EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0237

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 237/2008 ta’ l- 10 ta’ Marzu 2008 li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 tad-dazju antidumping fuq importazzjonijiet tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina, inter alia , fl-Ukraina

ĠU L 75, 18.3.2008, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/237/oj

18.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 75/8


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 237/2008

ta’ l-10 ta’ Marzu 2008

li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 tad-dazju antidumping fuq importazzjonijiet tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina, inter alia, fl-Ukraina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Fit-22 ta’ Jannar 2001, il-Kunsill impona, bir-Regolament (KE) Nru 132/2001 (2), dazju definittiv ta’ l-antidumping (il-“miżuri eżistenti”) ta’ EUR 33,25 kull tunnellata fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat ta’ l-ammonju li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 u 3102 40 90 u li joriġina, inter alia, fl-Ukraina. L-investigazzjoni li wasslet għal miżuri eżisteni se tiġi riferuta bħala “l-investigazzjoni oriġinali”.

(2)

Fis-17 ta’ Mejju 2004, wara reviżjoni interim parzjali, permezz tar-Regolament (KE) Nru 993/2004 (3) il-Kunsill eżenta mid-dazji antidumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 132/2001 l-importazzjonijiet lejn il-Komunità tal-prodott ikkonċernat immanifatturat mill-kumaniji li minn għandhom ġew aċċettati impenji mill-Kummissjoni. Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1001/2004 (4), ġew aċċettati impenji għal perjodu ta’ sitt xhur u permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1996/2004 (5) għal perjodu ulterjuri sa l-20 ta’ Mejju 2005. L-għan ta’ dawn l-impenji kien li jitqiesu ċerti konsegwenzi tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea għal 25 Stat Membru fl-1 ta’ Mejju 2004.

(3)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 945/2005, wara reviżjoni interim limitata fl-ambitu għad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-Kunsill iddeċieda li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat għandha tiġi ċċarata u li l-miżuri fis-seħħ għandhom japplikaw għall-prodott ikkonċernat meta jiġi inkorporat ma’ fertilizzanti oħra, bi proporzjon mal-kontenut ta’ nitrat ta’ l-ammonju tagħhom, flimkien ma’ sustanzi u nutrijenti oħra marġinali.

(4)

Wara reviżjoni ta’ skadenza mibdija f’Jannar 2006, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 442/2007 (6), ġedded dawn il-miżuri fil-livell attwali tagħhom għal sentejn. Il-miżuri jikkonsistu f’dazji speċifiċi.

2.   Talba għal reviżjoni

(5)

Tressqet talba għal reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku mill-Open Joint Stock Company (OJSC) Azot Cherkassy (“l-applikant”), produttur esportatur mill-Ukraina. Ir-reviżjoni kienet limitata fl-ambitu għad-dumping sa fejn għandu x’jaqsam l-applikant.

(6)

Fit-talba tiegħu skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, l-applikant iddikjara li ċ-ċirkustanzi fir-rigward ta’ dumping, li fuqhom ġew stabbiliti l-miżuri fis-seħħ, kienu nbidlu u li dawn il-bidliet kienu ta’ natura dejjiema. L-applikant allega wkoll li t-tqabbil tal-valur normali bbażat fuq l-ispejjeż jew il-prezzijiet domestiċi u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tiegħu stess lejn il-Komunità jkun iwassal għal tnaqqis ta’ dumping ‘l isfel sew mil-livell tal-miżuri attwali. Għaldaqstant, huwa ddikjara li l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri fil-livelli eżistenti, li kienu bbażati fuq il-livell ta’ dumping stabbilit qabel, ma kienitx aktar meħtieġa biex tikkumpensa għad-dumping.

3.   Investigazzjoni

(7)

Wara li stabbiliet, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li t-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie, il-Kummissjoni ħabbret fid-19 ta’ Diċembru 2006 il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku permezz ta’ avviż ta’ inizjazzjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (7).

