EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0409

2009/409/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta' April 2009 li tistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 104(8) tat-Trattat, jekk itteħditx azzjoni effettiva mir-Renju Unit b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 8 ta’ Lulju 2008 taħt l-Artikolu 104(7)

ĠU L 132, 29.5.2009, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/409/oj

29.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta' April 2009

li tistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 104(8) tat-Trattat, jekk itteħditx azzjoni effettiva mir-Renju Unit b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2008 taħt l-Artikolu 104(7)

(2009/409/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 104 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Skont il-punt 5 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet relatati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-obbligu fl-Artikolu 104(1) tat-Trattat biex jiġu evitati żbilanċi tal-gvern ġenerali eċċessivi ma japplikax għar-Renju Unit sakemm ma jgħaddix għat-tielet pass ta’ unjoni ekonomika u monetarja (1). Waqt li jkun fit-tieni stadju ta’ unjoni ekonomika u monetarja, ir-Renju Unit huwa mitlub jipprova jevita żbilanċi eċċessivi, skont l-Artikolu 116(4) tat-Trattat.

(3)

Il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għal stabilità tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-Patt ta Stabilità u Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (2), li kien adottat sabiex jgħin il-korrezzjoni fil-pront tal-iżbilanċi eċċessivi tal-gvern ġenerali.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Hija kellha l-mira li tiżgura li b’mod partikolari l-isfond ekonomiku u baġitarju ikun tqies għal kollox fil-passi kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jappoġġja l-politiki tal-gvern għal ritorn malajr għal pożizzjonijiet baġitarji sodi meta titqies il-qagħda ekonomika.

(5)

Permezz tad-Deċiżjoni 2008/713/KE tat-8 ta’ Lulju 2008 (3), il-Kunsill iddeċieda, taħt l-Artikolu 104(6), li kien hemm żbilanċ eċċessiv fir-Renju Unit.

(6)

Skont l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, tat-8 ta’ Lulju 2008 l-Kunsill, fuq il-bażi wkoll ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni (4) lill-awtoritajiet tar-Renju Unit fejn sejħilhom biex iġibu fi tmiemha s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 2009/10, billi jniżżlu l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali taħt it-3 % tal-PGD b’mod kredibbli u sostenibbli. Għal dak l-għan, il-Kunsill irrakkomanda lill-awtoritajiet sabiex jiżguraw titjib strutturali ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PGD fl-2009/10 u stabilixxa d-data ta’ skadenza tat-8 ta’ Jannar 2008 biex il-gvern tar-Renju Unit jieħu azzjoni effettiva.

(7)

Il-valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mir-Renju Unit biex tikkoreġi l-iżbilanċ eċċessiv sal-2009/10 b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(7) twassal għal dawn il-konklużjonijiet:

(a)

wara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 104(7) f’Lulju 2008, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ħabbru miżuri diskrezzjonali addizzjonali li jżidu l-iżbilanċ. Fis-16 ta’ Lulju 2008, il-gvern ħabbar il-posponiment taż-żieda marbuta mal-inflazzjoni fid-dazju tas-sisa fuq il-fjuwil li kien se jseħħ f’Ottubru 2008, bi spiża stmata ta’ 0,05 % tal-PGD fi dħul mitluf fl-2008/09. Miżuri addizzjonali li jnaqqsu l-iżbilanċ, ekwivalenti għal 0,1 % tal-PGD fl-2009/10, ġew introdotti f’Settembru 2008, inkluż permezz ta’ nfiq ogħla fuq id-djar;

(b)

fl-24 ta’ Novembru 2008, il-gvern ippreżenta r-Rapport tiegħu ta’ Qabel il-Baġit 2008 (RQB). Minħabba parzjalment is-segwitu negattiv qawwi mhux mistenni mill-kriżi finanzjarja globali li tfaċċat mill-ħarifa 2007 ‘il qudiem, ir-RQB ippreżenta reviżjoni netta ‘l isfel għat-tbassir makroekonomiku għall-medda taż-żmien medja F’dan il-kuntest makroekonomiku, il-gvern ħabbar iktar laxkar fiskali diskrezzjonali bil-mira li tiġi appoġġjata l-ekonomija, ta’ madwar ½ % tal-PGD fl-2008/09 u 1,0 % tal-PGD fl-2009/10. Il-miżuri inkludew tnaqqis temporanju fir-rata standard ta’ VAT, li tammonta għal madwar nofs l-istimolu, u l-antiċipazzjoni tal-infiq f’investiment;

(ċ)

kumplessivament, il-miżuri ta’ stimolu kienu konformi ma’ dawk previsti mill-Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku Ewropew (PREE) li kien maqbul mill-Kunsill Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2008.

(d)

It-tbassir makroekonomiku u fiskali fl-aġġornament tal-2008 tal-programm ta’ konverġenza tar-Renju Unit, ippreżentat lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Diċembru 2008, kien identiku għal dawk fir-RQB 2008 u bassar żieda ulterjuri fil-proporzjon tal-iżbilanċ fl-2009/10 għal 8,2 % tal-PGD. Il-parti ikbar tad-deterjorament imbassar fil-finanzi pubbliċi fl-2009/10 matul is-sena preċedenti tirrifletti żewġ fatturi parzjalment interkonnessi: l-ewwel nett, il-kontrazzjoni kumplessiva tal-PGD; u t-tieni, it-telf qawwi fi dħul mit-taxxa minn żewġ sorsi li sa dal-punt kienu ewlenin, is-settur finanzjarju u s-suq tad-djar. Madankollu, madwar terz taż-żieda fl-iżbilanċ fl-2009/10 mbassra fil-programm tirrifletti l-miżuri ta’ stimolu fiskali adottati;

(e)

l-aġġornament tal-programm ta’ konverġenza tal-2008 jbassar proporzjon ta’ dejn tal-gvern fl-2009/10 ta’ madwar 60 % tal-PGD, ogħla sew mill-proporzjon ta’ dejn ta’ kważi 46 % li kien imbassar mill-awtoritajiet tar-Renju Unit f’Marzu 2008;

(f)

it-tbassir interim tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2009 jipprevedi żbilanċ fl-2009/10 ta’ 9½ % tal-PGD, 1¼ pp. ogħla mill-programm ta’ konverġenza, primarjament minħabba l-kuntest ekonomiku makroekonomiku sinifikantement agħar previst fit-tbassir interim tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2009, bil-livell ta’ PGD nominali ta’ madwar 5 % iktar baxx. Sadanittant, id-dejta tal-finanzi pubbliċi li kienu ppubblikati wara t-tbassir interim tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2009 tindika li r-riżultat għall-finanzi pubbliċi fl-2008/09 x’aktarx li jkun agħar milli mistenni.

(8)

Dan iwassal għall-konklużjoni li, f’kuntest ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi li qegħdin progressivament jeħżienu, l-awtoritajiet tar-Renju Unit sa minn Lulju 2008 implimentaw miżuri diskrezzjonali addizzjonali li jżidu l-iżbilanċ b’konformità mal-Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku Ewropew (PREE). L-effetti kombinati tat-tnaqqis ekonomiku qawwi u l-miżuri ta’ stimolu adottati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit wasslu għad-deterjorament sostanzjali fit-tbassir tal-pożizzjoni baġitarja għall-2009/10,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit ma ħax azzjoni b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2008 fi ħdan il-perjodu stipulat f’dik ir-Rakkomandazzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fil-Lussemburgu, 27 ta’ April 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA


(1)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:12006E/PRO/25:MT:HTML

(2)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(3)  ĠU L 238, 5.9.2008, p. 5.

(4)  http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication12926_en.pdf


Top