EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009A0319(01)

Opinjoni tal-Kunsill tal- 10 ta' Marzu 2009 dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat ta' Franza 2008-2012

ĠU C 64, 19.3.2009, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 64/1


OPINJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta' Marzu 2009

dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat ta' Franza 2008-2012

(2009/C 64/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPNJONI:

(1)

Fl-10 ta' Marzu 2009 l-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà aġġornat ta' Franza, li jkopri l-perijodu bejn l-2008 u l-2012.

(2)

Fl-2008, il-kriżi finanzjarja globali amplifikat it-tnaqqis fit-tkabbir permezz tal-fiduċja aktar baxxa tal-konsumaturi u tan-negozji u kondizzjonijiet ta' kreditu aktar stretti. Wara kollass tal-produzzjoni industrijali fl-aħħar tliet xhur tal-2008, il-PDG annwali hu mistenni li jonqos f'daqqa fl-2009. L-isfidi tal-politika prinċipali fil-kriżi ekonomika huma li jiġi stabbilizzat is-settur finanzjarju, terġa' tinbena l-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji, u jiġi appoġġat l-investiment. Il-kriżi ekonomika ser ikollha impatt sinifikattiv fuq il-finanzi pubbliċi billi l-iżbilanċ qabeż it-3 % tal-PDG fl-2008 kif indikat mill-Ministru Franċiż tal-Ekonomija, l-Industrija u l-Impjiegi, f'ittra indirizzata lill-Kummissarju tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fis-6 ta' Frar 2009, u hu mistenni li jaqbeż il-5 % tal-PDG fl-2009 skont it-tbassir proviżorju ta' Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Dan tal-aħħar jirrifletti wkoll l-impatt ta' 0,8 % tal-PGD fuq il-bilanċ tal-baġit tal-pjan ta' rkupru adottat f'Diċembru, li l-miżuri prinċipali tiegħu huma l-antiċipazzjoni ta' investiment pubbliku u l-għoti ta' appoġġ finanzjarju lill-intrapriżi. Il-Gvern implimenta għadd ta' riformi strutturali, li mistennija jkollhom impatt pożittiv fuq it-tkabbir potenzjali tal-ekonomija.

(3)

Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huwa msejjes il-programm jipprevedi li t-tkabbir tal-PDG ser ikun pożittiv tul il-perijodu kollu tal-programm. Wara li naqas għal madwar 1 % fl-2008, mistenni li jkompli jonqos għal medda ta' 0,2-0,5 % fl-2009, qabel ma jiżdied għal madwar 2 % fl-2010 u ulterjorment għal 2,5 % għall-bqija tal-perijodu tal-programm. Meta jiġi vvalutat skont l-informazzjoni disponibbli attwalment (2), dan ix-xenarju jidher li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ta' tkabbir konsiderevolment favorevoli. Din l-evalwazzjoni tqis it-tnaqqis serju tal-PDG fl-aħħar tliet xhur tal-2008 u l-prospetti ekonomiċi xejn tajba bbażati fuq l-indikaturi ta' livell baxx ta' fiduċja u t-tnaqqis f'daqqa projettat fl-investiment u fil-kummerċ, iżda wkoll l-impatt fuq it-tkabbir tal-pjan ta' rkupru u l-liġi dwar il-modernizzazzjoni tal-ekonomija (3). Fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-prezzijiet taż-żejt u l-intensità tal-kriżi ekonomika globali, il-projezzjonijiet tal-programm għall-inflazzjoni jidhru li huma pjuttost għoljin għall-2009, iżda minn hemm 'il quddiem jistgħu jitqiesu realistiċi. Fis-6 ta' Frar l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li t-tbassir makroekonomiku u tal-finanzi pubbliċi għandhom jiġu riveduti.

