Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0320

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2008 tas- 7 ta’ April 2008 li jħassar id-dazju kumpensatorju fuq l-importazzjonijiet ta’ xi mikroċirkwiti elettroniċi magħrufa bħala DRAMs (Memorji Dinamiċi b’Aċċess Każwali – Dynamic Random Access Memories) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u li jtemm il-proċediment

    ĠU L 96, 9.4.2008, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/320/oj

    9.4.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 96/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 320/2008

    tas-7 ta’ April 2008

    li jħassar id-dazju kumpensatorju fuq l-importazzjonijiet ta’ xi mikroċirkwiti elettroniċi magħrufa bħala DRAMs (Memorji Dinamiċi b’Aċċess Każwali – Dynamic Random Access Memories) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u li jtemm il-proċediment

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1), (ir-“Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   IL-PROĊEDURA

    I.   Il-miżuri eżistenti

    (1)

    Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1480/2003 (2) (ir-“Regolament dwar id-dazju definittiv”), il-Kunsill impona dazju kompensatorju definittiv ta’ 34,8 % fuq importazzjonijiet ta’ xi mikroċirkwiti elettroniċi magħrufa bħala Memorji Dinamiċi b’Aċċess Każwali (Dynamic Random Access Memories – “DRAMs”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u manifatturati mill-kumpaniji kollha minbarra Samsung Electronics Co., Ltd (“Samsung”), li għaliha kienet ġiet stabbilita rata ta’ dazju ta’ 0 %. Ir-Regolament dwar id-dazju definittiv kien preċedut mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 708/2003 tat-23 ta’ April 2003 li impona dazju kompensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ xi mikroċirkwiti elettroniċi magħrufa bħala DRAMs li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (3) (ir-“Regolament dwar id-dazju provviżorju”).

    (2)

    Wara rapport adottat mill-Korp tas-Soluzzjoni tat-Tilwim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (4) (ir-“Rapport tal-Panel tal-KE-Korea dwar id-DRAMs”), il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 584/2006 (5), fejn implimenta r-rakkomandazzjonijiet magħmula mir-Rapport tal-Panel u li baxxa d-dazju kompensatorju definittiv għal 32,9 % (ir-“Regolament li jimplimenta”).

    II.   Il-bidu ex officio ta’ reviżjoni interim parzjali

    (3)

    Il-produtturi Komunitarji Micron Europe Ltd u Qimonda AG (li qabel kienet Infineon Technologies AG) ipprovdew provi prima facie lill-Kummissjoni li indikaw li Hynix Semiconductor Inc. (“Hynix”) irċeviet sussidji addizzjonali fil-perjodu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ l-investigazzjoni oriġinali. Ukoll, Hynix issottomettiet talba għal reviżjoni interim parzjali li allegat li s-sussidji misjuba li huma kumpensabbli fl-investigazzjoni oriġinali ma baqgħux jeżistu.

    (4)

    Minħabba s-sottomissjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi ex officio.

    III.   L-investigazzjoni

    (5)

    Wara li ddeterminat li eżistew biżżejjed provi biex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali u wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ħabbret fit-18 ta’ Marzu 2006, permezz ta’ Avviż ta’ Bidu ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (6), il-bidu ex officio tar-reviżjoni interim parzjali, skond l-Artikolu 19 tar-Regolament Bażiku.

    (6)

    Ir-reviżjoni kienet limitata fl-ambitu għall-eżaminazzjoni ta’ sussidju ta’ produttur wieħed li jesporta, Hynix, sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa għat-tkomplija, għat-tneħħija jew għall-emenda tal-miżuri eżistenti. Il-perjodu ta’ l-investigazzjoni kien mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2005 (“IP” – investigation period).

    (7)

    Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-produttur li jesporta kkonċernat (Hynix), lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea (il-“GOK”) u lill-produtturi Komunitarji dwar il-bidu tar-reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu dwar il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ fit-termini stabbiliti fl-Avviż tal-Bidu.

    (8)

    Sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonjarji lill-partijiet kollha magħrufa li huma interessati u rċeviet risposti mill-kumpanija, mill-GOK u minn għadd ta’ banek Koreani, kif ukoll mingħand Deutsche Bank AG.

    (9)

    Il-Kummissjoni ppruvat tivverifika l-informazzjoni rċevuta u wettqet żjarat ta’ verifika fuq il-post tal-GOK (Ministeru tal-Finanzi u ta’ l-Ekonomija “MOFE” (Ministry of Finance and Economy) u l-Kummissjoni ta’ Sorveljanza Finanzjarja – “FSC” (Financial Supervisory Commission) u dawn il-kumpaniji u istituzzjonijiet f’Seoul:

    Hynix Semiconductor Inc.,

    Korea Exchange Bank (“KEB”),

    Korea Development Bank (“KDB”),

    Woori Bank,

    Shinhan Bank,

    Deutsche Bank AG,

    Il-Federazzjoni Nazzjonali tal-Kooperattivi Agrikolturali (“NACF” – National Agricultural Cooperative Federation),

    Hyundai Marine & Fire Insurance.

    B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    (10)

    Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili huma bħal dak kopert fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri xi mikroċirkwiti elettroniċi magħrufa bħala Memorji Dinamiċi b’Aċċess Każwali (“DRAMs” – Dynamic Random Access Memories) tat-tipi, densitajiet u varjetajiet kollha, kemm jekk assemblati, f’wafer jew ċipep proċessati (dies), manifatturati bl-użu ta’ varjazzjonijiet tat-teknoloġija ta’ Metal Oxide-Semiconductors (“MOS”), inklużi tipi ta’ MOS komplementarji (“CMOS”), tad-densitajiet kollha (inklużi densitajiet futuri), irrispettivament mill-veloċità ta’ l-aċċess, il-konfigurazzjoni, pakkett jew qafas eċċ., li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea. Il-prodott ikkonċernat jinkludi wkoll DRAMs ippreżentati f’moduli tal-memorja (mhux imfassla skond ix-xewqat tal-klijent) jew bordijiet tal-memorja (mhux imfassla skond ix-xewqat tal-klijent) jew f’xi forma oħra aggregata kemm-il darba l-għan ewlieni tagħha hija li tipprovdi l-memorja.

    (11)

    Il-prodott ikkonċernat bħalissa jista’ jiġi kklassifikat fil-kodiċijiet NM ex 8473 30 20, ex 8473 50 20, ex 8542 32 10, ex 8542 32 31, ex 8542 32 39 u ex 8548 90 20.

    C.   IS-SUSSIDJI

    I.   Daħla

    (12)

    Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni fil-bidu u r-risposti mogħtija għall-kwestjonarji tal-Kummissjoni, ġew investigati dawn il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    Pakkett ta’ salvataġġ approvat mill-Kunsill tal-Kredituri u ta’ l-Istituzzjonijiet Finanzjarji (“CFIC” – Creditors' and Financial Institutions Council) ta’ Hynix fit-30 ta’ Diċembru 2002 (ir-‘ristrutturar ġdid’), li jikkonsisti fi tpartit tad-dejn għal azzjonijiet, estensjoni (rollover) ta’ dejn u tibdil fil-kundizzjonijiet tal-ħlas ta’ interessi;

    (b)

    Finanzjament allegatament preferenzjali pprovdut mill-banek Koreani lil Beijing Orient Electronics (“BOE”) biex jiġi ffaċilitat ix-xiri ta’ Hydis, operazzjoni ta’ Hynix;

    (c)

    Finanzjament allegatament preferenzjali pprovdut mill-banek Koreani lil CVC biex jiġi ffaċilitat ix-xiri ta’ System IC, operazzjoni ta’ Hynix, inkluż it-trasferiment tad-dejn ta’ Hynix lil entità oħra bi skont;

    (d)

    Xiri mraħħas fi flus kontanti tad-dejn ta’ Hynix;

    (e)

    Trattament preferenzjali ta’ taxxa allegatament mogħti lil Hynix mill-GOK;

    (f)

    Il-finanzjament mill-ġdid f’Lulju 2005 tad-dejn ta’ Hynix.

    (13)

    Il-miżuri kollha elenkati hawn fuq kienu miżuri ad hoc. Minbarra (e) hawn fuq, il-miżuri kollha investigati ttieħdu mill-banek/istituzzjonijiet kredituri ta’ Hynix, allegatament taħt direzzjoni mill-GOK. Il-kwistjoni ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern”, fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku hija, bħal fl-investigazzjoni oriġinali, ċentrali għal dan il-proċediment u huma b’dan imfakkra l-premessi (9) sa (15) tar-Regolament dwar id-dazju definittiv.

    II.   Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Hynix wara l-investigazzjoni oriġinali

    (14)

    Minkejja l-pakketti kbar ta’ salvataġġ li rċeviet Hynix fl-2001, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma tjibitx u fl-2002 kienet għadha tingħata l-grad Selective Default minn Standard & Poor. Irrapportat telf ta’ KRW 1,03 triljun għall-ewwel disa’ xhur ta’ l-2002; kien ovvju li ma kienet f’ebda pożizzjoni li tħallas kwalunkwe dejn li kien se jimmatura. Il-proporzjonijiet tagħha, fuq bażi tal-prospett finanzjarju tagħha ta’ l-2002, juru li ma setgħetx tkopri d-djun kurrenti tagħha bl-assi kurrenti, ma setgħetx tkopri l-ispiża ta’ l-interessi b’dak li kienet qiegħda taqla’, kienet iffinanzjata b’ammont sinjifikanti aktar ta’ dejn milli mill-kapital ta’ l-azzjonisti (equity) u kellha telf nett kbir. Għalkemm is-salvataġġ ta’ Ottubru 2001 kien taffa l-affarijiet xi ftit, il-kumpanija kienet għadha f’diffikultajiet konsiderevoli. Morgan Stanley Dean Witter, wieħed mill-konsulenti esterni ta’ Hynix, f’rapport prodott f’Settembru 2002, qal li Hynix x’aktarx ma kinitx se “takkumula biżżejjed flus kontanti fis-sentejn li ġejjin biex tissodisfa l-obbligi tad-djun li kienu se jimmaturaw” jew “tespandi l-kapaċità u tiffinanzja t-titjib teknoloġiku u r-Riċerka u l-Iżvilupp meħtieġa sabiex tibqa’ produttur kompetittiv tad-DRAMs.” Morgan Stanley Dean Witter kompla jgħid li “Hynix hija teknikament falluta, u qed tinżamm ħajja biss permezz ta’ programm tar-ristrutturar tad-dejn” u li “L-impenn finanzjarju meħtieġ sabiex il-kumpanija tiġi lura għal livell kompettiv jidher kbir wisq. Il-kredituri ma jifilħux iġibu lill-kumpanija lura fuq saqajha. Ikun x’ikun ir-riżultat, il-messaġġ huwa ċar għall-investituri: Hynix mhijiex kumpanija bi grad ta’ l-investiment.”

