Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0426

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI tas- 16 ta’ Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja

    ĠU L 138, 4.6.2009, p. 14–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32018R1727

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/426/oj

    4.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 138/14


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/426/ĠAI

    tas-16 ta’ Diċembru 2008

    dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31(2) u 34(2)(c) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Renju tal-Olanda, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Slovakka u tar-Renju tal-Iżvezja,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    L-Eurojust ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (2) bħala korp tal-Unjoni Ewropea b’personalità ġuridika, sabiex jiġu stimulati u mtejba l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri.

    (2)

    Abbażi ta’ valutazzjoni tal-espjerenza miksuba mill-Eurojust, huwa meħtieġ tisħiħ ulterjuri tal-effikaċja operattiva tagħha billi jittieħed kont ta’ dik l-esperjenza.

    (3)

    Wasal il-waqt li jiġi żgurat li l-Eurojust issir aktar operattiva u li l-istatus tal-membri nazzjonali jiġi approssimat.

    (4)

    Sabiex tiġi żgurata kontribuzzjoni kontinwa u effikaċi mill-Istati Membri sabiex l-Eurojust tikseb l-għanijiet tagħha, il-membru nazzjonali għandu jkun meħtieġ li jkollu l-post regolari tax-xogħol tiegħu fis-sede tal-Eurojust.

    (5)

    Huwa meħtieġ biex tiġi definita bażi komuni ta’ setgħat li kull membru nazzjonali għandu jkollu fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità nazzjonali kompetenti li taġixxi taħt il-liġi nazzjonali. Uħud minn dawn is-setgħat għandhom jingħataw lill-membri nazzjonali għal każijiet urġenti meta ma jkunx possibbli għalih li jidentifika jew jikkuntattja l-awtorità nazzjonali kompetenti tempestivament. Huwa mifhum li dawn is-setgħat ma jkollhomx ikunu eżerċitati jekk ikun possibbli li l-awtorità kompetenti tiġi identifikata u kkuntattjata.

    (6)

    Din id-deċiżjoni ma taffettwax il-mod li bih l-Istati Membri jorganizzaw is-sistema ġuridika interna tagħhom jew il-proċeduri ammnistrattivi għall-għażla tal-membru nazzjonali u l-istabbiliment tal-ħidma interna tal-uffiċċji nazzjonali fil-Eurojust.

    (7)

    L-istabbiliment ta’ Sistema Permanenti ta’ Koordinazzjoni (On-call Coordination, OCC) fil-Eurojust hu meħtieġ sabiex l-Eurojust issir disponibbli kull ħin tal-ġurnata u sabiex tkun tista’ tintervjeni f’każijiet urġenti. Għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jiżgura li r-rappreżentanti jistgħu fl-OCC jaġixxu fuq bażi ta’ 24 siegħa/7 ijiem.

    (8)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirreaġixxu mingħajr dewmien żejjed għat-talbiet taħt din id-Deċiżjoni, anke jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirrifjutaw milli jikkonformaw mat-talbiet magħmula mill-membru nazzjonali.

    (9)

    Ir-rwol tal-Kulleġġ għandu jittejjeb f’każijiet ta’ konflitt ta’ ġurisdizzjoni u f’każijiet ta’ rifjuti rikorrenti jew diffikultajiet dwar l-eżekuzzjoni ta’ talbiet għal, u deċiżjonijiet dwar, koperazzjoni ġudizzjarja, inkluż rigward strumenti li jagħtu effetti għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

    (10)

    Is-sistemi ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri biex tiġi kkoordinata l-ħidma mwettqa mill-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust, il-korrispondent nazzjonali għall-Eurojust għal kwistjonijiet ta’ terroriżmu, il-korrispondent nazzjonali għan-Network Ġudizzjarju Ewropew u sa tliet punti oħra ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew, kif ukoll ir-rappreżentanti fin-Networks għal Skwadri Investigattivi Konġunti, Delitti tal-Gwerra, Irkupru ta’ Assi u Korruzzjoni.

    (11)

    Is-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust għandha tiżgura li s-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet (CMS) tirċievi informazzjoni relatata mal-Istat Membru konċernat b’mod effiċjenti u affidabbli. Madankollu, m’għandux ikun li s-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust ikollha tkun responsabbli biex fil-fatt tibgħat l-informazzjoni lill-Eurojust. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-aħjar kanal li għandu jintuża għat-trasmissjoni tal-informazzjoni lill-Eurojust.

    (12)

    Sabiex is-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha, għandha tiġi żgurata konnessjoni mas-Sistema ta’ Trattament ta’ Każijiet. Il-konnessjoni mas-Sistema ta’ Trattament ta’ Każijiet għandha issir b’kont debitu meħud tas-sistemi informatiċi nazzjonali. L-aċċess għas- Sistema ta’ Trattament ta’ Każijiet fil-livell nazzjonali għandu jkun ibbażat fuq ir-rwol ċentrali tal-membru nazzjonali li huwa responsabbli għall-ftuħ u l-ġestjoni ta’ files ta’ ħidma temporanji.

    (13)

    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali pproċessata fil-qafas tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali (3) hija applikabbli għall-ipproċessar mill-Istati Membri tad-data personali ttrasferita bejn l-Istati Membri u l-Eurojust. Is-sett rilevanti ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-data tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI m’huwiex ser jiġi affettwat mid-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI u fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali li jirregolaw dawn il-kwistjonijiet f’aktar dettall minħabba n-natura, il-funzjonijiet u l-kompetenzi partikolari tal-Eurojust.

    (14)

    L-Eurojust għandha tkun awtorizzata tipproċessa ċertu data personali dwar persuni li, taħt il-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri konċernati, huma suspettati li wettqu jew ħadu sehem f’reat kriminali li fir-rigward tiegħu l-Eurojust hija kompetenti, jew li ġew ikkundannati b’tali reat. Il-lista ta’ tali data personali għandha tinkludi numri tat-telefon, indirizzi e-Mail, data dwar reġistrazzjoni ta’ vetturi, profili tad-DNA stabbiliti mill-parti mhux-kodifikanti tad-DNA, ritratti u marki tas-swaba’. Il-lista għandha tinkludi wkoll data dwar traffiku u data dwar lokazzjoni u d-data relatata meħtieġa biex tidentifika l-abbonat jew l-utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament: dan m’għandux jinkludi data li tiżvela l-kontenut ta’ komunikazzjoni. Mhux maħsub li l-Eurojust twettaq taqbil awtomat ta’ profili tad-DNA jew ta’ marki tas-swaba’.

    (15)

    L-Eurojust għandha tingħata l-opportunità li testendi l-iskadenzi għall-ħażna ta’ data personali sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha. Tali deċiżjonijiet għandhom jittieħdu wara konsiderazzjoni bir-reqqa ta’ ħtiġiet partikolari. Kwalunkwe estensjoni ta’ skadenzi għall-ipproċessar ta’ data personali, fejn il-prosekuzzjoni tkun prekluża bi statut fl-Istati Membri kollha konċernati, għandha tiġi deċiża biss fejn hemm ħtieġa speċifika li tiġi pprovduta assistenza taħt din id-Deċiżjoni.

    (16)

    Ir-Regoli tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza għandhom jiffaċilitaw it-tħaddim tagħha.

    (17)

    Bil-ħsieb taż-żieda tal-effikaċja operattiva tal-Eurojust it-trasmissjoni tal-informazzjoni lil Eurojust għandha tittejjeb billi jiġu provduti obbligi ċari u limitati għal awtoritajiet nazzjonali.

    (18)

    L-Eurojust għandha timplimenta prijoritajiet stabbiliti mill-Kunsill, b’mod partikolari dawk stabbiliti abbażi tal-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Organizzata (VTKO), kif imsemmi fil-Programm tal-Aja (4).

    (19)

    L-Eurojust għandha żżomm relazzjonijiet privileġġati man-Network Ġudizzjarju Ewropew ibbażati fuq konsultazzjoni u komplementarjetà. Din id-Deċiżjoni għandha tgħin biex jiġu ċċarati r-rwoli rispettivi tal-Eurojust u l-Network Ġudizzjarju Ewropew u r-relazzjoni reċiproka tagħhom, waqt li tinżamm l-ispeċifiċità tan-Network Ġudizzjarju Ewropew.

    (20)

    Xejn f’din id-Deċiżjoni ma għandu jiġi interpretat bħala li jinċidi fuq l-awtonomija tas-segretarjati tan-networks imsemmijin f’din id-Deċiżjoni meta jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom bħala persunal tal-Eurojust konformement mar-Regolament tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (5).

    (21)

    Hu meħtieġ ukoll li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Eurojust li taħdem ma’ soċji esterni, bħal Stati terzi, l-Uffiċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), iċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni Konġunt tal-Kunsill u l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Koperazzjoni Operattiva fuq il-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex).

    (22)

    Għandu jsir provvediment sabiex l-Eurojust tassenja maġistrati ta’ kollegament fi Stati terzi sabiex tikseb għanijiet simili għal dawk assenjati lil maġistrati ta’ kollegament sekondati mill-Istati Membri abbażi tal-Azzjoni Konġunta 96/277/ĠAI tat-22 ta’ April 1996 dwar qafas għall-iskambju ta’ maġistrati li jikkollegaw direttament sabiex tittejjeb il-koperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (6).