(8)

Ir-reviżjoni kienet limitata fl-ambitu għall-eżami tad-dumping fir-rigward ta’ l-applikant. L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2005 sat-30 ta’ Settembru 2006 (‘il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni’ jew “PIR”).

(9)

Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-applikant, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u lill-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Komunità dwar il-bidu tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ inizjazzjoni.

(10)

Il-partijiet interessati kollha li talbu hekk u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu ingћataw seduta ta’ smigħ.

(11)

Biex tikseb it-tagħrif li qieset meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarju lill-applikant u rċeviet it-tweġiba fi żmien l-iskadenza stipulata għal dan l-għan.

(12)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għad-determinazzjoni tad-dumping. Il-Kummissjoni wettqet żjarat ta’ verifika fil-proprjetà ta’ l-applikant f’Cherkassy.

(13)

Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li jiġi rrakkomandat li r-reviżjoni attwali tintemm u li l-miżuri antidumping eżistenti jinżammu fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-applikant u dawn il-partijiet ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti li waslu tqiesu u ttieħdu f’kunsiderazzjoni, fejn xieraq.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(14)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess kif hemm fl-investigazzjoni oriġinali kif iċċarat mir-Regolament (KE) Nru 945/2005 jiġifieri fertilizzanti solidi b’kontenut ta’ nitrat ta’ l-ammonju li ma jaqbiżx it-80 % bil-piż li joriġina fl-Ukraina, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “NA”). L-NA huwa fertilizzant solidu tan-nitroġenu li jintuża l-aktar fl-agrikoltura. Huwa mmanifatturat mill-ammonja u mill-aċidu nitriku, u l-kontenut tan-nitroġenu tiegħu jaqbeż it-28 % bil-piż fil-forma kristallizzata jew granulari.

2.   Prodott simili

(15)

Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, din l-investigazzjoni tar-reviżjoni kkonfermat li l-NA huwa prodott ta’ komodità pur, u l-kwalità tiegħu u l-karatteristiċi fiżiċi bażiċi tiegħu huma identiċi jkun xi jkun il-pajjiż ta’ oriġini. L-NA manifatturat u mibjugħ mill-applikant fis-suq domestiku tiegħu fl-Ukraina u dak esportat lejn il-Komunità għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u essenzjalment l-istess użi. Għalhekk, dawn il-prodotti jitqiesu li huma prodotti simili fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. Billi r-reviżjoni attwali kienet limitata għad-determinazzjoni ta’ dumping sa fejn għandu x’jaqsam l-applikant, ma ntlaħqet l-ebda konklużjoni fir-rigward tal-prodott immanifatturat u mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju.

C.   RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI

1.   Valur normali

(16)

Biex ikun stabbilit il-valur normali, l-ewwel ġie vverifikat li l-bejgħ domestiku totali ta’ l-applikant kien rappreżentattiv skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri li l-volum totali ta’ dan il-bejgħ kien jirrappreżenta l-5 % tal-volum totali tal-bejgħ mill-esportazzjoni ta’ l-applikant lejn il-Komunità. L-investigazzjoni wriet li l-applikant biegħ tip wieħed biss ta’ NA u li dan it-tip kien mibjugħ fi kwantitatjiet rappreżentattivi fis-suq domestiku.

(17)

Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat jekk il-bejgħ domestiku ta’ NA setax jitqies li sar tul l-andament normali tal-kummerċ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, billi qabblet il-prezz tal-bejgħ nett domestiku ma’ l-ispiża kkalkolata ta’ produzzjoni.

(18)

Meta ġiet ivvalutata l-ispiża ta’ produzzjoni ta’ l-applikant, instab li l-ispejjeż tal-gass ma kienux riflessi b’mod raġjonevoli fir-reġistri ta’ l-applikant. Ta’ min jinnota li l-ispejjeż fl-enerġija, bħall-gass, jirrappreżentaw proporzjon ewlieni ta’ l-ispiża tal-manifattura u proporzjon sinifikanti ta’ l-ispiża totali tal-produzzjoni.