(4)

Għall-2008, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern huwa stmat għal 3,2 % tal-PDG fit-tbassir proviżorju tas-servizzi tal-Kummissjoni, li huwa 0,3 % agħar miċ-ċifra li tidher fil-programm iżda kkonfermat mill-ittra msemmija hawn fuq fis-6 ta' Frar (4). Id-differenza ta' 0,9 % tal-PDG bil-mira mill-aġġornament preċedenti (2,3 % tal-PDG) hija fil-biċċa l-kbira dovuta għal (i) riżultat agħar milli antiċipat fl-2007 (0,3 % tal-PDG), (ii) tkabbir tal-PDG reali fl-2008 notevolment aktar dgħajjef milli mistenni fl-aġġornament preċedenti li naqqas id-dħul mit-taxxi meta mqabbel mal-pjan (b'0,3 % tal-PDG), u (iii) ħlasijiet ogħla ta' interessi li jirriflettu l-impatt ta' inflazzjoni ogħla fl-2008 fuq l-ispejjeż tas-servizz tad-dejn ta' bonds marbutin mal-inflazzjoni (0,2 % tal-PDG).

(5)

L-aġġornament jinkludi mira tal-iżbilanċ għall-2009 ta' 3,9 % tal-PDG, meta mqabbla mal-projezzjoni ta' 5,4 % fit-tbassir proviżorju tas-servizzi tal-Kummissjoni. Id-deterjorament fl-iżbilanċ tal-2009 jirrifletti l-funzjonament tal-istabbilizzaturi awtomatiċi b'rispons għall-kriżi ekonomika iżda wkoll l-impatt tal-pakkett ta' stimolu fiskali ta' Diċembru 2008 li jammonta għal 0,8 % tal-PDG. Aktar reċentement, il-Gvern ħabbar mira ta' żbilanċ ogħla ta' 4,4 % tal-PDG (5). L-iżbilanċ strutturali (jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament nett mill-miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra), skont l-informazzjoni mogħtija fil-programm ta' stabbiltà aġġornat u kkalkolata mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni, hu projettat li jilħaq it-3 % tal-PDG fl-2009, meta mqabbel ma' 2,5 % fl-2008. Din il-qagħda fiskali tista' titqies espansjonarja u tista' tiġi spjegata b'mod sħiħ mill-impuls fiskali assoċjat mal-pakkett ta' stimolu.

(6)

L-għan ta' Franza għall-istrateġija baġitarja għall-perijodu medju stipolat fil-programm huwa li tilħaq l-objettiv tal-perijodu medju (MTO) ta' pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f'termini strutturali fl-2012. Skont il-projezzjonijiet tal-programm riveduti mill-ittra tas-6 ta' Frar imsemmija hawn fuq, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern mistenni li jkun l-ogħla fl-2009 b'4,4 % tal-PDG (minn 3,9 % tal-PDG) u mbagħad jerġa' jinżel għal 3,1 % tal-PDG fl-2010 (minn 2,7 % tal-PDG) waqt li l-impatt baġitarju tal-pjan ta' rkupru għandu jonqos gradwalment. Dan jikkompara mat-tbassir proviżorju tas-servizzi tal-Kummissjoni, li jipprojetta li l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern ser jiżdied għal 5,4 % tal-PDG fl-2009 u mbagħad jilħaq 5,0 % tal-PDG fl-2010. Skont il-projezzjonijiet riveduti mill-ittra msemmija hawn fuq, l-iżbilanċ hu projettat li jkompli jitjieb wara l-2010 biex jilħaq 1,5 % tal-PDG fl-2012. Il-bilanċ primarju jsegwi xejra simili. L-iżbilanċ strutturali hu mistenni li jaqa' għal 3 % tal-PDG fl-2009 u jitjieb b'madwar 1 % tal-PDG fl-2010 u b'0,5 % tal-PDG kull sena matul l-aħħar snin. Minbarra t-tneħħija gradwali tal-pjan ta' rkupru, dan mistenni li jinkiseb permezz ta' trażżin tal-infiq speċifikat. Il-programm aġġornat ibassar li l-proporzjon tad-dejn għall-PGD għandu jiżdied għal 69,1 % fl-2009 u jistabbilizza ruħu kumplessivament għal 69,4 % fl-2010 qabel ma jonqos ftit fis-sentejn ta' wara. Minbarra l-qagħda baġitarja, dan jinkludi l-impatt tar-rikapitalizzazzjonijiet bankarji u l-parteċipazzjoni tal-Fond ta' Investiment Strateġiku (6), li tammonta għal madwar 0,75 % tal-PDG iżda jeskludi obbligi kontinġenti potenzjali li joħorġu mill-iskema ta' garanzija. Skont it-tbassir proviżorju tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn għandu jilħaq 72,4 % tal-PDG fl-2009 u 76 % tal-PDG fl-2010, filwaqt li d-differenza fir-rigward tal-programm ta' stabbiltà aġġornat tiġi spjegata bit-tkabbir diverġenti u ċ-ċifri tal-iżbilanċ ġenerali tal-gvern.

