Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0125

2009/125/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta' Frar 2009 li tikkonċerna kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-Kontroll tal-Pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż fil-Marokk

ĠU L 42, 13.2.2009, pp. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/125(1)/oj

13.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 42/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta' Frar 2009

li tikkonċerna kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-Kontroll tal-Pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż fil-Marokk

(2009/125/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni 90/424/KEE, il-Komunità tista’ tagħti s-sostenn tagħha biex tikkontrolla l-miżuri kontra marda minn pajjiż terz, jekk l-okkorrenza jew l-iżvilupp ta’ marda bħal din fil-pajjiż terz tista’ tikkostitwixxi periklu għall-Komunità.

(2)

Il-Pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż (magħrufa wkoll bl-isem Franċiż Peste des Petits Ruminants (PPR)) hija marda ferm infettiva u kontaġjuża ta’ bhejjem żgħar li jixtarru simili ħafna tal-Pesta tal-Ifrat (Rinderpest). Matul l-aħħar għaxar snin din il-marda wriet tendenza ċara ħafna li tinxtered, kemm fl-Afrika kif ukoll fl-Ażja.

(3)

Il-Marokk għarraf lill-Kummissjoni li l-Pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż ġiet osservata fit-territorju tiegħu u nxterdet b’mod estensiv fi żmien qasir ħafna. Ir-razza tal-virus osservata dan l-aħħar fil-Marokk hija ta’ tip li sa issa ma kinitx tinsab fl-Afrika.

(4)

Il-Pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż tista’ tiġi kkontrollata permezz ta’ tilqim, u hemm vaċċin disponibbli li se jħares kontra s-serotipi kollha u li jagħti ħarsien fit-tul kontra l-marda.

(5)

L-awtoritajiet fil-Marokk ħejjew strateġija ta’ tilqim. Huma bagħtu l-istrateġija lill-Kummissjoni u talbu sostenn finanzjarju tal-Komunità.

(6)

It-tixrid tal-Pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż lejn il-Komunità ma jistax jiġi dejjem evitat permezz tal-miżuri fis-seħħ fil-fruntieri tal-Komunità, filwaqt li tifqigħa ta’ din il-marda fil-Komunità jkollha konsegwenzi serji ħafna u għaldaqstant għandha tiġi evitata. Għal din ir-raġuni huwa xieraq li l-Marokk jiġi appoġġjat fl-isforzi tiegħu biex jikkontrolla l-marda, iżommha milli ssir endemika f’dan il-pajjiż u biex il-vaċċini jkunu disponibbli għall-Marokk għall-kampanja ta’ tilqim kontra l-Pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż. Għandu jkun speċifikat l-ammont massimu ta’ din il-kontribuzzjoni.

(7)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom preferibbilment jitlestew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2009.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtoritajiet Marokkini b’vaċċini kontra l-Pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż, għal użu fil-kampanja ta’ tilqim li għaddejja fil-Marokk kontra din il-marda.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet fil-Marokk. Il-vaċċini li jridu jingħataw lill-awtoritajiet Marokkini għandhom jintużaw għall-istrateġija ta’ tilqim kontra l-Pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż li għandha titwettaq fl-2009 fil-Marokk.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha ġġorr l-ispejjeż kollha tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) li ma għandhomx jaqbżu ammont massimu ta’ EUR 1 500 000.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi kuntratt tal-akkwist (kuntratt ta’ forniment) dwar il-miżuri stipulati fil-paragrafu 1 permezz tal-proċedura xierqa ta’ sejħa għall-offerti, li għaliha l-proċedura għandha tiġi mnedija sal-31 ta’ Mejju 2009.

3.   Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur hu hawnhekk awtorizzat li jiffirma l-kuntratt stipulat fil-paragrafu 2 f’isem il-Kummissjoni.

Artikolu 3

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji stipulati fl-Artikoli 1 u 2 għandhom ikunu ffinanzjati permezz tal-linja tal-baġit 17 04 02 01 tal-baġit tal-Komunitajiet Ewropej għall-2009.

Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.


Top