    (23)

    Din id-Deċiżjoni tippermetti li jittieħed kont tal-prinċipju ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Emendi lid-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI

    Id-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Kompożizzjoni tal-Eurojust

    1.   L-Eurojust għandha jkollha membru nazzjonali wieħed sekondat minn kull Stat Membru konformement mas-sistema ġuridika tiegħu, li jkun prosekutur, imħallef jew uffiċjal tal-pulizija ta’ kompetenza ekwivalenti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw kontribut kontinwu u effikaċi għall-kisba mill-Eurojust tal-għanijiet tagħha taħt l-Artikolu 3. Sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet:

    (a)

    il-membru nazzjonali għandu jiġi mitlub li jkollu l-post regolari tax-xogħol tiegħu fis-sede tal-Eurojust;

    (b)

    kull membru nazzjonali għandu jkun assistit minn deputat wieħed u minn persuna oħra bħala assistent. Id-deputat u l-assistent jista’ jkollhom il-post regolari tax-xogħol tagħhom fil-Eurojust. Aktar deputati jew assistenti jistgħu jassistu lill-membru nazzjonali u jistgħu, jekk meħtieġ u bi qbil mal-Kulleġġ, ikollhom il-post regolari tax-xogħol tagħhom fil-Eurojust.

    3.   Il-membru nazzjonali għandu jkollu pożizzjoni li tagħtih is-setgħat imsemmija f’din id-Deċiżjoni sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu.

    4.   Il-membri nazzjonali, id-deputati u l-assistenti għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri tagħhom fir-rigward l-istatus tagħhom.

    5.   Id-deputat għandu jissodisfa l-kriterji previsti fil-paragrafu 1 u jkun kapaċi jaġixxi f’isem jew jissostitwixxi l-membru nazzjonali. Assistent jista’ jaġixxi wkoll f’isem jew jissostitwixxi l-membru nazzjonali jekk dan jissodisfa l-kriterji previsti fil-paragrafu 1.

    6.   L-Eurojust għandha tkun konnessa mas-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust skond l-Arikolu 12.

    7.   L-Eurojust għandha jkollha l-possibbiltà li tassenja maġistrati ta’ kollegament fi Stati terzi konformement ma’ din id-Deċiżjoni.

    8.   L-Eurojust għandha, konformement ma’ din id-Deċiżjoni, ikollha Segretarjat immexxi minn Direttur Amministrattiv.”;

    (2)

    L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-punt (b) tal-paragrafu 1, il-kliem “assistenza ġudizzjarja internazzjonali u l-implimentazzjoni ta’ ordnijiet ta’ estradizzjoni” għandhom jiġu sostitwiti b’ “talbiet għal, u deċiżjonijiet dwar, koperazzjoni ġudizzjarja, inkluż dwar strumenti li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku;”;

    (b)

    Fil-punt 2, il-kliem “fl-Artikolu 27(3)” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “fl-Artikolu 3(2)”.

    (3)

    L-Artikolu 4(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    il-forom ta’ delitti u r-reati li fir-rigward tagħhom l-Europol ikun f’kull ħin kompetenti li jaġixxi;” (7);

    (b)

    Il-punt (b) għandu jitħassar;

    (c)

    Fil-punt (c), il-kliem “fil-punt (a) u (b)” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “fil-punt (a)”;

    (4)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 5a

    Sistema Permanenti ta’ Koordinazzjoni

    1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha f’każijiet urġenti, l-Eurojust għandha tistabbilixxi Sistema Permanenti ta’ Koordinazzjoni (On-call Coordination, OCC) kapaċi li tirċievi u tipproċessa f’kull ħin talbiet indirizzati lilha. L-OCC għandha tkun kuntattabbli, permezz ta’ punt ta’ kuntatt OCC uniku fl-Eurojust, fuq bażi ta’ 24 siegħa għal sebat ijiem fil-ġimgħa.

    2.   L-OCC għandha sserraħ fuq rappreżentant wieħed (rappreżentant OCC) għal kull Stat Membru, li jista’ jkun jew il-membru nazzjonali, id-deputat tiegħu, jew assistent intitolat li jissostitwixxi l-membru nazzjonali. Ir-rappreżentant OCC għandu jkun jista’ jaġixxi fuq bażi ta’ 24 siegħa għal sebat ijiem fil-ġimgħa.

    3.   Meta f’każijiet urġenti, talba għal, jew deċiżjoni dwar, koperazzjoni ġudizzjarja, inkluż rigward l-istrumenti li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, jeħtieġ li titwettaq fi Stat Membru wieħed jew aktar, l-awtorità kompetenti rikjedenti jew emittenti tista’ tgħaddiha lill-OCC. Il-punt ta’ kuntatt OCC għandu jgħaddiha immedjatament lir-rappreżentant OCC tal-Istat Membru minn fejn tkun oriġinat it-talba u, jekk espliċitament mitlub mill-awtortià trasmittenti jew emittenti, lir-rappreżentanti OCC tal-Istati Membri li fuq it-territorju tagħhom tiġi eżegwita t-talba. Ir-rappreżentanti OCC għandhom jaġixxu mingħajr dewmien, b’rabta mal-eżekuzzjoni tat-talba fl-Istat Membru tagħhom, permezz tal-eżerċizzju tal-kompiti jew is-setgħat disponibbli għalihom, kif imsemmija fl-Artikolu 6 u l-Artikoli 9a sa 9f.”;

    (5)

    L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu eżistenti għandu jsir il-paragrafu 1;

    (b)

    il-punt (a) tal-paragrafu 1(a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    tista’ titlob, filwaqt li tagħti raġunijiet, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati sabiex:

    (i)

    iwettqu investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta’ atti speċifiċi;

    (ii)

    jaċċettaw li waħda minnhom tista’ tkun f’pożizzjoni aħjar li twettaq investigazzjoni jew li tħarrek atti speċifiċi;

    (iii)

    jikkoordinaw bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati;

    (iv)

    jistabbilixxu skwadra investigattiva konġunta; bl-istrumenti rilevanti ta’ koperazzjoni;

    (v)

    jipprovduha b’kull informazzjoni li tkun neċessarja biex taqdi l-funzjonijiet tagħha;

    (vi)

    jieħdu miżuri speċjali ta’ investigazzjoni;

    (vii)

    jieħdu kull miżura oħra ġustifikata għall-investigazzjoni jew prosekuzzjoni;”

    (c)

    il-punt (g) tal-paragrafu 1 għandu jitħassar;

    (d)

    għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirreaġixxu mingħajr dewmien inġustifikabbli għal talbiet magħmulin taħt dan l-Artikolu.”;

    (6)

    L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu eżistenti għandu jsir il-paragrafu 1;

    (b)

    għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “2.   Fejn żewġ membri nazzjonali jew aktar ma jistgħux jaqblu dwar kif isolvu każ ta’ konflitt ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward it-teħid ta’ investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet taħt l-Artikolu 6 u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(c), il-Kulleġġ għandu jintalab jagħti opinjoni mhux vinkolanti bil-miktub dwar il-każ, dment li l-każ ma kienx jista’ jiġi solvut permezz ta’ qbil reċiproku bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti konċernati. L-opinjoni tal-Kulleġġ għandha tintbagħat minnufih lill-Istati Membri konċernati. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1(a)(ii).

    3.   Minkejja d-dispożizzjonijiet li jinsabu fi kwalunkwe strument adottat mill-Unjoni Ewropea rigward il-koperazzjon ġudizzjarja, awtorità kompetenti tista’ tirrapporta lill-Eurojust ċaħdiet rikorrenti jew diffikultajiet li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta’ talbiet għal, u deċiżjonijiet dwar, koperazzjoni ġudizzjarja inkluż dwar strumenti li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, u titlob lill-Kulleġġ sabiex joħroġ opinjoni mhux vinkolanti bil-miktub dwar il-kwistjoni, dment li din ma tkunx tista’ tiġi solvuta permezz ta’ qbil reċiproku bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew permezz tal-involviment tal-membri nazzjonali konċernati. L-opinjoni tal-Kulleġġ għandha tintbagħat minnufih lill-Istati Membri konċernati. L-opinjoni tal-Kulleġġ għandha tintbagħat minnufih lill-Istati Membri konċernati.”;

    (7)

    L-Artikoli 8 u 9 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Segwitu għal talbiet u opinjonijiet tal-Eurojust

    Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati jiddeċiedu li ma jikkonformawx ma’ talba msemmija fl-Artikolu 6(1)(a) jew fl-Artikolu 7(1)(a), jew jiddeċiedu li ma jsegwux opinjoni bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 7(2) u (3), huma għandhom jinformaw lill-Eurjust mingħajr wisq dewmien dwar id-deċiżjoni tagħhom u r-raġunijiet għaliha. Fejn ma jkunx possibbli li jingħataw raġunijiet għaċ-ċaħda tal-konformità ma’ talba minħabba li jekk isir hekk dan ikun ta’ ħsara għall-interessi tas-sigurtà nazzjonali essenzjali jew jipperikola s-sikurezza ta’ xi individwi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jiċċitaw raġunijiet operattivi.

    Artikolu 9

    Membri nazzjonali

    1.   It-tul tal-mandat ta’ membru nazzjonali għandu jkun ta’ mill-anqas erba’ snin. L-Istati Membri ta’ oriġini jistgħu jġeddu l-mandat. Il-membru nazzjonali m’għandhux jitneħħa qabel l-aħħar ta’ mandat mingħajr ma’ l-Kunsill ikun informat minn qabel bit-tneħħija u bir-raġuni għal dan. Fejn membru nazzjonali jkun President jew Viċi-President tal-Eurojust, il-mandat tiegħu għandu tal-anqas ikun tali li hu jkun jista’ jwettaq il-funzjoni tiegħu bħala President jew Viċi-President għall-mandat elett kollu.

