Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0042

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/42/PESK tad- 19 ta’ Jannar 2009 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE sabiex jiġi promoss il-proċess li jwassal għat-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi fost pajjiżi terzi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà

    ĠU L 17, 22.1.2009, p. 39–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/42(1)/oj

    22.1.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 17/39


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/42/PESK

    tad-19 ta’ Jannar 2009

    dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE sabiex jiġi promoss il-proċess li jwassal għat-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi fost pajjiżi terzi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3) u 23(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2003 l-Kunsill Ewropew adotta Strateġija Ewropea ta' Sigurtà li appellat għal ordni internazzjonali bbażat fuq multilateraliżmu effettiv. L-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tirrikonoxxi l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti bħala l-qafas fundamentali għar-relazzjonijiet internazzjonali. It-tisħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti, waqt li tiġi mgħammra biex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha u biex taġixxi b'mod effettiv, huwa prijorità tal-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Fis-6 ta’ Diċembru 2006 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-riżoluzzjoni 61/89 intitolata “Lejn trattat dwar il-kummerċ fl-armi: l-istabbiliment ta' standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta' armi konvenzjonali”.

    (3)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill laqa' l-bidu formali tal-proċess lejn l-elaborazzjoni ta' Trattat internazzjonali legalment vinkolanti dwar il-Kummerċ fl-Armi u nnota b'apprezzament li maġġoranza ċara tal-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, kienu appoġġaw ir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq. Il-Kunsill afferma mill-ġdid li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikollhom rwol attiv f'dan il-proċess, u ssottolinja l-importanza ta' koperazzjoni ma' Stati u organizzazzjonijiet reġjonali oħrajn f'dan il-proċess.

    (4)

    Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilixxa Grupp ta' Esperti Governattivi (GGE) ta' 28 membru biex ikompli jikkunsidra l-possibbiltà ta' Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi. Il-GGE ltaqa' matul l-2008 u ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu matul il-ġimgħa ministerjali tat-63 Assemblea Ġenerali. Il-Grupp ikkonkluda li kienet meħtieġa aktar konsiderazzjoni u li għandhom isiru sforzi, fuq bażi gradwali, b'mod miftuħ u trasparenti, fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-GGE ħeġġeġ li għandha tingħata assistenza lill-Istati fil-bżonn, fejn tintalab, minn dawk l-Istati li qegħdin f'pożizzjoni li jipprovduha.

    (5)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2007, il-Kunsill issottolinja l-importanza tal-GGE maħtur minn NU li huwa ħeġġeġ biex il-proċess jitmexxa 'l quddiem. Il-Kunsill esprima t-twemmin sod tiegħu li strument komprensiv, legalment vinkolanti, konsistenti mar-responsabbiltajiet eżistenti tal-Istati skont il-liġi internazzjonali relevanti u li jistabbilixxi standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta' armi konvenzjonali, għandu jkun ta' kontribut kbir għat-trattament tal-proliferazzjoni mhux mixtieqa u mhux responsabbli ta' armi konvenzjonali.

    (6)

    F' Ottubru 2008 l-Ewwel Kumitat ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti addotta ir-riżoluzzjoni “Lejn Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi: L-istabbiliment ta' standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta' armi konvenzjonali”. L-Istati Membri kollha ta' l-UE ko-sponsorjaw it-test.

    (7)

    L-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) appoġġa dan il-proċess billi wettaq studju f' żewġ partijiet li jikkonsisti f' żewġ analiżi approfonditi ta' fehmiet tal-Istati Membri tan-NU dwar il-fattibbiltà, il-kamp tal-applikazzjoni u l-abbozz tal-parametri ta' Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi. L-analiżi tal-UNIDIR ikkontribwiet għall-avvanzar ta' diskussjonijiet dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi permezz tal-identifikazzjoni ta' oqsma ta' kunsens u diverġenza, kif ukoll ta' oqsma ttraskurati. L-analiżi serviet bħala input utli għall-GGE. Għal dawn ir-raġunijiet, hu raġonevoli li l-UNIDIR jiġi fdat bl-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet skont id-Deċiżjoni.