(19)

Fir-rigward ta’ l-ispejjeż tal-gass, instab li l-Ukraina qed timporta l-biċċa l-kbira tal-gass ikkunsmat fil-produzzjoni ta’ l-NA mir-Russja. F’dan ir-rigward, id-data kollha disponibbli tindika li l-Ukraina timporta l-gass naturali mir-Russja bi prezzijiet li huma ferm inqas mill-prezzijiet tas-suq imħallsa fi swieq mhux regolati għall-gass naturali. L-investigazzjoni żvelat li l-prezz tal-gass naturali mir-Russja meta jiġi esportat lejn il-Komunità jkun bejn wieħed u ieħor darbtejn ogħla mill-prezz tal-gass domestiku fl-Ukraina. Għaldaqstant, kif previst fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, l-ispejjeż tal-gass imħallsa mill-applikant ġew aġġustati fuq il-bażi ta’ tagħrif minn swieq oħra rappreżentattivi.

(20)

Wara l-iżvelar, l-applikant sostna li kull aġġustament fuq il-prezz tal-gass tiegħu mħallas fis-suq domestiku ma jkunx iġġustifikat għax ir-reġistri ta’ kontabilità tal-kumpanija jirriflettu bis-sħiħ l-ispejjeż marbuta ma’ l-attività ta’ produzzjoni u bejgħ tal-prodott simili fil-pajjiż ta’ l-oriġini.

(21)

Madankollu, meta tiġi eżaminata l-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott simili skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi stabbilit jekk l-ispejjeż kif imniżżla fil-kontijiet tal-kumpanija jirriflettux b’mod raġjonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat. Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq fil-premessa (19), instab li dan ma kienx il-każ.

(22)

Barra minn hekk, l-applikant iddikjara li l-valur normali tiegħu għandu jkun ibbażat fuq il-bejgħ tiegħu tal-prodott ikkonċernat fis-suq domestiku tiegħu u allega li ma hemm l-ebda raġuni biex jitqies li dan il-bejgħ ma sarx tul l-andament normali tal-kummerċ. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li biex jiġi stabbilit jekk il-bejgħ domestiku sarx tul l-andament normali tal-kummerċ minħabba l-prezz, jiġifieri jekk ħalliex qligħ, l-ewwel irid jiġi stabbilit jekk l-ispejjeż ta’ l-applikant kienux bażi affidabbli fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Wara li jiġu stabbiliti l-ispejjeż b’mod affidabbli biss, jista’ jiġi determinat liema metodoloġija għandha tintuża biex ikun stabbilit il-valur normali. Kif deskritt fil-qosor fil-premessi (28) u s-segwenti, billi t-tqabbil tal-prezz tal-bejgħ nett domestiku ma’ l-ispiża aġġustata ta’ produzzjoni matul il-PIR wera li ma sar l-ebda bejgħ domestiku tul l-andament normali tal-kummerċ. Il-prezzijiet domestiċi ta’ l-applikant ma setgħux jintużaw biex ikun stabbilit il-valur normali.

(23)

L-applikant argumenta wkoll li l-investigazzjoni kienet ibbażata fuq data matul il-PIR u li l-konklużjonijiet għalhekk ma qiesux l-iżviluppi wara dan il-perjodu bħalma huma, b’mod partikolari, iż-żieda kontinwa ta’ prezzijiet tal-gass u ż-żieda fil-konsum domestiku ta’ fertilizzanti fl-Ukraina. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, għall-għan ta’ sejba rappreżentattiva, għandu jintgħażel perjodu ta’ investigazzjoni li, fil-każ ta’ dumping għandu, normalment, ikopri perjodu ta’ mhux inqas minn sitt xhur eżatt qabel il-bidu tal-proċediment. Ta’ min ifakkar ukoll li b’konformità mal-prassi normali tal-Komunità, il-PIR dwar id-dumping kien idum sena.