(7)

Ir-riżultati baġitarji huma soġġetti għal riskji negattivi tul il-perijodu kollu tal-programm. L-ewwel nett, dawn għadhom ma jirriflettux l-agħar riżultat fl-2008 (b'0,3 % tal-PDG) li ġie kkonfermat dan l-aħħar permezz tal-ittra msemmija hawn fuq. Dan ir-riżultat jirrifletti wkoll il-fatt li kien hemm nuqqas ta' konsolidazzjoni fiskali fi żminijiet ekonomiċi tajbin/newtrali (7) u jispjega parti mir-reviżjoni 'l fuq tal-mira tal-iżbilanċ tal-2009 għal 4,4 % tal-PDG (li tqis ukoll reviżjoni negattiva tat-taxxi korporattivi). Aktar importanti minn hekk, il-perspettiva makroekonomika tal-programm ma tinkludix ir-reċessjoni mistennija għall-2009, u dan jimplika riskji baġitarji sostanzjali, anke għall-aħħar mira ta' żbilanċ imħabbra mill-Gvern. Barra minn hekk, flimkien mal-impatt tal-istabbilizzaturi awtomatiċi, hemm riskji ta' nfiq eċċessiv fil-qasam tal-kura tas-saħħa (8). Fl-aħħar nett, fid-dawl tar-riżultati milħuqa fl-imgħoddi mill-awtoritajiet lokali, hemm riskju li l-miri tal-infiq ippjanati ma jintlaħqux. Ir-riskji għax-xenarju tad-dejn huma wkoll pjuttost għoljin, filwaqt li jirriflettu r-riskji għall-bilanċ baġitarju kif ukoll l-effetti possibbli tal-miżuri tal-istabbilizzazzjoni tas-settur finanzjarju.

(8)

L-impatt baġitarju tat-tixjiħ għall-perijodu medju huwa ftit inqas mill-medja tal-UE, bl-infiq tal-pensjonijiet juri żieda kemmxejn aktar limitata, b'riżultat tar-riformi tal-pensjonijiet li diġà daħlu fis-seħħ, fosthom ir-riforma tal-hekk imsejħa régimes spéciaux (sistemi speċjali tal-pensjonijiet), immirati li jallinjaw il-perijodu ta' kontribuzzjoni meħtieġ mar-regoli ta' sistemi oħra. Il-pożizzjoni baġitarja fl-2008, kif stmata fil-programm, li hija agħar mill-pożizzjoni tal-bidu tal-programm preċedenti, aggravat l-impatt baġitarju tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq id-distakk fis-sostenibbiltà. Jekk il-pożizzjoni baġitarja tal-2009 tat-tbassir proviżorju tas-servizzi tal-Kummissjoni tkun ittieħdet bħala l-punt tal-bidu, id-distakk fis-sostenibbiltà jmur għall-agħar b'mod sostanzjali. Il-livell attwali tad-dejn gross huwa ogħla mill-valur ta' referenza tat-Trattat. L-iskemi msemmija hawn għall-istabbiltà tas-settur finanzjarju implimentati minn Franza jista' jkollhom impatt fuq is-sostenibbiltà għall-perijodu twil tal-finanzi pubbliċi, jekk l-ispejjeż tas-sostenn tal-Gvern ma jiġux irkuprati bis-sħiħ fil-futur. L-iżgurar ta' bilanċi favorevoli primarji għoljin għall-perijodu medju, kif diġà previst fil-programm, jikkontribwixxi biex jonqsu r-riskji medji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