    (8)

    Abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' hawn fuq, l-UE għandha tappoġġa dan il-proċess, sabiex issaħħaħ il-ħidma li twettqet s'issa, billi tiftaħ id-dibattitu biex jiġu inklużi Stati li mhumiex membri tal-GGE, kif ukoll għal atturi oħrajn bħas-soċjetà ċivili u l-industrija, sabiex tiżviluppa l-fehim tal-kwistjoni u sabiex tikkontribwixxi għat-twessigħ tar-rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-GGE,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    1.   Għall-fini ta' promozzjoni tal-proċess li jwassal lejn Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi fost pajjiżi terzi, l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa attivitajiet sabiex tiżviluppa l-għanijiet li ġejjin:

    (a)

    iżżid is-sensibilizzazzjoni minn atturi nazzjonali u reġjonali, l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, is-soċjetà ċivili u l-industrija, dwar id-diskussjonijiet internazzjonali attwali rigward it-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi,

    (b)

    issaħħaħ l-iskop tal-Grupp ta' Esperti Governattivi (GGE) tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi u ssaħħaħ lin-Nazzjonijiet Uniti bħala l-uniku forum li jista' jagħti strument tassew universali,

    (c)

    tikkontribwixxi għal involviment aħjar mill-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet reġjonali kollha fil-proċess tat-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi,

    (d)

    tħeġġeġ l-iskambju ta' fehmiet bejn Stati li huma parti mill-GGE u dawk li mhumiex parti minnu,

    (e)

    trawwem dibattitu fost l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari fost dawk li mhumiex parti mill-GGE,

    (f)

    tippromwovi skambju ta' fehmiet fost l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, organizzazzjonijiet reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-industrija,

    (g)

    tidentifika elementi potenzjali, il-kamp ta' applikazzjoni kif ukoll l-implikazzjonijiet tat-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi, u

    (h)

    tikkondividi dawn id-dibattiti u l-fehmiet mal-komunità internazzjonali kollha.

    2.   Biex jinkisbu l-għanijiet ta' hawn fuq, l-UE ser twettaq il-proġett li ġej:

    l-organizzazzjoni ta' avveniment ta' tnedija, sitt seminars reġjonali, seminar konklussiv, inkluża d-disseminazzjoni tar-riżultati u avveniment sekondarju fil-marġini tal-Ewwel Kumitat (l-64 laqgħa tal-AĠNU).

    Deskrizzjoni dettaljata hija stabbilita fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Il-Presidenza, assistita mis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) għall-PESK, għandha tkun responsabbli mill-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandha tkun imwettqa mill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR). Hu għandu jwettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza. Għal dan il-għan, is-SĠ/RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNIDIR.

    3.   Il-Presidenza, is-SĠ/RGħ u l-Kummissjoni għandhom iżommu lil xulxin infurmati regolarment dwar il-proġett, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 836 260, li għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli Komunitarji li japplikaw għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2, li għandha tieħu l-forma ta' għotja. Għal dan il-għan, hi għandha tikkonkludi ftehim finanzjarju mal-UNIDIR. Il-ftehim finanzjarju għandu jistabbilixxi li l-UNIDIR għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, adatta għad-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tipprova tikkonkludi l-ftehim finanzjarju msemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hi għandha tinforma lill-Kunsill dwar id-diffikultajiet f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim finanzjarju.

    Artikolu 4

    Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ għall-PESK, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari wara l-organizzazzjoni ta' kull seminar reġjonali u s-seminar finali mħejji mill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR). Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ u għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tiskadi 15-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim finanzjarju msemmi fl-Artikolu 3(3) jew 6 xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha sakemm l-ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż f'dak il-perijodu.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Jannar 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. GANDALOVIČ


    ANNESS

    1.   Għan

    L-għan ġenerali ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill huwa li tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fid-diskussjoni dwar Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi (TKA), tintegra kontributi nazzjonali u reġjonali mal-proċess internazzjonali li għaddej, u tiddentifika l-kamp ta' applikazzjoni u l-implikazzjoni ta' trattat possibbli dwar il-kummerċ.