(24)

Ġie eżaminat jekk l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-gass fl-Ukraina wara l-PIR kellux jitqies meta ġie stabbilit il-marġni ta’ dumping ta’ l-applikant. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, it-tagħrif marbut ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni, normalment, ma jitqiesx. B’konformità mal-prassi konsistenti tal-Komunità, dan ġie interpretat li jfisser, li l-avvenimenti marbuta ma’ perjodu sussegwenti għall-PI jistgħu jitqiesu biss jekk ikunu jidru, ċerti u dejjiema. F’dan ir-rigward, minkejja li wara l-PIR setgħet tiġi osservata żieda fil-prezzijiet tal-gass, ma setax jiġi stabbilit b’biżżejjed ċertezza li din iż-żieda fil-prezz kienitx tabilħaqq ta’ natura dejjiema. Instab li t-tagħrif disponibbli dwar l-iżviluppi futuri tal-prezzijiet tal-gass fl-Ukraina kien jikkonsisti biss fi stimi minflok f’tagħrif verifikabbli relatat mal-prezzijiet proprji tal-gass. L-Artikolu 6(1) jippermetti l-użu ta’ tagħrif u data barra l-PI (jew f’każijiet ta’ reviżjonijiet il-PIR) biss taħt ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna. Il-qagħda fil-każ attwali ma ġietx meqjusa biex ikun iġġustifikat l-użu ta’ data jew tagħrif barra l-PIR. Barra minn hekk, l-applikant ma ssostanzjax l-argumenti tiegħu billi ma ġiet imressqa l-ebda evidenza li turi li d-data relatata ma’ perjodu wara l-PIR hija aktar rappreżentattiva minn dik relatata mal-PIR. L-argument għaldaqstant ma ntlaqax.

(25)

Fir-rigward li l-konsum ta’ fertilizzanti fl-Ukraina żdied wara l-PIR, l-applikant ma spjegax jew ma weriex sa liema punt dan il-fatt jista’ jkollu impatt fuq is-sejbiet li saru fuq il-bażi tat-tagħrif marbut mal-PIR. Għaldaqstant, l-applikant ma ppreżentax biżżejjed tagħrif li fuq il-bażi tiegħu setgħu jitfasslu konklużjonijiet sinifikanti, u lanqas ma kien disponibbli xi tagħrif ieħor li seta’ jappoġġja d-dikjarazzjoni ta’ l-applikant f’dan ir-rigward. Billi kull konklużjoni fuq din il-bażi kienet tkun spekulattiva d-dikjarazzjoni ta’ l-applikant ma ntlaqgħetx.

(26)

Il-prezz aġġustat tal-gass kien ibbażat fuq il-prezz medju tal-gass Russu meta nbiegħ għall-esportazzjoni fuq il-fruntiera Ġermaniża/Ċeka (Waidhaus), esklużi l-ispejjeż ta’ trasport. Waidhaus, billi huwa ċentru ewlieni għall-bejgħ tal-gass Russu lill-UE, li hija kemm l-ikbar suq għall-gass Russu kif ukoll għandha prezzijiet li jirriflettu b’mod raġjonevoli l-ispejjeż, jista’ jitqies bħala suq rappreżentattiv fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

(27)

L-applikant argumenta wkoll li l-Ukraina tixtri l-gass b’kundizzjonijiet tas-suq simili għal dawk tal-Komunità u li l-prezzijiet imħallsa għall-gass mill-applikant fl-2007 kienu ogħla mill-prezz tal-gass fil-fruntiera ta’ l-Ukraina u r-Russja fl-istess perjodu. Madankollu, l-applikant ma ppreżenta l-ebda evidenza biex jissostanzja d-dikjarazzjonijiet tiegħu u għalhekk naqas milli juri li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-premessa (24) biex jitqiesu l-avvenimenti marbuta ma’ perjodu sussegwenti għall-PIR huma sodisfatti. L-argument għaldaqstant ma ntlaqax.