    (15)

    Merrill Lynch, ukoll f’Settembru 2002, qalu li: “Aħna dejjem aktar imħassbin dwar il-prospetti negattivi tal-qligħ ta’ Hynix. Qed innaqqsu l-istimi ta’ 02-03 fit-territorju ta’ żbilanċ għaliex it-titjib fl-ispiża u t-tkabbir fil-fornitura huma limitati min-nuqqas ta’ investiment fit-titjib tat-teknoloġija tal-proċess.” Konsulent ieħor ta’ Hynix, Deutsche Bank Korea, ammetta li d-dipartiment tas-sigurtajiet (equities) tagħhom, għalkemm segwa l-industrija tas-semikondutturi, ma segwiex lil Hynix, għaliex “kien hemm nuqqas ta’ aptit mill-investituri”. Il-kumpanija nfisha ma tikkontestax il-gravità tad-diffikultajiet finanzjarji tagħha fiż-żmien rilevanti.

    III.   Ir-Ristrutturar Ġdid

    (16)

    F’Ottubru 2001, ġie adottat minn CFIC pjan ta’ normalizzazzjoni tal-kummerċ biex titwettaq ir-rikostruzzjoni tal-kumpanija. Is-CFIC kien iffurmat minn banek u istituzzjonijiet oħrajn li kienu l-kredituri ta’ Hynix. Id-deċiżjonijiet tas-CFIC ittieħdu minn maġġoranza ta’ 75 %. Id-drittijiet tal-votazzjoni ta’ kull istituzzjoni ġew iddeterminati skond l-espożizzjoni tagħha għal Hynix.

    (17)

    Hynix kienet taħt l-Att tal-Promozzjoni tar-Ristrutturar Korporat (is-“CRPA” – Corporate Restructuring Promotion Act) u għalhekk kienet taħt il-kontroll tal-kredituri tagħha. Is-CFIC iddeċieda li jbiegħ in-negozju jew parti minnu lil terzi. F’Diċembru 2002, il-Kumitat tar-Ristrutturar, li huwa sub-kumitat tas-CFIC, beda negozjati ma’ Micron Technology Inc. Dawn damu 5 xhur; ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim bejn il-partijiet, iżda t-termini tal-bejgħ eventwalment ġew miċħuda mill-Bord tad-Diretturi ta’ Hynix.

    (18)

    F’Mejju 2002, bħala miżura ta’ tkomplija minħabba li komplew jiddeterjoraw il-finanzi ta’ Hynix, is-CFIC ħatret għadd ta’ konsulenti esterni, inkluż Deutsche Bank (“DB”), Morgan Stanley Dean Witter, Deloitte & Touche u A. D. Little, biex janalizzaw lil Hynix u joħorġu bi pjan biex isalvaw lill-kumpanija. Flimkien ma’ dawn il-konsulenti esterni, KEB, li kienet il-kap tas-CFIC bħall-kreditur ewlieni, wettqet il-verifika xierqa (due diligence) dwar Hynix sa Novembru 2002. Ir-rapport li rriżulta, ippreparat minn Deutsche Bank u KEB (ir-‘Rapport tad-DB’), ġie sottomess lis-CFIC.

    (19)

    Fit-30 ta’ Diċembru 2002, is-CFIC ddeċidiet li timplimenta tibdil korporattiv u tbiegħ in-negozju, kif deskritt fir-Rapport tad-DB. It-tibdil korporattiv involva ristrutturar, li kien kompost minn:

    tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet ta’ KRW 1 861,5 bn,

    tnaqqis tal-valur tal-kapital fuq proporzjon ta’ 21:1,

    estensjoni ta’ dejn li jammonta għal KRW 3 293 bn, u

    tibdil fil-kondizzjonijiet tal-ħlas ta’ l-interessi tad-dejn estiż.

    IV.   Deskrizzjoni tal-Miżuri

    i.   Tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet

    (20)

    Is-CFIC ddeċidiet li tpartat id-dejn li ammonta għal KRW 1 861,5 bn għal azzjonijiet f’Hynix; dan ammonta għal madwar 50 % tas-self mingħajr garanziji ta’ Hynix. Il-prezz ta’ l-azzjonijiet fit-tpartit ġie ffissat għal KRW 435 fil-ħin meta ttieħdet id-deċiżjoni f’Diċembru 2002, billi ttieħed il-prezz medju fis-suq ta’ xahar. Għalkemm ma hemm ebda obbligu taħt is-CRPA li s-CFIC tuża metodu raġonevoli biex tikkalkula l-prezz tat-tpartit, ma huwa pprovdut ebda metodu speċifiku.

    (21)

    Il-pjan tar-ristrutturar involva tnaqqis tal-valur tal-kapital qabel ma jsir it-tpartit, li ħtieġ l-approvazzjoni ta’ l-azzjonisti; għalhekk it-tpartit ma setax isir mill-ewwel. Ladarba ġie implimentat it-tnaqqis tal-valur tal-kapital, bi proporzjon ta’ 21:1, il-prezz tat-tpartit ta’ l-azzjonijiet sar KRW 9 135 (21 × KRW 435) u t-tpartit sar. Minħabba li l-azzjonijiet skond it-tpartit ma kellhomx jinħarġu qabel April 2003, dan il-prezz kellu jservi bħala limitu minimu, iżda ma ġiex stabbilit massimu. Il-prezz attwali ta’ l-azzjonijiet fil-ħin tad-deċiżjoni fil-fatt kien ta’ KRW 280; waqa’ għal KRW 167 f’April 2003.

    ii.   L-estensjoni tad-dejn

    (22)

    Il-maturità tad-dejn ta’ Hynix li ma ġiex ikkonvertit għal azzjonijiet ġiet estiża għal Diċembru 2006. Dan id-dejn estiż ammonta għal total ta’ KRW 3 293 bn.

    iii.   Tibdil fit-termini tal-ħlasijiet ta’ l-interessi

    (23)

    Ir-rata ta’ l-interessi fuq id-dejn estiż tnaqqset għal 3,5 % minn 6,5 %. Id-differenza ta’ 3 % ġiet ittrattata bħala somma prinċipali addizzjonali u żdiedet mad-dejn pendenti, ukoll b’data ta’ maturità f’Diċembru 2006. L-interessi fuq din is-somma prinċipali addizzjonali ġew stabbiliti bħala 6 %, li kellhom jitħallsu kull tliet xhur.

    V.   Il-Politika tal-GOK fir-rigward ta’ Hynix

    (24)

    Kif deskritt fir-Regolamenti dwar id-dazju proviżorju u definittiv, il-GOK kien interessat mill-qrib fil-kwistjoni Hynix. Il-GOK ammetta li, minħabba s-sitwazzjoni ta’ Hynix, l-investituri barranin ma kinux lesti li jinvestu fil-Korea, għaliex l-espożizzjoni tal-banek Koreani għal Hynix kienet daqshekk għolja. Kien hemm bżonn li l-problema ta’ Hynix tiġi riżolta, sabiex titneħħa l-inċertezza; fil-fatt, l-“aġġustament strutturali” ta’ Hynix ġie ċċitat bħala kwistjoni politika ewlenija għat-tieni nofs ta’ l-2002 f’rapport mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Ekonomija. Rapport sottomess lill-Assemblea Nazzjonali mill-Partit Kbir Nazzjonali tal-Korea (“GNP” – Grand National Party), fl-oppożizzjoni, ikkritika l-insistenza tal-GOK li jsalva l-Grupp Hyundai, li fih Hynix kienet sussidjarja, u qal li l-Gok, billi jsalva lil Hynix, kien qiegħed “jinjetta l-flus fi bjar bla qiegħ”. Hynix issostni li, ladarba r-rapport ġie sottomess f’Novembru 2002, m’għandux jitqies bħala prova ta’ l-involviment tal-GOK fir-ristrutturar il-ġdid. Iżda, ir-ristrutturar il-ġdid ġie approvat mill-kredituri xahar biss wara s-sottomissjoni tar-rapport tal-GNP u d-deliberazzjonijiet dwar l-aħjar mod kif tiġi salvata Hynix kienu ilhom għaddejjin ix-xhur qabel dan. Ir-rapport tal-GNP, għalhekk, mhuwiex irrilevanti għall-kwistjoni dwar jekk il-GOK kellux politika li jsalva lil Hynix.

    (25)

    Fl-ewwel nofs tas-sena, il-Viċi-Ministru għall-Finanzi qal li “l-kredituri jkollhom isibu soluzzjoni għal Hynix mill-aktar fis possibbli biex jimminimizzaw l-impatt avvers fuq l-ekonomija.” Għal dak l-iskop, saret laqgħa bejn il-GOK u l-kredituri ta’ Hynix biex jiġu espressi l-fehmiet tal-GOK dwar in-negozjati li kienu għaddejjin dak iż-żmien ma’ Micron. Il-MOFE la setgħet tikkonferma u lanqas tiċħad jekk sarux laqgħat oħrajn u allega li r-rekords tal-laqgħat mhux dejjem inżammu. Min-naħa l-oħra, l-FSC qalet li ma saru ebda laqgħat oħrajn, għalkemm inżammet infurmata dwar dak li kien qed jiġri permezz ta’ telefonati informali. Madankollu, l-evidenza fl-atti tissuġġerixxi li l-GOK, konxju mill-investigazzjonijiet preċedenti dwar l-involviment tiegħu f’Hynix mill-Komunitajiet Ewropej u mill-Istati Uniti, iddiriġiet li kwalunkwe komunika dwar Hynix kellha ssir oralment biex ma tkunx traċċabbli (7). L-FSC ddikjara li ma kellu ebda setgħa jintervjeni fuq l-isforzi tar-ristrutturar ta’ kull kumpanija, iżda li għamlet monitoraġġ parzjali tal-proċess, per eżempju fejn ħasbu li seta’ jkun hemm xokk potenzjali għas-swieq. L-FSC twettaq tali monitoraġġ minn kuntatti ma’ persuni “fuq il-livell ta’ xogħol”, iżda ma jinżammux rekords ta’ dawn il-kuntatti. Għalkemm l-FSC ammetta li Hynix kienet ristrutturata għaliex kienet daqshekk kbira, insista li l-mod u l-manjiera ta’ dan ir-ristrutturar kien iddeterminat biss mill-kredituri. Il-banek kredituri ta’ Hynix ikkonfermaw li l-FSC immonitorja mill-qrib r-ristrutturar permezz ta’ telefonati u talbiet ta’ informazzjoni.