    2.   L-informazzjoni kollha skambjata bejn l-Eurojust u l-Istati Membri għandha tiġi trasmessa permezz tal-membru nazzjonali.

    3.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Eurojust, il-membru nazzjonali għandu jkollu tal-inqas aċċess ekwivalenti għal jew tal-inqas ikun jista’ jikseb id-data fit-tipi ta’ reġistri li ġejjin tal-Istat Membru tiegħu kif tkun disponibbli lilu fir-rwol tiegħu bħala prosekutur, imħallef jew uffiċjal tal-pulizija, abbażi ta’ liema jkun applikabbli, fuq livell nazzjonali:

    (a)

    records kriminali;

    (b)

    reġistri ta’ persuni arrestati;

    (c)

    reġistri ta’ investigazzjoni;

    (d)

    reġistri tad-DNA;

    (e)

    reġistri oħrajn tal-Istat Membru tiegħu fejn iqis din id-data meħtieġa għalih biex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu.

    4.   Membru nazzjonali jista’ jagħmel kuntatt mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tiegħu direttament.”;

    (8)

    Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 9a

    Setgħat tal-membru nazzjonali konferiti lilu fil-livell nazzjonali

    1.   Fejn il-membru nazzjonali jeżerċita s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 9b, 9c u 9d, huwa jagħmel dan fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità nazzjonali kompetenti u jaġixxi taħt il-liġi nazzjonali u suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fl-Artikoli 9a sa 9e. Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-membru nazzjonali għandu, fejn xieraq, jgħarraf jekk huwa jkun qiegħed jaġixxi konformement mas-setgħat mogħtija lill-membru nazzjonali taħt dan l-Artikolu u l-Artikoli 9b, 9c u 9d.

    2.   Kull Stat Membru għandu jiddefinixxi n-natura u l-estent tas-setgħat li huwa jagħti lill-membru nazzjonali tiegħu fir-rigward ta’ koperazzjoni ġudizzjarja rigward dak l-Istat Membru. Madankollu, kull Stat Membru għandu jikkonferixxi lill-membru nazzjonali tiegħu mill-anqas is-setgħat deskritti fl-Artikolu 9b u, suġġett għall-Artikolu 9e, is-setgħat deskritti fl-Artikoli 9c u 9d, li jkunu disponsibbli għalih bħala mħallef, prosekutur jew uffiċjal tal-pulizija, abbażi ta’ liema jkun applikabbli, fil-livell nazzjonali.

    3.   Meta jaħtar lill-membru nazzjonali tiegħu u fi kwalunkwe ħin ieħor jekk ikun meħtieġ, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Eurojust u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bid-deċiżjoni tiegħu rigward l-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn. L-Istati Membri għandhom jintrabtu li jaċċettaw u li jirrikonoxxu l-prerogattivi mogħtija sa fejn ikunu konformi ma’ l-impenli internazzjonali.

    4.   Kull Stat Membru għandu jiddefinixxi d-dritt għal membru nazzjonali li jaġixxi fir-rigward tal-awtoritajiet ġudizzjarji barranin, konformement ma’ l-impenji internazzjonali tiegħu.

    Artikolu 9b

    Setgħat ordinarji

    1.   Il-membri nazzjonali, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għandhom ikunu intitolati li jirċievu, jittrasmettu, jiffaċilitaw, jagħmlu segwitu u jipprovdu data supplimentari relatata mal-eżekuzzjoni ta’ talbiet għal, u deċiżjonijiet dwar, koperazzjoni ġudizzjarja, inkluż rigward strumenti li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Fejn ikunu eżerċitati s-setgħat imsemmija f’dan il-paragrafu, l-awtorità kompetenti għandha tkun infurmata minnufih.

    2.   Fil-każ ta’ eżekuzzjoni parzjali jew inadegwata ta’ talba għal koperazzjoni ġudizzjarja, il-membri nazzjonali, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għandhom ikunu intitolati li jitolbu lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru tagħhom għal miżuri supplimentari sabiex it-talba tiġi eżegwita kompletament.

    Artikolu 9c

    Setgħat eżerċitati bi qbil ma’ awtorità nazzjonali kompetenti

    1.   Il-membri nazzjonali jistgħu, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bi qbil ma’ awtorità nazzjonali kompetenti, jew fuq talba tagħha u abbażi ta’ każ b’każ, jeżerċitaw is-setgħat li ġejjin:

    (a)

    l-emissjoni u t-tlestija ta’ talbiet għal, u deċiżjonijiet dwar, koperazzjoni ġudizzjarja, inkluż rigward strumenti li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku;

    (b)

    l-eżekuzzjoni fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom ta’ talbiet għal, u deċiżjonijiet dwar, koperazzjoni ġudizzjarja, inkluż rigward strumenti li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku;

    (c)

    l-emissjoni tal-ordni fl-Istat Membru tagħhom ta’ miżuri investigattivi meqjusa bħala meħtieġa f’laqgħa ta’ koordinazzjoni organizzata mill-Eurojust biex tiġi pprovduta assistenza lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti konċernati minn investigazzjoni konkreta u li għaliha l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti konċernati mill-investigazzjoni jkunu mistiedna jipparteċipaw;

    (d)

    l-awtorizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ kunsinni kkontrollati fl-Istat Membru tagħhom.

    2.   Is-setgħat imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom, fil-prinċipju, ikunu eżerċitati minn awtorità nazzjonali kompetenti.

    Artikolu 9d

    Setgħat eżerċitati f’każijiet urġenti

    Fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-membri nazzjonali għandhom, f’każijiet urġenti u sa fejn ma jkunx possibbli għalihom li jidentifikaw jew li jikkuntattjaw l-awtorità nazzjonali kompetenti tempestivament, ikunu intitolati:

    (a)

    li jawtorizzaw u jikkoordinaw kunsinni kkontrollati fl-Istat Membru tagħhom;

    (b)

    li jeżegwixxu, fir-rigward tal-Istat Membru tagħhom, talba għal, jew deċiżjoni dwar, koperazzjoni ġudizzjarja, inkluż rigward strumenti li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

    Hekk kif l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun identifikata jew ikkuntattjata, hija għandha tkun infurmata bl-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija f’dan l-Artikolu.

    Artikolu 9e

    Talbiet minn membri nazzjonali fejn ma jistgħux jiġu eżerċitati setgħat

    1.   Il-membru nazzjonali, fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità nazzjonali kompetenti, għandu tal-anqas ikun kompetenti biex jissottometti proposta lill-awtorità kompetenti għat-twettiq tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 9c u 9d meta l-konferiment ta’ tali setgħat lill-membru nazzjonali imur kontra:

    (a)

    regoli kostituzzjonali,

    jew

    (b)

    aspetti fundamentali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali:

    (i)

    dwar id-diviżjoni ta’ setgħat bejn il-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin;

    (ii)

    dwar id-diviżjoni funzjonali ta’ kompiti bejn l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni;

    jew

    (iii)

    relatati mal-istruttura federali tal-Istat Membru konċernat.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, it-talba emessa mill-membru nazzjonali tkun trattata mingħajr dewmien inutli mill-awtorità kompetenti nazzjonali.

    Artikolu 9f

    Parteċipazzjoni ta’ membri nazzjonali fi skwadri investigattivi konġunti

    Il-membri nazzjonali għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw fi skwadri investigattivi konġunti, inkluż fl-istabbiliment tagħhom, taħt l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar skwadri investigattivi konġunti (*) li tikkonċerna l-Istat Membru tagħhom stess. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-parteċipazzjoni tal-membru nazzjonali suġġetta għall-qbil tal-awtorità nazzjonali kompetenti. Il-membri nazzjonali, id-deputati tagħhom jew l-assistenti tagħhom, għandhom ikunu mistiedna jipparteċipaw fi kwalunkwe skwadra investigattiva konġunta li tinvolvi l-Istat Membru tagħhom u li għaliha jingħata finanzjament Komunitarju skont l-istrumenti finanzjarji applikabbli. Kull Stat Membru għandu jiddefinixxi jekk il-membru nazzjonali jipparteċipax fl-iskwadra investigattiva konġunta bħala awtorità nazzjonali kompetenti jew f’isem l-Eurojust.

    (*)  ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1.”;"

    (9)

    L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

    “2.   Il-Kunsill għandu, b’maġġoranza kwalifikata, japprova r-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust fuq proposta mill-Kulleġġ. Il-Kulleġġ għandu jadotta l-proposta tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi wara konsultazzjoni mal-Bord Konġunt ta’ Sorveljanza previst fl-Artikolu 23 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ data personali.”;

    (b)

    Fil-paragrafu 3, il-kliem “Meta jaġixxi skond l-Artikolu 7(a)” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “Meta jaġixxi taħt l-Artikolu 7(1)(a), (2) u (3)”;

    (10)

    L-Artikolu 12 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 12

    Sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust

    1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korrispondent nazzjonali wieħed jew aktar għall-Eurojust.