(9)

Ir-riżultati miksuba fil-passat minn Franza juru li l-infiq eċċessiv ġenerali tal-gvern ma kienx eċċezzjonali matul l-aħħar għaxar snin, u dan jindika d-dgħufijiet fir-regoli baġitarji eżistenti. Ir-riforma tal-Kostituzzjoni adottata fit-23 ta' Lulju 2008 introduċiet objettiv ġenerali ta' baġits ibbilanċjati għall-gvern ġenerali (9). Madankollu, in-natura mhux vinkolanti tal-objettiv tal-baġit ibbilanċjat tqajjem il-mistoqsija dwar jekk huwa jistax jiġi kkontrollat b'mod effettiv. Ir-riforma tintroduċi wkoll baġit pluriennali, adottat mill-Parlament, li jibda fl-2009, għall-perijodu 2009-2012, jiġifieri l-istess tul ta' żmien bħal fil-programm ta' stabbiltà. Din ir-riforma għandha tikkontribwixxi għall-ġestjoni aħjar ta' finanzi pubbliċi u tgħin lid-dixxiplina baġitarja.

Barra minn hekk, wara t-tnedija tar-Reviżjoni Ġenerali tal-Politika Pubblika f'nofs l-2007, ittieħdu għadd ta' miżuri biex tiżdied l-effiċjenza fin-nefqa pubblika, inkluż tnaqqis fl-għadd ta' ħaddiema taċ-ċivil. Fl-2008 daħlet fis-seħħ regola ġdida dwar id-dejn, applikata għas-sottosettur tas-sigurtà soċjali (10).

(10)

B'rispons għall-kriżi finanzjarja, il-Gvern Franċiż implimenta għadd ta' miżuri indirizzati biex jiżguraw l-istabbiltà tas-settur finanzjarju. Sabiex jimmodera l-konsegwenzi tagħha fuq il-kapaċità ta' għoti ta' kreditu tal-banek Franċiżi, il-Gvern iddeċieda (11) li jixtri sa EUR 40 biljun dejn subordinat tal-banek mingħajr ma jakkwista d-drittijiet tal-vot. Min-naħa tagħhom il-banek impenjaw ruħhom biex iżidu s-self għall-ekonomija sabiex jiġi garantit livell ta' finanzjament konformi mal-ħtiġijiet tal-aġenti ekonomiċi. Barra minn hekk, ġie awtorizzata bil-liġi fond ta' EUR 320 biljun (12) biex jiggarantixxi d-djun tal-banek. L-iskema ta' garanzija hi mmirata li ttejjeb l-aċċess għall-finanzjament tal-banek, fil-kuntest tal-pressjoni serja li kellu jħabbat wiċċu magħha s-suq tas-self interbankarju, sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja. Il-banek ser iħallsu premium għall-garanzija tal-Gvern għas-self tagħhom u ser jipprovdu kollaterali.

(11)