    (26)

    Il-GOK, fil-laqgħat ta’ April 2002, ikkomunika l-pożizzjoni uffiċjali tiegħu lill-kredituri ta’ Hynix, li kiene jew li tinbiegħ Hynix jew li tiġi salvata biex jitnaqqas ix-xokk. Għalkemm il-GOK insista li d-deċiżjoni ta’ jekk il-likwidazzjoni kinitx possibbiltà jew le tħalliet f’idejn il-kredituri, id-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar l-importanza li tiġi salvata Hynix (permezz ta’ ristrutturar jew bejgħ) sabiex tintradd il-kunfidenza fis-swieq Koreani jgiddeb din l-insistenza. It-twemmin ta’ GOK li Hynix kienet kbira wisq biex tfalli huwa kkorroborat minn dikjarazzjoni minn wieħed mill-banek kredituri li Hynix kienet kumpanija tant kbira, li kienet timpjega għadd ta’ nies tant kbir u tant għandha kuntratti “li tista’ timmaġina x’jiġri jekk tfalli jew tkun insolventi.” Barra minn dan, wieħed mill-konsulenti esterni ta’ Hynix, fl-ittra tal-ħatra tiegħu kiteb li kien se jassisti “… fl-isforz biex tinstab soluzzjoni tar-ristrutturar realistika u vijabbli għal Hynix li timminimizza l-ħsara soċjali …” (enfasi miżjud). Kien ċar li l-likwidazzjoni ta’ Hynix ma kinitx għażla.

    VI.   L-involviment tal-GOK fil-banek kredituri ta’ Hynix

    (27)

    Il-GOK huwa azzjonist ewlieni f’għadd kbir ta’ banek kredituri ta’ Hynix. L-informazzjoni fl-atti pprovduti mill-banek, Hynix u l-GOK turi li l-GOK għandu għall-inqas azzjonijiet sinjifikanti (>20 %) fil-banek/istituzzjonijjiet finanzjarji kredituri li għandhom għall-inqas 75 % mid-drittijiet tal-votazzjoni fis-CFIC. Huwa mfakkar li l-maġġoranza meħtieġa fis-CFIC kienet ta’ 75 %; għalhekk l-involviment tal-GOK fid-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tal-Kredituri ma jistax jiġi ddubitat.

    (28)

    Bħal fl-investigazzjoni oriġinali, KDB u NACF huma entitajiet għal kollox proprjetà tal-gvern u għalhekk jitqiesu korpijiet pubbliċi fis-sens ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament bażiku.

    (29)

    Ma hemm ebda evidenza fl-atti li tissuġġerixxi li s-sitwazzjoni fir-rigward ta’ Woori Bank inbidlet minn dik deskritta fil-premessi (80) sa (82) tar-Regolament dwar id-dazju proviżorju. Barra minn dan, kif jingħad fir-Regolament dwar id-dazju proviżorju, Chohung Bank, issa msejjaħ Shinhan Bank minn meta amalga ma’ Shinhan Bank fl-1 ta’ April 2006, daħal f’Memorandum ta’ Ftehim mal-Korean Deposit Insurance Corporation (“KDIC”) f’Jannar 2002, fejn ta lil KDIC, korp pubbliku, influwenza deċiżiva fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ Chohung Bank.

    (30)

    Id-Digriet numru 408 tal-Prim Ministru huwa evidenza ulterjuri li hemm ambitu legali għall-intervent tal-GOK fis-settur finanzjarju għal raġunijiet ta’ politika. Il-GOK jiċċita lid-Digriet bħala evidenza li l-gvern Korean uffiċjalment iddikjara li ma kienx se jintervjeni fil-banek u fl-istituzzjonijiet finanzjarji. Madankollu, l-Artikolu 5(1) tad-Digriet numru 408 tal-Prim Ministru jistipula li “Fil-każ li organizzazzjoni tas-superviżjoni finanzjarja titlob il-kooperazzjoni jew l-appoġġ ta’ istituzzjoni finanzjarja bi ħtieġa għall-istabbilizzazzjoni tas-suq finanzjarju … dan għandu jsir f’dokument jew permezz ta’ laqgħa.” Għalhekkk, mhux biss id-Digriet ma jipprekludix l-intervent tal-gvern fl-istituzzjonijiet finanzjarji, iżda espressament jistabbilixxi l-modi kif jista’ jsir dan l-intervent.

    (31)

    Hynix allegat li KEB ma kienx ikkontrollat mill-GOK u ppreżentat is-sehem fl-azzjonijiet f’idejn Commerzbank bħala evidenza ta’ l-indipendenza tagħha mill-intervent tal-GOK. Issottomettiet ukoll dokumenti li jirreferu għad-dritt ta’ veto ta’ Commerzbank fuq xi kwistjonijiet, inkluż l-amministrazzjoni tar-riskju. Iżda, KEB ma setax jikkonferma li Commerzbank, għalkemm kien bagħat persuna biex issir membru tat-tim tal-kreditu, attwalment eżerċita xi kontroll fuq id-deċiżjonijiet tal-kreditu u, fil-fatt, iddikjara li ma kinux jafu bl-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet ta’ veto. Barra minn dan, l-investigazzjoni riċenti fl-involviment tal-GOK fix-xiri minn Lone Star ta’ l-azzjonijiet fil-KEB fl-2003 turi wkoll li KEB huwa kkontrollat mill-GOK. Għalhekk huwa meqjus li mhemm ebda raġuni biex wieħed jitlaq mill-konklużjonijiet ta’ l-investigazzjoni oriġinali dwar l-influwenza tal-GOK fuq id-deċiżjonijiet tal-KEB.

    (32)

    Eżempju ieħor ta’ involviment tal-GOK fil-banek kredituri ta’ Hynix kien il-ħatra ta’ individwu li qabel kien Ministru ta’ l-Industrija u tal-Kummerċ bħala President tal-Kumitat tar-Ristrutturar tas-CFIC ta’ Hynix, mill-Kumitat Permanenti ta’ dak il-korp, biex imbagħad huwa reġa’ nħatar bħala Ministru ftit xhur wara.

    (33)

    Kookmin u Woori Bank indikaw ukoll li l-interferenza tal-GOK setgħet twassalhom biex jagħmlu deċiżjonijiet ibbażati fuq politika fil-prospetti tagħhom lill-Kummissjoni tal-Borża tas-Sigurtajiet fl-2002. Hynix issottomettiet evidenza li l-kliem meqjusa ma rreferewx speċifikatament għal Hynix u m’għandux jitqies li huwa maħsub li jimplika li l-GOK eżerċita l-kontroll fuq is-settur bankarju Korean. Madankollu, l-evidenza sottomessa minn Hynix ma tikkontestax partijiet oħrajn tal-prospett li jwissu, per eżempju, li l-azzjonijiet tal-GOK “jistgħu iġegħluna nieħdu azzjonijiet jew infittxu għanijiet ta’ politika li jistgħu jkunu kontra l-interessi [tal-kredituri].”

    (34)

    Il-Kummissjoni talbet li tara d-dokumentazzjoni interna dwar id-deċiżjoni ta’ l-istituzzjonijiet kredituri li japprovaw il-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Dawn id-dokumenti kunfidenzjali juru li, għalkemm kull kreditur għadda mill-proċeduri standard interni tiegħu biex jiddeċiedi li jipparteċipa fir-ristrutturar, ma aġixxewx skond il-klassifikazzjoni tal-kreditu li kull wieħed kien ta lil Hynix għall-perjodu in kwistjoni. Għalkemm il-kredituri kollha kienu taw lil Hynix ratazzjoni ekwivalent għan-Selective Default ta’ Standard & Poor, xorta pproċedew biex japprovaw il-pjan ta’ ristrutturar. Per eżempju, fil-ħin meta ġie approvat ir-ristrutturar, ir-rata ta’ kreditu ta’ bank wieħed għal Hynix indikat li l-kumpanija kienet vulnerabbli ħafna u li l-possibbiltà li n-negozju jiġi rrestawrat kienet improbabbli ħafna. Ir-rata moghtija lil Hynix minn bank ieħor involut indikat li l-possibbiltà ta’ nuqqas kienet għolja ħafna u li ma kien hemm ebda possibbiltà ta’ rkupru fil-futur. Minflok, dawn il-banek ipproċedew u approvaw il-proposta tar-ristrutturar, għalkemm l-evidenza tissuġġerixxi li dan ma kienx konsistenti ma’ strateġija orjentata lejn is-suq u r-rapport tad-DB ma jindikax mod iehor.

    (35)

    Dan intwera mit-trattament tal-kredituri kemm tad-dejn li estendew u l-azzjonijiet li rċevew fit-tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet: madwar 80-90 % tad-dejn ta’ Hynix kien inqata’ bħala telf – f’każ wieħed, ukoll 100 % – u l-azzjonijiet kienu riżervati b’madwar 20 % tal-prezz li ħallsu l-kredituri.