    2.   Kull Stat Membru għandu, qabel l-4 ta’ Ġunju 2011 jistabbilixxi sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust biex tkun żgurata l-koordinazzjoni tal-ħidma mwettqa minn:

    (a)

    il-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust;

    (b)

    il-korrispondent nazzjonali għall-Eurojust għal kwistjonijiet ta’ terroriżmu;

    (c)

    il-korrispondent nazzjonali għan-Network Ġudizzjarju Ewropew u sa tliet punti ta’ kuntatt oħra tan-Network Ġudizzjarju Ewropew;

    (d)

    membri nazzjonali jew punti ta’ kuntatt tan-Network għal Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta u n-Networks stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi network Ewropew ta’ punti ta’ kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra (**), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-koperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi ta’ l-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha (***) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/852/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar network ta’ punti ta’ kuntatt kontra l-korruzzjoni (****).

    3.   Il-persuni msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom iżommu l-pożizzjoni u l-istatus tagħhom skond il-liġi nazzjonali.

    4.   Il-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust għandhom ikunu responsabbli għall-funzjonament tas-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust. Meta jinħatru diversi korrispondenti għall-Eurojust, wieħed minnhom għandu jkun responsabbli għall-funzjonament tas-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust.

    5.   Is-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust għandha tiffaċilita, fl-Istat Membru, it-twettiq tal-kompiti tal-Eurojust, partikolarment billi:

    (a)

    tiżgura li s-Sistema tal-Ġestjoni ta’ Każijiet imsemmija fl-Artikolu 16 tirċievi data relatata mal-Istat Membru konċernat b’mod effiċjenti u affidabbli;

    (b)

    tassisti sabiex jiġi determinat jekk każ għandux jiġi ttrattat bl-assistenza tal-Eurojust jew tan-Network Ġudizzjarju Ewropew;

    (c)

    tassisti lill-membru nazzjonali fl-identifikazzjoni tal-awtoritajiet pertinenti għall-eżekuzzjoni tat-talbiet għal, u deċiżjonijiet dwar, kopkoperazzjoni ġudizzjarja, inkluż rigward strumenti li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku;

    (d)

    iżżomm relazzjonijiet mill-qrib mal-Unità Nazzjonali tal-Europol.

    6.   Sabiex jiksbu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 5, il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2(a), (b) u (c) għandhom, u l-persuni msemmija fil-paragrafu 2(d) jistgħu, ikunu konnessi mas-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet konformement ma’ dan l-Artikolu u mal-Artikoli 16, 16a, 16b u 18 kif ukoll mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust. Il-konnessjoni mas-Sistema ta’ Ġesjoni tal-Każijiet għandha titħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    7.   Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jinftiehem li jinċidi fuq il-kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti kif previst fi strumenti dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja, bħall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f’Affarijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Ir-relazzjonijiet bejn il-membru nazzjonali u l-korrispondenti nazzjonali m’għandhomx jipprekludu kuntatti diretti bejn il-membru nazzjonali u l-awtoritajiet kompetenti tiegħu.

    (**)  ĠU L 167, 26.6.2002, p. 1. (Verżjoni MT, Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 19, Volum 6, p. 23)."

    (***)  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103."

    (****)  ĠU L 301, 12.11.2008, p. 38.”"

    (11)

    L-Artikolu 13 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Skambju ta’ data mal-Istati Membri u bejn membri nazzjonali

    1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw mal-Eurojust kull data meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha konformement mal-Artikoli 4 u 5 kif ukoll konformement mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Din għandha tinkludi mill-inqas id-data msemmija fil-Paragrafi 5, 6 u 7.

    2.   It-trasmissjoni tad-data lill-Eurojust għandha tkun interpretata bħala talba għal assistenza tal-Eurojust fil-każ konċernat biss jekk ikun speċifikat hekk mill-awtorità kompetenti.

    3.   Il-membri nazzjonali tal-Eurojust għandhom ikunu awtorizzati li jiskambjaw kull data meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurojust, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, fosthom jew mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tagħhom. B’mod partikolari l-membri nazzjonali għandhom ikunu infurmati minnufih b’każ li jikkonċernahom.

    4.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal obbligi oħrajn rigward it-trasmissjoni ta’ data lill-Eurojust, inkluża d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta’ data u l-koperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi (*****).

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri nazzjonali jkunu informati dwar l-istabbiliment ta’ skwadra investigattiva konġunta, kemm jekk stabbilita taħt l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk taħt id-Deċiżjoni Qafas 2002/465/ĠAI, u dwar ir-riżultati tal-ħidma ta’ dawn l-iskwadri.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membru nazzjonali tagħhom ikun infurmat mingħajr dewmien inutli b’kull każ li fih ikunu involuti direttament mill-anqas tliet Stati Membri u li t-talbiet għalih jew id-deċiżjonijiet dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja inkluż rigward strumenti li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jkunu ntbagħtu lil mill-anqas żewġ Stati Membri u

    (a)

    ir-reat involut ikun punibbli fl-Istat Membru rikjedenti jew emittenti b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-anqas ħames jew sitt snin, li jrid jiġi deċiż mill-Istat Membru konċernat, u hu inkluż fil-lista li ġejja:

    (i)

    it-traffikar tal-bnedmin;

    (ii)

    sfruttament sesswali ta’ tfal u pornografjia bi tfal;

    (iii)

    traffikar ta’ droga;

    (iv)

    traffikar tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-munizzjon;

    (v)

    korruzzjoni;

    (vi)

    frodi li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej;

    (vii)

    falsifikazzjoni tal-euro;

    (viii)

    money laundering;

    (ix)

    attakki kontra sistemi informatiċi;

    jew

    (b)

    ikun hemm indikazzjonijiet fattwali li tkun involuta organizzazzjoni kriminali;

    jew

    (c)

    ikun hemm indikazzjonijiet li l-każ jista’ jkollu dimensjoni transkonfinali serja jew riperkussjonijiet fil-livell tal-Unjoni Ewropea jew jista’ jinċidi fuq Stati Membri oħrajn minbarra dawk direttament involuti.

    7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membru nazzjonali tagħhom jkun informat ukoll dwar:

    (a)

    każijiet fejn jitqajjem jew jaf jitqajjem konflitt ta’ ġurisdizzjoni;

    (b)

    kunsinni kkontrollati li jolqtu mill-anqas tliet Stati, li mill-anqas tnejn minnhom huma Stati Membri;

    (c)

    diffikultajiet jew ċaħdiet ripetuti rigward l-eżekuzzjoni tat-talbiet għal, u deċiżjonijiet dwar, koperazzjoni ġudizzjarja, inkluż rigward strumenti li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

    8.   L-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx ikunu obbligati f’każ partikolari li jagħtu xi data jekk dan ikun ifisser:

    (a)

    li ssir ħsara lill-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali; jew

    (b)

    li tiġi pperikolata s-sigurtà ta’ individwi.

    9.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’kull ftehim jew arranġament bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri u Stati terzi inkużi kwalunkwe kondizzjonijiet stabbiliti minn Stati terzi dwar l-użu ta’ data ladarba tkun ingħatat.

    10.   Id-data mibgħuta mill-Eurojust taħt il-paragrafi 4, 5 u 8 għandha mill-anqas tinkludi, fejn disponibbli, it-tipi ta’ data li tinsab fil-lista prevista fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    11.   L-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandha tinbagħat lill-Eurojust f’mod strutturat.

    12.   Sal-4 ta’ Ġunju 2014 (*****), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, abbażi tad-data mibgħuta mill-Eurojust, rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, akkumpanjat minn kwalunkwe proposta li hija tqis adegwata, inkluż bil-ħsieb li tiġi kkunsidrata emenda għall-paragrafi 5, 6 u 7 u l-Anness.

    (*****)  ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22.”;"

    (*****)  ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22.”;"

    (12)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 13a

    Informazzjoni provduta mill-Eurojust lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

    1.   L-Eurojust għandha tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’informazzjoni u reazzjoni dwar ir-riżultati tal-ipproċċessar tal-informazzjoni, inkluża l-eżistenza ta’ kollegamenti ma’ każijiet diġà maħżunin fis-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet.

    2.   Barra minn hekk, fejn awtorità nazzjonali kompetenti titlob lill-Eurojust biex tipprovdiha b’informazzjoni, l-Eurojust għandha tibgħatha fiż-żmien mitlub minn dik l-awtorità.”;

    (13)

    L-Artikolu 14 ġhandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 3, il-kliem “skond l-Artikoli 13 u 26” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “taħt l-Artikoli 13, 26 u 26a”;

    (b)

    il-paragrafu 4 għandu jitħassar;

    (14)

    L-Artikolu 15 ġhandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fil-frażi introduttiva, il-kliem “huma s-suġġett għal investigazzjoni kriminali jew prosekuzzjoni għal waħda jew iktar forom ta’ kriminalità jew ir-reati definiti fl-Artikolu 4” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “huma suspettati li wettqu jew ħadu sehem f’reat kriminali li fir-rigward tiegħu l-Eurojust hija kompetenti jew li ġew ikkundannati b’tali reat.”

    (b)

    għandhom jiżdiedu il-punti li ġejjin:

    “(l)

    numri tat-telefon, indirizzi ta’ posta elettronika, data msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika (******);

    (m)

    data ta’ reġistrazzjoni tal-vettura;

    (n)

    profili tad-DNA stabbiliti mill-parti non kodifikanti tad-DNA, ritratti u marki tas-swaba’.

    (******)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54.”"