(28)

It-tqabbil tal-prezz tal-bejgħ nett domestiku ma’ l-ispiża aġġustata ta’ produzzjoni matul il-PIR wera li ma sar l-ebda bejgħ domestiku tul l-andament normali tal-kummerċ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(29)

Għalhekk ġie kkunsidrat li l-prezzijiet domestiċi ma pprovdewx bażi xierqa għall-istabbiliment tal-valur normali u kellu jiġi applikat metodu ieħor. Skond l-Artikoli 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien mibni billi ma’ l-ispejjeż tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat ta’ l-applikant, aġġustati fejn meħtieġ kif imsemmi fil-premessa (19), jiġi miżjud ammont raġjonevoli għall-ispejjeż ġenerali, amministrattivi u ta’ bejgħ (“SG&A”) u ammont raġjonevoli għall-qligħ.

(30)

L-ispejjeż SG&A u l-qligħ ma setgħux jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-kliem ta’ introduzzjoni ta’ l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku għax l-applikant ma kellux bejgħ domestiku rappreżentattiv tal-prodott ikkonċernat tul l-andament normali tal-kummerċ. L-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku ma setax jigi applikat, minħabba li l-applikant biss huwa suġġett għall-investigazzjoni. Lanqas l-Artikolu 2(6)(b) ma seta’ jiġi applikat, minħabba li n-nefqa tal-manifattura ta’ l-applikant għal prodotti li jappartjenu għall-istess kategorija ġenerali ta’ oġġetti kellha tiġi aġġustata wkoll fir-rigward ta’ l-ispejjeż tal-gass, għar-raġunijiet indikati fil-premessa (19). Għalhekk, l-ispejjeż SG&A u l-qligħ ġew stabbiliti skond l-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku.

(31)

Is-suq ta’ l-Amerika ta’ Fuq wera volum sinifikanti ta’ bejgħ domestiku u livell konsiderevoli ta’ kompetizzjoni kemm minn kumpaniji lokali kif ukoll minn dawk barranin. Minħabba f’hekk, ingħatat konsiderazzjoni lil tagħrif disponibbli pubblikament u relatat ma’ kumpaniji ewlenin li jaħdmu fis-settur tan-negozju tal-fertilizzanti. Instab li d-data korrispondenti minn produtturi mill-Amerika ta’ Fuq (l-Istati Uniti u l-Kanada) tkun l-aktar xierqa għall-għan ta’ l-investigazzjoni, minħabba t-tagħrif finanzjarju pubbliku affidabbli u komplet li hemm estensivament disponibbli mingħand kumpaniji mniżżla f’dan ir-reġjun tad-dinja. Għalhekk l-ispejjeż SG&A u l-qligħ ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż SG&A u l-qligħ tal-medja bil-piż differenzjat minn tliet produtturi mill-Amerika ta’ Fuq, li nstab li kienu fost l-akbar kumpaniji fis-settur tal-fertilizzanti tan-nitroġenu, fejn għandu x’jaqsam il-bejgħ domestiku tagħhom fl-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti (fertilizzanti tan-nitroġenu). Dawn it-tliet produtturi kienu meqjusa bħala rappreżentattivi tan-negozju tal-fertilizzanti tan-nitroġenu u l-ispejjeż SG&A u l-qligħ permezz tagħhom kienu rappreżentattivi ta’ dawk li normalment isiru minn kumpaniji li jaħdmu b’suċċess f’dan is-settur ta’ negozju. Ta’ min jinnota li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-ammont ta’ qligħ hekk stabbilit qabeż il-qligħ li sar minn produtturi Ukrajni oħra fuq bejgħ ta’ prodotti ta’ l-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tagħhom.

(32)

Wara l-iżvelar l-applikant allega li kien hemm differenza sinifikanti bejn il-qagħda tas-suq ta’ l-Amerika ta’ Fuq u ta’ l-Ukraina. L-applikant madankollu naqas milli jispjega d-differenza allegata u li jissostanzja d-dikjarazzjonijiet tiegħu. Hu naqas ukoll milli jipproponi xi bażi raġjonevoli oħra għall-kalkoli, li fin-nuqqas tagħha dan l-argument ma setax jintlaqa’.