    (36)

    Il-kumpanija tiddikjara li l-ġrajjiet sussegwenti juru li d-deċiżjoni tal-kredituri kienet dik korretta; Hynix kienet ilha tagħmel profitt mill-2005 u l-kredituri biegħu l-azzjonijiet tagħhom fil-kumpanija għal qliegħ konsiderevoli. Madankollu, din hija analiżi ex post facto, li ma tiġġustifika bl-ebda mod il-konklużjoni li fiż-żmien meta l-kredituri approvaw il-pjan tar-ristrutturar, dan kien konsistenti ma’ metodu orjentat lejn is-suq. Barra minn dan, il-fatt li Hynix issopravviviet kien minħabba s-sussidji enormi li rċeviet. Wieħed ma jistax jargumenta li, minħabba li Hynix issopravviviet, is-sussidji ma kinux sussidji, jekk dik is-sopravvivenza kienet possibbli biss minħabba dawn is-sussidji. Fl-aħħar, il-kredituri kienu fil-pożizzjoni li kienu fiha fl-aħħar ta’ l-2002 għaliex kienu pparteċipaw fir-ristrutturar ta’ l-2001, li kkostitwixxa sussidju. Għalhekk, ma jistgħux jargumentaw li għandhom jitqabblu ma’ kredituri privati li ħadu l-passi kollha li jwasslu għall-pożizzjoni tagħhom f’xi punt taż-żmien għal kollox mir-rieda tagħhom. Għalhekk, l-argument ta’ Hynix ma jaffettwax il-konklużjoni li l-kredituri ma kinux qed jaġixxu skond metodu orjentat lejn is-suq.

    VII.   Il-Konklużjoni dwar il-Kontribuzzjoni Finanzjarja

    (37)

    Minħabba l-evidenza fl-atti dwar il-politika tal-GOK dwar Hynix u l-involviment tagħha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kredituri ta’ Hynix, kif ukoll l-evidenza dwar l-istat ta’ kriżi ta’ Hynix u n-nuqqas ta’ rieda tas-suq li javvanza l-kapital, kif ukoll in-nuqqas ta’ provi li l-kredituri eżistenti aġixxew skond l-indikazzjoni tas-suq, huwa stess mhux mgħawweġ minn sussidji, huwa konkluż li l-GOK fdat u ddiriġiet lill-kredituri ta’ Hynix biex isalvaw lil Hynix billi japprovaw ir-ristrutturar deskritt fil-premessa (19) hawn fuq. Dan ikkostitwixxa kontribuzzjoni finanzjara fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.

    (38)

    Hynix iddikjarat li l-GOK ma kellux x’jaqsam mar-ristrutturar il-ġdid, li kien imfassal mill-kredituri bl-għajnuna ta’ konsulenti esterni. Barra minn dan, iddikjarat li l-provi fir-rekord juru biss li l-GOK kien imħasseb dwar il-futur ta’ Hynix, iżda li ma laħaqx ir-rekwiżit għal konnessjoni li setgħet tintwera bejn il-GOK u l-azzjonijiet tal-bank. Għalkemm l-azzjonijiet tal-GOK mhumiex prova konklussiva ta’ direzzjoni jew kariga, huwa prova qawwija ta’ kemm jista’ l-GOK jinfluwenza l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-bank. Kif kien il-każ fl-investigazzjoni oriġinali, l-evidenza fl-atti turi li, bħala azzjonist ewlieni, il-GOK jista’ jaħtar diretturi u għalhekk jista’ jinfluwenza r-riżultat tal-votazzjoni fil-laqgħat tal-bord. Barra minn dan, l-artikli diversi fl-istampa u r-rapporti fl-atti juru b’mod ċar li l-GOK ma kienx se jippermetti lil Hynix tfalli; dan jintwera wkoll mill-fatt li wieħed mill-banek li kien proprjetà esklussiva tal-GOK xtara d-dejn ta’ Hynix mill-kredituri l-oħrajn biex jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-banek li kienu inkarigati biex isalvaw lil Hynix. Mhux kontestat li l-pjan tar-ristrutturar il-ġdid kien imfassal mill-konsulenti esterni ta’ Hynix flimkien mal-kredituri tagħha; iżda, l-evidenza fl-atti tissuġġerixxi li l-GOK kien afda u dderieġa lill-kredituri ta’ Hynix jirristrutturaw lil Hynix u mhux iħalluha tfalli.

    (39)

    L-imġiba tal-banek turi wkoll b’mod ċar li ma kinux qed jaġixxu skond konsiderazzjonijiet kummerċjali normali. Ebda mill-banek ma kklassifika lil Hynix bħala kumpanija ta’ grad ta’ investiment; fil-fatt, il-klassifikazzjonijiet kollha mogħtija lil Hynix mill-kredituri tagħha juru li qisuha riskju sostanzjali u kellhom dubju jekk tkunx tista’ tissopravvivi. Il-kumpanija ddikjarat li l-imġiba tal-kredituri għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva ta’ “kreditur eżistenti”. Madankollu, kif diskuss f’aktar dettall fil-premessa (36) hawn fuq u l-premessi (41)-(44) hawn isfel, żgur f’dan il-każ, li huwa affettwat minn sussidji kbar ħafna u simili mogħtija biss madwar sena qabel, it-test korrett li għandu jiġi applikat fir-rigward tar-raġonevolezza kummerċjali tal-kredituri huwa t-test ta’ l-investitur privat. Għalhekk, il-kwistjoni ta’ jekk kreditur eżistenti kienx iġib ruħu b’mod simili għal dak tal-kredituri ta’ Hynix m’għandhiex għalfejn tiġi indirizzata.

    VIII.   Il-benefiċċju

    (40)

    Dwar kwalunkwe benefiċċju konferit lil Hynix, KEB, Woori Bank, Shinhan Bank, KDB u NACF kollha sostnew li kienu pparteċipaw fir-ristrutturar il-ġdid għaliex riedu jimmassimizzaw ir-rata ta’ l-irkupru għas-self diġà’ mogħti lil Hynix. Huma qiesu li l-valur ta’ Hynix bħala negozju kien ogħla mill-valur ta’ likwidazzjoni immedjata tagħha. Madankollu, dan it-tqabbil, huma x’inhuma l-merti tiegħu bħala standard għall-analiżi ta’ l-eżistenza ta’ benefiċċju, fi kwalunkwe każ ma jgħoddx f’dan il-każ għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (36) hawn fuq u (41)-(44) hawn taħt. Barra minn dan, l-eżistenza ta’ benefiċċju potenzjali għall-kredituri esposti bil-qawwi ma turix li ma kien hemm ebda benefiċċju lil Hynix.

    (41)

    Hynix tiddikjara li r-ristrutturar il-ġdid kien ibbażat fis-suq, għaliex kien imfassal minn konsulenti esterni, bħal DB u Deloittes, wara xhur ta’ verifiki xierqa (due diligence) u kien ibbażat fuq ir-Rapport tad-DB li rrakkomanda l-kors ta’ azzjoni li mbagħad ġie segwit. Madankollu, ir-rapport tad-DB kien indirizzat lill-kredituri ta’ Hynix. L-għan tiegħu kien li jimmassimizza l-ġbir lura tad-dejn għal dawn il-kredituri filwaqt li jżomm il-kumpanija milli tfalli. Hynix argumentat li t-test li għandu jiġi applikat biex jiġi vverifikat il-benefiċċju rċevut mill-kumpanija mir-ristrutturar il-ġdid għandu jkun it-test tal-‘kreditur privat’ u mhux it-test ta’ l-‘investitur privat’. Il-pożizzjoni tal-kredituri huwa fattur li jista’ jitqies f’analiżi; iżda, kif spjegat fil-premessa (36) u hawn taħt, ma jistax ikollha rwol f’dan il-każ.

    (42)

    F’termini ġenerali, l-istandard rilevanti huwa jekk investitur orjentat lejn is-suq, bi jew mingħajr espożizzjoni għal Hynix, ikunx evalwa l-investiment propost f’Hynix bħala wieħed ta’ min jagħmlu. Ir-rapport tad-DB ma jipprovdix risposta dipendibbli għal dik il-mistoqsija għaliex, minħabba li huwa indirizzat lill-kredituri eżistenti, huwa premess fuq l-użu ta’ dak li f’termini ġenerali huma l-istrutturi tad-dejn u ta’ l-azzjonijiet ta’ Hynix bħala vettura għall-investiment propost, u b’hekk inaqqas sa ma tisparixxi kwalunkwe possibbiltà għal investiment ipotetiku barrani fuq l-istess termini. Ir-rapport tad-DB ma fih ebda evidenza li l-investituri privati barranin kien ikollhom xi interess li jinvestu f’Hynix. Tassew, il-parir ta’ DB lill-investituri privati, fil-fatt, kien li ma jinvestux f’Hynix, kif jintwera mill-fatt li d-dipartiment tar-riċerka tiegħu ma segwiex l-azzjonijiet ta’ Hynix.

    (43)

    Fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Hynix fil-ħin tar-ristrutturar il-ġdid, kif deskritt fil-premessa (14) hawn fuq, kienet waħda ta’ kriżi u kien evidenti li Hynix ma kinitx f’pożizzjoni li tlaħħaq mad-djun tagħha; għalhekk ebda finanzjament ma kien ser jiġi mis-suq, kif inhuwa evidenti mid-dikjarazzjonijiet tal-konsulenti finanzjarji ċitati fil-premessi (14) u (15) hawn fuq. Filwaqt li r-rapport tad-DB jindika t-triq biex il-kredituri ta’ Hynix jimminimizzaw it-telf tagħhom, ma jagħti ebda indikazzjoni għaliex is-suq kien ikompli jsellef jew jinvesti l-flus f’Hynix, kumpanija f’selective default. Għalhekk, kwalunkwe data oħra li hija disponibbli dwar il-pożizzjoni ta’ Hynix u s-sitwazzjoni tas-suq tikkonferma li r-rapport tad-DB ma jipprovdi ebda risposta ta’ min joqgħod fuqha għall-kwistjoni jekk investitur orjentat lejn is-suq ikunx evalwa jew le l-investiment propost f’Hynix bħala wieħed ta’ min jagħmlu.