    2.   Proġett

    2.1   Skop tal-proġett

    Il-proġett ser:

    (a)

    iżid is-sensibilizzazzjoni minn atturi nazzjonali u reġjonali, l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, is-soċjeta ċivili u l-industrija, dwar id-diskussjonijiet internazzjonali attwali rigward it-TKA,

    (b)

    isaħħaħ l-iskop tal-Grupp ta' Esperti Governattivi (GGE) tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi u jsaħħaħ lin-Nazzjonijiet Uniti bħala l-uniku forum li jista' jagħti strument tassew universali,

    (c)

    jikkontribwixxi għal involviment aħjar mill-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet reġjonali kollha fil-proċess tat-TKA,

    (d)

    iħeġġeġ l-iskambju ta' fehmiet bejn Stati li huma parti mill-GGE u dawk li mhumiex parti minnu,

    (e)

    irawwem dibattitu fost l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari fost dawk li mhumiex parti mill-GGE,

    (f)

    jippromwovi skambju ta' fehmiet fost l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, l-organizzazzjonijiet reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-industrija,

    (g)

    jidentifika elementi potenzjali, il-kamp ta' applikazzjoni u l-implikazzjonijiet ta' TKA, u

    (h)

    jikkondividi dawn id-dibattiti u l-fehmiet mal-komunità internazzjonali kollha.

    2.2   Riżultati tal-proġett

    Il-proġett ser:

    (a)

    iżid il-kuxjenza, l-għarfien u l-fehim tal-proċess tat-TKA,

    (b)

    jinvolvi atturi ġodda fid-dibattitu,

    (c)

    jikkondividi tħassib u ideat nazzjonali u reġjonali mad-diskuzzjonijiet internazzjonali, u

    (d)

    jagħti ideat u suġġerimenti għall-kontenut ta' TKA, b'mod partikolari dwar l-kamp ta' applikazzjoni u l-implikazzjonijiet ta' TKA.

    2.3   Deskrizzjoni tal-proġett

    Il-proġett jipprevedi l-organizzazzjoni ta' avveniment ta' tnedija, sitt seminars reġjonali, seminar finali biex jippreżenta r-riżultati ġenerali u avveniment sekondarju fil-marġini tal-Ewwel Kumitat (l-64 laqgħa tal-AĠNU). Is-seminar finali ser ikun strutturat kif ġej: seminar ta' ġurnata għall-pajjiżi membri tal-OSKE u seminar finali ta' ġurnata.

    2.3.1   Avveniment ta' tnedija:

    Ser isir avveniment ta' tnedija tul ġurnata biex jiġu preżentati l-għanijiet tal-proġett u jsiru kontributi mis-soċjetà ċivili, ir-riċerkaturi u l-NGOs biex jiġi żgurat appoġġ għall-proġett.

    2.3.2   Seminars reġjonali:

    1.

    Is-seminars reġjonali ser isiru fuq jumejn f'post li għandu jiġi ddeterminat fir-reġjuni ta' mira. Is-seminars ser ikunu strutturati f'erba' partijiet biex jippermettu li jsiru l-preżentazzjonijiet u d-diskussjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ħarsa ġenerali tat-TKA, sfond, atturi, eċċ.;

    (b)

    preżentazzjoni speċifika tal-proċess internazzjonali li għaddej attwalment;

    (c)

    diskussjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u l-implikazzjoni ta' TKA potenzjali; u

    (d)

    ġbir ta' ideat għal iktar azzjoni, rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti li jingħataw fil-proċess tat-TKA.

    2.

    Parteċipanti f'dawn is-seminars reġjonali għandhom jinkludu:

    (a)

    rappreżentanti minn pajjizi fir-reġjun,

    (b)

    rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet reġjonali, inklużi l-NGOs,

    (c)

    rappreżentanti mill-industrija lokali/reġjonali,

    (d)

    rappreżentanti mill-UNIDIR u l-UNODA (Fergħa għall-Armi Konvenzjonali u l-Fergħa Reġjonali, inklużi ċ-ċentri reġjonali jekk adatt),

    (e)

    esperti tekniċi mill-Istati Membri tal-UE, inklużi rappreżentanti mill-industrija,

    (f)

    rappreżentanti minn organizzazzjonijiet sħab li jistgħu jinkludu fost l-oħrajn l-Istitut ta' Riċerka ta' Stokkolma dwar il-Paċi Internazzjonali (Svezja) jew il-Fondazzjoni għar-Riċerka Strateġika (Franza).

    3.

    Skont id-daqs tar-reġjuni, hu mistenni li f'kull seminar ser ikun hemm parteċipazzjoni ta' bejn 30 u 40 parteċipant.

    4.

    Wara kull seminar, ser jiġi prodott rapport sommarju tad-diskussjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet. Dan ir-rapport sommarju ser ikun disponibbli online u fuq mezzi ta' ħżin elettroniċi.

    5.