    (15)

    L-Artikolu 16 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 16

    Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet, indiċi u fajls ta’ ħidma temporanji

    1.   Konformement ma’ din id-Deċiżjoni, l-Eurojust għandha tistabbilixxi Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet magħmula minn fajls ta’ ħidma temporanji u ta’ indiċi li fih data personali u mhux personali.

    2.   Is-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet għandha tkun maħsuba biex:

    (a)

    tappoġġja l-amministrazzjoni u l-kordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li għalihom tkun qiegħda tipprovdi assistenza l-Eurojust, b’mod partikolari bil-cross-referencing ta’ informazzjoni;

    (b)

    tiffaċilita l-aċċess għal informazzjoni fuq investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li għadhom għaddejjin;

    (c)

    tiffaċilita l-osservazzjoni tal-leġittimità u konformità mad-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni dwar l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali.

    3.   Is-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet, sa fejn din tkun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data li tinsab f’din id-Deċiżjoni, tista’ tiġi konnessa mal-konnessjoni ta’ telekomunikazzjonijiet siguri msemmija fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar in-Network Ġudizzjarju Ewropew (*******).

    4.   L-indiċi għandu jkun fih referenzi għal fajls ta’ ħidma temporanji pproċessati fil-qafas tal-Eurojust u ma jista’ jkun fih l-ebda data personali minbarra dik imsemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (i), (k) u (m) u fl-Artikolu 15(2).

    5.   Fil-qadi ta’ dmirijiethom konformement ma’ din id-Deċiżjoni, il-membri nazzjonali tal-Eurojust jistgħu jipproċessaw informazzjoni dwar każijiet individwali li qed jaħdmu fuqhom f’fajl temporanju ta’ xogħol. Huma għandhom jippermettu lill-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data jkollu aċċess għall-fajl ta’ ħidma. L-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun mgħarraf mill-membru nazzjonali konċernat bil-ftuħ ta’ kull fajl ta’ ħidma temporanju ġdid li jkun fih data personali.

    6.   Għall-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ każ, l-Eurojust ma tista’ tistabbilixxi l-ebda fajl ta’ data awtomatizzat ħlief is-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet.

    (*******)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 130.”;"

    (16)

    Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 16a

    Funzjonament ta’ fajls ta’ ħidma temporanji u l-indiċi

    1.   Għandu jinfetaħ fajl ta’ ħidma temporanju mill-membru nazzjonali konċernat għal kull każ li fir-rigward tiegħu tintbagħatlu informazzjoni sa fejn din it-trasmissjoni tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni jew mal-istrumenti msemmijin fl-Artikolu 13(3). Il-membru nazzjonali għandu jkun responsabbli mill-ġestjoni tal-fajls ta’ ħidma temporanji li jkun fetaħ.

    2.   Il-membru nazzjonali li jkun fetaħ fajl ta’ ħidma temporanju għandu jiddeċiedi, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk iżommx il-fajl ta’ ħidma temporanju ristrett jew jagħtix aċċess għalih jew għal partijiet minnu, fejn meħtieġ biex jippermetti lill-Eurojust twettaq il-kompiti tagħha, lil membri nazzjonali oħra jew lil membri tal-persunal awtorizzat tal-Eurojust.

    3.   Il-membru nazzjonali li jkun fetaħ fajl ta’ ħidma temporanju għandu jiddeċiedi wkoll liema informazzjoni relatata ma’ dan il-fajl ta’ ħidma temporanju għandha tiġi introdotta fl-indiċi.

    Artikolu 16b

    Aċċess għas-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet fil-livell nazzjonali

    1.   Persuni msemmija fl-Artikolu 12(2) sakemm huma konnessi mas-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet taħt l-Artikolu 12(6) jista’ jkollhom biss aċċess għal:

    (a)

    l-indiċi, sakemm il-membru nazzjonali li ddeċieda li jintroduċi d-data fl-indiċi, espressament irrifjuta tali aċċess;

    (b)

    fajls ta’ ħidma temporanji miftuħa jew ġestiti mill-membru nazzjonali tal-Istat Membru tagħhom;

    (c)

    fajls ta’ ħidma temporanji miftuħa jew ġestiti minn membri nazzjonali ta’ Stati Membri oħra u li għalihom il-membru nazzjonali tal-Istati Membri tagħhom irċieva aċċess għalihom, sakemm il-membru nazzjonali li fetaħ jew li jġestixxi l-fajl ta’ ħidma temporanju ma ċaħadx tali aċċess espressament.

    2.   Il-membru nazzjonali għandu, fil-limitazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, jiddeċiedi dwar kemm jingħata aċċess għall-fajls ta’ ħidma temporanji fl-Istat Membru tiegħu lill-persuni msemmija fl-Artikolu 12(2) safejn dawn huma konnessi mas-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet taħt l-Artikolu 12(6).

    3.   Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-membru nazzjonali tiegħu, dwar kemm jingħata aċċess għall-Indiċi fl-Istat Membru tiegħu lill-persuni msemmija fl-Artikolu 12(2) safejn dawn huma konnessi mas-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet taħt l-Artikolu 12(6). L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Eurojust u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bid-deċiżjoni tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra.

    Madankollu, il-persuni msemmija fl-Artikolu 12(2) safejn huma konnessi mas-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet taħt l-Artikolu 12(6) għandhom tal-inqas ikollhom aċċess għall-Indiċi sa fejn ikun meħtieġ biex jaċċessaw il-fajls ta’ ħidma temporanji li jkun ngħataw aċċess għalihom taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    4.   Sal-4 ta’ Ġunju 2013, l-Eurojust għandha tirrapporta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 3. Kull Stat Membru għandu jikkunsidra, abbażi ta’ dak ir-rapport, l-opportunità tar-reviżjoni ta’ kemm ikun ingħata aċċess taħt il-paragrafu 3.”;

    (17)

    L-Artikolu 17 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-punt 1, il-kliem “m’għandu jieħu istruzzjonijiet mingħand ħadd” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “ għandu jaġixxi b’mod indipendenti”;

    (b)

    fil-paragrafi 3 u 4, il-kliem “l-Uffiċjal” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data”.

    (18)

    L-Artikolu 18 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 18

    Aċċess awtorizzat għal informazzjoni personali

    Huma biss il-membri nazzjonali, id-deputati tagħhom u l-assistenti tagħhom imsemmija fl-Artikolu 2(1a), persuni msemmija fl-Artikolu 12(2) safejn huma konnessi mas-Sistema ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet taħt l-Artikolu 12(6) u persunal awtorizzat tal-Eurojust li jistgħu, għall-finijiet li jinkisbu l-għanijiet tal-Eurojust u fil-limiti previsti fl-Artikoli 16, 16a u 16b, ikollhom aċċess għad-data personali pproċessata mill-Eurojust.”;

    (19)

    Fl-Artikolu 19(4)(b), għandu jitħassar il-kliem “li qed tassisti l-Eurojust”;

    (20)

    L-Artikolu 21 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)

    fil-frażi introduttiva l-kliem “l-ewwel applikabbli fost id-dati li ġejjin” għandhom jiddaħħlu wara l-kelma “wara”;

    (ii)

    għandu jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(aa)

    id-data meta l-persuna nħelset mill-akkużi u d-deċiżjoni saret finali;”

    (iii)

    il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    tliet snin wara d-data li fiha d-deċiżjoni ġudizzjarja tal-aħħar Stat Membru konċernat mill-investigazzjoni jew mill-prosekuzzjonijiet saret finali;”

    (iv)

    fil-punt (c) il-kliem “, sakemm ma jkunx hemm obbligu li l-Eurojust tingħata din l-informazzjoni konformement mal-Artikolu 13(6) u (7) jew mal-istrumenti msemmijin fl-Artikolu 13(4)” għandhom jiżdiedu wara l-kelma “prosekuzzjonijiet”;

    (v)

    għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “(d)

    tliet snin wara d-data meta ntbagħtet l-informazzjoni konformement mal-Artikolu 13(6) u (7) jew mal-istrumenti msemmijin fl-Artikolu 13(4).”

    (b)

    il-paragrafu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)

    fil-punti (a) u (b) il-kliem “fil-paragrafu 2” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “fil-paragrafu 2(a), (b), (c) u (d)”;

    (ii)

    fil-punt (b), għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Madankollu, ladarba l-prosekuzzjoni tkun prekluża mil-limitazzjonijiet tal-preskrizzjoni fl-Istati Membri kollha konċernati kif imsemmi fil-paragrafu 2(a), id-data tista’ tinħażen biss jekk meħtieġ sabiex tippermetti lill-Eurojust tipprovdi assistenza konformement ma’ din id-Deċiżjoni.”;

    (21)

    L-Artikolu 23 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)

    fl-ewwel subparagrafu, il-kliem “fl-Artikoli 14 u 22” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “fl-Artikolu 14 sa 22, 26, 26a u 27”;

    (ii)

    it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza għandu jiltaqa’ mill-inqas darba f’kull sitt xhur. Huwa għandu jiltaqa’ wkoll fi żmien it-tliet xhur wara l-preżentazzjoni ta’ appell kif imsemmi fl-Artikolu 19(8) jew fi żmien tliet xhur wara d-data meta każ ikun ġie riferut lilu taħt l-Artikolu 20(2). Il-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza jista’ wkoll jitlaqqa’ mill-president tiegħu meta tal-inqas żewġ Stati Membri jitolbu dan.”