    (44)

    Barra minn dan, filwaqt li titwarrab il-kwistjoni ta’ liema kors ta’ azzjoni setgħet jew ma setgħetx kienet miftuħa għall-partijiet fl-2002 minħabba s-sitwazzjoni kif kienet teżisti f’dak iż-żmien, il-fatt jibqa’ li Hynix kienet tqiegħdet f’din is-sitwazzjoni minn deċiżjonijiet ta’ investiment u self li kienu ekonomikament irrazzjonali minn jew f’isem il-GOK fl-2001, li l-effetti tagħhom komplew fl-2002 u lil hinn. L-għan espress tar-ristrutturar il-ġdid kien li Hynix tiġi ffinanzjata mill-ġdid u dan ma jistax jiġi sseparat mis-salvataġġ ta’ l-2001. It-tnejn huma konnessi b’mod inseparabbli. Fi kliem ieħor, huwa biss minħabba n-natura irrazzjonali u l-falliment sussegwenti tar-ristrutturar ta’ qabel li sar neċessarju li tiġi estiża l-espożizzjoni tal-kredituri eżistenti fil-miżura ta’ l-2002. Għalhekk is-soluzzjoni proposta fir-rapport tad-DB kienet biss possibbli meta abbinata mal-miżuri ta’ l-2001. Mhuwiex possibbli li kors ta’ azzjoni propost jiġi ttrattat bħala indikazzjoni tas-suq jekk dak il-kors ta’ azzjoni fih innifsu huwa kontinwazzjoni ta’ deċiżjoni rraġonevoli ta’ investiment tal-gvern ta’ qabel. Għal din ir-raġuni wkoll, ir-rapport tad-DB ma jipprovdix risposta ta’ min joqgħod fuqha għall-kwistjoni jekk investitur orjentat lejn is-suq ikunx evalwa jew le l-investiment propost f’Hynix bħala wieħed ta’ min jagħmlu.

    (45)

    Għalhekk huwa kkunsidrat li r-ristrutturar il-ġdid ta benefiċċju lill-kumpanija, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku.

    IX.   L-ispeċifiċità

    (46)

    Ladarba l-miżuri li kienu jiffurmaw ir-ristrutturar il-ġdid ittieħdu esklussivament għal Hynix, l-estensjoni tad-dejn, il-prinċipalizzazzjoni ta’ l-interessi u t-tpartit ta’ dejn għal kapitali jitqiesu li huma speċifiċi fis-sens ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

    X.   Il-kalkolu ta’ l-ammont tal-benefiċċju

    i.   Iż-żmien tal-benefiċċju

    (47)

    Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli għandhom jiġu kkalkulati f’termini tal-benefiċċju għar-reċipjent li jinstab li jeżisti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tas-sussidju. L-ammont ta’ dejn ekwivalenti għall-ammont li kellu jitpartat f’azzjonijiet tneħħa mis-self u ġie rreġistrat bħala aġġustament tal-kapital meta d-deċiżjoni tar-ristrutturar ittieħded fit-30 ta’ Diċembru 2002 (in-Nota 14 tal-Prospetti Finanzjarji ta’ Hynix ta’ l-2002). B’mod simili, Hynix ġiet rilaxxjata mill-obbligi tal-ħlas ta’ interessi fir-rigward ta’ dan id-dejn fl-istess data.

    (48)

    L-industrija Komunitarja argumentat li l-benefiċċju mir-ristrutturar il-ġdid ma ngħatax lil Hynix qabel it-13 ta’ April 2003, meta l-azzjonijiet fil-fatt inħarġu lill-kredituri. Min-naħa l-oħra l-kumpanija argumentat li d-data effettiva tal-benefiċċju, fil-fatt, huwa Diċembru 2002, għaliex dik kienet id-data meta ttieħdet mill-kredituri d-deċiżjoni li japprovaw ir-ristrutturar u d-data li fiha Hynix ġiet rilaxxjata mill-obbligi tagħha fir-rigward tad-dejn tagħha.

    (49)

    Ladarba l-Panel tad-DSB fuq id-DRAMs qal li l-benefiċċju ta’ sussidju għandu jiġi osservat mill-perspettiva tar-reċipjent u l-kumpanija ma kinitx għadha taħt xi obbligi fir-rigward ta’ l-espożizzjoni għad-dejn lejn il-kredituri tagħha mid-data tad-deċiżjoni li jipproċedu bir-ristrutturar il-ġdid, jitqies li d-data effettiva ta’ l-għotja tal-benefiċċju lil Hynix kienet it-30 ta’ Diċembru 2002.

    ii.   Il-bażi għall-kalkolu

    L-Estensjoni tad-Dejn u Tibdil fir-rati ta’ l-Interessi u l-Kondizzjonijiet tal-Ħlas

    (50)

    Skond il-metodoloġija adottata fl-investigazzjoni oriġinali, estensjoni tad-dejn titqies li hija self għall-għanijiet tal-kalkolu tal-benefiċċju. L-interessi kkapitalizzati jiġu ttrattati wkoll bħala self għal dan l-iskop. Fl-investigazzjoni oriġinali, is-sussidju tqies li huwa l-ammont prima facie tal-kapital misluf, allokat tul il-perjodu normali ta’ ħames snin ta’ deprezzament ta’ l-assi. Kull ammont annwali hekk allokat ġie miżjud billi żdiedet ir-rata standard ta’ l-interessi kummerċjali fil-Korea (7 %). Il-PanelKE-Korea DRAMs ikkritika dan bħala “metodoloġija ta’ sussidju” li ma kinitx tirrifletti l-fatt li s-self, differenti mis-sussidji, jitħallsu lura u li “Għalhekk huwa ovvjament ta’ inqas benefiċċju għal kumpanija li tingħata self milli tingħata sussidju” (8). Il-Panel qies li l-KE għandha tibbaża l-kalkoli tagħha fuq l-indikazzjonijiet li jirriflettu l-prattika normali ta’ l-investiment.

    (51)

    Wara l-kummenti tal-Panel ta’ l-ODK dwar il-metodoloġija tas-sussidju użata fl-investigazzjoni oriġinali, ġie meqjus xieraq li f’din ir-reviżjoni jinstab punt ta’ referenza bbażat fuq self li fuqu seta’ jiġi kkalkolat il-benefiċċju.

    (52)

    Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Hynix fil-ħin tar-ristrutturar mill-ġdid, kif deskritt fil-premessi (14) u (15) hawn fuq, kienet waħda ta’ kriżi u kien evidenti li Hynix ma kinitx f’pożizzjoni li tilħaq id-djun tagħha; għalhekk is-suq ma pprovda ebda finanzjament. Ebda self kummerċjalment komparabbli ma kien ingħata lil Hynix fil-ħin tar-ristrutturar il-ġdid, u lanqas ma kien hemm xi provi vverifikati fir-rekord dwar l-ispejjeż u t-termini ta’ self kummerċjali komparabbli li Hynix jew xi ditta oħra f’sitwazzjoni komparabbli għal Hynix kienet ingħatat fiż-żmien rilevanti. Il-fatt li entitajiet privati kienu wkoll ipparteċipaw fir-ristrutturar il-ġdid ma jipprovdix indikazzjoni ta’ min joqgħod fuqha; l-entitajiet involuti kienu żgħar u kellhom ammonti insinjifikanti ta’ dejn f’Hynix, meta mqabbla ma’ entitajiet immexxija mill-GOK. Barra minn dan, skond is-sejbiet tal-Panel ta’ l-ODK fil-każ dwar DRAMs mill-Ġappun, li kkunsidra l-istess fatti bħal din l-investigazzjoni, il-preżenza ta’ involviment kontemporanju tal-gvern fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-ristrutturar il-ġdid taġixxi biex tgħawweġ is-suq u għalhekk entitajiet privati u mhux immexxija ma jistgħux jitqiesu li huma punt ta’ referenza ta’ min joqgħod fuqu (9).

    (53)

    Għalhekk il-Kummissjoni bniet punt ta’ referenza alternattiv, ibbażat fuq rata ta’ interessi kummerċjali, bl-addizzjoni ta’ primjum ta’ riskju li jirrifletti r-rati ta’ nuqqas tal-kumpaniji li juru riskju komparabbli. Dan il-punt ta’ referenza jqis it-terminu tas-self, ir-rata ta’ imgħax ta’ referenza li titħallas minn kumpanija li jixirqilha kreditu, il-probabbiltà ta’ nuqqas minn kumpanija li ma jixirqilhiex kreditu f’terminu ta’ żmien speċifikat, u l-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ kumpanija li jixirqilha l-kreditu fi ħdan l-istess perjodu ta’ żmien.

    (54)

    Il-Kummissjoni użat din il-formula li ġejja biex tikkalkula rata ta’ imgħax ta’ referenza xierqa għal kumpaniji li ma jixirqilhomx kreditu:

    ib = [(1 –qn)(1 + if)n/(1 –pn)](1/n) –1

    Fejn:

    n

    =

    it-terminu tas-self

    ib

    =

    ir-rata ta’ imgħax ta’ referenza għal sellief li ma jixraqlux kreditu

    if

    =

    ir-rata ta’ imgħax għat-tul li titħallas minn kumpanija li jixirqilha kreditu

    pn

    =

    il-probabbiltà ta’ nuqqas minn kumpanija li ma jixirqilhiex kreditu fi żmien n snin

    qn

    =

    il-probabbiltà ta’ nuqqas minn kumpanija li jixirqilha kreditu fi żmien n snin.

    (55)

    Għall-iskopijiet ta’ dan il-kalkolu, il-Kummissjoni użat ir-rata għal min jixraqlu l-kreditu għas-self mingħand KRW ir-rata mejda ta’ interessi tal-Bank tal-Korea fuq bonds korporattivi tal-grad ta’ investiment fl-2003, li kienet ta’ 10,43 %. Ir-rati ta’ nuqqas għall-kumpaniji li kien jixirqilhom kreditu u dawk li ma kienx jixirqilhom kreditu għat-terminu tal-miżuri in kwistjoni ttieħdet minn Moody’s Investor Services. Ir-rata ta’ nuqqas ta’ kumpanija li ma jixirqilhiex kreditu fl-2003 fi żmien 3 snin (it-terminu ta’ l-estensjoni) kienet ta’ 54,86 %, filwaqt li r-rata ta’ nuqqas ta’ kumpanija li jixirqilha kreditu fi żmien 3 snin fl-2003 kienet ta’ 0,33 %. Dan wassal għal rata ta’ interessi totali ta’ 43,8 %. B’kuntrast, ir-rata ta’ interessi pagabbli minn Hynix fuq id-dejn estiż kienet ta’ 3,5 %, jiġifieri differenzjal ta’ rata ta’ interessi ta’ 40,3 %, li twassal għal rata ta’ dazju kompensatorju ta’ 23,7 %.