    Is-seminars reġjonali ser isiru skont ir-raggruppamenti li ġejjin:

    (a)

    seminar għall-Afrika Ċentrali, ta' Fuq u tal-Punent,

    (b)

    seminar għall-Afrika tal-Lvant u t'Isfel,

    (c)

    seminar għall-Amerika Latina u l-Karibew

    (d)

    seminar għall-Asja u l-Paċifiku,

    (e)

    seminar għall-pajjiżi tal-OSKE,

    (f)

    seminar għal-Lvant Nofsani.

    6.

    Postijiet tentattivi ssuġġeriti għas-seminars huma:

    (a)

    Dakar u Najrobi jew Addis Abeba (għaż-żewġ seminars fl-Afrika),

    (b)

    Messiku jew Rio de Janeiro (għall-Amerika Latina u l-Karibew),

    (c)

    Phnom u Penh jew New Delhi (għall-Asja u l-Paċifiku),

    (d)

    Amman jew Kajr (għal-Lvant Nofsani),

    (e)

    Brussell jew Vjenna (għall-pajjizi tal-OSKE).

    7.

    Il-postijiet finali ser jiġu ddeterminati biex jiġu mmassimizzati r-riżorsi u l-assistenza disponibbli fil-livell lokali. Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, ser tkun responsabbli mill-aħħar għażla tal-post wara r-rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-UNIDIR.

    2.3.3   Seminar konklużiv:

    Ser jiġi organizzat seminar konklużiv wara li jkunu ġew ospitati s-sitt seminars reġjonali kollha biex jiġu ppreżentati d-diskussjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-ideat dwar il-proċess tat-TKA lill-komunità internazzjonali. Is-seminar finali ser ikun strutturat kif ġej: seminar ta' ġurnata għall-pajjiżi membri tal-OSKE u seminar finali ta' ġurnata.

    2.3.4   Avveniment sekondarju fl-Ewwel Kumitat (l-64 laqgħa tal-AĠNU)

    Ser jiġi organizzat avveniment sekondarju fil-marġini tal-Ewwel Kumitat (l-64 laqgħa tal-AĠNU) biex jiġu ppreżentati r-riżultati tal-proġett sa dakinhar lill-partijiet interessati kollha mlaqqgħin fi New York.

    2.3.5   Outputs - Pubblikazzjoni

    Kull seminar ser jipproduċi rapport sommarju qasir tad-diskussjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet u l-ideat imressqa għal TKA. Ir-rapport tas-seminar ser ikun disponibbli online u fuq mezzi ta' ħżin ta' data elettroniċi għad-distribuzzjoni.

    Ser isir rapport finali li jiġbor r-rapporti sommarji tas-sitt laqgħat reġjonali u dan ser jiġi ppreżentat għal kummenti fis-seminar konklużiv, u ser ikunu disponibbli online u fuq mezzi ta' ħżin ta' data elettroniċi għad-distribuzzjoni.

    3.   Tul ta' żmien

    Il-perijodu previst tal-implimentazzjoni ta' dan il-proġett hu ta' ħmistax-il xahar.

    4.   Benefiċjarji

    Il-benefiċjarji ta' dan il-proġett huma:

    (a)

    l-Istati Membri kollha tan-NU, b'enfasi partikolari fuq dawk li mhumiex parti mill-GGE,

    (b)

    is-soċjetà ċivili u l-industrija,

    (c)

    organizzazzjonijiet reġjonali relevanti.

    5.   Entità ta' implementazzjoni

    Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, ser tkun responsabbli għall-implimentazzjoni u s-superviżjoni ta' dan il-proġett. Il-Presidenza ser tafda l-implimentazzjoni teknika lill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR).

    Fl-implimentazzjoni tal-proġett, il-UNIDIR għandu jikkoopera mal-UN-ODA, l-Istitut ta' Riċerka ta' Stokkolma dwar il-Paċi Internazzjonali (Svezja) jew il-Fondazzjoni għar-Riċerka Strateġika (Franza). Il-UNIDIR għandu, fejn xieraq, jaħdem ma' istituzzjonijiet bħall-organizzazzjonijiet reġjonali, l-NGOs u l-industrija.

    Il-UNIDIR għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, adatta għad-daqs tagħha.

    6.   Ammont ta' referenza finanzjarju sabiex ikopri l-ispejjeż tal-proġett

    L-ispiża totali tal-proġett hija ta' EUR 836 260.


    Top