B'rispons għall-kriżi ekonomika, il-Gvern Franċiż fl-4 ta' Diċembru ppreżenta pjan ta' rkupru, li jista' jiġi deskritt bħala taħlita bbilanċjata ta' strumenti ta' dħul u ta' nfiq u huwa konformi mal-PERE (Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku). Il-miżuri tiegħu jinkludu l-investiment pubbliku (prinċipalment lill-intrapriżi pubbliċi, l-infrastrutturi, ir-riċerka u d-difiża), il-miżuri tas-suq tax-xogħol (bħal eżenzjoni totali minn kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq impenji ġodda lis-sidien ta' kumpanniji żgħar), is-sostenn għall-impriżi (bħal għajnuna settorjali għall-industrija tad-djar u tal-karozzi kif ukoll aċċelerazzjoni ta' ħlasijiet tal-Gvern lill-intrapriżi, speċjalment l-SMEs) u s-sostenn lill-kapaċità tal-akkwist domestiku (prinċipalment għotjiet ta' EUR 200 f'April 2009 lil familji bi dħul baxx). Il-pakkett jista' jitqies li hu mmirat u f'waqtu. Il-miżuri mħabbra huma temporanji, u għalhekk riversibbli, bl-ebda spiża għall-finanzi pubbliċi lil hinn mill-2010. Il-Gvern qed jimplimenta wkoll għadd ta' riformi strutturali, li mistennija jkollhom impatt pożittiv fuq it-tkabbir potenzjali tal-ekonomija, u, għalhekk, fuq il-finanzi pubbliċi fit-tul. Safejn għandhom x'jaqsmu s-swieq tal-merkanzija u s-servizzi, il-liġi msemmija hawn fuq dwar il-modernizzazzjoni tal-ekonomija timmira li żżid it-tkabbir potenzjali, partikolarment billi tippromwovi l-intraprenditorija individwali u tnaqqas l-ostakli eżistenti għall-kompetizzjoni, inkluż fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Anki fejn għandu x'jaqsam is-suq tax-xogħol ġew adottati liġijiet ġodda, partikolarment fir-rigward tal-flessigurtà. Il-liġi dwar il-modernizzazzjoni tas-suq tax-xogħol, li ġiet adottata f'Ġunju 2008 u tirrappreżenta t-traspożizzjoni tal-ewwel ftehim interprofessjonali bejn l-imsieħba soċjali, timmira li tiżviluppa kuntratti kemm aktar sikuri kif ukoll aktar flessibbli. Ġiet ukoll introdotta riforma importanti tal-proċeduri ta' djalogu soċjali biex tiffaċilita l-ftehim tal-maġġoranza. Il-miżuri huma relatati mal-aġenda ta' riforma għall-perijodu medju u mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiżi li ġew proposti mill-Kummissjoni fit-28 ta' Jannar 2009 skont l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi.

(12)

Wara d-deterjorament tal-finanzi pubbliċi fl-2007 u fl-2008 meta l-kondizzjonijiet ekonomiċi kienu aktar favorevoli, il-qagħda fiskali fl-2009 hija espansjonarja (filwaqt li tirrifletti r-reazzjoni tal-Gvern Franċiż għall-PERE) meta ż-żminijiet huma ħżiena. Minn hemm 'il quddiem, il-finanzi pubbliċi ser jiġu kkonsolidati skont il-programm; madankollu, meta jitqiesu r-riskji sinifikanti għall-miri baġitarji, li jimplikaw żbilanċ ferm ogħla minn 3 % fl-2009 u l-2010, l-MTO ta' baġit ibbilanċjat f'termini strutturali mhuwiex ser jintlaħaq sal-2012.

F'dan il-kuntest, Franza tista' tnaqqas ir-riskju ta' nfiq eċċessiv permezz tal-implimentazzjoni u titjib ulterjuri tal-qafas tagħha tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli tal-infiq. Fl-aħħar nett, meta jitqiesu r-riskji għall-projezzjonijiet tad-dejn imsemmija hawn fuq, il-proporzjon tad-dejn, li jirrifletti l-qagħda espansjonarja fl-2009, ser ikun għoli u ser tinħtieġ azzjoni deċiżiva matul is-snin li ġejjin biex titbiddel din ix-xejra.

(13)

Fir-rigward tar-rekwiżiti tad-data speċifikati fil-kodiċi ta' kondotta għal programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm jipprovdi d-data meħtieġa kollha u l-parti l-kbira ta' dik fakultattiva (13).