    (iii)

    fit-tielet subparagrafu, it-tieni sentenza, il-kliem “tmintax-il xahar” għandhom jiġu sostitwiti bi “tliet snin”;

    (b)

    il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Imħallef maħtur minn Stat Membru għandu jsir membru permanenti wara li jiġi elett mil-laqgħa plenarja tal-persuni maħturin mill-Istati Membri skond il-paragrafu 1, u għandu jibqa’ membru permanenti għal tliet snin. L-elezzjonijiet għandhom isiru kull sena għal membru permanenti wieħed tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza permezz ta’ vot sigriet. Il-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza għandu jkun ippresedut mill-membru li hu/hi fit-tielet sena tal-mandat tiegħu/tagħha wara l-elezzjonijiet. Il-membri permanenti jistgħu jerġgħu jiġu eletti. Persuni maħturin li jixtiequ jiġu eletti għandhom jippreżentaw il-kandidatura tagħhom bil-miktub lis-Segretarjat tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza għaxart ijiem qabel il-laqgħa li fiha l-elezzjoni għandha ssir.”;

    (c)

    għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “4a.   Il-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza għandu jadotta fir-regoli ta’ proċedura tiegħu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 3 u 4.”

    (d)

    Fil-punt 10, tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Is-Segretarjat tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza jista’ jirrikorri għall-konoxxenza esperta tas-segretarjat stabbilit bid-Deċiżjoni 2000/641/ĠAI (********).

    (********)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/641/ĠAI tas-17 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi segretarjat għall-korpi superviżorji konġunti għall-protezzjoni tad-data stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar l-Istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni Europol), il-Konvenzjoni dwar l-Użu tat-Teknoloġija Informatika għal Finijiet Doganali u l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehin ta’ Schengen dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni (Konvenzjoni Schengen) (ĠU L 271, 24.10.2000, p. 1).”;"

    (22)

    L-Artikolu 25 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-membri nazzjonali, id-deputati tagħhom u l-assistenti tagħhom imsemmija fl-Artikolu 2(2a), il-persunal tal-Eurojust, il-korrispondenti nazzjonali u l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-data huma marbuta b’obbligu ta’ kunfidenzjalità, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(4).”;

    (b)

    fil-paragrafu 4, il-kliem “fl-Artikolu 9(1)” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “fl-Artikolu 2(4)”.

    (23)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 25a

    Koperazzjoni man-Network Ġudizzjarju Ewropew u networks oħra tal-Unjoni Ewropea involuti fil-koperazzjoni f’materji kriminali

    1.   L-Eurojust u n-Network Ġudizzjarju Ewropew għandhom iżommu relazzjonijiet privileġġati ma’ xulxin, ibbażati fuq konsultazzjoni u komplementarjetà, speċjalment bejn il-membru nazzjonali, il-punti ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew tal-istess Stat Membru u l-korrispondenti għall-Europol u n-Network Ġudizzjarju Ewropew. Sabiex tiġi żgurata koperazzjoni effiċjenti, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

    (a)

    il-membri nazzjonali għandhom, fuq bażi ta’ każ b’każ, jinfurmaw lill-punti ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew dwar il-każijiet kollha fejn huma jqisu li n-Network jinsab f’pożizzjoni aħjar biex jittrattahom;

    (b)

    is-segretarjat tan-Network Ġudizzjarju Ewropew għandu jifforma parti mill-persunal tal-Eurojust. Huwa għandu jiffunzjona bħala unità separata. Huwa jista’ juża r-riżorsi amministrattivi tal-Eurojust li huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tan-Network Ġudizzjarju Ewropew, inkluż biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-laqgħat plenarji tan-Network. Fejn il-laqgħat plenarji jsiru fil-bini tal-Kunsill fi Brussell, l-ispejjeż jistgħu jkopru biss l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż għall-interpretazzjoni. Meta l-laqgħat plenarji jsiru fl-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, l-ispejjeż jistgħu jkopru biss parti mill-ispejjeż globali tal-laqgħa;

    (c)

    Il-punti ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarja Ewropew jistgħu jiġu mistiedna fuq każ b’każ biex jattendu l-laqgħat tal-Eurojust.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(1), is-Segretarjat tan-Network għal Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta u tan-Networks stabbiliti bid-Deċiżjoni 2002/494/ĠAI għandhom jifformaw parti mill-persunal tal-Eurojust. Dawn is-segretarjati għandhom jiffunzjonaw bħala unitajiet separati. Huma jistgħu jużaw ir-riżorsi amministrattivi tal-Eurojust li huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Il-koordinazzjoni bejn is-segretarjati għandha tkun żgurata mill-Eurojust.

    Dan il-paragrafu għandu japplika għas-segretarjat ta’ kwalunkwe network ġdid stabbilit b’deċiżjoni tal-Kunsill fejn dik id-deċiżjoni tipprevedi li s-segretarjat għandu jiġi provdut mill-Eurojust.

    3.   In-network stabbilit bid-Deċiżjoni 2008/852/ĠAI jista’ jitlob li l-Eurojust tipprovdi segretarjat għan-Network. Jekk issir tali talba, għandu japplika l-paragrafu 2.”;

    (24)

    L-Artikolu 26 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 26

    Relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet, korpi u aġenziji Komunitarji jew relatati mal-Unjoni

    1.   Sa fejn ikun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-Europol jista’ jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet koperattivi mal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji stabbiliti minn, jew abbażi tat-Trattatti li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej jew it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Eurojust għandha tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet koperattivi ma’ għall-anqas:

    (a)

    l-Europol;

    (b)

    l-OLAF;

    (c)

    l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex);

    (d)

    il-Kunsill, b’mod partikolari ċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni Konġunt tiegħu.

    L-Eurojust għandha wkoll tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet koperattivi man-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju.

    2.   L-Eurojust tista’ tikkonkludi strumenti ta’ ftehim jew arranġamenti ta’ ħidma mal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1. Tali ftehim jew arranġament ta’ ħidma jista’, b’mod partikolari, jikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluża data personali, u l-issekondar ta’ uffiċjali ta’ kollegament mal-Eurojust. Tali ftehim jew arranġament ta’ ħidma jista’ jiġi konkluż biss wara konsultazzjoni mill-Eurojust tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data wara l-approvazzjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata. L-Eurojust għandha tinforma lill-Kunsill b’kull pjan li jkollha li tidħol fi kwalunkwe negozjazzjoni bħal din u l-Kunsill jista’ jasal għal kwalunkwe konklużjoni li jikkunsidra xierqa.

    3.   Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ xi ftehim jew arranġament kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-Eurojust tista’ tirċievi direttament u tuża informazzjoni, inkluża data personali, mill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, sa fejn dan ikun meħtieġ għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tagħha, u tista’ tibgħat informazzjoni direttament, inkluża data personali, lil tali entitajiet, sa fejn dan ikun meħtieġ għat-twettiq leġittimu tal-kompiti ta’ min jirċiviha u konformement mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data previsti f’din id-Deċiżjoni.

    4.   L-OLAF jista’ jikkontribwixxi għall-ħidma tal-Eurojust għall-finijiet tal-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet u proċeduri ta’ prosekuzzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, jew fuq l-inizjattiva tal-Eurojust jew fuq talba tal-OLAF fejn l-awtoritajiet komptenti nazzjonali konċernati ma jopponux tali parteċipazzjoni.

    5.   Għall-finijiet tar-riċezzjoni u t-trasmissjoni ta’ data bejn l-Eurojust u l-OLAF, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri nazzjonali tal-Eurojust għandhom jitqiesu bħala awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biss għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru. 1073/1999 u tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (*********). L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-OLAF u l-membri nazzjonali għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni li għandha tingħata lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra skond dawn ir-regolamenti.

    (*********)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 8.”"

    (25)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 26a

    Relazzjonijiet ma’ Stati terzi u organizzazzjonijiet

    1.   Sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-Europol jista’ wkoll jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet koperattivi mal-entitajiet li ġejjin:

    (a)

    Stati terzi;

    (b)

    organizzazzjonijiet bħal:

    (i)

    organizzazzjonijiet internazzjonali u l-kopri subordinati tagħhom irregolati bil-liġi pubblika;

    (ii)

    korpi oħrajn irregolati bil-liġi pubblika li huma bbażati fuq ftehim bejn żewġ Stati jew aktar; kif ukoll

    (iii)

    l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol).

    2.   L-Eurojust tista’ tikkonkludi strumenti ta’ ftehim mal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1. Kull ftehim bħal dan jista’, b’mod partikolari, jikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluża data personali, u l-issekondar ta’ uffiċjali ta’ kollegament jew maġistrati ta’ kollegament mal-Eurojust. Kull ftehim bħal dan jista’ jiġi konkluż biss wara l-approvazzjoni mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’ maġġoranza kwalifikata, wara konsultazzjoni mill-Eurojust mal-Korp Superviżorju Konġunt dwar id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data. L-Eurojust għandha tinforma lill-Kunsill b’kull pjan li jkollha li tidħol fi kwalunkwe negozjazzjoni bħal din u l-Kunsill jista’ jasal għal kwalunkwe konklużjoni li jikkunsidra xierqa.

    3.   Kwalunkwe ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 li jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ data personali jista’ jiġi konkluż biss jekk l-entità konċernata tkun suġġetta għall-Konvenzjoni tat-28 ta’ Jannar 1981 tal-Kunsill tal-Ewropa jew wara valutazzjoni li tikkonferma l-eżistenza ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data żgurat minn dik l-entità.