    Tpartit ta’ Dejn għal Kapital

    (56)

    Kif deskritt fil-premessa (21) hawn fuq, is-CFIC kkalkula prezz ta’ tpartit għat-tpartit ta’ dejn għal kapital ta’ KRW 435 fit-30 ta’ Diċembru 2002, fuq bażi tal-prezz medju fis-suq fuq xahar. Il-kumpanija tiddikjara li dan kien metodu validu kummerċjalment biex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ l-azzjonijiet u li kien jirrifletti r-realtà tas-suq. Fil-fatt, dan il-prezz kien jirrefletti limitu massimu; jekk il-prezz għola bejn it-30 ta’ Diċembru 2002 u l-jum meta fil-fatt inħarġu l-azzjonijiet, il-prezz kien jinbidel f’dan is-sens. Il-prezz attwali fil-jum meta ttieħdet id-deċiżjoni biex jitmexxa r-ristrutturar il-ġdid kien ta’ KRW 280. Meta d-dejn eventwalment ġie konvertit f’azzjonijiet, wara t-tnaqqis tal-kapital, bi prezz ta’ KRW 9 135 (KRW 435 × 21), il-prezz ta’ l-azzjonijiet kien, fil-fatt, ta’ KRW 3 500. Jekk l-effett tat-tnaqqis tal-valur tal-kapital huwa injorat, l-azzjonijiet maħruġa kienu qed jinbiegħu ferm inqas mill-valur tagħhom, bi prezz ta’ KRW 167. Mhuwiex kontestat li s-CFIC kellu diskrezzjoni dwar il-metodu li bih seta’ jistabbilixxi l-prezz tat-tpartit. Madankollu, minkejja din id-diskrezzjoni, minħabba li l-prezz tat-tpartit ma kienx prezz fiss, iżda garanzija li l-kumpanija kienet se tirċievi ammont minimu għall-azzjonijiet tagħha, ma jistax jitqies li huwa prezz li jikkorrispondi għar-realtà kummerċjali, speċjalment meta jitqies il-prezz attwali fil-ħin li ġie stabbilit il-prezz tat-tpartit u t-tendenza ’l isfel xejn sorprendenti bejn il-ħin tal-laqgħat tas-CFIC u d-data tat-tpartit f’April 2003.

    (57)

    Sabiex jiġi kkalkolat il-benefiċċju li rċeviet Hynix mit-tpartit tad-dejn għall-kapital, l-ispejjeż biex jinħarġu l-azzjonijiet lil Hynix għandhom jiġu meqjusa. Il-Kummissjoni osservat li, sabiex tiġi eżaminata l-ispiża, jekk hemm, tat-tpartit mill-perspettiva tar-reċipjent, għandhom jitqiesu l-obbligi imposti fuq kumpanija meta jinħarġu azzjonijiet ġodda. Il-Kummissjoni osservat f’dan ir-rigward, li l-injezzjonijiet tal-kapital mill-azzjonijiet ordinarji normalment ma jimponux obbligi partikolari fuq kumpanija, għaliex la hemm rata fissa ta’ dħul lura li għandha tikseb u lanqas, fil-fatt, ma jridu jsiru xi pagamenti. Madankollu, il-kumpanija għandha għall-inqas obbligu teoretiku li tiddistribwixxi l-profitti tagħha, jew parti minnhom, lill-azzjonisti tagħha; il-proporzjon ta’ dħul lura fuq l-azzjonijiet (“ROE” – return on equity) jista’ jipprovdi xi indikazzjoni tal-livell ta’ dħul lura li l-kumpanija hija mistennija tipprovdi lill-azzjonisti tagħha u tista’ tintuża fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-benefiċċju lil Hynix. Madankollu, l-ROE ta’ Hynix fl-2003 kien perċentwal negattiv, kif ikkalkolat b’referenza għall-prospetti finanzjarji tagħha għas-sena. Għalhekk, fuq bażi ta’ evalwazzjoni oġġettiva tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ Hynix fil-ħin tat-tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet, mhuwiex raġonevoli li wieħed jistenna li Hynix tkun f’pożizzjoni li tiddistribwixxi xi dħul lura lill-azzjonisti tagħha għas-sena rilevanti. Għalhekk, bl-użu ta’ ROE bħala indikazzjoni, xorta jiġi konkluż li l-ammont kollu tat-tpartit ta’ dejn għal kapital huwa sussidju suġġett għal miżuri kumpensatorji.

    (58)

    Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk hemmx spejjeż għal Hynix assoċjati ma’ li tkun trid iċċedi l-azzjonijiet ta’ proprjetà b’riżultat tat-tpartit jew l-ispiża għal Hynix minn dilwizzjoni potenzjali tal-prezz ta’ l-azzjonijiet li tirriżulta mill-ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda. Fuq bażi tar-reviżjoni tagħha ta’ l-evidenza fl-atti, il-Kummissjoni ma temminx li l-benefiċċju nett għal Hynix tat-tpartit sħiħ għal azzjonijiet huwa mnaqqas b’riżultat tal-ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni temmen li huwa essenzjali li jiġi rikonoxxut l-impatt li kellu t-tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Hynix.

    (59)

    Bħal kwistjoni ta’ limitu, huwa essenzjali li jiġi rikonoxxut li din ma kinitx infużjoni dritta ta’ kapital. Il-benefiċċju fundamentali għal Hynix irriżulta mill-ammont kbir ħafna ta’ dejn li ġie estint b’riżultat tat-tpartit, jiġifieri KRW 1 861,5 biljun. Dan assolva lil Hynix milli jkollha tħallas lura xi parti minn dan l-ammont ta’ prinċipal u milli jkollha tħallas l-interessi. Minflok, dan l-ammont kbir ħafna ta’ dejn ġie sostitwit b’azzjonijiet maħruġa lill-banek kredituri. Madankollu ma kien hemm ebda spiża reali kwantifikabbli għal Hynix biex toħroġ l-azzjonijiet il-ġodda. Filwaqt li l-valur eżistenti ta’ l-azzjonijiet ġie dilwit b’riżultat tal-ħruġ, dan ma kellu assolutament ebda impatt fuq il-karta tal-bilanċ ta’ Hynix. Ma rriżulta f’ebda ħlas ta’ flus kontanti (minbarra l-ispiża assoċjata mal-ħruġ ta’ l-azzjonijiet il-ġodda) u ma obbligax lil Hynix tagħmel xi ħlasijiet fi flus kontanti fil-futur, kif kien ikun il-każ bl-istrumenti tad-dejn.

    (60)

    Il-kumpanija allegat li l-valur tas-suq ta’ l-azzjonijiet għandu jitnaqqas minn kwalunkwe sejba ta’ benefiċċju u ċċitat il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Kalkolu tas-Sussidju fl-Investigazzjonijiet dwar id-Dazju Kumpensatorju, li jipprovdu, fil-paragrafu E(f)(iii), li “jekk il-gvern jixtri azzjonijiet f’kumpanija u jħallas aktar mill-prezz tas-suq għal dawn l-azzjonijiet (filwaqt li jitqies kwalunkwe fattur ieħor li seta’ influwenza lil investitur privat), l-ammont tas-sussidju huwa d-differenza bejn iż-żewġ prezzijiet (enfasi miżjuda).” Madankollu, investitur privat ma kienx jixtri l-azzjonijiet f’Hynix fil-perjodu rilevanti. Fil-fatt, l-evidenza fl-atti turi li l-azzjonijiet ta’ Hynix kienu qed jiġu nnegozjati fuq livell tant baxx li jmisshom ġew sospiżi, li kieku ma saritx eċċezzjoni għar-Regolamenti Koreani dwar l-Elenkar li dehret li ġiet mfassla apposta għal Hynix biss. Barra minn dan, il-fatt li kien hemm valur tas-suq għall-azzjonijiet m’għandux impatt fuq il-kumpanija, li m’għandhiex għalfejn tħallsu. Din tkun konsiderazzjoni rilevanti biss kieku kien hemm element fit-tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet li kien jobbliga lil Hynix tidħol fi ftehim li tixtri lura l-azzjonijiet.

    (61)

    Għalhekk, fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq u ladarba Hynix ma rrapportat ebda spejjeż assoċjati mal-ħruġ ta’ l-azzjonijiet, huwa meqjus li l-istrateġija xierqa biex jitkejjel il-benefiċċju mit-tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet hija li jittieħed l-ammont kollu tat-tpartit.

    iii.   Il-kalkolu finali tal-benefiċċju

    (62)

    Kif spjegat fil-premessa (61) hawn fuq, l-ammont kollu tat-tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet tqies bħala l-benefiċċju mogħti lil Hynix minn dik il-miżura. Dan is-sussidju jagħti benefiċċju kbir li ma jirrepetix ruħu, għaliex, kif spjegat hawn fuq, il-metodu ta’ allokazzjoni tul perjodu ta’ 5 snin kien meqjus xieraq. L-ammont ta’ sussidju hekk allokat ġie espress bħala perċentwali tal-bejgħ totali ta’ Hynix fl-2005. Bl-interessi, bl-użu tar-rati ta’ interessi kummerċjali medji applikabbli fil-Korea għall-perjodu ta’ reviżjoni ta’ l-investigazzjoni, is-sussidju suġġett għal miżuri kumpensatorji huwa ta’ 6.8 %. Madankollu, għaliex it-tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet huwa sussidju ta’ darba u li ma jirrepetix ruħu, allokat tul perjodu fiss ta’ żmien u għaliex dan il-perjodu ta’ allokazzjoni jitqies li jibda fil-ħin li l-benefiċċju attwalment ġie riċevut, jitqies li skada fil-31 ta’ Diċembru 2007.