Il-konklużjoni globali hija li l-progress insuffiċjenti meta l-kondizzjonijiet ekonomiċi kienu aktar favorevoli u d-deterjorament tal-qagħda ekonomika, speċjalment matul l-aħħar tliet xhur tal-2008, wasslu għal żbilanċ ftit ogħla minn 3 % tal-PDG fl-2008. Sabiex jiġġieled il-kriżi ekonomika qawwija l-gvern adotta pjan ta' rilanċ f'konformità mal-PERE li huwa mmirat sewwa, temporanju u f'waqtu. Din l-espansjoni fiskali temporanja, flimkien mal-kriżi ekonomika qawwija ser twassal biex l-iżbilanċ tal-gvern ikompli jitwessa' fl-2009. Minn hemm 'il quddiem, il-programm jipprevedi konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi permezz ta' qagħda restrittiva, speċjalment fl-2010. Ir-riskji huma marbuta, b'mod partikolari, mas-suppożizzjonijiet makroekonomiċi konsiderevolment favorevoli fil-programm u mal-ambjent inċert attwali, iżda jirriflettu wkoll in-natura mhux vinkolanti tar-regoli tal-infiq. Għaldaqstant, jistgħu jkunu meħtieġa sforzi ta' konsolidazzjoni ulterjuri matul l-aħħar snin hekk kif tissaħħaħ l-ekonomija. Ir-riformi strutturali diġà adottati mistennija li jikkontribwixxu għaż-żieda fit-tkabbir potenzjali, għat-titjib tal-kompetittività u għas-sostenn tal-proċess ta' konsolidazzjoni.

Fid-dawl tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, Franza hi mistiedna biex:

(i)

timplimenta l-miżuri fiskali fl-2009 kif ippjanat, inklużi l-miżuri ta' stimolu f'konformità mal-PERE u fil-qafas tal-SGP filwaqt li jinżamm l-objettiv li jiġi evitat deterjorament ulterjuri tal-finanzi pubbliċi;

(ii)

fid-dawl tar-rilanċ previst tal-attività ekonomika, tagħmel sforz għal konsolidazzjoni fl-2010 u ssaħħaħ il-pass tal-aġġustament minn hemm 'il quddiem sabiex tiżgura li l-iżbilanċ jitniżżel malajr għal taħt il-valur ta' referenza, u b'hekk tistabbilixxi l-proporzjon tad-dejn għall-PDG b'xejra għan-niżla;

(iii)

tinforza b'mod effettiv ir-regoli eżistenti tal-infiq u tieħu aktar passi biex tiggarantixxi r-rispett tal-miri pluriennali tat-tnaqqis tal-infiq tal-gvern ġenerali fis-sottosetturi kollha u tkompli timplimenta miżuri fil-kuntest tar-Reviżjoni Ġenerali tal-Politika Pubblika. Timplimenta l-programm ta' riforma strutturali, b'mod partikolari fir-rigward tas-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet.

Tqabbil tal-projezzjonijiet makroekonomiċi u baġitarji ewlieni

 

 

2007

2008

2009

2010

2011

2012

PDG reali

(% bidla)

PS Diċ 2008

2,2

1,0

0,2– 0,5

2,0

2,5

2,5

COM Jan 2009

2,2

0,7

– 1,8

0,4

m.d.

m.d.

PS Nov 2007

2– 2,5

2– 2,5

2,5

2,5

2,5

2,5

Inflazzjoni HICP

(%)

PS Diċ 2008

1,6

3,3

1,5

1

Formula

1

Formula

1

Formula

COM Jan 2009

1,6

3,2

0,8

1,5

m.d.

m.d.