2.   Ħlas ta’ l-esportazzjoni

(33)

Billi l-prodott ikkonċernat ġie esportat lil klijenti indipendenti fil-Komunità, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezz ta’ esportazzjoni effettivament imħallas jew dovut.

3.   Tqabbil

(34)

Il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni tqabblu fuq il-bażi ta’ xogħlijiet li saru u fl-istess livell ta’ kummerċ. Bl-għan li jsir tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, saru l-konċessjonijiet dovuti f’forma ta’ aġġustamenti għal differenzi li jaffettwaw il-prezz u t-tqabbil tal-prezz skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, saru aġġustamenti għal differenzi fit-trasport, ġarr, tagħbija u spejjeż anċillari, fejn applikabbli u appoġġjati minn evidenza verifikata.

(35)

Wara l-iżvelar l-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Komunità argumentat li t-tariffi tal-ferrovija fl-Ukraina għat-trasport, inter alia, tal-prodott ikkonċernat meta jiġi esportat lejn il-Komunità kienu artifiċjalment baxxi u għalhekk kellhom jiġu aġġustati. L-investigazzjoni ma żvelatx madankollu li l-ispejjeż tat-trasport fl-Ukraina ma kienux riflessi b’mod raġjonevoli fir-reġistri ta’ l-applikant. Għalhekk din id-dikjarazzjoni ma setgħetx tintlaqa’.

4.   Marġni ta’ dumping

(36)

Il-marġni ta’ dumping kien stabbilit fuq il-bażi ta’ tqabbil ta’ valur normali tal-medja bil-piż differenzjat ma’ prezz ta’ esportazzjoni tal-medja bil-piż differenzjat, skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku.

(37)

It-tqabbil wera marġni ta’ dumping ta’ 38.2 %, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas.

5.   In-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula

(38)

Skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, saret analiżi dwar jekk il-bidla fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tad-dumping jistax wieħed jgħid li hi ta’ natura dejjiema.

(39)

F’dan il-kuntest, ġie nnutat li l-marġni ta’ dumping li japplika bħalissa għall-applikant ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali billi ntuża valur normali stabbilit fuq il-bażi ta’ data miksuba minn produttur f’ekonomija tas-suq ta’ pajjiż terz skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku. Madankollu, fir-reviżjoni attwali l-valur normali ġie kkalkolat fuq il-bażi ta’ tagħrif relatat mad-data ta’ l-applikant stess skond l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, wara li l-Ukraina ngħatat l-istatus ta’ ekonomija tas-suq (emenda tar-Regolament bażiku bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005).

(40)

Ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-livell tal-valur normali jew il-prezz ta’ esportazzjoni stabbilit għall-applikant fl-investigazzjoni attwali ma setax jitqies ta’ natura dejjiema. Jista’ jiġi argumentat li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-gass naturali bħala l-materja prima ewelenija jista’ jkollha influwenza sinifikanti fuq il-valur normali. Madankollu, ġie meqjus li l-effett taż-żieda fil-prezz ikun jaffettwa l-atturi kollha fis-suq u għalhekk ikollu impatt kemm fuq il-valur normali kif ukoll fuq il-prezz ta’ esportazzjoni.

(41)

Il-prezz ta’ esportazzjoni ta’ l-applikant lejn il-Komunità matul il-PIR instab li kien simili ta’ dak ta’ l-esportazzjonijiet tiegħu lejn pajjiżi oħra, fejn inbiegħu kwantitajiet konsiderevolment ogħla matul il-PIR.

(42)

Għaldaqstant, minkejja li l-marġni ta’ dumping li nstab fil-PIR huwa bbażat fuq volum relattivament baxx ta’ esportazzjonijiet ta’ l-applikant lejn il-Komunità, hemm raġunijiet biex il-marġni ta’ dumping li nstab jitqies li hu bbażat fuq ċirkustanzi mibdula ta’ natura dejjiema.

