-Ġermanja: l-Artikoli 68, 72, 73 u 74 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili (Zivilprozessordnung) li jikkonċernaw notifiki lil partijiet terzi,

    L-Estonja: l-Artikoli 214(3) u (4) u l-Artikolu 216 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik) li jikkonċernaw notifiki lil partijiet terzi,

    Il-Latvja: l-Artikoli 78, 79, 80 u 81 tal-Liġi ta’ Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums) li jikkonċernaw notifiki lil partijiet terzi,

    Il-Litwanja: l-Artikolu 47 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Civilinio proceso kodeksas),

    L-Ungerija: L-Artikolu 58 sa 60 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Polgári perrendtartás) li jikkonċernaw notifiki lil partijiet terzi,

    L-Awstrija: l-Artikolu 21 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili (Zivilprozessordnung) li jikkonċerna notifiki lil partijiet terzi,

    Il-Polonja: l-Artikoli 84 u 85 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Kodeks postępowania cywilnego) li jikkonċernaw notifiki lil partijiet terzi (przypozwanie),

    Is-Slovenja: l-Artikolu 204 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zivilprozeßordnung) li jikkonċerna notifiki lil partijiet terzi,

    L-Iżvizzera, fir-rigward ta’ dawk id-distretti awtonomi li l-kodiċi ta’ proċedura ċivili tagħhom ma tipprovdix għall-ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikoli 6(2) u 11 tal-Konvenzjoni: id-dispożizzjonijiet xierqa li jikkonċernaw notifiki lil partijiet terzi (litis denuntiatio) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili applikabbli.’


    Top