    (63)

    Kif jissemma fil-premessa (50) hawn fuq, l-estensjoni tad-dejn u l-interessi kkapitalizzati ġew ittrattati bħala self u jitqiesu li huma sussidju rikorrenti. Il-kumpanija sostniet li kienet ħallset lura s-sussidju rċevut fir-ristrutturar ta’ Diċembru 2002 meta ffinanzjat id-dejn tagħha mill-ġdid f’Lulju 2005 lil konsorzju ta’ banek Koreani u mhux Koreani (ara l-premessi (75) u (76) hawn taħt). Hynix tallega li r-rifinanzjament, li bih assumiet dejn ġdid biex tħallas id-dejn taħt ir-ristrutturar il-ġdid u tiggradwa mis-CRPA, estingwa s-sussidju. Meta sar ir-rifinanzjament fl-2005, Hynix kienet reġgħet bdiet tagħmel il-qligħ u kellha rata ta’ kreditu ta’ BBB+ skond il-Korea Investors Service Inc. Il-finanzjament mill-ġdid tad-dejn tagħha fuq termini kummerċjali minn Hynix effettivament waqqaf is-sussidju milli jerġa’ jseħħ, u għalhekk il-benefiċċju ma baqax jeżisti. Minħabba f'hekk, huwa meqjus li mit-13 ta’ Lulju 2005 l-estensjoni tad-dejn u l-interessi kkapitalizzati waqfu milli jagħtu benefiċċju lil Hynix.

    XI.   Skemi oħrajn allegati ta’ sussidju

    Il-Bejgħ BOE-Hydis

    (64)

    F’Jannar 2003, Hynix biegħet n-negozju tagħha ta’ apparat viżiv tal-kristalli likwidi (liquid crystal display) (“Hydis”) lil Beijing Orient Electronics Technology Group Co. Limited (“BOE”), kumpanija Ċiniża, għal madwar USD 380 miljun. Il-prezz tax-xiri kien iffinanzjat għall-parti l-kbira minn self ipprovdut mill-banek kredituri ta’ Hynix, jiġifieri, KEB, KDB, Woori Bank u Hyundai Marine and Fire Insurance (“HMFI”), li kollettivament sellfu USD 188 miljun lill-kumpanija l-ġdida ffurmata biex tixtri l-assi, BOE-Hydis.

    (65)

    L-industrija Komunitarja allegat li l-GOK fdat u ddiriġiet lill-banek Koreani jipprovdu fondi fuq termini preferenzjali sabiex BOE tkun tista’ tixtri l-assi, u b’hekk tiġi pprovduta injezzjoni tant meħtieġa ta’ flus kontanti lil Hynix.

    (66)

    Għalkemm kien hemm xi evidenza li l-pressjoni eżerċitata fuq xi ftit mis-selliefa l-oħrajn minn KEB u Hynix u li BOE ma setgħetx tiġbed finanzjament minn kredituri indipendenti, ma kien hemm ebda prova li l-fondi pprovduti kienu, fil-fatt sussidju suġġett għal miżuri kumpensatorji. Sejba ta’ kariga u/jew direzzjoni tal-banek Koreani mill-GOK mhijiex biżżejjed; sabiex jinstab sussidju suġġett għal miżuri kumpensatorji fiċ-ċirkostanzi deskritti mill-industrija Komunitarja, għandu jintwera li BOE stess kienet fdata u diriġuta mill-GOK biex tixtri lil Hydis. Għalkemm it-termini tal-finanzjament mill-banek Koreani kienu ġenerużi, BOE xorta assumiet dejn ta’ USD 188 miljun u ħallset il-bqija tal-prezz tax-xiri fi flus kontanti; mhemm ebda prova ta’ kariga/direzzjoni mill-GOK lil BOE. Fi kwalunkwe każ, il-finanzjament ingħata lil BOE-Hydis, u ma tressqet ebda prova li għadda xi benefiċċju lil Hynix. Għalhekk, is-self ta’ USD 188 miljun mogħti lil BOE-Hydis mill-banek Koreani ma jitqisx li jikkostitwixxi sussidju fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

    Il-Bejgħ ta’ System IC

    (67)

    Kif previst mit-termini tar-ristrutturar il-ġdid, f’Ottubru 2004 Hynix biegħet l-assi tagħha ta’ System IC lil konsorzju mmexxi minn CVC Partners, fond ta’ sigurtajiet privati (private equity fund) immaniġġjat minn Citigroup Venture Capital għal KRW 954,3 biljun. Il-finanzjament ta’ l-akkwist kien jammonta għal KRW 481,3 biljun tal-prezz tax-xiri u l-aktar ħa l-forma ta’ trasferiment ta’ dejn minn Hynix lil MagnaChip, il-kumpanija ffurmata biex tixtri l-assi ta’ System IC. Il-kredituri ta’ Hynix ittrasferew id-dejn mhux garantit tagħhom ta’ Hynix lil MagnaChip b’rata ta’ skont ta’ 21 %, iżda d-dejn iggarantit kien assunt mill-kumpanija l-ġdida mingħajr ebda konċessjoni.

    (68)

    L-industrija Komunitarja allegat li t-trasferiment tad-dejn skontat ammonta għal sussidju suġġett għal miżuri kumpensatorji. Madankollu, minħabba li MagnaChip assumiet dejn ta’ KRW 481,3 biljun u ħallset KRW 481,3 biljun fi flus kontanti, sabiex jinstab li t-tranżazzjoni kienet tinvolvi kontribuzzjoni finanzjarja għandu l-ewwel ikun hemm prova li ngħata inkarigu jew direzzjoni lil MagnaChip/CVC Partners, u din il-prova la tressqet u l-anqas instabet. Il-parteċipazzjoni fit-trasferiment tad-dejn imraħħas mill-kredituri kienet volontarja. B’mod simili għall-bejgħ BOE-Hydis, il-finanzjament ingħata lil terzi u mhux lil Hynix, u għalhekk mhemm ebda prova li xi benefiċċju għadda lil Hynix. Għalhekk, it-trasferiment tad-dejn imraħħas lil MagnaChip ma jitqiesx li jikkostitwixxi sussidju fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

    Xiri fi Flus Kontanti

    (69)

    F’Ottubru 2004, Hynix użat il-flus li daħlu mill-bejgħ ta’ l-assi ta’ System IC biex timplimenta pjan ta’ xiri fi flus kontanti, approvat mis-CFIC, skond liem Hynix “xtrat lura” d-dejn li kien dovut lill-kredituri tagħha bi skont. Fil-fatt, Hynix offriet li tħallas lura d-dejn tagħha kmieni, għalkemm b’rata mraħħsa. It-tieni xiri b’kontanti (“CBO” – cash buyout) sar f’Diċembru 2004. L-industrija Komunitarja allegat li dawn is-CBOs bi flus kontanti skontati kienu sussidju suġġett għal miżuri kumpensatorji.

    (70)

    Il-kredituri li xtaqu jipparteċipaw fis-CBO ta’ Ottubru qablu li Hynix tħallas lura 70 % tad-dejn mhux garantit dovut lilhom u 96 % ta’ kwalunkwe dejn garantit. Ir-rata ta’ roħs għad-dejn mhux garantit tnaqqset għal 21,84 % għas-CBO ta’ Diċembru.

    (71)

    L-evidenza fl-atti turi li l-parteċipazzjoni fis-CBOs kienet volontarja. Barra minn dan, mhemm ebda prova li tissuġġerixxi li l-imġiba tal-kredituri li kienu qed jipparteċipaw kienet kummerċjalment irraġonevoli għaliex l-iskont fuq id-dejn mhux garantit ġie kkumpensat bil-fatt ta’ ħlas lura kmieni u, għalhekk, il-valur fil-ħin tal-flus. Għalhekk is-CBOs ma jitqisux li jikkostitwixxu sussidju fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

    Trattament preferenzjali ta’ taxxa

    (72)

    L-industrija Komunitarja allegat li l-GOK ta trattament preferenzjali ta’ taxxa lil Hynix billi ma rrikjedihiex tirrikonoxxi l-kisbiet mit-tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet fir-ristrutturar il-ġdid bħala dħul. Għalkemm it-telf ta’ Hynix kien tali li fl-2003 ma kinitx tkun meħtieġa tħallas taxxa tal-kumpaniji wkoll kieku kienet irrikonoxxiet id-dħul mit-tpartit bħala dħul taxxabbli, l-industrija Komunitarja allegat li Hynix irċeviet benefiċċju għaliex, billi ma rrikonoxxietx il-kisba, ma naqqsitx l-estensjonijiet tat-telf tagħha, li mbagħad setgħet tpaċi kontra dħul taxxabbli fl-2005, meta bdiet tagħmel il-qliegħ.

    (73)

    It-trattament allegatament preferenzjali jirriżulta minn postponiment ta’ tibdil fil-liġi li kienet teħtieġ lill-kumpaniji taħt ristrutturar volontarju, bħal Hynix, jirrikonoxxu l-kisbiet minn tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet bħala dħul taxxabbli. L-industrija Komunitarja allegat li l-GOK oriġinalment kien bi ħsiebu jibdel il-leġiżlazzjoni biex din tidħol fis-seħħ f’Marzu 2003, u b’hekk jagħmel id-dħul mit-tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet ta’ Hynix wara r-ristrutturar il-ġdid dħul taxxabbli. L-industrija Komunitarja allegat li wara xi ilmenti minn għall-inqas waħda minn tliet kumpaniji direttament affettwati minn dan it-tibdil fil-liġi, li minnhom Hynix kienet waħda, il-GOK ippostpona d-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni l-ġdida għall-1 ta’ Jannar 2004. Hynix allegat li l-postponiment tad-data effettiva tad-dispożizzjoni l-ġdida sar meta l-GOK irrealizza li l-effett immedjat tad-deċiżjoni kienet tkun kontra l-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u għall-prattika stabbilita li d-dispożizzjonijiet tat-taxxa jidħlu fis-seħħ fil-bidu tas-sena fiskali.