PS Nov 2007

1,4

1,7

1,6

1,6

1,6

1,6

Distakk fil-produzzjoni (14)

(% tal-PDG potenzjali)

PS Diċ 2008

0,4

– 0,6

– 1,8

– 1,6

– 1.1

– 0.4

COM Jan 2009 (15)

1,8

1,0

– 1,7

– 2,3

m.d.

m.d

PS Nov 2007

– 0,8

– 0,8

– 0,6

– 0,5

– 0,3

0,0

Self nett fir-rigward tal-bqija tad-dinja

(% tal-PDG)

PS Diċ 2008

– 2,8

– 3,4

– 2,6

– 2,5

– 2,4

– 2,4

COM Jan 2009

– 2,8

– 3,8

– 4,0

– 3,9

m.d

m.d

PS Nov 2007

– 2,3

– 2,5

– 2,3

– 2,2

– 2,1

– 2,0

Dħul ġenerali tal-gvern

(% tal-PDG)

PS Diċ 2008

49,7

49,8

49,6

50,0

50,0

50,2

COM Jan 2009

49,7

49,6

49,4

49,9

m.d

m.d

PS Nov 2007

50,7

50,4

50,1

50,0

50,0

50,0

Infiq ġenerali tal-gvern

(% tal-PDG)

PS Diċ 2008

52,4

52,7

53,5

52,7

52,0

51,3

COM Jan 2009

52,4

52,7

54,9

54,9

m.d

m.d

PS Nov 2007

53,2

52,6

51,9

51,2

50,6

49,9

Bilanċ ġenerali tal-gvern

(% tal-PDG)

PS Diċ 2008

– 2,7

– 2,9

– 3,9

– 2,7

– 1,9

– 1,1

p.m. MoF4

– 2,7

– 3,2

– 4,4

– 3,1

– 2,3

– 1,5

COM Jan 2009

– 2,7

– 3,2

– 5,4

– 5,0

m.d

m.d

PS Nov 2007

– 2,4

– 2,3

– 1,7

– 1,2

– 0,6

0,0

Bilanċ primarju

(% tal-PDG)

PS Diċ 2008

0,1

0,0

– 1,1

0,1

0,9

1,7

COM Jan 2009

0,1

– 0,3

– 2,6

– 2,1

m.d

m.d

PS Nov 2007

0,2

0,5

0,9

1,4

2,0

2,5

Bilanċ aġġustat ċiklikament (14)

(% tal-PGD)

PS Diċ 2008

– 2,9

– 2,6

– 3,0

– 1,9

– 1,4

– 0,9

COM Jan 2009

– 3,5

– 3,7

– 4,6

– 3,8

m.d

m.d

PS Nov 2007

– 2,0

– 1,9

– 1,4

– 1,0

– 0,4

0,0

Bilanċ strutturali (16)

(% tal-PDG)

PS Diċ 2008

– 2,9

– 2,6

– 3,0

– 1,9

– 1,4

– 0,9

COM Jan 2009

– 3,6

– 3,8

– 4,6

– 3,8

m.d

m.d

PS Nov 2007

– 2,0

– 1,9

– 1,4

– 1,0

– 0,4

0,0

Dejn gross tal-gvern

(% tal-PDG)

PS Diċ 2008

63,9

66,7

69,1

69,4

68,5

66,8

COM Jan 2009

63,9

67,1

72,4

76,0

m.d

m.d

PS Nov 2007

64,2

64,0

63,2

61,9

60,2

57,9

Programm ta' Stabbiltà (PS); Tbassir proviżorju ta' Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni(COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jinsabu fuq il-websajt li ġejja:

http://ec.europa.eu/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm.

(2)  Il-valutazzjoni tqis notevolment it-tbassir ta' Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, iżda wkoll informazzjoni oħra li saret disponibbli minn dakinhar.

(3)  Abbażi ta' dan, it-tbassir proviżorju tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG jonqos b'1,8 % fl-2009; It-tkabbir tal-PDG hu mistenni li jirkupra għal 0,4 % fl-2010 malli jitjiebu l-kondizzjonijiet u l-fiduċja tas-settur finanzjarju u tirkupra d-domanda globali.

(4)  Fid-dawl tal-ksur irrapportat tal-valur ta' referenza tat-Trattat, kif indikat fl-ittra mibgħuta mill-Ministru Franċiż tal-Ekonomija, l-Industrija u l-Impjiegi, il-Kummissjoni ħejjiet fit-18 ta' Frar 2009 rapport skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat.