D.   TMIEM TAR-REVIŻJONI

(43)

Billi fl-investigazzjoni oriġinali d-dazju kien impost f’forma ta’ ammont speċifiku kull tunnellata, dan għandu jkollu l-istess forma fl-investigazzjoni attwali. Id-dazju kkalkolat fuq il-bażi tal-marġni attwali ta’ dumping ikun ta’ EUR 47 kull tunnellata.

(44)

Ta’ min ifakkar li, kif deskritt fil-qosor fil-premessa (59) tar-Regolament (KE) Nru 132/2001, meta ġew imposti miżuri definittivi fl-2001, il-marġni ta’ ħsara ntuża biex ġie stabbilit l-ammont tad-dazju definittiv li kellu jiġi impost skond ir-regola ta’ l-inqas dazju. Kif definit mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 442/2007, id-dazju fis-seħħ bħalissa qed jiddependi fuq it-tip ta’ prodott speċifiku u jvarja bejn EUR 29.26 kull tunnellata u EUR 33.25 kull tunnellata.

(45)

Billi d-dazju stabbilit fuq il-bażi tal-marġni attwali ta’ dumping huwa ogħla mid-dazju attwali, ir-reviżjoni għandha tintemm mingħajr ma jiġi emendat il-livell tad-dazju applikabbli għall-applikant, li għandu jinżamm fil-livell tar-rata ta’ dazju definittiv ta’ l-antidumping stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali.

E.   IMPENJI

(46)

L-applikant esprima interess li joffri impenn iżda naqas milli jressaq offerta ta’ impenn issostanzjata biżżejjed fi żmien l-iskadenzi stipulati fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant ma setgħet tintlaqa’ l-ebda offerta ta’ impenn mill-Kummissjoni. Madankollu, wieħed iqis li l-kumplessità ta’ diversi kwistjonijiet, jiġifieri (1) il-volatilità tal-prezz tal-prodott ikkonċernat li tkun teħtieġ xi forma ta’ indiċjar tal-prezzijiet minimi, filwaqt li l-volatilità mhijiex spjegata biżżejjed mill-fattur ewlieni fl-ispiża; u (2) il-qagħda partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat (inter alia, li hemm importazzjonijiet limitati mill-esportatur suġġetti għal din ir-reviżjoni) tindika l-ħtieġa li jitqies jekk impenn li jgħaqqad flimkien prezz minimu indiċjat u limitu kwantitattiv ikunx fattibbli.

(47)

Kif imsemmi hawn fuq, minħabba din il-kumplessità l-applikant ma setax jifformula offerta ta’ impenn aċċettabbli fi żmien l-iskadenza statutorja. Konsegwentement, il-Kunsill iqis li l-applikant għandu b’mod eċċezzjonali jitħalla jlesti l-offerta ta’ impenn tiegħu lil hinn miż-żmien statutorju ta’ l-iskadenza iżda fi żmien għaxart ijiem kalendarji mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

F.   ŻVELAR

(48)

Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li tintemm ir-reviżjoni attwali u li jinżamm id-dazju antidumping eżistenti fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat mill-applikant. Il-partijiet kollha ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti tagħhom ġew meqjusa meta kienu ġġustifikati u ssostanzjati b’evidenza.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu Uniku

L-interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti solidi b’kontenut ta’ nitrat ta’ l-ammonju li jaqbeż it-80 % bil-piż li joriġina fl-Ukraina, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91, li ngħata bidu skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, qiegħed hawnhekk jitwaqqaf mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri antidumping fis-seħħ.

Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-seħħ l-għada ta’ meta ssir il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1 Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 23, 25.1.2001, p. 1. Ir-Regolamemt hekk kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 945/2005 (ĠU L 160, 23.6.2005, p. 1).

(3)  ĠU L 182, 19.5.2004, p. 28.

(4)  ĠU L 183, 20.5.2004, p. 13.

(5)  ĠU L 344, 20.11.2004, p. 24.

(6)  ĠU L 106, 24.4.2007, p. 1.

(7)  ĠU C 311, 19.12.2006, p. 57.


Top