    (74)

    L-industrija Komunitarja tenniet l-allegazzjonijiet tagħha fil-kummenti tagħha sottomessi wara l-iżvelar tal-fatti u s-sejbiet essenzjali ta’ l-investigazzjoni. Madankollu, mhemmx biżżejjed provi fl-atti ta’ l-intenzjoni tal-GOK li jiżgura li l-kisba ta’ Hynix mit-tpartit tagħha ta’ dejn għal azzjonijiet ma tiġix intaxxata jew li t-trattament allegatament preferenzjali kien, fil-fatt, speċifiku fis-sens ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Barra minn dan, huwa dubjuż jekk Hynix irċevietx xi benefiċċju minn din l-eżenzjoni ta’ taxxa minħabba d-daqs tat-telf nett ta’ l-operat u l-fatt li dawn jistgħu jitressqu ’l quddiem biss għal ħames snin. Eventwalment Hynix għamlet profitt fl-2005, iżda t-telf tagħha kien tali li, ukoll jekk il-kisbiet mit-tpartit tagħha ta’ dejn għal azzjonijiet ġew rikonoxxuti bħala dħul taxxabbli, il-bqija tat-tressiq ’il quddiem tat-telf xorta kien aktar minn biżżejjed biex jassorbi l-qligħ li sar fl-2005, u għalhekk, ebda benefiċċju ma kien jingħata lil Hynix matul (jew qabel) l-IP. Barra minn dan, minħabba li l-benefiċċju mit-tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet kien ikkumpensat “gross”, jiġifieri mingħajr ma tqies ebda impatt potenzjali fuq taxxa, kwalunkwe benefiċċju minn dan it-trattament preferenzjali ta’ taxxa diġà tqies u li jerġa’ jiġi kkumpensat ikun li jingħadd darbtejn. Għalhekk, it-trattament ta’ taxxa tat-tpartit ta’ Hynix ta’ dejn għal azzjonijiet mill-GOK ma tqiesx sussidju fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

    Il-finanzjament mill-ġdid f’Lulju 2005

    (75)

    F’Lulju 2005, Hynix iffinanzjat mill-ġdid KRW 1,2 triljun tad-dejn tagħha u ggradwat kmieni mis-CRPA. Ir-rifinanzjament involva self għal terminu ta’ USD 500 miljun, miġbura biruġ ta’ bonds fuq il-Borża ta’ New York, u ftehim ta’ kreditu li jirrivolvi ta’ KRW 250 biljun u USD 550 miljun bil-parteċipazzjoni ta’ banek Koreani u oħrajn barranin (il-‘finanzjament mill-ġdid ta’ Lulju 2005’). L-industrija Komunitarja allegat li l-finanzjament mill-ġdid ta’ Lulju 2005 jinvolvi sussidju ulterjuri, għaliex Hynix kienet għadha kumpanija b’ħafna dejn li ma kienx disponibbli finanzjament għaliha fis-suq.

    (76)

    Sa Lulju 2005, Hynix kienet kumpanija ħafna aktar f’saħħitha, għalkemm waħda b’ħafna dejn. Kienet reġgħet bdiet tagħmel il-qligħ u r-rata ta’ kreditu tagħha kienet BBB+. Il-provi fl-atti juru li t-termini tal-finanzjament ipprovdut mill-banek Koreani ma kinux inkonsistenti mar-rata ta’ kreditu tagħha. Barra minn dan, il-livell tal-parteċipazzjoni tal-banek barranin jappoġġja l-argument ta’ Hynix li l-finanzjament mill-ġdid sar fuq termini kummerċjali. Barra minn dan ma kien hemm ebda prova ta’ kariga jew direzzjoni tal-banek Koreani dwar is-self estiż għal Hynix skond dan il-finanzjament mill-ġdid. Għalhekk, il-finanzjament mill-ġdid ta’ Lulju 2005 ma jitqiesx li huwa sussidju fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

    XII.   Il-konklużjoni dwar il-miżuri

    (77)

    Il-benefiċċju mis-sussidji suġġetti għal miżuri kumpensatorji fl-investigazzjoni oriġinali tqies li kien irċevut fl-1 ta’ Jannar 2001 u ġie allokat tul perjodu ta’ ħames snin, li kkorrispondew għall-perjodu normali ta’ deprezzament ta’ l-assi fl-industrija tas-semikondutturi.

    (78)

    Il-miżuri imposti fl-investigazzjoni oriġinali kellhom x’jaqsmu ma’ sussidji ta’ darba li ma jerġgħux iseħħu, allokati tul perjodu ta’ żmien fiss u ladarba l-perjodu ta’ l-allokazzjoni jitqies li jibda fil-ħin li l-benefiċċju attwalment ġie rċevut, ġie meqjus li l-miżuri imposti mir-Regolament dwar id-dazju definittiv skadew fl-1 ta’ Jannar 2006. Minħabba li l-estensjoni tad-dejn u l-interessi kkapitalizzati ta’ Diċembru 2002 waqfu li jagħtu benefiċċju lil Hynix fit-13 ta’ Lulju 2005 u ladarba t-tpartit ta’ dejn għal azzjonijiet ta’ Diċembru 2002 skada fil-31 ta’ Diċembru 2007, il-miżuri għandhom jiġu mħassra b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2007 u l-proċeduri għandhom jiġu mitmuma.

    (79)

    B’konsegwenza, id-dazju definittiv kumpensatorju mħallas jew imdaħħal fil-kotba skond ir-Regolament (KE) Nru 1480/2003 dwar l-importazzjoni ta’ ċerti mikroċirkwiti elettroniċi integrati magħrufa bħala DRAM (dynamic random access memories – memorji dinamiċi b’aċċess każwali) manifatturati bl-użu ta’ varjazzjonijiet tat-teknoloġija tal-proċess ta’ semikondutturi ta’ l-ossidu tal-metall (MOS – metal oxide-semiconductors) inklużi tipi ta’ MOS komplementarji (CMOS), ta’ kull tip, densità, varjazzjoni, aċċess, veloċità, konfigurazzjoni, ippakkjar jew qafas, eċċ., li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u rilaxxjati għal ċirkolazzjoni ħielsa sa mill-31 ta’ Diċembru 2007 għandu jitħallas lura jew jitnaqqas.

    (80)

    Hynix, il-GOK, l-industrija Komunitarja u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha ġew mgħarrfa dwar il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġi rrakkomandat it-tħassir tal-miżuri fis-seħħ u t-terminazzjoni tal-proċediment u kellhom l-opportunità li jikkummentaw. Fejn xieraq, dawn il-kummenti ġew indirizzati fit-taqsimiet ta’ dan ir-Regolament li ttrattaw speċifikament il-kwistjonijiet imqajma.

    (81)

    Ħlas mill-ġdid jew rifużjoni trid tintalab mill-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana skond il-leġiżlazzjoni applikabbli tad-dwana.

    (82)

    Fil-kummenti tagħha, l-industrija Komunitarja allegat ukoll li l-miżuri għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu f’Awissu 2008, ħames snin wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi sabiex jiġi tpaċut is-sussidju suġġett għal miżuri kumpensatorji u jikkwotaw l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku biex isostnu din l-allegazzjoni. Iżda, l-Artikolu 19 li jistipula inter alia l-possibbiltà li l-miżuri jiġu mħassra jekk m’għadhomx meħtieġa biex jiġi kumpensat is-sussidju. Barra minn dan, l-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku, li jipprovdi l-bażi għall-impożizzjoni tal-miżuri, jgħid li l-miżuri jistgħu jiġu imposti – u b’analoġija, jinżammu – “sakemm is-sussidju jew is-sussidji jkunu rtirati jew ikun ġie muri li s-sussidji m’għadhomx aktar jagħtu xi benefiċċju lill-esportaturi involuti.” Ladarba r-riżultat ta’ l-investigazzjoni tindika li s-sussidji mogħtija lil Hynix waqfu jagħtu benefiċċju, il-miżuri ma jistgħux jinżammu fis-seħħ u l-allegazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja għandha tiġi miċħuda,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Id-dazju kompensatorju impost fuq l-importazzjoni ta’ xi ċirkwiti elettroniċi integrati magħrufa bħala Memorji Dinamiċi b’Aċċess Każwali – Dynamic Random Access Memories (DRAMs) manifatturati bl-użu ta’ varjazzjonijiet tat-teknoloġija tal-proċess tas-semikondutturi ta’ l-ossidu tal-metall (MOS), inkluż tipi ta’ MOS kumplimentarji (CMOS), ta’ kull tip, densità, varjazzjoni, aċċess, veloċità, konfigurazzjoni, ippakkjar jew qafas, eċċ., li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea impost mir-Regolament (KE) Nru 1480/2003 huwa mħassar sa mill-31 ta’ Diċembru 2007 u l-proċediment huwa mitmum.

    Artikolu 2

    Id-dazji ta’ kontrobilanċ definittivi mħallsa jew imdaħħla fil-kontijiet skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1480/2003 mill-31 ta’ Diċembru 2007 għandhom jitħallsu lura jew jiġu rifonduti, b’konformità ma’ l-Artikolu 236 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (10). Il-ħlas lura jew rifużjoni għandha tintalab mill-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana skond il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 7 ta’ April 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. ŽERJAV


    (1)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

    (2)  ĠU L 212, 22.8.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2116/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 7).

    (3)  ĠU L 102, 24.4.2003, p. 7.

    (4)  WT/DS299/R European Communities – Countervailing Measures on Dynamic Random Access Memory Chips from Korea, [Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri Kompensatorji dwar Ċipep tal-Memorja Dinamika b’Aċċess Każwali] adottat fit-3 ta’ Awissu 2005.

    (5)  ĠU L 103, 12.4.2006, p. 1.

    (6)  ĠU C 67, 18.3.2006, p. 16.

    (7)  Kangwon Lee, CEO tal-KEB “I will not tell”, Maeil Business Newspaper, 23 ta’ Awissu 2002.

    (8)  Ir-Rapport tal-Panel KE-Korea dwar id-DRAMS, Para 7.212.

    (9)  Ġappun – Korea DRAMs WT/DS336/R Rapport tal-Panel Para 7.283 – 7.298.

    (10)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


    Top