(5)  Fl-ittra mibgħuta fis-6 ta' Frar, il-Ministru Franċiż tal-Ekonomija, l-Industrija u l-Impjiegi stima li l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern ser ikun 3,1 % tal-PDG fl-2010.

(6)  Il-fondi ta' investiment strateġiku ser jintużaw għall-parteċipazzjoni fil-kapital tal-impriżi.

(7)  Il-valutazzjoni dwar jekk l-ekonomija hijiex qed tesperjenza żminijiet tajbin jew ħżiena tiddependi fuq l-analiżi tad-distakk fil-produzzjoni, pożittiva fl-2007 u fl-2008 (li tista' tindika żminijiet ekonomiċi tajbin), iżda timxi fuq valutazzjoni ekonomika globali, bħall-impjiegi, il-konsum privat, l-investiment jew l-iżbilanċi esterni, li jistgħu jimmodifikaw il-konklużjonijiet tal-bidu. Abbażi ta' dan, Franza kellha tgħaddi minn żminijiet ekonomiċi tajbin fl-2007 u newtrali fl-2008. Madankollu, il-bilanċ strutturali ddeterjora b'0,3 punti perċentwali u b'0,2 punti perċentwali tal-PDG fl-2007 u fl-2008, rispettivament, skont it-tbassir proviżorju tas-servizzi tal-Kummissjoni (ara l-valutazzjoni teknika).

(8)  Meta t-tkabbir fl-infiq tal-kura tas-saħħa f'termini nominali jaqbeż b'aktar minn 0,75 punt l-objettiv (ONDAM) stabbilit mill-Att tal-Finanzjament tas-Sigurtà Soċjali għall-2009, tiġi attivata proċedura ta' allert.

(9)  L-Artikolu 34, ir-raba' paragrafu tal-Kostituzzjoni li għadha kif ġiet adottata: “Des lois de programmation déterminent les objectifs de l'action de l'État. Les orientations pluriannuelles des finances publiques sont définies par des lois de programmation. Elles s'inscrivent dans l'objectif d'équilibre des comptes des administrations publiques”.

(10)  Il-ħlas mill-ġdid tad-dejn soċjali jsir permezz ta' fond speċjali (“Caisse d'Amortissement de la Dette Sociale”). Liġi ġdida (adottata fl-2005) finalment daħlet fis-seħħ fl-2008, u tiddikjara li kull trasferiment ġdid ta' dejn lejn il-fond irid jiġi kkumpensat minn dħul ġdid sabiex ma jiżdiedx id-dewmien tal-CADES.

(11)  Li minnhom il-gvern s'issa ssottometta € 21 biljun lill-Kummissjoni, li awtorizzathom; EUR 10,5 biljun ġew koperti.

(12)  Li minnhom il-gvern s'issa ssottometta EUR 265 biljun lill-Kummissjoni, li awtorizzathom.

(13)  Is-suppożizzjonijiet dwar ir-rati tal-interessi għall-perijodu qasir u twil mhumiex mogħtija.

(14)  Distakk fil-produzzjoni u bilanċi aġġustati ċiklikament mill-programmi kif ikkalkolati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-programmi.

(15)  Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat ta' 1,6 %, 1,4 %, 0,9 % u 1,0 % rispettivament fil-perijodu 2007-2010.

(16)  Bilanċ aġġustat ċiklikament għajr miżuri ta' darba biss u oħrajn temporanji. Il-miżuri ta' darba biss u oħrajn temporanji huma nulli tul il-perijodu kollu kopert (2007-2012) skont l-aktar programm reċenti u huma 0,1 % tal-PDG fl-2007, 0,1 % fl-2008, li kollha jnaqqsu l-iżbilanċ u nulli fl-2009 u fl-2010 skont it-tbassir proviżorju ta' Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni.

Sors:

Programm ta' Stabbiltà (PS); Tbassir proviżorju ta' Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni(COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


Top