    4.   Kwalunkwe ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tiegħu, inkluża l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

    5.   Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe ftehim imsemmi fil-paragrafu 2, l-Eurojust tista’ tirċievi data direttament, inkluża data personali u data klassifikata, sa fejn din tkun meħtieġa għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tagħha.

    6.   Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe ftehim imsemmi fil-paragrafu 2, l-Eurojust tista’ taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(1), tittrasmetti data direttament, ħlief data personali, lil dawn l-entitajiet, sa fejn dan ikun meħtieġ għat-twettiq leġittimu tal-kompitu tar-riċevent.

    7.   L-Eurojust tista’ taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(1), tittrasmetti data personali lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, fejn:

    (a)

    dan ikun meħtieġ f’każijiet individwali għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ jew il-ġlieda kontra reati kriminali li għalihom hija kompetenti l-Eurojust, u

    (b)

    l-Eurojust tkun ikkonkludiet ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 2 mal-entità konċernata, li jkun daħal fis-seħħ u li jippermetti t-trasmissjoni ta’ tali data.

    8.   Kwalunkwe nuqqas sussegwenti jew probabbiltà sostanzjali ta’ nuqqas, min-naħa tal-Istati terzi jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 biex jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, għandhom jiġu komunikati immedjatament mill-Eurojust lill-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza u l-Istati Membri konċernati. Il-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza jista’ ma jawtorizzax aktar skambju ta’ informazzjoni personali ma’ l-entitajiet rilevanti sakemm hu sodisfatt li remedji adegwati ġew provduti.

    9.   Madankollu, anke jekk il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 ma jiġux sodisfatti, membru nazzjonali jista’, filwaqt li jaġixxi fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità nazzjonali kompetenti u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tiegħu, fuq bażi ta’ eċċezzjoni u bl-għan waħdieni li jittieħdu miżuri urġenti biex jopponi periklu serju imminenti li jhedded persuna jew sigurtà pubblika, iwettaq skambju ta’ informazzjoni li jinvolvi data personali. Il-membru nazzjonali għandu jkun responsabbli għal-legalità tal-awtorizzazzjoni tal-komunikazzjoni. Il-membru nazzjonali għandu jżomm reġistru tal-komunikazzjonijiet ta’ data u r-raġunijiet għal dawn il-komunikazzjonijiet. Il-komunikazzjoni ta’ data għandha tkun awtorizzata biss jekk min jirċeviha jerfa’ r-responsabbiltà li d-data ser tintuża biss għall-fini li għalih ġiet trasmessa.”

    (26)

    L-Artikolu 27 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 27

    Trasmissjoni ta’ data

    1.   Qabel ma’ l-Eurojust tiskambja kwalunkwe informazzjoni mal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 26a, il-membru nazzjonali tal-Istat Membru li ppreżenta l-informazzjoni għandu jagħti l-konsensus tiegħu għat-trasferiment ta’ dik l-informazzjoni. F’każi adatti l-membru nazzjonali għandu jikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

    2.   L-Eurojust għandha tkun responsabbli għal-legalità tat-trasmissjoni tad-data. L-Eurojust għandha tirreġistra t-trasmissjonijiet kollha ta’ data taħt l-Artikoli 26 u 26a u tar-raġunijiet għal tali trasmissjonijiet. Għandha tintbgħat data biss jekk min jirċeviha jintrabat li d-data tintuża biss għall-fini li għalih intbagħtet.”;

    (27)

    Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 27a

    Maġistrati ta’ kollegament mibgħuta fi Stati terzi

    1.   Għall-finijiet li tkun iffaċilitata l-koperazzjoni ġudizzjarja ma’ Stati terzi f’każijiet fejn l-Eurojust tkun qed tipprovdi assistenza konformement ma’ din id-Deċiżjoni, il-Kulleġġ jista’ jassenja maġistrati ta’ kollegament lil Stat terz, suġġett għal ftehim kif imsemmi fl-Artikolu 26a ma’ dak l-Istat terz. Qabel id-dħul f’negozjati ma’ Stat terz, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu. L-Eurojust għandha tinforma lill-Kunsill b’kull pjan li jkollha li tidħol fi kwalunkwe negozjazzjoni bħal din u l-Kunsill jista’ jasal għal kwalunkwe konklużjoni li jikkunsidra xierqa.

    2.   Il-maġistrat ta’ kollegament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu esperjenza ta’ ħidma mal-Eurojust u konoxxenza adegwata tal-koperazzjoni ġudizzjarja u ta’ kif taħdem l-Eurojust. L-assenjazzjoni ta’ maġistrat ta’ kollegament f’isem l-Eurojust għandha tkun suġġetta għall-kunsens minn qabel tal-maġistrat u tal-Istat Membru tiegħu.

    3.   Jekk il-maġistrat ta’ kollegament assenjat mill-Eurojust jingħażel minn fost membri, deputati jew assistenti nazzjonali:

    (i)

    għandu jiġi sostitwit fil-funzjoni tiegħu bħala membru, deputat jew assistent nazzjonali, mill-Istat Membru;

    (ii)

    ma jibqax intitolat li jeżerċita s-setgħat mogħtijin lilu taħt l-Artikoli 9a sa 9e.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali Tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti mir-Regolament (KEE), Euratom, KEFA) Nru 259/68 (**********), il-Kulleġġ tal-Eurojust għandu jfassal ir-regoli dwar l-assenjazzjoni tal-maġistrati ta’ kollegament u jadotta l-arranġamenti implimentattivi neċessarji meħtieġa f’dan ir-rigward f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

    5.   L-attivitajiet tal-maġistrati ta’ kollegament assenjati mill-Eurojust għandhom ikunu suġġetti għal sorveljanza mill-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza. Il-maġistrati ta’ kollegament għandhom jirrapportaw lill-Kulleġġ tal-Eurojust li għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rapport annwali, u f’manjiera adatta, dwar l-attivitajiet tagħhom. Il-maġistrati ta’ kollegament għandhom jinformaw lill-membri nazzjonali u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-każijiet kollha rigward l-Istat Membru tagħhom.

    6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u l-maġistrati ta’ kollegament imsemmijin fil-paragrafu 1, jistgħu jikkuntattjaw lil xulxin direttament. F’tali każijiet, il-maġistrat ta’ kollegament għandu jinforma lill-membru nazzjonali konċernat dwar kuntatti bħal dawn.

    7.   Il-maġistrati ta’ kollegament imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu konnessi mas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet.

    Artikolu 27b

    Talbiet għal koperazzjoni ġudizzjarja magħmula lil u minn Stati terzi

    1.   L-Eurojust tista’, bi qbil mal-Istati Membri konċernati, tikkoordina l-eżekuzzjoni ta’ talbiet għal koperazzjoni ġudizzjarja emessi minn Stat terz fejn dawn it-talbiet ikunu parti mill-istess investigazzjoni u jeħtieġu eżekuzzjoni f’minn tal-anqas żewġ Stati Membri. It-talbiet imsemmija f’dan il-paragrafu jistgħu wkoll jiġu trasmessi lill-Eurojust minn awtorità nazzjonali kompetenti.

    2.   F’każ ta’ urġenza u konformement mal-Artikolu 5a, l-OCC tista’ tirċievi u tipproċessa talbiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u maħruga minn Stat terz li kkonkluda ftehim ta’ koperazzjoni mal-Eurojust.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(2), fejn talbiet għal koperazzjoni ġudizzjarja li jikkonċernaw l-istess investigazzjoni u jeħtieġu eżekuzzjoni fi Stat terz, l-Eurojust tista’ wkoll, bi qbil mal-Istati Membri konċernati, tiffaċilita l-koperazzjoni ġudizzjarja ma’ dak l-Istat terz.

    4.   Talbiet imsemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3 jistgħu jintbagħtu permezz tal-Eurojust jekk ikunu konformi mal-istrumenti applikabbli għar-relazzjoni bejn dak l-Istat terz u l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri konċernati.

    Artikolu 27c

    Responsabbiltà diversa mir-responsabbiltà għall-ipproċessar mhux awtorizzata jew skorrett ta’ informazzjoni

    1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Eurjust għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni.

    2.   Fil-każ tar-responsabbiltà non-kuntrattwali, l-Eurojust għandha, indipendentement minn kwalunkwe responsabbiltà taħt l-Artikolu 24, tkun obbligata tħallas kwalunkwe dannu kkawżata ħtija tal-Kulleġġ jew il-persunal tal-Eurojust fit-twettiq tad-doveri tagħhom, sa fejn hu jista’ jkun imputat lilhom u indipendentement mill-proċeduri differenti għat-talba tad-danni li jeżistu taħt il-liġi tal-Istati Membri.

    3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika wkoll għal danni kkawżati minħabba nuqqas min-naħa ta’ membru, deputat jew assistent nazzjonali fit-twettiq ta’ dmirijietu jew dmirijietha. Madankollu, meta dan tal-aħħar ikun qed jaġixxi abbażi tas-setgħat konferiti lilu taħt l-Artikoli 9a sa 9e, l-Istat Membru tal-oriġini tiegħu għandu jirrimborża lill-Eurojust is-somom li l-Eurojust tkun ħallset b’riparazzjoni għal tali dannu.

    4.   Il-parti milquta għandha jkollha d-dritt li titlob li l-Eurojust ma’ tieħu l-ebda azzjoni, jew li twaqqafha.

    5.   Il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri kompetenti li jittrattaw disputi li jinvolvu r-responsabbiltà tal-Eurojust kif imsemmi f’dan l-Artikolu għandhom jiġu determinati b’referenza għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (***********).

    (**********)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1."

    (***********)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.”;"

    (28)

    Fit-tieni sentenza tal-Artikolu 28(2), il-kliem “b’maġġoranza kwalifikata” għandhom jiddaħħlu wara “il-Kunsill”;

    (29)

    L-Artikolu 29 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1:

    (i)

    il-kliem “unanimament” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “b’maġġoranza ta’ tliet-kwarti”;

    (ii)

    għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata tipparteċipa fil-proċess ta’ għażla u tieħu sehem fil-bord tal-għażla”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, it-tieni sentenza għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

    “Għandu jkun jista’ jiġi estiż mingħajr il-ħtieġa ta’ sejħa għal applikazzjonijiet, dment li l-Kulleġġ jiddeċiedi hekk b’maġġoranza ta’ tliet-kwarti u jaħtar id-Direttur Amministrattiv bl-istess maġġoranza”;

    (c)

    fil-paragrafu 5, tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Għal dak l-għan, huwa għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni, f’koperazzjoni mal-Kulleġġ, ta’ proċedura effikaċi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni tal-Eurojust f’termini tal-ksib tal-għanijiet tagħha. Id-Direttur Amministrattiv għandu jirrapporta lill-Kulleġġ regolarment dwar ir-riżultati ta’ dak il-monitoraġġ.”;

    (30)

    L-Artikolu 30 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2:

    (i)

    il-kliem “li jistgħu jassistu wkoll lill-membru nazzjonali” għandhom jiżdiedu fir-raba’ sentenza;

    (ii)

    l-aħħar sentenza tiġi sostitwita b’dan li ġej:

    “Il-Kulleġġ għandu jadotta l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-esperti nazzjonali ssekondati.”

    (b)

    Fil-paragrafu 3, għandhom jiżdiedu l-kliem “mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25a(1)(c) u 25a(2)”;

    (31)

    L-Artikolu 32 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu jiġi sostitwit b’dan li ġej

    “Informazzjoni għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill u għall-Kummissjoni”;

    (b)

    il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

    “3.   Il-Kummissjoni jew il-Kunsill jistgħu jfittxu l-opinjoni tal-Eurojust dwar l-abbozz tal-istrumenti kollha mħejjija taħt it-Titolu VI tat-Trattat.”

    (32)

    L-Artikolu 33 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Is-salarji u l-emolumenti tal-membri, id-deputati u l-assistenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jinġarru mill-Istat Membru ta’ oriġini.

    2.   Meta membri, deputati u assistenti nazzjonali jaġixxu fil-qafas tal-funzjonijiet tal-Eurojust, l-ispiża rilevanti marbuta ma’ dawn l-attivitajiet għandha titqies bħala spiża operattiva fis-sens tal-Artikolu 41(3) tat-Trattat.”

    (33)

    L-Artikolu 35(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-kliem “31 ta’ Marzu” għandhom jiġu sostitwiti bi “10 ta’ Frar”;

    (b)

    is-sentenza li ġejja għandha tiżdied:

    “In-Network Ġudizzjarju Ewropew u n-networks imsemmijin fl-Artikolu 25a(2) għandhom jiġu infurmati dwar il-partijiet relatati mal-attivitajiet tas-segretarjati tagħhom fi żmien dovut qabel ma jintbagħtu l-estimi lill-Kummissjoni.”;

    (34)

    L-Artikolu 36 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza għandha tiġi sostitwita b’din li ġejja:

    “2.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Europol għandu jikkomunika l-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri flimkien ma’ rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja.”;

    (b)

    il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-Eurojust għandha tibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena finanzjarja lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.”;

    (c)

    fil-paragrafu 10, il-kliem “30 ta’ April” għandhom jiġu sostitwiti bi “15 ta’ Mejju”;

    (35)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 39a

    Informazzjoni klassifikata tal-UE

    L-Eurojust għandha tapplika l-prinċipji ta’ sigurtà u standards minimi stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (************) fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

    (************)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.”;"

    (36)

    L-Artikolu 41 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 41

    Rappurtar

    1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Eurojust u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bi kwalunkwe ħatra ta’ membri nazzjonali, assistenti kif ukoll persuni msemmija fl-Artikolu 12(1) u (2) u bi kwalunkwe bidla għal din il-ħatra. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jżomm lista aġġornata ta’ dawn il-persuni u għandu jagħmel l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom disponibbli lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni.

    2.   Il-ħatra definittiva ta’ membru nazzjonali ma tistax tidħol fis-seħħ qabel il-jum li fih is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jirċievi n-notifiki uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 9a(3).”;

    (37)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 41a

    Evalwazzjoni

    1.   Qabel l-4 ta’ Ġunju 2014 u kull ħames snin wara, il-Kulleġġ għandu jikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċizjoni kif ukoll tal-attivitajiet imwettqa mill-Eurojust.

    2.   Kull evalwazzjoni għandha tagħti stima tal-impatt ta’ din id-Deċiżjoni, tivvaluta l-prestazzjoni tal-Eurojust f’termini ta’ ksib tal-għanijiet imsemmijin f’din id-Deċiżjoni kif ukoll l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Eurojust. Il-Kulleġġ għandu jistipula termini ta’ referenza speċifiċi b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

    3.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jinkludi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u għandu jsir disponibbli għall-pubbliku.”;

    (38)

    Għandu jiżdied l-Anness li t-test tiegħu jidher fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Traspożizzjoni

    1.   Jekk meħtieġ l-Istati Membri għandhom iġibu l-liġi nazzjonali tagħhom konformement ma’ din id-Deċiżjoni mal-ewwel opportunità u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-4 ta’ Ġunju 2011.

    2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina f’intervalli regolari l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI kif emendata u għandha tippreżenta rapport dwarha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma’, jekk ikun il-każ, il-proposti meħtieġa sabiex jitjiebu l-koperazzjoni ġudizzjarja u l-funzjonament tal-Eurojust. Dan għandu japplika b’mod partikolari għall-kapaċitajiet tal-Eurojust biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

    Artikolu 3

    Effett

    Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. BACHELOT-NARQUIN


    (1)  Opinjoni mogħtija fit-2 ta’ Settembru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

    (3)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

    (4)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

    (5)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

    (6)  ĠU L 105, 27.4.1996, p. 1. (Verżjoni MT, Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 19, Volum 1, p. 31).

    (7)  Fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-kompetenza tal-Europol tkun kif previst fl-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni tal-Europol) (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 2), kif emendata mill-Protokoll tal-2003 (ĠU C 2, 6.1.2004, p. 1), u fl-Anness miegħu. Madankollu, ladarba tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), il-kompetenza tal-Eurojust tkun kif previst fl-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Deċiżjoni u fl-Anness magħha.


    ANNESS

    “ANNESS

    Lista msemmija fl-Artikolu 13(10) li tistabbilixxi l-minimu tat-tipi ta’ informazzjoni li għandha tintbagħat, fejn disponibbli, lill-Eurojust taħt l-Artikolu 13(5), (6) u (7)

    1.

    Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(5):

    (a)

    l-Istati Membri parteċipanti,

    (b)

    it-tipi ta’ reati konċernati,

    (c)

    id-data tal-jum tal-ftehim li jistabbilixxi l-iskwadra,

    (d)

    it-tul ta’ żmien tal-iskwadra, inkluża l-modifika ta’ dan it-tul ta’ żmien,

    (e)

    id-dettalji tal-mexxej tal-iskwadra għal kull Stat Membru parteċipant.

    (f)

    sommarju qasir tar-riżultati tal-iskwadri investigattivi konġunti.

    2.

    Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(6):

    (a)

    id-data li tidentifika l-persuna, il-grupp jew l-entità li hi s-suġġett ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali;

    (b)

    l-Istati Membri konċernati,

    (c)

    ir-reat konċernat u ċ-ċirkostanzi tiegħu,

    (d)

    data relatata mat-talbiet għal, jew deċiżjonijiet dwar, koperazzjoni ġudizzjarja, ukoll rigward strumenti li jimplimentaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jiġu emessi, inklużi;

    (i)

    il-jum tat-talba,

    (ii)

    l-awtorità rikjedenti jew emittenti,

    (iii)

    l-awtorità rikjesta jew eżekutriċi,

    (iv)

    it-tip ta’ talba (miżuri mitluba),

    (v)

    jekk it-talba tkunx ġiet eżegwita jew le, u jekk le għaliex.

    3.

    Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(7)(a):

    (a)

    l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti konċernati,

    (b)

    id-data li tidentifika l-persuna, il-grupp jew l-entità li hi s-suġġett ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali,

    (c)

    ir-reat konċernat u ċ-ċirkostanzi tiegħu.

    4.

    Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(7)(b):

    (a)

    l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti konċernati,

    (b)

    id-data li tidentifika l-persuna, il-grupp jew l-entità li hi s-suġġett ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali,

    (c)

    it-tip ta’ konsenja,

    (d)

    it-tip ta’ reat li f’konnessjoni miegħu titwettaq il-kunsinna kontrollata.

    5.

    Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(7)(c):

    (a)

    l-Istat rikjedenti jew emittenti,

    (b)

    l-Istat rikjest jew eżekutur,

    (c)

    deskrizzjoni tad-diffikultajiet.”


    Top